15.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2019/1197

tad-9 ta' Lulju 2019

dwar miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu. Fin-nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit u estensjoni tal-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) TUE hemm il-ħtieġa li jkun hemm qbil, fi ftehim internazzjonali futur bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, dwar saldu finanzjarju fir-rigward tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mis-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

(2)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi rispettivi tal-Unjoni u tar-Renju Unit li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni.

(3)

Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stipulati regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, minn naħa waħda, u r-Renju Unit u l-benefiċjarji tiegħu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”) fl-2019.

(4)

It-Trattati ma jipprevedux setgħat għajr dawk skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-adozzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-baġit 2019 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(5)

Ir-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit qed jipparteċipaw f'għadd ta' programmi jew azzjonijiet tal-Unjoni abbażi tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ssir abbażi ta' ftehimiet mar-Renju Unit jew ma' persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jew abbażi ta' deċiżjonijiet favur ir-Renju Unit jew persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit li jikkostitwixxu impenji legali.

(6)

Għal ħafna minn dawk il-ftehimiet u deċiżjonijiet, in-normi li jirregolaw l-eliġibbiltà jirrikjedu li l-benefiċjarju jkun Stat Membru jew persuna jew entità stabbilita fi Stat Membru. L-eliġibbiltà tar-Renju Unit jew ta' persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit hija f'każi bħal dawn marbuta mal-fatt li r-Renju Unit huwa Stat Membru. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni għalhekk jimplika t-telf tal-eliġibbiltà ta' tali benefiċjarji għall-finanzjament tal-Unjoni skont il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet. Madankollu, dan ma jikkonċernax każijiet fejn persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jipparteċipaw f'azzjoni skont ir-regoli rispettivi tal-Unjoni għal persuni u entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz, u soġġett għall-kondizzjonijiet applikabbli skont dawk ir-regoli.

(7)

Ikun ta' benefiċċju kemm għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha kif ukoll għar-Renju Unit u għal persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit jekk il-baġit għall-2019 jiġi implimentat kif ġie adottat għal dik is-sena. Ikun ukoll ta' benefiċċju jekk l-impenji legali ffirmati u adottati qabel id-data tal-ħruġ jistgħu jkomplu jiġu eżegwiti matul l-2019.

(8)

Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li skonthom ir-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ikunu jistgħu jibqgħu eliġibbli fl-2019 fir-rigward tal-ftehimiet iffirmati magħhom u tad-deċiżjonijiet adottati fir-rigward tagħhom sa dik id-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit (“id-data tal-ħruġ”). Il-kondizzjonijiet ikunu li r-Renju Unit ikun ikkonferma l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni biex ikompli jħallas kontribuzzjoni ikkalkulata abbażi tar-riżorsi proprji stmati mir-Renju Unit kif stipulat fil-baġit għall-2019 kif adottat b'mod definittiv, li l-ewwel pagament ikun tħallas mir-Renju Unit u li r-Renju Unit ikun ikkonferma l-impenn tiegħu bil-miktub lill-Kummissjoni biex jippermetti li jsiru awditi u verifiki kompleti mill-Unjoni f'konformità mar-regoli applikabbli. Fid-dawl tal-bżonn ta' ċertezza, huwa xieraq li jiġi limitat iż-żmien għall-issodisfar tal-kondizzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar l-issodisfar tal-kondizzjonijiet.

(9)

Il-kondizzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjoni mir-Renju Unit hija bbażata fuq il-baġit għall-2019 kif adottat. Għalhekk, huwa raġonevoli li l-ebda Stat Membru ma għandu jkun f'pożizzjoni inqas favorevoli fir-rigward tal-kontribuzzjoni tiegħu milli stabbilit fil-baġit għall-2019 kif adottat, wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, biex jiġi żgurat l-effett pożittiv ta' dan ir-Regolament għall-Istati Membri kollha, huwa adatt li jitnaqqas ammont speċifiku mill-ammont tal-kontribuzzjoni mir-Renju Unit li għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan l-ammont speċifiku għandu jkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri li altrimenti jkunu fi żvantaġġ wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, kif speċifikat aktar f'arranġamenti prattiċi ddedikati li jistipulaw id-distribuzzjoni tal-pagamenti dovuti u li jinkarigaw lill-Kummissjoni bil-kompitu tal-iżborż tal-ammont speċifiku

(10)

