11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/1


REGOLAMENT (UE) 2019/1148 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa regoli armonizzati dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu użati ħażin għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, bil-għan li tiġi limitata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, u jiġi żgurat rapportar adegwat ta’ tranżazzjonijiet suspettużi tul il-katina tal-provvista.

(2)

Għalkemm ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 ikkontribwixxa għat-tnaqqis tat-theddida ppreżentata mill-prekursuri tal-isplussivi fl-Unjoni, hemm bżonn li tissaħħaħ is-sistema ta’ kontrolli fuq prekursuri li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta’ splussivi artiġjanali. Minħabba l-għadd ta’ tibdiliet meħtieġa, huwa xieraq li r-Regolament (UE) Nru 98/2013 jiġi sostitwit għal raġunijiet ta’ ċarezza.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 illimita l-aċċess u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi mill-membri tal-pubbliku ġenerali. Minkejja dik il-limitazzjoni, l-Istati Membri xorta setgħu jiddeċiedu li jagħtu lill-membri tal-pubbliku ġenerali aċċess għal dawn is-sustanzi permezz ta’ sistema ta’ liċenzji u ta’ reġistrazzjoni. Għalhekk ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli fuq il-prekursuri tal-isplussivi fl-Istati Membri kienu diverġenti u setgħu jikkawżaw ostakli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, u b’hekk jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli eżistenti ma żgurawx livelli suffiċjenti ta’ sigurtà pubblika, peress li ma waqqfux b’mod adegwat lill-kriminali milli jakkwistaw prekursuri tal-isplussivi. It-theddid ippreżentat minn splussivi artiġjanali baqa’ għoli u qed ikompli jevolvi.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li s-sistema għall-prevenzjoni tal-manifattura illeċita tal-isplussivi tkompli tiġi msaħħa u armonizzata fid-dawl tat-theddida li qed tevolvi għas-sigurtà pubblika kkawżata mit-terroriżmu u minn attivitajiet kriminali serji oħra. Jenħtieġ li tali tisħiħ u armonizzazzjoni jiżguraw ukoll il-moviment liberu ta’ prekursuri tal-isplussivi fis-suq intern u jenħtieġ li jippromwovu ukoll il-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u jħeġġeġ l-innovazzjoni, pereżempju, billi jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ sustanzi kimiċi aktar siguri sabiex jieħdu post il-prekursuri tal-isplussivi.

(5)

Il-kriterji għad-determinazzjoni ta’ liema miżuri jenħtieġ li japplikaw għal liema prekursuri tal-isplussivi jinkludu l-livell ta’ theddida assoċjat mal-prekursur tal-isplussivi kkonċernat, il-volum ta’ kummerċ fil-prekursur tal-isplussivi kkonċernat, u jekk ikunx possibbli li jiġi stabbilit livell ta’ konċentrazzjoni li taħtu l-prekursur tal-isplussivi jista’ xorta jintuża għall-għanijiet leġittimi li għalihom ikun disponibbli filwaqt li jiżgura li jkun ferm inqas probabbli li dak il-prekursur jintuża għall-manifattura illeċita ta’ splussivi.

(6)

Jenħtieġ li l-membri tal-pubbliku ġenerali ma jitħallewx jakkwistaw, jintroduċu, jippossjedu jew jużaw ċerti prekursuri tal-isplussivi f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu ċerti valuri limitu, espressi bħala perċentwal skont il-piż (w/w). Madankollu, jenħtieġ li l-membri tal-pubbliku ġenerali jitħallew jakkwistaw, jintroduċu, jippossjedu jew jużaw xi prekursuri tal-isplussivi f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu dawk il-valuri limitu għal finijiet leġittimi, sakemm ikollhom liċenzja biex jagħmlu dan. Meta l-applikant ikun persuna ġuridika, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tqis il-kuntest tal-persuna ġuridika u ta’ kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’ setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika, awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika jew awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

(7)

Għal xi prekursuri tal-isplussivi ristretti f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu l-valuri limitu previst f’dan ir-Regolament, ma jeżisti l-ebda użu leġittimu minn membri tal-pubbliku ġenerali. Għalhekk, jenħtieġ li jitwaqqaf il-liċenzjar tal-klorat tal-potassju, tal-perklorat tal-potassju, tal-klorat tas-sodju u tal-perklorat tas-sodju. Jenħtieġ li l-liċenzjar jitħalla biss għal għadd limitat ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li għalihom jeżisti użu leġittimu minn membri tal-pubbliku ġenerali. Jenħtieġ li tali liċenzjar ikun limitat għal konċentrazzjonijiet li ma jaqbżux l-ogħla valur limitu previst f’dan ir-Regolament. Meta jinqabeż dak l-ogħla valur limitu r-riskju tal-manifattura illeċita tal-isplussivi jegħleb l-użu leġittimu negliġibbli ta’ dawk il-prekursuri tal-isplussivi mill-membri tal-pubbliku ġenerali, fid-dawl tal-fatt li għal dawk il-prekursuri jeżistu alternattivi jew konċentrazzjonijiet aktar baxxi li jistgħu jilħqu l-istess effett. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiddetermina wkoll iċ-ċirkostanzi li l-awtoritajiet kompetenti, bħala minimu, jieħdu inkunsiderazzjoni meta jkunu qed jikkunsidraw jekk joħorġux liċenzja. Flimkien mal-format ta’ liċenzja li jinsab fl-Anness III, jenħtieġ li dan jiffaċilita r-rikonoxximent tal-liċenzji li jinħarġu minn Stati Membri oħra.

(8)

Jenħtieġ li jkun possibbli li r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji li jinħargu minn Stati Membri oħra jsir b’mod bilaterali jew multilaterali, sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-suq uniku.

(9)

Sabiex japplikaw ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk l-operaturi ekonomiċi li jbiegħu lil utenti professjonali jew lil membri tal-pubbliku ġenerali li jkollhom liċenzja jkunu jistgħu joqogħdu fuq l-informazzjoni li tkun disponibbli aktar ‘il fuq fil-katina tal-provvista. Għalhekk jenħtieġ li kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista jinforma lir-riċevitur ta’ dawk il-prekursuri tal-isplussivi regolati li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi minn membri tal-pubbliku ġenerali huwa soġġett għal dan ir-Regolament, pereżempju, billi titwaħħal tikketta adatta mal-imballaġġ, billi jiġi verifikat li tkun twaħħlet tikketta adatta mal-imballaġġ, jew billi dik l-informazzjoni tiġi inkluża fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà kkompilata skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(10)

Id-differenza bejn operatur ekonomiku u utent professjonali hija li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu prekursur tal-isplussivi disponibbli għal persuna oħra, filwaqt li utenti professjonali jakkwistaw jew jintroduċu prekursur tal-isplussivi unikament għall-użu propju. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li jbiegħu lill-utenti professjonali, lil operaturi ekonomiċi oħra jew lil membri tal-pubbliku ġenerali li jkollhom liċenzja jiżguraw li l-persunal tagħhom involut fil-bejgħ tal-prekursuri tal-isplussivi jkunu jafu liema mill-prodotti li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni fihom prekursuri tal-isplussivi, pereżempju billi jinkludu informazzjoni li prodott ikun fih prekursur tal-isplussivi fil-barcode tal-prodott.

