12.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 188/55 |
REGOLAMENT (UE) 2019/1156 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta' Ġunju 2019
dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Approċċi regolatorji u superviżorji li jirrigwardaw id-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment alternattivi (“AIFs”), kif definit fid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), inklużi l-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (EuVECA), kif definit fir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEF), kif definit fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (ELTIF), kif definit fir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif ukoll l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (“UCITS”), fis-sens tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jirriżultaw fi frammentazzjoni u ostakli għall-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera u għall-aċċess tal-AIFs u l-UCITS, li min-naħa tagħhom jistgħu jwaqqfuhom milli jkunu kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħrajn. UCITS tista' tiġi ġestita esternament jew internament, skont il-forma ġuridika tagħha. Kwalunkwe dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament relatata ma' kumpaniji maniġerjali tal-UCITS jenħtieġ li tapplikakemm għal kumpanija, li n-negozju regolari tagħha huwa l-ġestjoni tal-UCITS u għal kwalunkwe UCITS li ma jkunx ħatar kumpanija maniġerjali tal-UCITS. |
(2) |
Sabiex jissaħħaħ il-qafas regolatorju applikabbli għall-impriżi ta' investiment kollettiv u biex jitħarsu aħjar l-investituri, il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri f'AIFs u f'UCITS jenħtieġ li jkunu identifikabbli bħala tali, u jenħtieġ li jiddeskrivu r-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF jew UCITS bl-istess mod prominenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni kollha inkluża fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri tkun ippreżentata b'mod ġust, ċar u mhux qarrieqi. Sabiex tiġi salvagwardjata l-protezzjoni tal-investitur u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-AIFs u l-UCITS, jenħtieġ li l-istandards għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni japplikaw għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għall-AIFS u għall-UCITS. |
(3) |
Il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri f'AIFs u UCITS jenħtieġ li jispeċifikaw fejn, kif u f'liema lingwa l-investituri jistgħu jiksbu informazzjoni fil-qosor dwar id-drittijiet tal-investitur u jenħtieġ li jiddikjaraw b'mod ċar li l-AIFM, il-maniġer tal-EuVECA, il-maniġer tal-EuSEF jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS (flimkien, “maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv”), għandhom id-dritt li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni. |
(4) |
Sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-protezzjoni tal-investitur u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jippubblikaw dawn it-testi fuq is-siti web tagħhom fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, inklużi s-sommarji mhux uffiċjali tagħhom li jippermettu lill-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv jiksbu ħarsa ġenerali wiesgħa ta' dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi. Il-pubblikazzjoni jenħtieġ li tkun għal finijiet ta' informazzjoni biss u jenħtieġ li ma toħloqx obbligi legali. Għall-istess raġunijiet, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (ESMA) jenħtieġ li toħloq bażi tad-data ċentrali li jkun fiha sommarji tar-rekwiżiti nazzjonali għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u hyperlinks għall-informazzjoni ppubblikata fis-siti web tal-awtoritajiet kompetenti. |
(5) |
Sabiex jiġu promossi prattiki tajba ta' protezzjoni tal-investitur li jkunu minquxa fir-rekwiżiti nazzjonali għal komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ġusti u ċari, inklużi l-aspetti online ta' tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, l-ESMA jenħtieġ li toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni. |
(6) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jesiġu notifika minn qabel ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għall-iskop ta' verifika ex ante tal-konformità ta' dawk il-komunikazzjonijiet ma' dan ir-Regolament u rekwiżiti applikabbli oħra, bħal pereżempju jekk il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni humiex identifikabbli bħala tali, jekk jiddeskrivux ir-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet ta' UCITS, u fil-każijiet li fihom Stat Membru jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, ir-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF b'mod ugwalment prominenti u jekk l-informazzjoni kollha fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni hijiex ippreżentata b'mod li jkun ġust, ċar u mhux qarrieqi. Dik il-verifika jenħtieġ li titwettaq f'perjodu ta' żmien limitat. Meta l-awtoritajiet kompetenti jesiġu notifika minn qabel, dan jenħtieġ li ma jwaqqafhomx milli jivverifikaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ex post. |