Sakemm il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà tar-Renju Unit u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit stabbiliti skont dan ir-Regolament ikomplu jiġu ssodisfati, huwa xieraq ukoll li jiġi pprovdut għall-eliġibbiltà tagħhom, fl-2019, għall-finijiet ta' kondizzjonijiet stabbiliti f'sejħiet għal proposti, offerti, kompetizzjonijiet jew kwalunkwe proċedura oħra li tista' twassal għall-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta' każijiet speċifiċi relatati mas-sigurtà u mat-telf ta' sħubija tar-Renju Unit fil-Bank Ewropew tal-Investiment, u li jiġi pprovdut finanzjament tal-Unjoni lilhom. Dan il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jkun limitat għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2019, ħlief għal kuntratti ta' akkwist pubbliku ffirmati qabel tmiem l-2019 fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“ir-Regolament Finanzjarju”), li jkomplu jiġu implimentati f'konformità mat-termini tagħhom, u ħlief għall-iskema ta' pagament dirett tal-politika agrikola tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2019, li għandha tkun eskluża mill-eliġibbiltà. F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, is-sejħiet għal proposti, l-offerti, il-kompetizzjonijiet jew proċeduri oħra, kif ukoll kwalunkwe ftehim li jsegwi minnhom mar-Renju Unit jew ma' persuni jew entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, jew deċiżjonijiet favurihom, għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà u għall-kontinwazzjoni tagħhom b'referenza għal dan ir-Regolament.

(11)

Huwa xieraq ukoll li jiġi previst li l-eliġibbiltà tar-Renju Unit u l-persuni u l-entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit tkompli taħt il-kondizzjonijiet li r-Renju Unit ikompli jħallas il-kontribuzzjoni għall-2019 u li l-verifiki u l-awditi jistgħu jsiru b'mod effettiv. Fejn dawn il-kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tikkonstata t-tali nuqqas. F'każ bħal dan, jenħtieġ li r-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ma jibqgħux eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

(12)

Huwa xieraq ukoll li tiġi prevista l-kontinwazzjoni, fl-2019, tal-eliġibbiltà tal-azzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu fondi mill-Unjoni u li huma relatati mar-Renju Unit. Madankollu, jenħtieġ li n-nuqqas potenzjali ta' aċċettazzjoni mir-Renju Unit ta' verifiki u awditi jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet.

(13)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet ikomplu jiġu implimentati f'konformità mar-regoli rilevanti li jirregolaw dawn l-azzjonijiet, inkluż ir-Regolament Finanzjarju. Għalhekk, huwa neċessarju li r-Renju Unit jiġi ttrattat bħala Stat Membru għall-fini tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli.

(14)

Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba li jikkonċernaw il-baġit tal-Unjoni u programmi u azzjonijiet implimentati mill-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(15)

Sabiex ikun hemm possibbiltà ta' flessibbiltà limitata, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-possibbiltà ta' estensjoni tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u tal-emendi għall-iskeda ta' pagament għax-xhur wara Awwissu 2019. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati. Fejn, fil-każ ta' riskju ta' tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2019, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu dan, jenħtieġ li l-att delegat jidħol fis-seħħ bla dewmien u jenħtieġ li japplika sakemm ma jkun hemm ebda oġġezzjoni espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

(16)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-benefiċjarji tal-programmi ta' nfiq u ta' azzjonijiet oħra tal-UE fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, dment li sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit. Minħabba li fid-data tal-ħruġ baġit tal-Unjoni adottat, li jipprevedi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-finanzjament tiegħu, ikopri biss l-2019, jenħtieġ li dan japplika biss għall-eliġibbiltà għas-sena 2019,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (“il-baġit”) fl-2019 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u azzjonijiet taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża li għalihom l-eliġibbiltà tkun issodisfata permezz tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni fid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit (“data tal-ħruġ”).

2.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-programmi ta' kooperazzjoni territorjali koperti mir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u għal attivitajiet ta' mobbiltà għat-tagħlim taħt il-programm Erasmus+ koperti bir-Regolament (UE) 2019/499 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Artikolu 2

Kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà

1.   Fejn ir-Renju Unit jew persuna jew entità stabbilita fir-Renju Unit jirċievu fondi tal-Unjoni fl-ambitu ta' azzjoni mwettqa b'ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża skont impenji legali ffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ u ta' eliġibbiltà taħt dik l-azzjoni li tiddependi fuq is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni, huma għandhom ikomplu jkunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2019 wara d-data tal-ħruġ, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin, u sakemm ma tkun daħlet fis-seħħ l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2):

