2.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/66


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1124

tat-13 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta' Marzu 2019 li jissupplementa d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (2) jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni, stabbilit skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

L-operazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-perjodu ta' konformità bejn l-2013 u l-2020 għandhom jitlestew f'konformità mar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (4). Billi d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi r-regoli għall-perjodu ta' konformità 2013-2020, inkluż dwar l-użu ta' krediti internazzjonali ġġenerati skont il-Protokoll ta' Kyoto, dak ir-Regolament ser ikompli japplika għal dawk l-operazzjonijiet sal-1 ta' Lulju 2023, li huwa t-tmiem tal-perjodu addizzjonali għall-issodisfar tal-impenji skont it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto. Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-regoli li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha relatati mal-perjodu ta' konformità bejn l-2013 u l-2020 f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE, minn naħa, u r-regoli li japplikaw għall-operazzjonijiet kollha relatati mal-perjodu ta' konformità bejn l-2021 u l-2030 f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/842, min-naħa l-oħra, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 389/2013 li jkomplu japplikaw, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti, għall-operazzjonijiet relatati mal-perjodu ta' konformità bejn l-2013 u l-2020, ser ikun limitat għal dak l-iskop.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/842 jistabbilixxi obbligi għall-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet minimi tagħhom għall-perjodu mill-2021 sal-2030 sabiex jissodisfaw il-mira tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet b'effett ta' serra bi 30 % taħt il-livelli tal-2005 fl-2030.

(4)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/842 jistabbilixxi li l-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet skont dak ir-Regolament għandha tiġi żgurata fir-Reġistru tal-Unjoni.

(5)

Jenħtieġ li jinħarġu unitajiet ta' allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali fil-Kontijiet ta' Konformità tal-Istati Membri għall-konformità mal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2018/842 (“Kontijiet ta' Konformità tal-ESR”) stabbiliti fir-Reġistru tal-Unjoni skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122, fi kwantitajiet iddeterminati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842. L-unitajiet ta' allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali għandhom jinżammu biss fil-Kontijiet ta' Konformità tal-ESR fir-Reġistru tal-Unjoni.

(6)

Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jippermetti l-implimetazzjoni taċ-ċiklu ta' konformità skont ir-Regolament (UE) 2018/842 billi jipprovdi l-proċessi għall-introduzzjoni fil-Kontijiet ta' Konformità tal-ESR tad-data riveduta annwali dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, għad-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għal kull Kont ta' Konformità tal-ESR tal-Istat Membru għal kull sena ta' perjodu ta' konformità partikolari u, fejn meħtieġ, għall-applikazzjoni tal-fattur skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/842.

(7)

Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jiżgura wkoll il-kontabbiltà preċiża tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 11 tar-Regolament (UE) 2018/842.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 huwa emendat skont dan:

(1)

fil-konsiderazzjonijiet, jiżdied it-test li ġej:

“Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (*1) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tiegħu,

(*1)  ĠU L 156, 19.6.2018. p. 26.”;"

(2)

fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-unitajiet ta' allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali (AEA).”;

(3)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (12) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(12)

“tranżazzjoni” tfisser proċess fir-Reġistru tal-Unjoni li jinvolvi t-trasferiment ta' kwota jew unità ta' allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali minn kont wieħed għal kont ieħor;”

(b)

jiżdiedu l-punti (23) u (24) li ġejjin:

“(23)

“perjodu ta' konformità tal-ESR” tfisser il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030, li matulu l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/842;

(24)

“unità tal-allokazzjoni ta' emissjonijiet annwali” tfisser subdiviżjoni ta' allokazzjoni ta' emissjonijiet annwali tal-Istat Membru ddeterminata skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 ugwali għal tunnellata waħda ta' ekwivalenti għal diossidu tal-karbonju;”;

(4)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jużaw ir-Reġistru tal-Unjoni għall-finijiet tal-issodisfar tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/842. Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu jipprovdi lill-amministraturi nazzjonali u lid-detenturi tal-kontijiet bil-proċessi stabbiliti f'dan ir-Regolament.”;