(11)

Id-distinzjoni bejn utenti professjonali, li fir-rigward tagħhom jenħtieġ li jkun possibbli li prekursuri tal-isplussivi ristretti jkunu disponibbli, u membri tal-pubbliku ġenerali li fir-rigward tagħhom jenħtieġ li ma jkunux disponibbli, tiddependi fuq jekk il-persuna għandhiex l-intenzjoni li tuża l-prekursur tal-isplussivi kkonċernat għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, man-negozju jew mal-professjoni speċifikata’ dik il-persuna, inkluż il-forestrija, l-ortikultura u attività agrikola, kemm jekk titwettaq fuq bażi full-time jew fuq bażi part-time u mhux neċessarjament relatat mad-daqs tal-medda tal-art li fuqha titwettaq dik l-attività. Għalhekk jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi ma jqiegħdux prekursur tal-isplussivi ristrett għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu professjonalment attivi f’oqsma fejn hemm it-tendenza li l-prekursuri tal-isplussivi ristretti speċifiċi ma jintużawx għal skopijiet professjonali, jew għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu involuti f’attivitajiet li ma jkunux marbuta ma’ xi skop professjonali.

(12)

Jenħtieġ li l-persunal tal-operaturi ekonomiċi li jkun involut fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi ikun soġġett għall-istess regoli taħt dan ir-Regolament li japplikaw għall-membri tal-pubbliku ġenerali meta juża tali prekursuri ta’ splussivi fil-kapaċità personali tiegħu.

(13)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jżommu d-data dwar it-tranżazzjonijiet sabiex jassistu lill-awtoritajiet b’mod sostanzjali fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji li jitwettqu b’apparat splussiv artiġjanali kif ukoll fil-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. L-identifikazzjoni tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista u tal-klijenti kollha hija essenzjali għal dan il-għan, sew jekk ikunu membri tal-pubbliku ġenerali, utenti professjonali jew operaturi ekonomiċi. Billi l-manifattura u l-użu illeċiti ta’ splussivi artiġjanali jistgħu jseħħu biss ammont ta’ żmien sinifikanti wara l-bejgħ tal-prekursur ta’ splussivi, jenħtieġ li d-data dwar it-tranżazzjonijiet tinżamm għal dak iż-żmien kollu li jkun neċessarju, proporzjonali u xieraq biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet b’kont meħud tal-perijodi ta’ spezzjoni medji.

(14)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għall-operaturi ekonomiċi li joperaw online, inkluż dawk li joperaw fi swieq online. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li joperaw online jħarrġu wkoll lill-persunal tagħhom u jenħtieġ ukoll li jkollhom proċeduri xierqa fis-seħħ biex jiġu identifikati tranżazzjonijiet suspettużi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jqiegħdu prekursuri tal-isplussivi ristretti biss għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali fl-Istati Membri li jżommu jew li jistabbilixxu reġim ta’ liċenzjar f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u biss wara li jkunu vverifikaw li dak il-membru tal-pubbliku ġenerali għandu liċenzja valida. Wara li jkun ivverifika l-identità tal-klijent prospettiv, pereżempju permezz tal-mekkaniżmi previsti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jivverifika li l-liċenzja li tkun inħarġet tkopri t-tranżazzjoni intenzjonata, pereżempju permezz ta’ spezzjoni fiżika tal-liċenzja fil-ħin tal-kunsinna tal-prekursur tal-isplussivi jew, bil-kunsens tal-klijent prospettiv, billi jikkuntattja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja. Jenħtieġ ukoll li l-operaturi ekonomiċi li joperaw online, bl-istess mod ta’ dawk li joperaw offline, jitolbu l-utenti professjonali jipprovdu dikjarazzjonijiet dwar l-użu finali.

(15)

Is-swieq online jaġixxu bħala sempliċi intermedjarji bejn l-operaturi ekonomiċi fuq naħa waħda, u l-membri tal-pubbliku ġenerali, jew utenti professjonali jew operaturi ekonomiċi oħra, fuq in-naħa l-oħra. Għalhekk, jenħtieġ li s-swieq online ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ operatur ekonomiku u ma jkunux meħtieġa li jagħtu struzzjonijiet lill-persunal tagħhom involut fil-bejgħ ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti rigward l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament jew li jivverifikaw l-identità u, fejn xieraq, il-liċenzja tal-klijent prospettiv, jew li jitolbu informazzjoni oħra mingħand il-klijent prospettiv. Madankollu, minħabba r-rwol ċentrali li għandhom is-swieq online fit-tranżazzjonijiet online, inkluż fir-rigward tal-bejgħ ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati, jenħtieġ li dawn jinformaw lill-utenti tagħhom li jkollhom l-għan li jrendu disponibbli prekursuri tal-isplussivi regolati permezz tal-użu tas-servizzi tagħhom dwar l-obbligi taħt dan ir-Regolament, b’mod ċar u effettiv. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-swieq online jieħdu miżuri biex jgħinu sabiex jiġi żgurat li l-utenti tagħhom jikkonformaw mal-obbligi proprji tagħhom fir-rigward tal-verifika, pereżempju billi joffru għodod biex tiġi ffaċilitata l-verifika tal-liċenzji. Fid-dawl tas-sinifikat dejjem akbar tas-swieq online għal kull tip ta’ provvista u l-importanza ta’ dan il-mezz ta’ akkwist, inkluż għal finijiet ta’ terroriżmu, jenħtieġ li s-swieq online ikunu soġġetti għall-istess obbligi ta’ identifikazzjoni u rappurtar bħall-operaturi ekonomiċi, għalkemm jenħtieġ li l-proċeduri biex jiġu identifikati tranżazzjonijiet suspettużi jiġu adattati kif suppost għall-ambjent online speċifiku.