(a)

ir-Renju Unit ikun ikkonferma mhux aktar tard mit-30 ta' April 2019 bil-miktub lill-Kummissjoni li huwa ser jikkontribwixxi f'euro l-ammont muri fil-linja “Renju Unit” u l-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella 7 tal-parti “A. Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni” tal-parti tad-dħul tal-baġit għall-2019 stipulati fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (6), kif adottat fit-12 ta' Diċembru 2018, imnaqqas bl-ammont ta' riżorsi proprji magħmula disponibbli mir-Renju Unit fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-2019 qabel id-data tal-ħruġ, skont l-iskeda tal-pagament stabbilita f'dan ir-Regolament;

(b)

ir-Renju Unit ikun ħallas sa mhux aktar tard mit-13 ta' Mejju 2019 fuq il-kont stabbilit mill-Kummissjoni l-ewwel pagament li jikkorrispondi għall-ħlas parzjali msemmi fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu immultiplikat bir-riżultat ta' dan li ġej: in-numru ta' perjodi ta' xhur sħaħ bejn id-data tal-ħruġ u tmiem is-sena 2019 imnaqqas bin-numru ta' xhur bejn ix-xahar tal-ewwel pagament, bl-esklużjoni ta' dak ix-xahar, u tmiem is-sena 2019;

(c)

ir-Renju Unit ikun ikkonferma sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2019 l-impenn bil-miktub lill-Kummissjoni li ser ikompli jaċċetta l-kontrolli u l-awditi li jkopru l-perjodu kollu ta' programmi u azzjonijiet f'konformità mar-regoli applikabbli; u

(d)

il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 li tikkonferma li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan is-subparagrafu ġew issodisfati.

L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jinqasam fi ħlasijiet parzjali indaqs. In-numru ta' ħlasijiet parzjali għandu jikkorrispondi għan-numru ta' xhur sħaħ bejn id-data tal-ħruġ u tmiem is-sena 2019. Il-pagamenti tal-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor tal-baġit tal-Unjoni.

L-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dħul ieħor wara li jitnaqqas ammont speċifiku bl-għan li jiżgura d-distribuzzjoni baġitarja kif previst fil-kolonna “Riżorsi proprji totali” tat-tabella msemmija fil-punt (a) tal-ewwel s-subparagrafu u soġġett għal arranġamenti prattiċi ddedikati għal dak l-effett.

L-impenn imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandu jinkludi b'mod partikolari l-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-aċċettazzjoni tad-drittijiet tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi li ikollhom aċċess għal data u dokumenti relatati ma' kontribuzzjonijiet tal-Unjoni, u biex iwettqu verifiki u awditi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ikunux ġew issodisfati.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 7 dwar l-estensjoni tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fejn, fil-każ ta' riskju ta' tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2019, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.

Artikolu 3

Kontinwazzjoni tal-eliġibbiltà tar-Renju Unit u ta' persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit

1.   L-eliġibbiltà tar-Renju Unit u ta' persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 2 għandha tkompli fis-sena 2019 sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

wara l-ewwel pagament magħmul f'konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), ir-Renju Unit ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni l-pagament mensili msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar sa Awwissu 2019;

(b)

ir-Renju Unit ikun ħallas fil-kont stabbilit mill-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Settembru 2019 il-pagamenti mensili li jkun fadal imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), sakemm il-Kummissjoni ma tikkomunikax lir-Renju Unit skeda ta' pagamenti differenti għal dan il-pagament sal-31 ta' Awwissu 2019; u

(c)

ma jkun ġie osservat l-ebda nuqqas sinifikanti fit-twettiq tal-verifiki u tal-awditi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1).

2.   Fejn waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni għal dak l-effett. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ir-Renju Unit u persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit ma għandhomx jibqgħu eliġibbli skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u skont l-Artikoli 2 u 4, l-azzjonijiet ma għandhomx jibqgħu eliġibbli skont l-Artikolu 6(2), u l-Artikolu 5 ma għandux jibqa' japplika.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 7 dwar skeda ta' pagamenti differenti għall-pagament imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fejn, fil-każ ta' riskju ta' tfixkil serju tal-implimentazzjoni u tal-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni fl-2019, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan il-paragrafu.