(5)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-amministratur ċentrali, l-awtoritajiet kompetenti u l-amministraturi nazzjonali għandhom iwettqu biss il-proċessi meħtieġa sabiex jaqdu l-funzjonijiet rispettivi tagħhom f'konformità mad-Direttiva 2003/87/KE u mar-Regolament (UE) 2018/842.”;

(6)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-ftuħ ta' kontijiet amministrati mill-amministratur ċentrali

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiftaħ il-kontijiet kollha tal-immaniġġjar tal-ETS fir-Reġistru tal-Unjoni, il-Kont ta' Kwantità Totali tal-ESR AEA tal-UE, il-Kont ta' Tħassir skont ir-Regolament (UE) 2018/842 (‘Kont ta' Tħassir tal-ESR’), l-Anness II tal-UE tal-Kont ta' Kwantità Totali tal-AEA, il-Kont ta' Riżerva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE u Kont wieħed ta' Konformità tal-ESR għal kull Stat Membru għal kull sena tal-perjodu ta' konformità.

2.   L-amministratur nazzjonali maħtur skont l-Artikolu 7(1) għandu jaġixxi bħala rappreżentant awtorizzat tal-Kontijiet ta' Konformità tal-ESR.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu 27a li ġej:

“Artikolu 27a

Għeluq tal-Kont ta' Konformità tal-ESR

L-amministratur ċentrali għandu jagħlaq Kont ta' Konformità tal-ESR mhux aktar kmieni minn xahar wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għal dak il-kont skont l-Artikolu 59f u wara li jagħti notifika minn qabel lid-detentur tal-kont.

Mal-għeluq tal-Kont ta' Konformità tal-ESR, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi l-AEAs li jifdal fil-Kont ta' Konformità tal-ESR għall-Kont ta' Tħassir tal-ESR.”;

(8)

jiddaħħal it-Titolu IIA li ġej:

“TITOLU IIA

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦAT-TRANŻAZZJONIJIET TA' KONTABBILTÀ SKONT IR-REGOLAMENTI (UE) 2018/842 U (UE) 2018/841

KAPITOLU 1

Tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2018/842

Artikolu 59a

Il-ħolqien ta' AEAs

1.   Fil-bidu tal-perjodu ta' konformità, l-amministratur ċentrali għandu joħloq:

(a)

fil-Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-ESR tal-UE, kwantità ta' AEAs ugwali għas-somma tal-allokazzjonijiet ta' emissjonijiet annwali għall-Istati Membri kollha għas-snin kollha tal-perjodu ta' konformità kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 u fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842;

(b)

fil-Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-Anness II tal-UE, kwantità ta' AEAs ugwali għas-somma tal-allokazzjonijiet ta' emissjonijiet annwali għall-Istati Membri kollha eliġibbli għas-snin kollha tal-perjodu ta' konformità kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/842 abbażi tal-perċentwali nnotifikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 6(3) ta' dak ir-Regolament.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jassenja lil kull AEA kodiċi uniku ta' unità ta' identifikazzjoni mal-ħolqien tagħha.

Artikolu 59b

Unitajiet ta' allokazzjoni ta' emissjonijiet annwali

L-AEAs għandhom ikunu validi għall-fini tal-issodisfar tar-rekwiżiti ta' limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/842 u l-impenji tagħhom skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/841. Huma għandhom ikunu trasferibbli biss skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) sa (5), fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 9(2) u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/842 u fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2018/841.

Artikolu 59c

Trasferiment ta' AEAs għal kull Kont ta' Konformità tal-ESR

1.   Fil-bidu ta' kull perjodu ta' konformità, l-amministratur ċentrali għandu jittrasferixxi kwantità tal-AEAs li jikkorrispondu għall-allokazzjoni ta' emissjonijiet annwali għal kull Stat Membru għal kull sena, kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 u fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 mill-Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-ESR tal-UE fil-Kont ta' Konformità tal-ESR rilevanti.