(16)

Jenħtieġ li l-obbligi fuq is-swieq online skont dan ir-Regolament ma jwasslux għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi biss obbligi speċifiċi għal swieq online fir-rigward tal-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li jsiru fuq is-siti web tagħhom jew li jużaw is-servizzi tal-informatika tagħhom. Jenħtieġ li s-swieq online ma jinżammux responsabbli, abbażi ta’ dan ir-Regolament, għal tranżazzjonijiet li ma kinux identifikati minkejja li s-suq online kellu fis-seħħ proċeduri xierqa, raġonevoli u proporzjonati biex tiġi identifikata tali tranżazzjonijiet suspettużi.

(17)

Dan ir-Regolament jeżiġi li l-operaturi ekonomiċi jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi, irrispettivament minn jekk il-klijent prospettiv huwiex membru tal-pubbliku ġenerali, utent professjonali jew operatur ekonomiku. Jenħtieġ li l-obbligi li jirrigwardaw prekursuri tal-isplussivi regolati, inkluż l-obbligu tar-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, japplikaw għas-sustanzi kollha elenkati tal-Annessi I u II, irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom. Madankollu, il-prodotti li ma fihomx prekursuri tal-isplussivi ħlief għal limitu tant baxx u f’taħlitiet tant kumplessi li l-estrazzjoni tal-prekursuri tal-isplussivi hija teknikament ferm diffiċli jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Biex titjieb l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li kemm l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi jipprovdu taħriġ adegwat rigward l-obbligi taħt dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet ta’ spezzjoni u jenħtieġ li jorganizzaw azzjonijiet regolari biex jiżdied l-għarfien li jkunu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull wieħed mis-setturi differenti, u jenħtieġ li jżommu djalogu permanenti mal-operaturi ekonomiċi f’kull livell tal-katina tal-provvista, inkluż l-operaturi ekonomiċi li joperaw online.

(19)

L-għażla tas-sustanzi li jintużaw mill-kriminali għall-manifattura illeċita tal-isplussivi tista’ tinbidel malajr. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiddaħħlu sustanzi addizzjonali taħt l-obbligu ta’ rappurtar previst minn dan ir-Regolament, fejn ikun meħtieġ b’urġenza. Sabiex jiġu akkomodati l-iżviluppi possibbli fl-użu ħażin ta’ sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi, jenħtieġ li s-setgħa li tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar ta’ dan ir-Regolament bil-modifika tal-valuri limitu ta’ ċerti sustanzi li huma ristretti taħt dan ir-Regolament li meta jinqabżu ma għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku ġenerali, u tal-elenkar ta’ sustanzi addizzjonali li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rapportati tranżazzjonijiet suspettużi. Huwa ta’ importanza partikolari li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jsiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(20)

Sabiex jiġu indirizzati s-sustanzi li mhumiex diġà elenkati fl-Anness I jew II, iżda li fir-rigward tagħhom Stat Membru jiskopri raġunijiet tajbin biex jemmen li dawn jistgħu jintużaw għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, jenħtieġ li tiġi pprovduta klawżola ta’ salvagwardja għal proċedura adegwata tal-Unjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskji speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati f’dan ir-Regolament, huwa opportun li jkun permess li l-Istati Membri, f’ċerti ċirkostanzi, jadottaw miżuri ta’ salvagwardja, inkluż fir-rigward ta’ sustanzi li jkunu diġà soġġetti għal miżuri taħt dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu miżuri nazzjonali li ikunu diġà infurmaw jew innotifikaw lill-Kummissjoni dwarhom f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 98/2013.

(21)

Il-qafas regolatorju jiġi ssimplifikat permezz tal-integrazzjoni tar-restrizzjonijiet rilevanti orjentati lejn is-sigurtà dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tan-nitrat tal-ammonju mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 f’dan ir-Regolament. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

(22)

Dan ir-Regolament jirrikjedi l-ipproċessar ta’ data personali u l-iżvelar ulterjuri tagħha lil persuni terzi fil-każ ta’ tranżazzjonijiet suspettużi. Tali pproċessar u żvelar jimplikaw interferenza mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tal-individwu u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi żgurat li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali ta’ individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun debitament protett. Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jirregola l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali involuta fil-liċenzjar u ta’ rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi jsir skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inklużi l-prinċipji ġenerali relatati mal-protezzjoni tad-data ta’ legalità, ġustizzja u trasparenza, limitazzjoni tal-iskop, minimizzazzjoni tad-data, preċiżjoni, limitazzjoni tal-ħżin, integrità u kunfidenzjalità u r-rekwiżit li jintwera rispett dovut lejn id-drittijiet tas-suġġett tad-data.

(23)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament ibbażata fuq il-kriterji ta’ effikaċja, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud tal-UE, Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri oħra possibbli. Jenħtieġ li l-informazzjoni tinġabar fuq bażi regolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(24)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-limitazzjoni tal-aċċess tal-membri tal-pubbliku ġenerali għal prekursuri tal-isplussivi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-limitazzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(25)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 98/2013 jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu użati ħażin għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, bil-għan li tiġi limitata d-disponibbiltà ta’ dawk is-sustanzi jew taħlitiet għall-membri tal-pubbliku ġenerali, u bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rapportar adegwat ta’ tranżazzjonijiet suspettużi tul il-katina tal-provvista.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn aktar stretti tad-dritt tal-Unjoni dwar is-sustanzi elenkati f’ Anness I u II.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għas-sustanzi elenkati fl-Annessi I u II u għat-taħlitiet u s-sustanzi li fihom dawk is-sustanzi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

oġġetti kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(b)

oġġetti pirotekniċi kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(c)

oġġetti pirotekniċi intenzjonati għall-użu mhux kummerċjali skont il-liġi nazzjonali mill-forzi armati, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew mis-servizzi tat-tifi tan-nar;

(d)

tagħmir pirotekniku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(e)

oġġetti pirotekniċi intenzjonati għall-użu fl-industrija tal-ajruspazju;

(f)

kapsuli ta’ perkussjoni intenzjonati għall-ġugarelli;

(g)

prodotti mediċinali li kienu tqiegħdu b’mod leġittimu għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali abbażi ta’ preskrizzjoni medika skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"sustanza" tfisser sustanza kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(2)

"taħlita" tfisser taħlita kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(3)

"oġġett" tfisser oġġett kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(4)

"tqegħid għad-dispożizzjoni" tfisser kwalunkwe provvista, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(5)

"introduzzjoni" tfisser l-att li bih tinġieb sustanza fit-territorju ta’ Stat Membru, irrispettivament mid-destinazzjoni tagħha fl-Unjoni, kemm jekk minn Stat Membru ieħor kif ukoll jekk minn pajjiż terz, skont kwalunkwe proċedura doganali, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) inkluż it-tranżitu;