Artikolu 4

Parteċipazzjoni fis-sejħiet għal proposti u eliġibbiltà tal-infiq li jirriżulta

1.   Mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), u sakemm ma tkun daħlet fis-seħħ l-ebda deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(2), ir-Renju Unit jew persuni u entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit għandhom ikunu eliġibbli fl-2019 għall-finijiet ta' kondizzjonijiet stabbiliti fi kwalunkwe sejħa għal proposti, offerti, kompetizzjonijiet jew kwalunkwe proċedura oħra li tista' twassal għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni bl-istess mod bħal Stati Membri u persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri, u jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2019.

Minkejja l-ewwel subparagrafu:

(a)

kuntratti ffirmati fl-applikazzjoni tat-Titolu VII tar-Regolament Finanzjarju sa tmiem l-2019 għandhom jiġu implimentati f'konformità mat-termini tagħhom u sad-data finali tagħhom;

(b)

infiq fir-rigward tal-iskema ta' pagamenti diretti tar-Renju Unit għas-sena tat-talba 2019 skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ma għandux ikun eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni.

2.   L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

fejn il-parteċipazzjoni tkun limitata għall-Istati Membri u persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri għal raġunijiet ta' sigurtà;

(b)

għal operazzjonijiet finanzjarji mwettqa fi ħdan strumenti finanzjarji ġestiti direttament jew indirettament skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju jew għal operazzjonijiet finanzjarji garantiti mill-baġit tal-Unjoni skont il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Artikolu 5

Adattamenti meħtieġa oħra

Jekk il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) jiġu ssodisfati, u sakemm l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) ma tkun daħlet fis-seħħ, għall-fini tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe regola li tirregola l-azzjonijiet imwettqa skont l-impenji legali msemmija fl-Artikolu 2(1), is-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 4 u l-azzjonijiet imwettqa skont l-impenji legali ffirmati jew adottati wara s-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 4, li huma meħtieġa biex jagħtu effett lill-Artikoli 2(1) u 4(1), ir-Renju Unit għandu jiġi ttrattat bħala Stat Membru soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, ir-Renju Unit jew ir-rappreżentanti tar-Renju Unit ma għandhom jitħallew jipparteċipaw f'ebda kumitat li jassisti fil-ġestjoni skont ir-regoli tal-att bażiku rilevanti, jew gruppi ta' esperti jew korpi oħra li jagħtu pariri dwar il-programmi jew dwar l-azzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta' monitoraġġ jew kumitati speċifiċi għall-programmi operazzjonali, nazzjonali jew programmi simili f'ġestjoni kondiviża.

Artikolu 6

Eliġibbiltà ta' azzjonijiet li jirrigwardaw lir-Renju Unit, fejn l-Istati Membri jew il-persuni jew l-entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu l-fondi mill-Unjoni

1.   L-azzjonijiet taħt ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża li għalihom l-Istati Membri jew persuni jew entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jirċievu l-fondi mill-Unjoni skont impenji legali ffirmati jew adottati qabel id-data tal-ħruġ u li għalihom l-eliġibbiltà tkun issodisfata permezz tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni fid-data tal-ħruġ, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2019 sa mid-data tal-ħruġ.

2.   L-azzjonijiet li għalihom il-kondizzjoni ta' eliġibbiltà ta' numru minimu ta' parteċipanti minn Stati Membri differenti f'konsorzju tkun issodisfata fid-data tal-ħruġ minn membru tal-konsorzju li tkun persuna jew entità stabbiltà fir-Renju Unit, għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni għall-infiq eliġibbli li jsir fl-2019 meta l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) ikunu ssodisfati u sakemm l-ebda deċiżjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(2) ma tkun daħlet fis-seħħ.

3.   In-nonosservanza tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jew deċiżjoni tal-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) rigward in-nonosservanza ta' kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1), għandhom jitqiesu mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-possibbiltà ta' nuqqas serju fil-konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-impenn legali msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il- prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 2 u 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

Proċedura ta' urġenza

1.   L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta' att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta' urġenza.

2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(6). F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) TUE sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  Kunsens tas-17 ta' April 2019 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(3)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/491 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda — ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit — l-Irlanda (l-Irlanda — l-Irlanda ta' Fuq — l-Iskozja) fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 85 I, 27.3.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/499 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta' attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim li jkunu għaddejjin taħt il-programm Erasmus+ stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L 85 I, 27.3.2019, p. 32).

(6)  Adozzjoni definittiva (UE, Euratom) 2019/333 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (ĠU L 67, 7.3.2019, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta' Garanzija tal-EFSD (ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1).