2.   Meta fl-għeluq tal-Kont ta' Konformità tal-ESD tal-Istat Membru għas-sena 2020 skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 389/2013, il-kwantità totali ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra espressa f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju f'dak il-Kont ta' Konformità tal-ESD taqbeż it-total tal-AEAs kollha, krediti internazzjonali, tCERs u lCERs, l-ammont li jikkorrispondi għall-kwantità ta' emissjonijiet żejda, immultiplikat bil-fattur ta' tnaqqis speċifikat fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Deċiżjoni 406/2009/KE, għandu jitnaqqas mill-kwantità tal-AEAs ittrasferiti għall-Kont ta' Konformità tal-ESR tal-Istat Membru għas-sena 2021 skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 59d

Introduzzjoni tad-data rilevanti dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra

1.   B'mod f'waqtu, malli tkun disponibbli d-dejta riveduta rilevanti dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra għal sena partikolari tal-perjodu ta' konformità għall-maġġoranza tal-Istati Membri, l-amministratur ċentrali għandu jdaħħal il-kwantità totali tal-emissjonijiet riveduti rilevanti ta' gassijiet b'effett ta' serra espressi f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju għal kull Stat Membru fil-Kont ta' Konformità tal-ESR tiegħu għal dik is-sena partikolari tal-perjodu ta' konformità.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jdaħħal ukoll is-somma tad-dejta rilevanti dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra għall-Istati Membri kollha għal sena partikolari fil-Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-ESR tal-UE.

Artikolu 59e

Kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' konformità tal-ESR

1.   Mal-introduzzjoni tad-data rilevanti dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra skont l-Artikolu 59d, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula l-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-ESR rispettiv billi jnaqqas il-kwantità totali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra riveduti espressi f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju fil-Kont ta' Konformità tal-ESR rispettiv mis-somma tal-AEAs kollha fl-istess Kont ta' Konformità tal-ESR.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni juri l-bilanċ ta' kull Kont ta' Konformità tal-ESR.

Artikolu 59f

Determinazzjoni tal-figuri tal-istatus ta' konformità

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li 6 xhur wara l-introduzzjoni tad-data rilevanti dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra skont l-Artikolu 59d ta' dan ir-Regolament għas-snin 2025 u 2030, ir-Reġistru tal-Unjoni jiddetermina l-figura tal-istatus ta' konformità għal kull Kont ta' Konformità tal-ESR għas-snin 2021 u 2026 billi jikkalkula s-somma tal-AEAs kollha, krediti skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE u LMUs wara li jnaqqas il-kwantità totali ta' emissjonijiet riveduti ta' gassijiet b'effett ta' serra espressi f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju fl-istess Kont ta' Konformità tal-ESR.

2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jiddetermina l-figura tal-istatus ta' konformità għal kull Kont ta' Konformità tal-ESR għal kull waħda mis-snin 2022 sal-2025 u 2027 sal-2030 billi jikkalkula s-somma tal-AEAs kollha, krediti skont l-Artikolu 24a tad-Direttiva 2003/87/KE u LMUs wara li jnaqqas il-kwantità totali ta' emissjonijiet riveduti ta' gassijiet b'effett ta' serra espressi f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju fl-istess Kont ta' Konformità tal-ESR f'data li taqa' xahar wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena preċedenti.

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jirreġistra l-figura tal-istatus ta' konformità għal kull Kont ta' Konformità tal-ESR.

Artikolu 59g

Applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) (a) u (b) tar-Regolament (UE) 2018/842

1.   Meta l-figura tal-istatus ta' konformità ddeterminata skont l-Artikolu 59f ta' dan ir-Regolament tkun negattiva, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jittrasferixxi l-kwantità żejda tal-emissjonijiet riveduti ta' gassijiet b'effett ta' serra, espressi f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' diossidu tal-karbonju mmultiplikati bil-fattur ta' 1,08 speċifikat fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/842 minn Kont ta' Konformità tal-ESR tal-Istat Membru għas-sena partikolari għall-Kont ta' Konformità tal-ESR għas-sena ta' wara.

