4.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 180/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1139

tat-3 ta' Lulju 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fuq ikel li joriġina mill-annimali b'rabta mar-rekwiżiti li jikkonċernaw it-tagħrif dwar il-katina tal-ikel u l-prodotti tas-sajd u mar-referenza għall-metodi rikonoxxuti tal-ittestjar għall-bijotossini marini u għall-metodi tal-ittestjar għall-ħalib mhux ipproċessat u l-ħalib tal-baqar ittrattat bis-sħana

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(8) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għall-kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fost l-oħrajn fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni. B'mod partikolari, jipprevedi kontrolli uffiċjali fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (2) jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti skont, fost l-oħrajn, ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dawn jinkludu molluski bivalvi ħajjin, ħalib nej u ħalib tal-baqar ittrattat bis-sħana.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (4) jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali. Dak ir-Regolament jistabbilixxi li, fir-rigward tar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar il-katina alimentari, jitħassru s-Sezzjoni II u l-Appendiċi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u li fir-rigward tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prodotti tas-sajd, titħassar is-Sezzjoni II fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jeżiġi wkoll li l-operatur tal-biċċerija jitlob, jirċievi, jiċċekkja u jaġixxi fuq l-informazzjoni dwar il-katina alimentari għall-annimali kollha, għajr il-kaċċa selvaġġa, mibgħuta jew maħsuba li tintbgħat lill-biċċerija. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiżgura li l-informazzjoni dwar il-katina alimentari tipprovdi d-dettalji kollha meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi r-rekwiżiti li jirregolaw il-kontrolli tal-parassiti matul it-trattament tal-prodotti tas-sajd fuq l-art u abbord il-bastimenti. Hija r-responsabbiltà tal-operaturi tan-negozju tal-ikel li jwettqu l-kontrolli tagħhom fl-istadji kollha fil-produzzjoni ta' prodotti tas-sajd skont ir-regoli fil-Kapitolu V(D) tas-Sezzjoni VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 bil-għan li ħut li huwa infestat bil-parassiti ma jitqassamx għall-konsum mill-bniedem. L-adozzjoni ta' regoli dettaljati rigward l-ispezzjoni viżwali titlob li l-kunċetti ta' parassiti viżibbli u l-ispezzjoni viżwali jkunu definiti u jkunu determinati t-tip u l-frekwenza tal-osservazzjonijiet.

(6)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxi r-regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq l-ikel li joriġina mill-annimali. Dak ir-Regolament jistabbilixxi, fl-Anness V tiegħu, il-metodi ta' ttestjar rikonoxxuti għad-detezzjoni ta' bijotossini marini fil-molluski bivalvi ħajjin li jridu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta' kontrolli uffiċjali. Barra minn hekk, fl-Anness III tiegħu, jistabbilixxi l-metodi ta' ttestjar għall-ħalib mhux ipproċessat u għall-ħalib tal-baqar ittrattat bis-sħana li jridu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta' kontrolli uffiċjali. Skont ir-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozju tal-ikel iridu jwettqu l-kontrolli tagħhom stess fl-istadji kollha tal-produzzjoni biex jiżguraw li l-molluski bivalvi ħajjin, il-ħalib nej u l-ħalib tal-baqar ittrattat bis-sħana jikkonformaw mar-regoli tal-iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali stipulati f'dak ir-Regolament. Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jenħtieġ li jinkludi obbligu għall-operaturi fin-negozju tal-ikel li jużaw l-istess metodi rikonoxxuti tal-ittestjar għall-bijotossini marini u l-metodi tal-ittestjar għall-ħalib mhux ipproċessat u l-ħalib tal-baqar ittrattat bis-sħana bħalma jridu jużaw l-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/627.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jiġi emendat skont dan.

(8)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 japplika b'effett mill-14 ta' Diċembru 2019, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar il-katina alimentari għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 853/2004

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar il-katina alimentari kif imsemmija fis-Sezzjoni III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huma stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.”

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Rekwiżiti li jikkonċernaw il-prodotti tas-sajd għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 853/2004

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-prodotti tas-sajd kif imsemmija fl-Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huma stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.”

(3)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Metodi rikonoxxuti ta' eżami għal bijotossini marini għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 853/2004

Il-metodi rikonoxxuti ta' eżami għad-detezzjoni ta' bijotossini marini kif imsemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huma kif stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/627.”

(4)

L-Artikolu 6a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6a

Metodi tal-ittestjar għall-ħalib mhux ipproċessat u għall-ħalib ittrattat bis-sħana

Il-metodi analitiċi stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/627 għandhom jintużaw mill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jivverifikaw il-konformità mal-limiti stabbiliti fil-Parti III tal-Kapitolu I tat-Taqsima IX tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 u biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa ta' proċess ta' pasturizzazzjoni għall-prodotti tal-ħalib kif imsemmi fil-Parti II tal-Kapitolu II tat-Taqsima IX tal-Anness III ta' dak ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51)