(6)

"użu" tfisser użu kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(7)

"tranżazzjoni suspettuża" tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li tikkonċerna prekursuri tal-isplussivi regolati li għaliha, wara li jkunu tqiesu l-fatturi rilevanti kollha, ikun hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jissuspetta li s-sustanza jew it-taħlita kkonċernata hija intenzjonata għall-manifattura illeċita ta’ splussivi;

(8)

"membru tal-pubbliku ġenerali" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed taġixxi għal finijiet mhux konnessi mal-kummerċ, in-negozju, jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(9)

"utent professjonali" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ tali persuni jew entitajiet li jkollha ħtieġa dimostrabbli għal prekursur tal-isplussivi ristrett għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, in-negozju, jew il-professjoni tagħha, inkluż attività agrikola, kemm jekk titwettaq fuq bażi full-time jew fuq bażi part-time u mhux neċessarjament relatat mad-daqs tal-medda tal-art li fuqha titwettaq dik l-attività agrikola, sakemm tali skopijiet ma jinkludux it-tqegħid tal-prekursur tal-isplussivi ristrett għad-dispożizzjoni ta’ persuna oħra;

(10)

"operatur ekonomiku" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ tali persuni jew entitajiet li jagħmlu prekursuri tal-isplussivi regolati disponibbli fis-suq, sew jekk offline jew online, u inkluż fi swieq online;

(11)

"suq online" tfisser fornitur ta’ servizz intermedjarju li jippermetti l-operaturi ekonomiċi, fuq in-naħa l-waħda, u membri tal-pubbliku ġenerali, utenti professjonali, jew operaturi ekonomiċi oħrajn, fuq in-naħa l-oħra, jikkonkludu tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati permezz ta’ bejgħ online jew kuntratti ta’ servizzi, jew fuq is-sit web tas-suq online jew fuq is-sit web ta’ operatur ekonomiku li juża’ servizzi tal-informatika pprovduti mis-suq online;

(12)

"prekursur tal-isplussivi ristrett" tfisser sustanza elenkata fl-Anness I li tkun f’konċentrazzjoni li teċċedi l-valur limitu korrispondenti u stabbilit fil-kolonna nru 2 tat-tabella fl-Anness I inkluż taħlita jew sustanza oħra li fiha tkun preżenti sustanza elenkata f’dak l-Anness f’konċentrazzjoni li teċċedi l-valur limitu korrispondenti;

(13)

"prekursur tal-isplussivi regolat" tfisser sustanza elenkata fl-Anness I jew II inkluż taħlita jew sustanza oħra li fiha tkun preżenti sustanza elenkata f’dawk l-Annessi, bl-esklużjoni ta’ taħlitiet omoġenji ta’ aktar minn 5 ingredjenti li fihom il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza elenkata fl-Anness I jew II tkun inqas minn 1 % piż b’piż;

(14)

"attività agrikola" tfisser il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli inkluż il-ħsad, it-taħlib, it-tnissil tal-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skopijiet agrikoli, jew iż-żamma taż-żona agrikola fi stat agrikolu u ambjentali tajjeb kif stabbilit skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

Artikolu 4

Moviment liberu

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew f’atti legali oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prekursur tal-isplussivi regolat, abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-prevenzjoni tal-manifattura illeċita tal-isplussivi.

Artikolu 5

Tqegħid għad-dispożizzjoni, introduzzjoni, pussess u użu

1.   Prekursuri tal-isplussivi ristretti ma għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew jiġu introdotti, ikunu fil-pussess ta’ jew użati minn, membri tal-pubbliku ġenerali.

2.   Ir-restrizzjoni skont il-paragrafu 1 tapplika wkoll għal taħlitiet li fihom klorati jew perklorati elenkati fl-Anness I, fejn il-konċentrazzjoni totali ta’ dawk is-sustanzi fit-taħlita taqbeż il-valur limitu għal kwalunkwe waħda mis-sustanzi indikati fil-kolonna 2 tat-tabella fl-Anness I.

3.   Stat Membru jista’ jżomm jew jistabbilixxi reġim ta’ liċenzjar li jippermetti li ċerti prekursuri tal-isplussivi ristretti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew jiġu introdotti, ikunu fil-pussess ta’ jew użati minn, membri tal-pubbliku ġenerali f’konċentrazzjonijiet li ma jaqbżux l-ogħla valuri limitu korrispondenti stabbiliti fil-kolonna 3 tat-tabella fl-Anness I.

Taħt tali reġimi ta’ liċenzjar, membru tal-pubbliku ġenerali għandu jikseb, u, jekk jintalab, jippreżenta liċenzja għall-akkwist, għall-introduzzjoni, għall-pussess jew għall-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti. Tali liċenzji għandhom jinħarġu f’konformità mal-Artikolu 6 minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett huwa intenzjonat li jiġi akkwistat, introdott, ippossjedut jew użat.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-miżuri kollha li jieħdu sabiex jimplimentaw ir-reġim ta’ liċenzjar previst fil-paragrafu 3 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. In-notifika għandha tistabbilixxi l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru jipprevedi reġim ta’ liċenzjar skont il-paragrafu 3.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli lista ta’ miżuri nnotifikati mill-Istati Membri skont il-paragrafu 4.

Artikolu 6

Liċenzji

1.   Kull Stat Membru li joħroġ liċenzji lil membri tal-pubbliku ġenerali li għandhom interess leġittimu fl-akkwist, fl-introduzzjoni, fil-pussess jew fl-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti għandu jistabbilixxi regoli għall-ħruġ ta’ liċenzja f’konformità mal-Artikolu 5(3). Meta tkun qiegħda tikkunsidra jekk toħroġx liċenzja, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tqis iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari:

(a)

il-ħtieġa dimostrabbli għall-prekursur tal-isplussivi ristrett u l-leġittimità tal-użu intenzjonat tiegħu;

(b)

id-disponibbiltà tal-prekursur tal-isplussivi ristrett f’konċentrazzjonijiet aktar baxxi jew ta’ sustanzi alternattivi b’effett simili;

(c)

il-kuntest tal-applikant, inkluż informazzjoni dwar kundanni kriminali preċedenti tal-applikant fi kwalunkwe post fl-Unjoni;

(d)

l-arranġamenti ta’ ħżin li jkunu ġew proposti biex jiġi żgurat li l-prekursur tal-isplussivi ristrett jinħażen b’mod sikur.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiġi rifjutata li toħroġ liċenzja jekk ikollha raġunijiet fondati sabiex tiddubita l-leġittimità tal-użu intenzjonat jew l-intenzjonijiet tal-membru tal-pubbliku ġenerali biex juża l-prekursur tal-isplussivi ristrett għal għan leġittimu.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħżel li tillimita l-validità tal-liċenzja, billi tippermetti l-użu uniku jew multiplu. Il- perjodu tal-validità tal-liċenzja ma għandux jaqbeż tliet snin. Sal-iskadenza indikata tal-liċenzja, l-awtorità kompetenti tista’ tobbliga lid-detentur tal-liċenzja biex juri li l-kondizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet il-liċenzja għadhom qed jiġu ssodisfati. Il-liċenzja għandha tindika l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ teżiġi li l-applikanti jħallsu tariffa għall-applikazzjoni ta’ liċenzja. Tali tariffi ma għandhomx jaqbżu l-kost tal-ipproċessar tal-applikazzjoni.