2.   Fl-istess ħin, l-amministratur ċentrali għandu jimblokka l-Kontijiet ta' Konformità tal-ESR, li jikkorrispondu għas-snin li jifdal tal-perjodu ta' konformità, tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-amministratur ċentrali għandu jbiddel l-istatus tal-Kont ta' Konformità tal-ESR minn “imblukkat” għal “miftuħ” għas-snin kollha li jifdal tal-perjodu ta' konformità sa mis-sena li għaliha l-figura tal-istatus ta' konformità ddeterminata skont l-Artikolu 59f tkun żero jew pożittiva.

Artikolu 59h

L-użu tal-flessibbiltà stipulata fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/842

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment ta' AEAs mill-Kont tal-Kwantità Totali tal-AEA tal-Anness II tal-UE għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru għal sena partikolari tal-perjodu ta' konformità. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-ESR jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena partikolari;

(b)

l-Istat Membru li għamel it-talba ma jkunx elenkat fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/842;

(c)

l-ammont mitlub jaqbeż il-bilanċ totali li jifdal tal-ammont speċifikat fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/842 disponibbli għal dak l-Istat Membru kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/842 u wara li titqies kwalunkwe reviżjoni 'l isfel tal-ammont skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta' dak ir-Regolament;

(d)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità tal-emissjonijiet żejda għas-sena partikolari, ikkalkolat billi titqies il-kwantità ta' AEAs ittrasferiti mill-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru għal sena partikolari għall-Kont ta' Konformità tal-LULUCF tiegħu skont l-Artikoli 59x(3) jew 59za(2).

Artikolu 59i

Teħid b'self ta' AEAs

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-AEAs għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru għal partikolari tal-perjodu ta' konformità mill-Kont ta' Konformità tal-ESR tiegħu għas-sena ta' wara tal-perjodu ta' konformità. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-ESR jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena partikolari;

(b)

l-ammont mitlub jaqbeż l-10 fil-mija tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tas-sena ta' wara kif stabbilit skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 fir-rigward tas-snin 2021 sa 2025 u l-5 fil-mija tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tas-sena ta' wara kif stabbilit skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 fir-rigward tas-snin 2026 sa 2029.

Artikolu 59j

Tfaddil tal-AEAs

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-AEAs mill-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru għal sena partikolari tal-perjodu ta' konformità għall-Kont ta' Konformità tal-ESR tiegħu għal kwalunkwe waħda mis-snin ta' wara tal-perjodu ta' konformità. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-ESR għas-sena partikolari;

(b)

fir-rigward tas-sena 2021, l-ammont mitlub jaqbeż il-bilanċ pożittiv tal-kont kif ikkalkolat skont l-Artikolu 59e;

(c)

fir-rigward tas-snin 2022 sa 2029, l-ammont miltub jaqbeż il-bilanċ pożittiv tal-kont kif ikkalkolat skont l-Artikolu 59e ta' dan ir-Regolament jew 30 % tal-allokazzjonijiet annwali kumulattivi tal-emissjonijiet ta' dak l-Istat Membru sa dik is-sena, kif iddeterminat skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842;

(d)

l-istatus tal-Kont ta' Konformità tal-ESR li jibda t-trasferiment ma jippermettix it-trasferiment.

Artikolu 59k

L-Użu ta' Unitajiet ta' Mitigazzjoni tal-Art

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment ta' Unitajiet ta' Mitigazzjoni tal-Art mill-Kont ta' Konformità tal-LULUCF ta' Stat Membru għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità disponibbli ta' LMUs eliġibbli għal trasferimenti fil-Kont ta' Konformità tal-ESR skont l-Artikolu 59x jew l-ammont li jifdal;

(b)

l-ammont mitlub jaqbeż l-ammont disponibbli skont l-Anness III għar-Regolament (UE) 2018/842 jew l-ammont li jifdal;

(c)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità tal-emissjonijiet għas-sena partikolari wara li titnaqqas il-kwantità ta' AEAs għas-sena partikolari kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 u d-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament, u wara li jitnaqqas it-total tal-AEAs kollha mfaddlin mis-snin preċedenti għas-sena kurrenti jew kwalunkwe sena sussegwenti skont l-Artikolu 59j ta' dan ir-Regolament;

(d)

dak l-Istat Membru ma jkunx issottometta r-rapport tiegħu f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 525/2013 dwar l-intenzjoni tiegħu li juża l-flessibbiltà stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/842;

(e)

dak l-Istat Membru ma jkunx ikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/841;

(f)

it-trasferiment jinbeda qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-LULUCF ta' dak l-Istat Membru jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għall-perjodu ta' konformità partikolari skont l-Artikoli 59u u 59za;

(g)

it-trasferiment jinbeda qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena partikolari.