(7) |
L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirrapportaw lill-ESMA r-riżultati ta' dawk il-verifiki, it-talbiet għal emendi u kwalunkwe sanzjoni imposta fuq il-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv. Bil-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, minn naħa waħda, u tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investitur, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-ESMA, kull tieni sena, tipprepara u tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar dawk ir-regoli u l-applikazzjoni prattika tagħhom abbażi ta' verifiki ex ante u ex post ta' komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. |
(8) |
Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-maniġers tal-impriża ta' investiment kollettiv u jiġi ffaċilitat it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom rigward jekk għandhomx jinvolvu ruħhom fid-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment, huwa importanti li t-tariffi u l-ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta' attivitajiet transfruntiera jkunu proporzjonati għall-kompiti ta' superviżjoni mwettqa u żvelati pubblikament, u li, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, dawk it-tariffi u l-ħlasijiet ikunu ppubblikati fis-siti web tal-awtoritajiet kmopetanti. Għall-istess raġuni, il-hyperlinks għall-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-tariffi u l-ħlasijiet jenħtieġ li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ESMA sabiex ikun hemm punt ċentrali għall-informazzjoni. Jenħtieġ li s-sit web tal-ESMA jinkludi wkoll għodda interattiva li tippermetti l-kalkoli indikattivi ta' dawk it-tariffi u l-ħlasijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti. |
(9) |
Biex jiġi żgurat l-irkupru aħjar tat-tariffi jew tal-ħlasijiet u biex jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċarezza tal-istruttura tat-tariffi u tal-ħlasijiet, meta tali tariffi jew ħlasijiet jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-maniġers tal-impriżi ta' investiment kollettiv jenħtieġ li jirċievu fattura, dikjarazzjoni ta' pagament individwali jew struzzjoni ta' pagament li tistabbilixxi b'mod ċar l-ammont ta' tariffi jew ħlasijiet dovuti u l-metodu ta' pagament. |
(10) |
Peress li, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA jenħtieġ li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha, huwa xieraq u meħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien tal-ESMA billi jitwessgħu l-bażijiet tad-data attwalment eżistenti tal-ESMA biex jinkludu bażi tad-data ċentrali li telenka l-AIFs u l-UCITS kollha li huma kkummerċjalizzati b'mod transfruntier, il-maniġers ta' dawk l-impriżi ta' investiment kollettiv u l-Istati Membri li fihom issir il-kummerċjalizzazzjoni. Għal dan il-għan, u sabiex l-ESMA tkun tista' żżomm il-bażi tad-data ċentrali aġġornata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jibagħtu lill-ESMA informazzjoni dwar in-notifiki, l-ittri ta' notifika u l-informazzjoni li jkunu rċevew skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward ta' attività ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe bidla li jenħtieġ li tiġi riflessa f'dik il-bażi tad-data. F'dak ir-rigward, l-ESMA jenħtieġ li tistabbilixxi portal ta' notifika li fih l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jtellgħu d-dokumenti kollha rigward id-distribuzzjoni transfruntiera tal-UCITS u l-AIFs. |
(11) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 345/2013, jew fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 346/2013, minn naħa, u AIFs oħrajn, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li f'dawk ir-Regolamenti jiġu inklużi regoli dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li jkunu identiċi għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE dwar il-prekummerċjalizzazzjoni. Tali regoli jenħtieġ li jippermettu lill-maniġers irreġistrati skont dawk ir-Regolamenti sabiex jiffukaw fuq l-investituri billi jittestjaw il-ħajra tagħhom għal opportunitajiet jew strateġiji ta' investiment futuri permezz ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti u fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti. |
(12) |