5.   L-awtorità kompetenti tista’ tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja kull fejn ikollha raġunijiet fondati biex temmen li l-kondizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet il-liċenzja ma għadhomx sodisfatti. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lid-detenturi tal-liċenzji bi kwalunkwe suspett jew revoka tal-liċenzji mingħajr dewmien, sakemm dan ma jipperikolax investigazzjonijiet attwali li jkunu għaddejjin.

6.   L-appelli kontra kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, u tilwim li jittratta l-konformità mal-kondizzjonijiet tal-liċenzji, għandhom jinstemgħu minn korp adatt li jkun responsabbli għal tali appelli u tilwim skont il-liġi nazzjonali.

7.   Stat Membru jista’ jirrikonoxxi liċenzji maħruġa minn Stati Membri oħra skont dan ir-Regolament.

8.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-format għal liċenzja indikat fl-Anness III.

9.   L-awtorità kompetenti għandha tikseb l-informazzjoni dwar kundanni kriminali preċedenti tal-applikant fi Stati Membri oħra kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, permezz tas-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (12). L-awtoritajiet ċentrali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jipprovdu tweġibiet għal talbiet għal tali informazzjoni fi żmien għaxart’ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha tasal it-talba.

Artikolu 7

Informazzjoni lill-katina tal-provvista

1.   Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi ristrett għad-dispożizzjoni ta’ operatur ekonomiku ieħor għandu jinforma lil dak l-operatur ekonomiku li l-akkwist, l-introduzzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett minn membri tal-pubbliku ġenerali huwa soġġett għal restrizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (3).

Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi regolat għad-dispożizzjoni ta’ operatur ekonomiku ieħor għandu jinforma lil dak l-operatur ekonomiku li l-akkwist, l-introduzzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi regolat minn membri tal-pubbliku ġenerali huwa soġġett għal obbligi ta’ rapportar kif stabbilit fl-Artikolu 9.

2.   Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursuri tal-isplussivi regolati għad-dispożizzjoni ta’ utent professjonali jew ta’ membru tal-pubbliku ġenerali għandu jiżgura u għandu jkun jista’ juri lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 11 li l-persunal tiegħu involut fil-bejgħ ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati:

(a)

jaf liema mill- prodotti li jqiegħed għad-dispożizzjoni fihom prekursuri tal-isplussivi regolati;

(b)

huwa mħarreġ dwar l-obbligi skont l-Artikolu 5 u 9.

3.   Suq online għandu jieħu miżuri biex jiżgura li l-utenti tiegħu, meta jkunu qed iqiegħdu għad-dispożizzjoni xi prekursuri tal-isplussivi regolati permezz tas-servizzi tiegħu, ikunu infurmati dwar l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Verifika waqt il-bejgħ

1.   Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi ristrett għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali f’konformità mal-Artikolu 5(3) għandu, għal kull tranżazzjoni, jivverifika l-identità u l-liċenzja ta’ dak il-membru tal-pubbliku ġenerali f’konformità mar-reġim ta’ liċenzjar stabbilit mill-Istat Membru fejn il-prekursur tal-isplussivi ristrett jitqiegħed għad-dispożizzjoni u jirreġistra l-ammont tal-prekursur tal-isplussivi ristrett fuq il-liċenzja.

2.   Sabiex jiġi vverifikat li klijent prospettiv huwa utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor, l-operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi ristrett għad-dispożizzjoni ta’ utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor għandu jitlob, għal kull tranżazzjoni, l-informazzjoni li ġejja, sakemm tali verifika għal dak il-klijent prospettiv ma tkunx diġà saret f’perijodu ta’ sena qabel id-data tat-tranżazzjoni u t-tranżazzjoni ma tiddevjax b’mod sinifikanti minn tranżazzjonijiet preċedenti:

(a)

prova tal-identità tal-individwu intitolat li jirrappreżenta lill-klijent prospettiv;

(b)

il-kummerċ, in-negozju, jew il-professjoni flimkien mal-isem tal-kumpannija, l-indirizz u n-numru tal-identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew kwalunkwe numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija rilevanti ieħor, jekk ikun hemm, tal-klijent prospettiv;

(c)

l-użu intenzjonat tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti mill-klijent prospettiv.

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-mudell tad-dikjarazzjoni tal-klijent indikat fl-Anness IV.

3.   Sabiex jiġi vverifikat l-użu intenzjonat tal-prekursur tal-isplussivi ristrett, l-operatur ekonomiku għandu jivvaluta jekk l-użu intenzjonat huwiex konsistenti mal-kummerċ, man-negozju jew mal-professjoni tal-klijent prospettiv. L-operatur ekonomiku jista’ jirrifjuta t-tranżazzjoni jekk ikollu raġunijiet tajbin biex jiddubita l-leġittimità tal-użu intenzjonat jew l-intenzjoni tal-klijent prospettiv li juża l-prekursur tal-isplussivi ristrett għal skop leġittimu. L-operatur ekonomiku għandu jirrapporta tali tranżazzjonijiet jew tali tranżazzjonijiet li ppruvaw isiru f’konformità mal-Artikolu 9.