Artikolu 59l

Trasferimenti ex-ante ta' allokazzjoni ta' emissjonijiet annwali ta' Stat Membru

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-AEAs mill-Kont ta' Konformità tal-ESR għal sena partikolari ta' dak l-Istat Membru għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' Stat Membru ieħor. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tas-snin mill-2021 sal-2025, l-ammont mitlub jaqbeż il-ħamsa fil-mija tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tas-sena partikolari tal-Istat Membru inizjali kif iddeterminat skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 jew l-ammont disponibbli li jifdal;

(b)

fir-rigward tas-snin mill-2026 sal-2030, l-ammont mitlub jaqbeż l-għaxra fil-mija tal-allokazzjoni annwali tal-emissjonijiet tas-sena partikolari tal-Istat Membru inizjali kif iddeterminat skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 jew l-ammont disponibbli li jifdal;

(c)

l-Istat Membru talab it-trasferiment għal Kont ta' Konformità tal-ESR għal sena qabel is-sena partikolari;

(d)

l-istatus tal-Kont ta' Konformità tal-ESR li jibda t-trasferiment ma jippermettix it-trasferiment.

Artikolu 59m

Trasferimenti wara l-kalkolu tal-bilanċ tal-Kont ta' Konformità tal-ESR

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-AEAs mill-Kont ta' Konformità tal-ESR għal sena partikolari ta' dak l-Istat Membru għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' Stat Membru ieħor. Tali trasferiment ma għandu jitwettaq fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

it-talba tal-Istat Membru tiġi sottomessa qabel il-kalkolu tal-bilanċ tal-kont skont l-Artikolu 59e;

(b)

l-ammont mitlub jaqbeż il-bilanċ pożittiv tal-kont kif ikkalkolat skont l-Artikolu 59e jew l-ammont li jifdal;

(c)

l-istatus tal-Kont ta' Konformità tal-ESR li jibda t-trasferiment ma jippermettix it-trasferiment.

Artikolu 59n

Riżerva ta' Sikurezza

Mal-introduzzjoni tad-data rilevanti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra skont l-Artikolu 59d ta' dan ir-Regolament għas-sena 2030, l-amministratur ċentrali għandu joħloq fil-Kont ta' Riżerva ta' Sikurezza tal-ESR tal-UE kwantità ta' AEAs addizzjonali ugwali għad-differenza bejn 70 % tat-total ta' emissjonijiet riveduti għas-sena 2005 tal-Istati Membri kollha kif iddeterminat skont il-metodoloġija msemmija fid-Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2018/842 u t-total tad-data riveduta rilevanti dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra għall-Istati Membri kollha għas-sena 2030. Dan l-ammont għandu jkun bejn 0 u 105 miljuni AEAs.

Artikolu 59o

L-ewwel sessjoni ta' distribuzzjoni tar-Riżerva ta' Sikurezza

1.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment tal-AEAs mill-Kont ta' Riżerva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' dak l-Istat Membru għal kwalunkwe waħda mis-snin mill-2026 sal-2030 kif mitlub mill-Istat Membru. Tali trasferimenti ma għandhomx jitwettqu fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

it-talba tirreferi għal Kont ta' Konformità tal-ESR għal sena oħra għajr is-snin mill-2026 sal-2030;

(b)

it-talba tal-Istat Membru ssir qabel il-kalkolu tal-bilanċ għas-sena 2030;

(c)

it-talba tal-Istat Membru ssir inqas minn 6 ġimgħat qabel id-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għall-Kont ta' Konformità tal-ESR għas-sena 2026;

(d)

it-talba tkun saret minn Stat Membru li mhuwiex elenkat fid-Deċiżjoni ppubblikata skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2018/842;

