26.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/19 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1584
tal-25 ta' Settembru 2019
li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni ta' miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 fuq l-importazzjonijiet ta' perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li m'humiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
A. INVESTIGAZZJONI EX OFFICIO
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, li tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta' perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex tagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni. |
B. PRODOTT
(2) |
Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa perossosulfati (persulfati), inkluż il-potassju perossimonosulfat sulfat, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 2833 40 00 u ex 2842 90 80 (TARIC 2842908020), u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). |
(3) |
Il-prodott li qed jiġi investigat għal ċirkomvenzjoni possibbli huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li attwalment jaqa' taħt l-istess kodiċijiet bħall-prodott ikkonċernat, importat taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A820 (“il-prodott li qed jiġi investigat”). |
C. IL-MIŻURI EŻISTENTI
(4) |
Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ u possibbilment qed jiġu evitati huma l-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 (2). Reviżjoni ta' skadenza li tikkonċerna dawn il-miżuri nbdiet fis-17 ta' Diċembru 2018 u għadha pendenti (3). |
D. BAŻI
(5) |
L-investigazzjoni preżenti ta' ċirkomvenzjoni possibbli ta' miżuri eżistenti hija bbażata fuq evidenza suffiċjenti li l-miżuri antidumping fis-seħħ qed jiġu evitati permezz ta' riorganizzazzjoni ta' xejriet u mezzi ta' bejgħ tal-prodott ikkonċernat. |
(6) |
Il-miżuri fis-seħħ ivarjaw minn 24,5 % sa 71,8 %. Wieħed mill-produtturi esportaturi, ABC Chemicals Co Shanghai (“ABC”), huwa soġġett għal dazju ta' 0 %. L-istatistika tal-importazzjoni turi bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tad-dazju antidumping definittiv fuq il-prodott ikkonċernat. Dik l-istatistika turi wkoll li l-importazzjonijiet Ċiniżi issa deħlin prinċipalment fl-Unjoni permezz tal-ABC. Madankollu, l-evidenza li għandha l-Kummissjoni turi li l-ABC ma għadux jipproduċi l-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, jidher li l-liċenzja tal-produzzjoni tal-ABC ġiet irtirata f'Lulju 2017, li ma nħarġet l-ebda liċenzja ġdida, u li l-kumpanija hija kategorizzata bħala intrapriża ta' distribuzzjoni, mhux bħala manifattur. |
(7) |
Jidher li ma hemm l-ebda raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għal din l-allokazzjoni ta' esportazzjonijiet għajr id-dazju eżistenti ta' 0 % għall-ABC. |
(8) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri antidumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu mminati kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. L-importazzjonijiet ta' volumi sinifikanti tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti. |
(9) |
Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni kisbet biżżejjed evidenza li l-prezzijiet tal-prodott investigat qed jiġu ddumpjati fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel. |
(10) |
Jekk il-prattiki ta' ċirkumvenzjoni li huma koperti bl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati fl-andament tal-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista' tkopri dawn il-prattiki wkoll. |
E. PROĊEDURA
(11) |
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodotti li qed jiġu investigati soġġetti għal reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
(12) |
L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni. |
(a) Limiti ta' żmien
(13) |
Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta' żmien li fihom:
|
(14) |
Ta' min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta' żmien indikati fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. |
(b) Kwestjonarji
(15) |
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-ABC, li huwa mistieden iwieġeb għal dak il-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament. |
(c) Ġbir ta' tagħrif u seduti ta' smigħ
(16) |
Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament. |
(17) |
Il-partijiet kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
F. REĠISTRAZZJONI
(18) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tikkonkludi li jkun hemm ċirkomvenzjoni, ikun jista' jiġi impost ammont xieraq ta' dazji antidumping mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn. |
(19) |
Ir-responsabilità għall-ġejjieni tista' toħroġ mis-sejbiet tal-investigazzjoni. Bit-tagħrif disponsibbli f'dan l-istadju, b'mod partikolari l-indikazzjoni li ċerti kumpaniji attwalment soġġetti għad-dazju residwu ta' 71,8 % (kodiċi addizzjonali TARIC A999) jew kumpaniji soġġetti għal rata ta' dazju individwali qed ibigħu l-prodotti tagħhom permezz tal-ABC (li huwa soġġett għal dazju ta' 0 %), l-ammont ta' responsabbiltà eventwali fil-futur huwa stabbilit fil-livell tad-dazju residwu, jiġifieri 71,8 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott li qed jiġi investigat, importat taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A820. |
G. NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI
(20) |
Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta' skadenza stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
(21) |
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif ma għandux jitqies u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli b'mod konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
(22) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat. |
H. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
(23) |
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
I. IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI
(24) |
Ta' min jinnota li kwalunkwe data personali miġbura f'din l-investigazzjoni sejra tiġi ttrattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data. |
(25) |
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/” |
J. L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
(26) |
Il-partijiet jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment. |
(27) |
L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduti ta' smigħ u jagħmilha ta' medjatur bejn il-parti/jiet u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. |
(28) |
Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta' smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu. |
(29) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f'qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista' jkun, wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament sabiex jintalbu seduti ta' smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta' smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta' żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta' dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta' amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. |
(30) |
Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'dan qed titnieda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-perossosulfati (persulfati), inkluż il-potassju perossimonosulfat sulfat, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 2833 40 00 u ex 2842 90 80 (il-kodiċi TARIC 2842908020), u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, importati taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A820, humiex qed jevadu l-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013.
Artikolu 2
(1) L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.
(2) Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
(1) Il-partijiet jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
(2) Jekk il-kummenti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet jew xi tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data meta ġie ppubblikat dan ir-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.
(3) Il-partijiet jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.
(4) L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta' parti terza, il-partijiet iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b'mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet f'din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
(5) Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom jiġu mmarkati “Limited” (5). Il-partijiet li jippreżentaw tagħrif matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
(6) Il-partijiet li jipprovdu tagħrif “Limited” huma mitluba jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawk is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tat-tagħrif ppreżentat b'mod kunfidenzjali tinftiehem b'mod raġonevoli.
(7) Jekk parti li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta' trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista' tinjora tali tagħrif sakemm ma jkunx jista' jintwera b'mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li t-tagħrif huwa korrett.
(8) Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta' TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI), inklużi d-dokumenti skennjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-R jew fuq DVD bl-idejn jew permezz tal-posta rreġistrata.
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġu kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed għandu jirreġistra u juża TRON.tdi huma disponibbli fuq https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.
Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ)” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
Il-Kummissjoni Ewropea |
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
Direttorat H |
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
1049 Brussell |
IL-BELĠJU |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI |
Email: TRADE-R707@ec.europa.eu |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 tat-12 ta' Diċembru 2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 11).
(3) Notifika ta' tnedija ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' perossosulfati (persulfati) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2018/C 454/06), ĠU C 454, 17.12.2018, p. 7.
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il- protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) “Limited” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).