4.   Sabiex tiġi vverifikata l-konformità ma’ dan ir-Regolament u tiġi evitata u identifikata l-manifattura illeċita tal-isplussivi, l-operaturi ekonomiċi għandhom iżommu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għal 18-il xahar mid-data tat-tranżazzjoni. Matul dak il-perijodu, l-informazzjoni għandha titqiegħed disponibbli għal spezzjoni fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni jew tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

5.   Suq online għandu jieħu miżuri biex jgħin jiżgura li l-utenti tiegħu, meta jkunu qed iqiegħdu għad-dispożizzjoni prekursuri tal-isplussivi ristretti permezz tas-servizz tiegħu, jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq

1.   Għall-fini tal-prevenzjoni u tal-identifikazzjoni tal-manifattura illeċita tal-isplussivi, l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online għandhom jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi. L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online għandhom jagħmlu dan wara li jkunu qiesu ċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, fejn il-klijent prospettiv jaġixxi b’waħda jew aktar mill-modi li ġejjin:

(a)

jidher inċert dwar l-użu intenzjonat tal-prekursuri tal-isplussivi regolati;

(b)

jidher li ma jkunx familjari mal-użu intenzjonat tal-prekursuri tal-isplussivi regolati jew ma jistax jispjegah b’mod kredibbli;

(c)

biħsiebu jixtri prekursuri tal-isplussivi regolati fi kwantitajiet, kombinazzjonijiet jew konċentrazzjonijiet li mhumiex komuni għal użu leġittimu;

(d)

ma jkunx irid jagħti prova tal-identità, tal-post ta’ residenza jew, fejn xieraq, tal-istatus bħala utent professjonali jew operatur ekonomiku;

(e)

jinsisti li juża metodi insoliti ta’ pagament, inklużi ammonti kbar ta’ flus.

2.   L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti, raġonevoli u proporzjonati għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, adattati għall-ambjent speċifiku li fih jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-prekursuri tal-isplussivi regolati.

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt jew punti ta’ kuntatt nazzjonali b’numru tat-telefon faċilment identifikabbli, u indirizz elettroniku, formola online jew kwalunkwe għodda effettiva oħra, għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u għajbien u serq sinifikanti. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

4.   L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jistgħu jirrifjutaw it-tranżazzjoni suspettuża. Huma għandhom jirrappurtaw it-tranżazzjoni suspettuża jew it-tranżazzjoni suspettuża li ppruvat issir fi żmien 24 siegħa minn meta ġiet ikkunsidrata suspettuża. Meta jirrappurtaw tali tranżazzjonijiet, huma għandhom jagħtu l-identità tal-klijent jekk possibbli u d-dettalji kollha li wassluhom biex jikkunsidraw li t-tranżazzjoni hi suspettuża lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni suspettuża tkun ġiet konkluża, jew ippruvat issir.

5.   Operaturi ekonomiċi u utenti professjonali għandhom jirrapportaw għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-għajbien jew is-serq. Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar jekk l-għajbien jew is-serq huwiex sinifikattiv, għandhom iqisu jekk l-ammont huwiex insolitu b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

6.   Membri tal-pubbliku ġenerali li jkunu kisbu prekursuri tal-isplussivi ristretti skont l-Artikolu 5(3) għandhom jirrapportaw għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun seħħ l-għajbien jew is-serq.

Artikolu 10

Taħriġ u għarfien

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw riżorsi adegwati għal taħriġ u jipprovdu taħriġ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, lill-persuni li joffru l-ewwel intervent u lill-awtoritajiet doganali, sabiex ikunu kapaċi jagħrfu prekursuri tal-isplussivi regolati fil-qadi ta’ dmirijiethom u jirreaġixxu f’ħin opportun u b’mod adegwat f’każ ta’ attività suspettuża. L-Istati Membri jistgħu jitolbu taħriġ speċifiku addizzjonali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

2.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw, tal-anqas darba fis-sena, azzjonijiet biex jiżdied l-għarfien adattati għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull wieħed mis-setturi differenti li jużaw prekursuri tal-isplussivi regolati.

3.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni u jiġi żgurat li l-partijiet kollha kkonċernati jimplimentaw dan ir-Regolament b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw skambji regolari bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll, l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online kif ukoll ir-rappreżentanti tas-setturi li jużaw prekursuri tal-isplussivi regolati. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu informazzjoni lill-persunal tagħhom dwar il-mod ta’ kif il-prekursuri tal-isplussivi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni skont dan ir-Regolament u biex iżidu l-għarfien tal-persunal f’dan ir-rigward.

Artikolu 11

Awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm awtoritajiet kompetenti stabbiliti għal spezzjonijiet u kontrolli tal-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 5 sa 9 ("awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni").

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni jkollhom ir-riżorsi u s-setgħat investigattivi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Linji gwida

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi linji gwida aġġornati fuq bażi regolari sabiex tgħin lill-atturi fil-katina tal-provvista kimika u lill-awtoritajiet kompetenti, u biex tiġi faċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri rigward kwalunkwe linji gwida jew l-aġġornamenti tagħhom. Il-linji gwida għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu:

(a)

informazzjoni dwar kif għandhom isiru l-ispezzjonijiet;

(b)

informazzjoni dwar kif għandhom jiġu applikati r-restrizzjonijiet u l-kontrolli taħt dan ir-Regolament għal prekursuri tal-isplussivi regolati li jiġu ordnati mill-bogħod minn membri tal-pubbliku ġenerali jew minn utenti professjonali;

(c)

informazzjoni dwar il-miżuri possibbli li għandhom jiġu adottati minn swieq online biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(d)

informazzjoni dwar kif għandha tiġi skambjata informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-punti ta’ kuntatt nazzjonali u bejn l-Istati Membri;

(e)

informazzjoni dwar il-mod kif wieħed jirrikonoxxi u jirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi;

(f)

informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ ħżin li jiżguraw li l-prekursur tal-isplussivi regolat jinħażen b’mod sikur;

(g)

informazzjoni oħra, li tista’ titqies utli.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-linji gwida previsti fil-paragrafu 1 jiġu ċċirkolati fuq bażi regolari b’mod li jitqies bħala adegwat mill-awtoritajiet kompetenti skont l-objettivi tal-linji gwida.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 1 ikunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Klawżola ta’ salvagwardja

1.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet tajbin biex jemmen li sustanza speċifika li ma tkunx elenkata fl-Anness I jew II tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza, jew ta’ kwalunkwe taħlita jew sustanza li fiha dik is-sustanza, jew jipprevedi li s-sustanza tkun soġġetta għal obbligi ta’ rapportar f’konformità mal-Artikolu 9.

2.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet tajbin biex jemmen li sustanza speċifika elenkata fl-Anness I tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi f’konċentrazzjoni daqs jew aktar baxxa mill-valuri limitu stabbiliti fil-kolonna 2 jew 3 tat-tabella fl-Anness I, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi ulterjorment it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza billi jimponi valur limitu aktar baxx.