(e)

l-ammont mitlub jaqbeż l-20 % tal-kisba żejda kumplessiva ta' dak l-Istat Membru fil-perjodu mill-2013 sal-2020 kif iddeterminat fid-Deċiżjoni ppubblikata skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2018/842 jew l-ammont imnaqqas skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jew l-ammont disponibbli li jifdal;

(f)

il-kwantità ta' AEAs mibjugħa lil Stati Membri oħrajn skont l-Artikoli 59l u 59m taqbeż il-kwantità ta' AEAs akkwiżiti mingħand Stati Membri oħrajn skont l-Artikoli 59l u 59m;

(g)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità tal-emissjonijiet żejda għas-sena partikolari meta jitqies dan li ġej:

(i)

il-kwantità ta' AEAs għas-sena partikolari kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842;

(ii)

il-kwantità ta' AEA akkwiżita għal jew mibjugħa mill-Kont ta' Konformità tal-ESR għas-sena partikolari, skont l-Artikoli 59l u 59m;

(iii)

il-kwantità sħiħa ta' AEAs imfaddla mis-snin preċedenti għas-sena kurrenti jew kwalunkwe sena sussegwenti skont l-Artikolu 59j;

(iv)

il-kwantità totali ta' AEAs permessa għal teħid ta' self għal dik is-sena skont l-Artikolu 59i;

(v)

il-kwantità ta' LMUs eliġibbli għat-trasferimenti fil-Kontijiet ta' Konformità tal-ESR skont l-Artikolu 59x jew l-ammont disponibbli li jifdal skont l-Artikolu 59m.

2.   Sitt ġimgħat qabel id-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena 2026, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula u juri s-somma totali ta' AEAs mitluba mill-Istati Membri kollha skont il-paragrafu 1.

3.   Meta s-somma msemmija fil-paragrafu 2 tkun ogħla mill-kwantità totali ta' AEAs fil-Kont ta' Riserva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment ta' kull ammont mitlub minn kull Stat Membru mnaqqas fuq bażi pro rata.

4.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula l-ammont imnaqqas fuq bażi pro rata billi jimmultiplika l-ammont mitlub bil-proporzjon tal-kwantità totali ta' AEAs fil-Kont ta' Riżerva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE u l-ammont totali mitlub mill-Istati Membri kollha skont il-paragrafu 1.

Artikolu 59p

It-tieni sessjoni ta' distribuzzjoni tar-Riżerva ta' Sikurezza

1.   Meta s-somma msemmija fl-Artikolu 59o(2) tkun aktar baxxa mill-kwantità totali ta' AEAs fil-Kont ta' Riżerva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jawtorizza talbiet addizzjonali mill-Istati Membri sakemm:

(a)

it-talba tal-Istat Membru ssir l-aktar kmieni sitt ġimgħat qabel id-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena 2026 iżda mhux aktar tard minn 3 ġimgħat qabel id-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità għas-sena 2026;

(b)

it-talba tkun saret minn Stat Membru li huwa elenkat fid-Deċiżjoni ppubblikata skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2018/842;

(c)

il-kwantità ta' AEAs mibjugħa lil Stati Membri oħrajn skont l-Artikoli 59l u 59m ma taqbiżx il-kwantità ta' AEAs akkwiżita mingħand Stati Membri oħrajn skont l-Artikoli 59l u 59m;

(d)

l-ammont ittrasferit ma jaqbiżx il-kwantità tal-emissjonijiet żejda għas-sena partikolari meta jitqiesu l-ammonti kollha elenkati taħt l-Artikolu 59o(1)(g) u l-kwantità ta' AEAs riċevuta skont l-Artikolu 59o.