B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ċerti kumpaniji u persuni msemmija fl-Artikolu 32 ta' dak ir-Regolament huma eżentati mill-obbligi skont dak ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2019. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni għandha tirrevedih sal-31 ta' Diċembru 2018, sabiex tivvaluta, inter alia, jekk jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tranżizzjonali tiġi estiża, jew jekk, wara l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe aġġustament neċessarju, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur fid-Direttiva 2009/65/KE jiġu sostitwiti minn dokument bl-informazzjoni ewlenija jew jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għalih kif stabbilit f'dak ir-Regolament. |
(13) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq ir-rieżami skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 kif previst oriġinarjament, l-iskadenza għal dak ir-rieżami jenħtieġ li tiġi estiża bi 12-il xahar. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jenħtieġ li jappoġġja l-proċess ta' rieżami tal-Kummissjoni billi jorganizza seduta ta' smigħ dwar is-suġġett mal-partijiet interessati rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur u l-industrija. |
(14) |
Sabiex jiġi evitat li l-investituri jirċievu żewġ dokumenti differenti ta' żvelar minn qabel, jiġifieri dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur (KIID) kif meħtieġ mid-Direttiva 2009/65/KE u dokument bl-informazzjoni ewlenija (KID) kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, għall-istess impriża ta' investiment kollettiv filwaqt li jkunu qed jiġu adottati u implimentati l-atti leġiżlattivi li jirriżultaw mir-rieżami tal-Kummissjoni skont dak ir-Regolament, l-eżenzjoni tranżizzjonali mill-obbligi skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi estiża b'24 xahar. Mingħajr preġudizzju għal dik l-estensjoni, l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet superviżorji kollha involuti jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jaġixxu malajr kemm jista' jkun biex jiffaċilitaw it-terminazzjoni ta' dik l-eżenzjoni tranżizzjonali. |
(15) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji, żviluppati mill-ESMA, fir-rigward tal-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjoni u n-notifika mill-awtoritajiet kompetenti tal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali u s-sommarji tagħhom dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni applikabbli fit-territorji tagħhom, il-livelli ta' tariffi jew ħlasijiet imposti minnhom għal attivitajiet transfruntiera, u fejn applikabbli, il-metodoloġiji ta' kalkolu rilevanti. Barra minn hekk, biex titjieb it-trażmissjoni lill-ESMA, jenħtieġ li l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni jiġu adottati wkoll fir-rigward tan-notifiki, l-ittri ta' notifika u l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera li huma meħtieġa mid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/EU u l-arranġamenti tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-portal tan-notifika li se jiġi stabbilit mill-ESMA. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjnament tal-Unjoni Ewropea u f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. |
(16) |
Jeħtieġ li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata kull tliet xhur lill-ESMA, sabiex il-bażijiet tad-data tal-impriżi ta' investiment kollettiv kollha u l-maniġers tagħhom jinżammu aġġornati. |
(17) |
Kwalunkwe pproċessar ta' data personali mwettaq fil-qafas ta' dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jsir b'mod konformi mar-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li jsiru skont ir-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
(18) |
Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet attribwiti lilhom f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha neċessarji. |
(19) |
Sat-2 ta' Awwissu 2024, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi tas-suq u tivvaluta jekk il-miżuri introdotti tejbux id-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv. |
(20) |
Sat-2 ta' Awwissu 2021 il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport dwar solleċitazzjoni u domanda bil-kontra fuq l-inizjattiva proprja ta' investitur, filwaqt li tispeċifika l-firxa ta' dik il-forma ta' sottoskrizzjoni f'fondi, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha inkluż f'pajjiżi terzi, u l-impatt tagħha fuq ir-reġim ta' passaportar. |
(21) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li jiġu sinkronizzati d-dati tal-applikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta' dan ir-Regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni. |
(22) |
Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-effiċjenza tas-suq filwaqt li tiġi stabbilita l-unjoni tas-swieq kapitali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni għall-impriżi ta' investiment kollettiv u dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni indirizzati lill-investituri, kif ukoll il-prinċipji komuni rigward tariffi u ħlasijiet imposti fuq il-maniġers ta' investiment kollettiv fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera tagħhom, l-istabbiliment ta' bażi ta' data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għal:
(a) |
maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi; |
(b) |
kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, inkluż kwalunkwe UCITS li ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali tal-UCITS; |
(c) |
maniġers ta' EuVECA; u |
(d) |
maniġers ta' EuSEF. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“fondi ta' investiment alternattivi” jew “AIFs” tfisser AIFs kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, u tinkludi EuVECA, EuSEF u ELTIF; |
(b) |
“maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi” jew “AIFMs” tfisser AIFMs kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE u awtorizzati f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva; |
(c) |
“maniġer ta' EuSEF” tfisser maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kif definit fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013, irreġistrat skont l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament; |
(d) |
“maniġer ta' EuSEF” tfisser maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 u rreġistrat skont l-Artikolu 15 ta' dak ir-Regolament; |
(e) |
“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew fil-punt (f) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew awtoritajiet kompetenti tal-EU AIF kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE; |
(f) |
“Stat Membru ta' domiċilju” tfisser l-Istat Membru li fih l-AIFM, il-maniġer ta' EuVECA, il-maniġer ta' EuSEF jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom; |
(g) |
“UCITS” tfisser UCITS awtorizzata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE; |
(h) |
“kumpanija maniġerjali tal-UCITS” tfisser kumpanija maniġerjali kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE; |
Artikolu 4
Rekwiżiti għal komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni
1. L-AIFMs, il-maniġers ta' EuVECA, il-maniġers ta' EuSEFs u l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha indirizzati lill-investituri jkunu identifikabbli bħala tali u jiddeskrivu r-riskji u l-benefiċċji tax-xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF jew unitajiet ta' UCITS b'mod ugwalment prominenti, u li l-informazzjoni kollha inkluża fil-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa.
2. Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar xi UCITS ma jikkontradixxux jew inaqqsu s-sinifikat tal-informazzjoni li tkun fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65/KE jew it-tagħrif ewlieni għall-investituri msemmi fl-Artikolu 78 ta' dik id-Direttiva. Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni kollha jindikaw li jeżisti prospett u li t-tagħrif ewlieni għall-investituri jkun disponibbli. Tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jispeċifikaw fejn, kif u b'liema lingwa l-investituri jew l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu l-prospett u t-tagħrif ewlieni għall-investituri u għandhom jipprovdu hyperlinks jew indirizzi tas-sit web għal dawk id-dokumenti.
3. Il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jispeċifikaw fejn, kif u b'liema lingwa l-investituri jew l-investituri potenzjali jistgħu jiksbu sommarju tad-drittijiet tal-investitur u għandhom jipprovdu hyperlink għal tali sommarju, li għandu jinkludi, kif xieraq, informazzjoni dwar aċċess għall-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali f'każ ta' tilwim.
Tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandu jkun fihom ukoll informazzjoni ċara li l-maniġer jew il-kumpanija maniġerjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiddeċiedu li jtemmu l-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi ta' investiment kollettivi tagħhom skont l-Artikolu 93a tad-Direttiva 2009/65/KE u l-Artikolu 32a tad-Direttiva 2011/61/UE.
4. L-AIFMs, il-maniġers ta' EuVECA, il-maniġers ta' EuSEFs għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu jinkludu stedina għal xiri ta' unitajiet jew ishma ta' AIF li jkun fihom informazzjoni speċifika dwar AIF ma jikkontradixxux l-informazzjoni li trid tiġi divulgata lill-investituri f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/61/UE, mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 jew mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013, jew inaqqsu s-sinifikat tagħha.
5. Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-AIFs li jippubblikaw prospett skont ir-Regolament (UE) Nru 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jew skont il-liġi nazzjonali, jew japplikaw regoli dwar il-format u l-kontenut tat-tagħrif ewlieni għall-investituri msemmi fl-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE.
6. Sat-2 ta' Awwissu 2021, l-ESMA għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u wara dan taġġorna dawk il-linji gwida minn żmien għal żmien, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti online ta' tali komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Artikolu 5
Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu fuq is-siti web tagħhom informazzjoni aġġornata u kompleta dwar il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali kollha applikabbli li jirregolaw ir-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni għall-AIFs u l-UCITS, u s-sommarji tagħhom, fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA il-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu mingħajr dewmien żejjed.
3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjonijiet u għan-notifiki skont dan l-Artikolu.
L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 6
Bażi tad-data ċentrali tal-ESMA dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni
Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tippubblika u żżomm fuq is-sit web tagħha bażi ta' data ċentrali li jkun fiha s-sommarji msemmija fl-Artikolu 5(1), u l-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 5(2).
Artikolu 7
Verifika ex ante tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni
1. Għall-fini uniku ta' verifika tal-konformità ma' dan ir-Regolament u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu notifika minn qabel tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS għandhom il-ħsieb li jużaw direttament jew indirettament fit-trattazzjonijiet tagħhom mal-investituri.
Ir-rekwiżit ta' notifika minn qabel imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel għall-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet ta' UCITS u ma għandux ikun parti mill-proċedura ta' notifika msemmija fl-Artikolu 93 tad-Direttiva 2009/65/KE.
Fejn l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu notifika minn qabel kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol wara li jaslu l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni, jinformaw lill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS dwar kwalunkwe talba biex din temenda l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha.
In-notifika minn qabel imsemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tkun meħtieġa fuq bażi sistematika jew skont kwalunkwe prattika oħra ta' verifika u għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa superviżorja ulterjuri rigward il-verifika ex post tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
2. L-awtoritajiet kompetenti li jesiġu notifika minn qabel tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom jistabbilixxu, japplikaw, u jippubblikaw fis-siti web tagħhom, il-proċeduri għan-notifika minn qabel. Ir-regoli u l-proċeduri interni għandhom jiżguraw trattament trasparenti u nondiskriminatorju tal-UCITS kollha, irrispettivament mill-Istati Membri li fihom huma awtorizzati l-UCITS.
3. Fejn l-AIFMs, il-maniġers tal-EuVECA jew il-maniġers tal-EuSEF jikkummerċjalizzaw unitajiet jew ishma tal-AIFs tagħhom lill-investituri individwali, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dawk l-AIFMs, il-maniġers tal-EuVECA jew il-maniġers tal-EuSEF.
Artikolu 8
Rapport tal-ESMA dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni
1. Sal-31 ta' Marzu 2021 u kull tieni sena wara dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
in-numru ta' talbiet għal emendi fir-rigward tal-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li saru abbażi ta' verifika ex ante, fejn applikabbli; |
(b) |
in-numru ta' talbiet għal emendi u deċiżjonijiet meħuda abbażi ta' verifiki ex post, b'distinzjoni ċara tal-aktar ksur frekwenti, inklużi deskrizzjoni u n-natura ta' dak il-ksur; |
(c) |
deskrizzjoni tal-aktar ksur frekwenti tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4; u |
(d) |
eżempju wieħed ta' kull ksur imsemmi fil-punti (b) u (c). |
2. Sat-30 ta' Ġunju 2021 u kull tieni sena wara dan, l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jippreżenta ħarsa ġenerali tar-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) fl-Istati Membri kollha u li jkun fih analiżi tal-effetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni abbażi wkoll tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 9
Prinċipji komuni rigward tariffi jew ħlasijiet
1. Fejn it-tariffi jew il-ħlasijiet jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' dmirijiethom fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera ta' AIFMs, maniġers tal-EuVECA, maniġers ta' EuSEFs u kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, tali tariffi jew ħlasijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispiża ġenerali relatata mal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tal-awtorità kompetenti.