3.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet fondati biex jistabbilixxi valur limitu li meta jinqabeż minn sustanza elenkata fl-Anness II għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet li japplikaw għal prekursuri tal-isplussivi ristretti, hu jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza billi jimponi dak il-valur limitu.

4.   Stat Membru li jirrestrinġi jew jipprojbixxi sustanzi f’konformità mal-paragrafu 1, 2 jew 3 għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b’restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet bħal dawn, u jagħti r-raġunijiet tiegħu għal dan.

5.   Stat Membru li jirrestrinġi jew jipprojbixxi sustanzi f’konformità mal-paragrafi 1, 2 jew 3 għandu jżid l-għarfien dwar tali restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fost l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online fit-territorju tiegħu.

6.   Meta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha teżamina minnufih jekk tħejjijx emendi għall-Annessi f’konformità mal-Artikolu 15(1) jew jekk tħejjijx proposta leġislattiva biex jiġu emendati l-Annessi. Fejn adatt, l-Istat Membru kkonċernat għandu jemenda jew iħassar il-miżuri nazzjonali tiegħu sabiex jieħu kont ta’ kwalunkwe tali emenda ta’ dawk l-Annessi.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat u, jekk xieraq, ma’ partijiet terzi, tieħu deċiżjoni li l-miżura meħuda minn dak l-Istat Membru mhijiex ġustifikata u teżiġi li dak l-Istat Membru jirrevoka jew jemenda l-miżura proviżorja. Il-Kummissjoni għandha tieħu tali deċiżjonijiet fi żmien 60 jum minn meta tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. L-Istat Membru kkonċernat għandu jżid l-għarfien dwar tali deċiżjonijiet fost l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online fit-territorju tiegħu.

8.   Il-miżuri li dwarhom l-Istati Membri jkunu infurmaw jew innotifikaw lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Frar 2021 skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 98/2013 ma għandhomx jiġu affettwati minn dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Emendi għall-Annessi

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 li jemendaw dan ir-Regolament li:

(a)

jimmodifikaw il-valuri limitu fl-Anness I sa fejn meħtieġ biex jiġu akkomodati l-iżviluppi fl-użu ħażin ta’ sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi, jew abbażi ta’ riċerka u ttestjar;

(b)

iżidu sustanzi fl-Anness II, fejn ikun meħtieġ biex jiġu akkomodati l-iżviluppi fl-użu ħażin ta’ sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi.

Il-Kummissjoni għandha, bħala parti mit-tħejjija tagħha ta’ dawk l-atti delegati, tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari dawk fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Fejn ikun hemm tibdil f’daqqa fil-valutazzjoni tar-riskju f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu ħażin ta’ sustanzi għall-manifattura illeċita ta’ splussivi u raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeżiġu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull modifika tal-valuri limiti fl-Anness I u fir-rigward ta’ kull sustanza ġdida li tiżdied fl-Anness II. Kull att delegat għandu jkun ibbażat fuq analiżi li turi li l-emenda mhijiex probabbli li twassal għal piżijiet sproporzjonati fuq l-operaturi ekonomiċi jew fuq il-konsumaturi, b’kont debitament meħud tal-objettivi segwiti.

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 15 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-31 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħat mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 15 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Mal-adozzjoni ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha tibgħat notifika dwaru simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew oġġezzjoni jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Proċedura ta’ urġenza

1.   Atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma ssir l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.

2.   Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill jistgħu joġġezzjona għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(6). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 18

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-entrata 58. (Nitrat tal-ammonju (AN)) il-kolonna 2, il-paragrafi 2 u 3 jitħassru.

Artikolu 19

Rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sat-2 ta’ Frar 2022 u sussegwentement fuq bażi annwali, informazzjoni dwar:

(a)

l-għadd ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq sinifikanti rrapportati rispettivament;

(b)

l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji riċevuti taħt kwalunkwe reġim ta’ liċenzjar li jkunu żammu jew stabbilixxew skont l-Artikolu 5(3), kif ukoll l-għadd ta’ liċenzji maħruġa, u r-raġunijiet l-aktar komuni għar-rifjut tal-ħruġ ta’ liċenzji;

(c)

azzjonijiet biex jiżdied l-għarfien kif imsemmi fl-Artikolu 10(2);

(d)

spezzjonijiet imwettqa kif imsemmi fl-Artikolu 11, inkluż l-għadd ta’ spezzjonijiet u operaturi ekonomiċi koperti.

2.   Meta jittrasmettu l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-paragrafu 1 lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jiddistingwi bejn rapporti, azzjonijiet u spezzjonijiet li jirrigwardaw attivitajiet online u dawk li jirrigwardaw attivitajiet offline.

Artikolu 20

Programmi ta’ monitoraġġ

1.   Sal-1 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatt ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, għandha tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Għandu jispeċifika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi ta’ dik id-data u l-evidenza oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data u evidenza oħra meħtieġa lill-Kummissjoni għall-monitoraġġ.

Artikolu 21

Evalwazzjoni

1.   Sat-2 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il- evalwazzjoni għandha ssir skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni aħjar.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-Rapport.

Artikolu 22

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Frar 2021.

2.   Referenzi għar-Regolament (UE) Nru 98/2013 li tħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Frar 2021.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, il-liċenzji li nħarġu b’mod validu skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 għandhom jibqgħu validi sad-data ddikjarata oriġinarjament fuq dawk il-liċenzji, jew sat-2 ta’ Frar 2022, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

4.   Kwalunkwe applikazzjoni għat-tiġdid tal-liċenzji msemmija fil-paragrafu 3 li tkun saret fl-1 ta’ Frar 2021 jew wara dik id-data għandha ssir f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

5.   Minkejja l-Artikolu 5(1), il-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li kienu akkwistati legalment qabel l-1 ta’ Frar 2021 għandhom ikunu permessi sat-2 ta’ Frar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 35.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Jannar 2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(6)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 27).

(9)  Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(12)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(13)  Regolament (UE) 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI (ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1).


ANNESS I

PREKURSURI TAL-ISPLUSSIVI RISTRETTI

Lista ta’ sustanzi li ma għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew jiġu introdotti, ikunu fil-pussess ta’ jew użati minn, membri tal-pubbliku ġenerali, kemm waħedhom kif ukoll f’taħlitiet jew f’sustanzi li jinkludu dawk is-sustanzi, sakemm il-konċentrazzjoni ma tkunx ugwali jew aktar baxxa mill-valuri limitu indikati fil-kolonna 2, u li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rrapportati tranżazzjonijiet suspettużi u għajbien u serq sinifikanti fi żmien 24 siegħa:

1.

Isem tas-sustanza u n-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (CAS RN)

2.