2.   Jekk is-somma tat-talbiet validi kollha tkun ogħla mill-ammont totali li jifdal, l-amministratur ċentrali għandu jiżgura li r-Reġistru tal-Unjoni jikkalkula l-ammont li għandu jiġi ttrasferit għal kull talba valida billi jimmultiplika l-kwantità totali li jifdal ta' AEAs fil-Kont ta' Riżerva tas-Sikurezza tal-ESR tal-UE bil-proporzjon ta' dik it-talba għas-somma tat-talbiet kollha li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 59q

Aġġustamenti

1.   Fil-każ ta' aġġustamenti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 jew ta' kwalunkwe modifika oħra tas-somma speċifikata fl-Artikolu 59a ta' dan ir-Regolament li twassal għal żieda fl-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali ta' Stat Membru matul il-perjodu ta' konformità, l-amministratur ċentrali għandu joħloq il-kwantità korrispondenti ta' AEAs fil-Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-ESR tal-UE u jittrasferih fil-Kont ta' Konformità tal-ESR rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.

2.   Fil-każ ta' aġġustamenti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842 jew ta' kwalunkwe modifika oħra tas-somma speċifikata fl-Artikolu 59a ta' dan ir-Regolament li twassal għal tnaqqis fl-allokazzjoni tal-emissjonijiet annwali ta' Stat Membru matul il-perjodu ta' konformità, l-amministratur ċentrali għandu jittrasferixxi l-kwantità korrispondenti tal-AEAs mill-Kont ta' Konformità tal-ESR rilevanti tal-Istat Membru għall-Kont ta' Tħassir tal-ESR.

3.   Meta Stat Membru jinnotifika bidla 'l isfel tal-perċentwal taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2018/842 u wara l-emenda korrispondenti għall-ammonti speċifikati fid-Deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2018/842, l-amministratur ċentrali għandu jittrasferixxi il-kwantità korrispondenti ta' AEAs mill-Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-Anness II tal-UE għall-Kont ta' Tħassir tal-ESR. L-ammont totali disponibbli għal dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/842 għandu jiġi mmodifikat kif xieraq.

Artikolu 59r

Trasferimenti ta' AEAs preċedentement imġemmgħin

L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li, fuq talba ta' Stat Membru, ir-Reġistru tal-Unjoni jwettaq trasferiment ta' AEAs għall-Kont ta' Konformità tal-ESR ta' Stat Membru għal sena partikolari tal-perjodu ta' konformità mill-Kont ta' Konformità tal-ESR tiegħu għal kwalunkwe waħda mis-snin sussegwenti tal-perjodu ta' konformità. Tali trasferiment ma għandux jsir fejn:

(a)

l-ammont mitlub jaqbeż il-kwantità ta' AEAs imġemmgħin skont l-Artikolu 59j fil-Kont ta' Konformità tal-ESR li minnu huwa maħsub it-trasferiment;

(b)

it-talba tal-Istat Membru ssir qabel il-kalkolu tal-bilanċ jew wara d-determinazzjoni tal-figura tal-istatus ta' konformità tal-Kont ta' Konformità tal-ESR li għalih huwa maħsub it-trasferiment.

Artikolu 59s

Eżekuzzjoni u treġġigħ lura ta' trasferimenti

1.   Għat-trasferimenti kollha speċifikati f'dan it-Titolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 34, 35 u 55.

2.   It-trasferimenti għall-Kontijiet ta' Konformità tal-ESR mibdija bi żball jistgħu jitreġġgħu lura fuq talba tal-amministratur nazzjonali. F'każijiet bħal dawn, għandu japplika l-Artikolu 62(4), (6), (7) u (8).”;

(9)

fl-Artikolu 70, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-amministratur ċentrali għandu jiżgura li l-EUTL iwettaq kontrolli awtomatizzati wara li jqis l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u ta' skambju tad-dejta previsti fl-Artikolu 75 ta' dan ir-Regolament għall-proċessi kollha, sabiex jiġu identifikati irregolaritajiet u diskrepanzi, fejn proċess propost ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament (UE) 2018/842 u ta' dan ir-Regolament.”;

(10)

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(11)

L-Anness XIII tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 156, 19.6.2018; p. 26.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ara l-paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 u (UE) Nru 1193/2011 (ĠU L 122, 3.5.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136).


