31.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/27


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1829

tat-30 ta’ Ottubru 2019

li jemenda d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-kuntratti ta’ provvisti, servizzi u xogħlijiet, u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE (2), il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-Ftehim”) (3) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Huwa japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-limiti stabbiliti”) stipulati fil-Ftehim u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.

(2)

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/25/UE huwa li l-entitajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva, ikunu jistgħu, fl-istess waqt, jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, kull sentejn il-Kummissjoni trid tivverifika li l-limiti stabbiliti għall-kuntratti u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fil-Ftehim. Billi l-valur tal-limiti stabbiliti kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE huwa differenti mill-valur tal-limiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, jeħtieġ li dawn il-limiti stabbiliti jiġu riveduti.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/25/UE huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (a), “EUR 443 000” huwa sostitwit b’“EUR 428 000”;

(2)

fil-punt (b), “EUR 5 548 000” huwa sostitwit b’“EUR 5 350 000”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1).

(3)  ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2.