20.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 299/49 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1928
tad-19 ta’ Novembru 2019
li jadatta r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2019 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/916
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/916 (2) iffissa r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tas-sena kalendarja 2019. Din ir-rata ta’ aġġustament kienet ġiet stabbilita abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-Abbozz ta’ Baġit għall-2020, b’mod partikolari billi ġie kkunsidrat ammont ta’ dixxiplina finanzjarja ta’ EUR 478 miljun għar-riżerva tal-kriżijiet fis-settur agrikolu msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. |
(2) |
Madankollu, filwaqt li l-ħtieġa għal dixxiplina finanzjarja tibqa’ ta’ EUR 478 miljun għar-riżerva tal-kriżijiet fis-settur agrikolu, l-informazzjoni disponibbli b’rabta mal-Ittra Emendatorja Nru 1 tal-Kummissjoni tal-Abbozz ta’ Baġit għall-2020 li tkopri l-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq, turi li jeħtieġ li tiġi adattata r-rata tad-dixxiplina finanzjarja stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/916. |
(3) |
B’hekk, abbażi tal-informazzjoni l-ġdida fil-pussess tal-Kummissjoni, jixraq li r-rata ta’ aġġustament tiġi adattata skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, qabel l-1 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li tapplika għaliha r-rata ta’ aġġustament. |
(4) |
Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu fi żmien perjodu fiss tal-pagamenti fis-sena finanzjarja (N+1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sa ċerti limiti, iħallsu l-pagamenti lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti. Dawn il-pagamenti li jsiru tard jistgħu jsiru f’sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament ma tiġix applikata għal dawk il-pagamenti li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għalihom ikunu ġew ippreżentati fi snin kalendarji li ma jkunux is-sena kalendarja li tapplika għaliha d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, jixraq li jiġi previst li r-rata ta’ aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom ikunu ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna fis-sena kalendarja li tapplika għaliha d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa. |
(5) |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li r-rata ta’ aġġustament applikata għall-pagamenti diretti stabbilita skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 trid tapplika biss għall-pagamenti diretti li jaqbżu l-EUR 2 000 u li jridu jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta’ aġġustament trid tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta’ Jannar 2022 biss. Għaldaqstant jenħtieġ li r-rata ta’ aġġustament li trid tiġi stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament ma tapplikax għall-pagamenti lill-bdiewa f’dak l-Istat Membru. |
(6) |
Għall-kalkolu tal-pagamenti kollha li jridu jingħataw lil bidwi għal applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata għas-sena kalendarja 2019, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata r-rata ta’ aġġustament adattata. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/916 jitħassar għaċ-ċarezza. |
(7) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Diċembru 2019 sabiex jiġi żgurat li r-rata ta’ aġġustament adattata tkun tapplika mid-data meta jridu jibdew isiru l-pagamenti lill-bdiewa skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Għall-fini li tiġi ffissata r-rata ta’ aġġustament prevista fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti ta’ pagamenti diretti li jaqbżu l-EUR 2 000 fil-qafas tal-iskemi ta’ sostenn elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jridu jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata għas-sena kalendarja 2019, għandhom jitnaqqsu b’rata ta’ aġġustament ta’ 1,432635 %.
2. It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-Kroazja.
Artikolu 2
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/916 jitħassar.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/916 tal-4 ta’ Ġunju 2019 li jiffissa r-rata ta’ aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2019 (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 98).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).