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122, tiżdied it-tabella li ġejja:

Tabella I-II: Kontijiet għall-finijiet ta' tranżazzjonijiet ta' kontabilità skont it-Titolu IIA

Isem it-tip ta' kont

Detentur tal-kont

Amministratur tal-kont

Għadd ta' kontijiet ta' dan it-tip

AEA

Emissjonijiet kontabilizzati/assorbimenti kontabilizzati

LMU

MFLFA

Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-ESR tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Le

Le

Kont ta' Tħassir tal-ESR

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Iva

Le

Kont ta' Kwantità Totali ta' AEAs tal-Anness II tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Le

Le

Kont ta' Riżerva ta' Sikurezza tal-ESR tal-UE

UE

amministratur ċentrali

1

Iva

Le

Le

Le

Kont ta' Konformità tal-ESR

Stat Membru

amministratur ċentrali

1 għal kull 10 snin ta' konformità għal kull Stat Membru

Iva

Le

Iva

Le”


ANNESS II

Fl-Anness XIII tar-Regolament Delegat (UE) 2019/1122, jiżdied il-punt II li ġej:

“II.   Informazzjoni relatata mal-kontabilità tat-tranżazzjonijiet taħt it-Titolu IIA

Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku

7.

L-amministratur ċentrali għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni li ġejja għal kull kont ta' konformità ESR, u jaġġornah fi żmien 24 siegħa fejn rilevanti:

(a)

informazzjoni dwar l-Istat Membru detentur tal-kont;

(b)

l-Allokazzjonijiet ta' Emissjonijiet Annwali kif determinati skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/842;

(c)

l-istat ta' kull Kont ta' Konformità tal-ESR skont l-Artikolu 10;

(d)

id-data ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra rilevanti skont l-Artikolu 59d;

(e)

iċ-ċifra ta' stat tal-konformità skont l-Artikolu 59f għal kull Kont ta' Konformità tal-ESR, kif ġej:

(i)

A għall-konformità,

(ii)

I għan-nuqqas ta' konformità;

(f)

il-kwantità ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mdaħħla skont l-Artikolu 59g;

(g)

l-informazzjoni li ġejja dwar kull tranżazzjoni kompluta:

(i)

l-isem tad-detentur tal-kont u l-ID tad-detentur tal-kont li qed jittrasferixxi;

(ii)

l-isem tad-detentur tal-kont u l-ID tad-detentur tal-kont li qed jakkwista;

(iii)

l-ammont ta' AEAs involuti fit-tranżazzjoni, mingħajr il-kodiċi ta' identifikazzjoni unika tal-unità tal-AEA;

(iv)

il-kodiċi ta' identifikazzjoni tat-tranżazzjoni;

(v)

id-data u l-ħin li fihom tkun tlestiet it-tranżazzjoni (f'Ħin Ċentrali Ewropew);

(vi)

it-tip tat-tranżazzjoni.

Informazzjoni disponibbli għad-detenturi tal-kontijiet

8.

Ir-Reġistru tal-Unjoni għandu juri l-informazzjoni li ġejja fil-parti tas-sit web tar-Reġistru tal-Unjoni aċċessibbli biss għad-detentur tal-kont ta' kontabilità ESR, u għandu jaġġornaha f'ħin reali:

(a)

il-parteċipazzjonijiet attwali ta' AEAs, mingħajr il-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tal-unità tal-AEAs;

(b)

lista ta' tranżazzjonijiet proposti mibdijin minn dak id-detentur ta' kont, bid-dettalji għal kull tranżazzjoni proposta;

(i)

l-elementi fil-punt 7(g);

(ii)

id-data u l-ħin li fihom it-tranżazzjoni ġiet proposta (f'Ħin tal-Ewropa Ċentrali);

(iii)

l-istat attwali ta' dik it-tranżazzjoni proposta;

(iv)

kull kodiċi ta' tweġiba mibgħuta b'riżultat tal-ispezzjonijiet magħmulin mir-reġistru u mill-EUTL;

(c)

lista ta' AEAs akkwistati minn dak il-kont b'riżultat ta' tranżazzjonijiet kompletati, bid-dettalji għal kull tranżazzjoni tal-elementi fil-punt 7(g);

(d)

lista ta' AEAs ittrasferiti 'l barra minn dak il-kont b'riżultat ta' tranżazzjonijiet kompletati, bid-dettalji għal kull tranżazzjoni tal-elementi fil-punt 7(g).”