2. Fir-rigward tat-tariffi jew il-ħlasijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu fattura, dikjarazzjoni ta' pagament individwali jew struzzjoni ta' pagament li jistipulaw b'mod ċar il-metodu ta' pagament u d-data li fiha huwa dovut il-pagament lill-indirizz imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew il-punt (i) tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/61/UE.
Artikolu 10
Pubblikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw tariffi u ħlasijiet
1. Sat-2 ta' Frar 2020, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u jżommu informazzjoni aġġornata fis-siti web tagħhom li telenka t-tariffi jew il-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1), jew, fejn applikabbli, il-metodoloġiji ta' kalkolu għal dawk it-tariffi jew ħlasjiet, fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA l-hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti fejn tkun ippubblikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex jiġu ddeterminati l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-pubblikazzjonijiet u għan-notifiki skont dan l-Artikolu.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 11
Pubblikazzjoni tal-ESMA dwar it-tariffi u l-ħlasijiet
1. Sat-2 ta' Frar 2022 l-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha hyperlinks għas-siti web tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(2). Dawk il-hyperlinks għandhom jinżammu aġġornati.
2. Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli fis-sit web tagħha għodda interattiva pubblikament aċċessibbli fi, bħala minimu, lingwa abitwali waħda fl-isfera tal-finanzi internazzjonali li tipprovdi kalkolu indikattiv tat-tariffi jew il-ħlasijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1). Dik l-għodda għandha tinżamm aġġornata.
Artikolu 12
Bażijiet tad-data ċentrali tal-ESMA dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera tal-AIFs u l-UCITS
1. Sat-2 ta' Frar 2022, l-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha bażi tad-data ċentrali dwar il-kummerċjalizzazzjoni transfruntiera ta' AIFs u UCITS, aċċessibbli għall-pubbliku b'lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali, li telenka:
(a) |
l-AIFs kollha kkummerċjalizzati fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta' domiċilju, l-AIFM, il-maniġer tal-EuSEF jew il-maniġer tal-EuVECA tagħhom, u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati; u |
(b) |
il-UCITS kollha kkummerċjalizzati fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta' domiċilju tal-UCITS kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tagħhom u l-Istati Membri li fihom huma kkummerċjalizzati. |
Dik il-bażi tad-data ċentrali għandha tinżamm aġġornata.
2. L-obbligi f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 13 relatati mal-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi relatati mal-lista msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, mar-reġistru pubbliku ċentrali msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2011/61/UE, mal-bażi ta' data ċentrali msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 u mal-bażi tad-data ċentrali msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013.
Artikolu 13
Standardizzazzjoni tan-notifiki lill-ESMA
1. Kull tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju għandhom jikkomunikaw lill-ESMA l-informazzjoni li hija neċessarja għall-ħolqien u ż-żamma tal-bażi tad-data ċentrali msemmija fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament rigward kwalunkwe notifika, ittra ta' notifika, jew informazzjoni msemmija fl-Artikolu 93(1) u fl-Artikolu 93a(2) tad-Direttiva 2009/65/KE u fl-Artikolu 31(2), fl-Artikolu 32(2) u fl-Artikolu 32a(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u kwalunkwe bidla f'dik l-informazzjoni, jekk tali bidla tkun tirriżulta f'bidla fl-informazzjoni f'dawk il-bażijiet ta' data ċentrali.
2. L-ESMA għandha tistabbilixxi portal ta' notifika li fih kull awtorità kompetenti għandha ttella' d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata, kif ukoll il-forom, il-mudelli u l-proċeduri għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-paragrafu 1, u l-arranġamenti tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-portal ta' notifika msemmi fil-paragrafu 2.
L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-2 ta' Frar 2021.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 14
Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat ta' superviżjoni u ta' investigazzjoni kollha li jkunu neċessarji għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.