Valur limitu

3.

L-ogħla valur limitu għall-fini ta’ liċenzjar skont l-Artikolu 5(3)

4.

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal kompost separat definit b’mod kimiku li jissodisfa r-rekwiżiti tan-Nota 1 tal-Kapitolu 28 jew 29 tan-NM, rispettivament (1)

5.

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal taħlita mingħajr kostitwenti (per eż. merkurju, metalli prezzjużi jew metalli rari jew sustanzi radjuattivi) li jiddeterminaw il-klassifika taħt kodiċi ieħor tan-NM (1)

Aċidu nitriku (CAS RN 7697-37-2)

3 % w/w

10 % w/w

ex 2808 00 00

ex 3824 99 96

Perossidu tal-idroġenu (CAS RN 7722-84-1)

12 % w/w

35 % w/w

2847 00 00

ex 3824 99 96

Aċidu kubrit (CAS RN 7664-93-9)

15 % w/w

40 % w/w

ex 2807 00 00

ex 3824 99 96

Nitrometan (CAS RN 75-52-5)

16 % w/w

100 % w/w

ex 2904 20 00

ex 3824 99 92

Nitrat tal-ammonju (CAS 6484-52-2)

16 % w/w ta’ nitroġenu fir-rigward tan-nitrat tal-ammonju (4)

Liċenzjar mhux permess

3102 30 10 (f’soluzzjoni milwiema)

3102 30 90 (oħrajn)

ex 3824 99 96

Klorat tal-potassju (CAS RN 3811-04-9)

40 % w/w

Liċenzjar mhux permess

ex 2829 19 00

ex 3824 99 96

Perklorat tal-potassju (CAS RN 7778-74-7)

40 % w/w

Liċenzjar mhux permess

ex 2829 90 10

ex 3824 99 96

Klorat tas-sodju (CAS RN 7775-09-9)

40 % w/w

Liċenzjar mhux permess

2829 11 00

ex 3824 99 96

Perklorat tas-sodju (CAS RN 7601-89-0)

40 % w/w

Liċenzjar mhux permess

ex 2829 90 10

ex 3824 99 96


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925 (2). Għandhom jiġu kkonsultati l-emendi sussegwenti tal-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3) fir-rigward tal-kodiċijiet NM aġġornati.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1925 tas-12 ta’ Ottubru 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, 31.10.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(4)  16 % w/w ta’ nitroġenu fir-rigward tan-nitrat tal-ammonju jikkorrispondi għal 45.7 % ta’ nitrat tal-ammonju, wara li jitneħħew l-impuritajiet.


ANNESS II

PREKURSURI TAL-ISPLUSSIVI RAPPORTABBLI

Lista ta’ sustanzi waħedhom jew f’taħlitiet jew f’sustanzi li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rrapportati tranżazzjonijiet suspettużi u għajbien u serq sinifikanti fi żmien 24 siegħa:

1.

Isem tas-sustanza u n-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (CAS RN)

2.

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (1)

3.

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal taħlitiet mingħajr kostitwenti (per eż. merkurju, metalli prezzjużi jew metalli rari jew sustanzi radjuattivi) li jiddeterminaw il-klassifika taħt kodiċi ieħor tan-NM (1)

Eżammina (CAS RN 100-97-0)

ex 2933 69 40

ex 3824 99 93

Aċeton (CAS RN 67-64-1)

2914 11 00

ex 3824 99 92

Nitrat tal-potassju (CAS RN 7757-79-1)

2834 21 00

ex 3824 99 96

Nitrat tas-sodju (CAS RN 7631-99-4)

3102 50 00

ex 3824 99 96

Nitrat tal-kalċju (CAS RN 10124-37-5)

ex 2834 29 80

ex 3824 99 96

Nitrat tal-ammonju tal-kalċju (CAS RN 15245-12-2)

ex 3102 60 00

ex 3824 99 96

Manjeżju, trabijiet (CAS RN 7439-95-4) (2)  (3)

ex 8104 30 00

 

Nitrat tal-manjeżju eżaidrat (CAS RN 13446-18-9)

ex 2834 29 80

ex 3824 99 96

Aluminju, trabijiet (CAS RN 7429-90-5) (2)  (3)

7603 10 00

ex 7603 20 00

 


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1925. Għandhom jiġu kkonsultati l-emendi sussegwenti tal-Anness I għar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 fir-rigward tal-kodiċijiet NM aġġornati.

(2)  B'daqs tal-partiċella inqas minn 200 μm.

(3)  Bħala sustanza jew f’ taħlitiet li jkun fihom 70 % w/w jew iktar ta’ aluminju jew manjeżju.


ANNESS III

FORMAT GĦAL LIĊENZJA

Il-format għal liċenzja għal membru tal-pubbliku ġenerali biex jakkwista, jintroduċi, jippossjedi u juża’ prekursuri tal-isplussivi ristretti, kif imsemmi fl-Artikolu 6(8).

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

DIKJARAZZJONI TAL-KLIJENT

dwar l-użu jew l-użi speċifiċi ta’ prekursur tal-isplussivi ristrett kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

(Imla b’ittri kapitali) (*1)

Is-sottoskritt,

Isem (klijent):

Prova ta’ identità (numru, awtorità emittenti):

Ir-rappreżentant awtorizzat ta’:

Kumpannija (prinċipal):

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew numru ta’ identifikazzjoni ieħor tal-kumpannija (*2)/Indirizz:

_

Kummerċ/negozju/professjoni:

Isem kummerċjali tal-prodott

Prekursuri tal-isplussivi ristrett

CAS Nru.

Ammont (kg/litru)

Konċentrazzjoni

Użu intenzjonat

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Jiena hawnhekk niddikjara li l-prodott kummerċjali u s-sustanza jew it-taħlita li fih għandhom jintużaw biss għall-użu indikat, li fi kwalunkwe każ huwa leġittimu, u ser jiġu mibjugħa jew ikkonsenjati lil klijent ieħor biss jekk jagħmel dikjarazzjoni simili dwar l-użu, b’rispett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2019/1148 biex jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-membri tal-pubbliku ġenerali.

Firma: Isem:

Kariga: Data:


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 1).

(*1)  Tista’ iżżid ir-ringieli meħtieġa fit-tabella tas-sustanzi.

(*2)  Tista’ tivverifika l-validità ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ operatur ekonomiku permezz tas-sit web VIES tal-Kummissjoni. Skont ir-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, ċerti Stati Membri jipprovdu wkoll l-isem u l-indirizz marbutin man-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT mogħti billi dawn huma rreġistrati fil-bażijiet ta’ data nazzjonali.