2. Is-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE, ir-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) 2015/760, inkluż dawk relatati ma' sanzjonijiet u miżuri oħra, għandhom ikunu eżerċitati fir-rigward tal-maniġers msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 15
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 345/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:
|
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 4a 1. Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, ħlief meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri potenzjali:
Meta jiġu pprovduti abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandux ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:
2. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jesiġu li maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut jew bid-destinatarji tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni. 3. Il-maniġers tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jakkwistaw biss unitajiet jew ishma f'dak il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 15. Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti msemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li tkun ir-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikolu 15. 4. Fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, il-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jibagħat ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri fejn saret il-prekummerċjalizzazzjoni u l-perjodi li matulhom qed issir jew tkun saret, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluża informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huma jew li kienu s-suġġett tal-prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih qed issir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li qed issir jew tkun saret fit-territorju tiegħu. 5. Parti terza għandha tidħol biss fi prekummerċjalizzazzjoni f'isem maniġer awtorizzat ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti meta din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE, jew meta taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu. 6. Maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jiżgura li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata kif xieraq. (*1) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)." (*2) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”." |
Artikolu 16
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 346/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:
|
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 4a 1. Maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jista' jagħmel prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, ħlief meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri potenzjali:
Meta jiġu pprovduti abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandux ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:
2. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jesiġu li maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bil-kontenut jew bid-destinatarji tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni. 3. Il-maniġers ta' fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti permezz ta' attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jakkwistaw biss unitajiet jew ishma f'dak il-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 16. Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar minn meta l-maniġers ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu bdew il-prekummerċjalizzazzjoni, f'unitajiet jew ishma ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti msemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li tkun ir-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikolu 16. 4. Fi żmien ġimagħtejn minn meta jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jibagħat ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri fejn saret il-prekummerċjalizzazzjoni u l-perjodi li matulhom qed issir jew tkun saret, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluża-informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jew li kienu s-suġġett tal-prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih qed issir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li qed issir jew tkun saret fit-territorju tiegħu. 5. Parti terza għandha tidħol biss fi prekummerċjalizzazzjoni f'isem maniġer awtorizzat ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE, jew meta taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan l-Artikolu. 6. Maniġer ta' fond ta' intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jiżgura li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata kif xieraq.”. (*3) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)." (*4) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”." |
Artikolu 17
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1286/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 32(1), “sal-31 ta' Diċembru 2019” hija sostitwita b'“sal-31 ta' Diċembru 2021”; |
(2) |
l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:
|
Artikolu 18
Evalwazzjoni
Sat-2 ta' Awwissu 2024 il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Sat-2 ta' Awwissu 2021 il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, mal-ESMA u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar solleċitazzjoni u domanda bil-kontra fuq l-inizjattiva proprja ta' investitur, filwaqt li tispeċifika l-firxa ta' dik il-forma ta' sottoskrizzjoni f'fondi, id-distribuzzjoni ġeografika tagħha, inkluż f'pajjiżi terzi, u l-impatt tagħha fuq ir-reġim ta' passaportar. Dak ir-rapport għandu jeżamina wkoll jekk il-portal ta' notifika stabbilit skont l-Artikolu 13(2) għandux jiġi żviluppat sabiex it-trasferimenti kollha ta' dokumenti bejn l-awtoritajiet kompetenti jsiru permezz tiegħu.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2019.
Madankollu, l-Artikolu 4(1) sa (5), l-Artikolu 5(1) u (2), l-Artikolu 15 u l-Artikolu 16 għandhom japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 367, 10.10.2018, p. 50.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2019.
(3) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠUL 123, 19.5.2015, p. 98).
(7) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(12) Id-Direttiva (UE) 2019/1160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-impriżi ta' investiment kollettiv (Ara l-paġna 106 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(13) Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).