26.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1081

tat-8 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi r-regoli dwar ir-rekwiżiti speċifiċi għat-taħriġ tal-persunal biex iwettaq ċerti kontrolli fiżiċi fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 49(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta' kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-katina agroalimentari tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-impjegati kollha li jwettqu l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra jeħtiġilhom jirċievu taħriġ xieraq għall-qasam ta' kompetenza tagħhom. Il-Kapitolu I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi s-suġġetti għat-taħriġ tal-persunal li jwettaq il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra.

(3)

L-Artikolu 21(2)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali li jiġu ppreżentati fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali u b'mod partikolari mar-regoli li japplikaw għat-trasport tagħhom fl-Unjoni. It-tali kontrolli uffiċjali jridu jinkludu l-kontrolli dwar l-istat ta' saħħa tal-annimali li jkunu qed jiġu ttrasportati u fuq il-mezz ta' trasport.

(4)

L-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li matul it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu jew inaqqsu għall-minimu kwalunkwe dewmien bejn it-tagħbija tal-annimali u t-tluq tagħhom. Jekk l-annimali jkollhom jinżammu waqt it-trasport għal aktar minn sagħtejn, l-awtoritajiet kompetenti jridu jiżguraw li jsiru arranġamenti xierqa għall-kura tal-annimali u, fejn neċessarju, it-tmiegħ, it-tisqija, il-ħatt u l-akkommodazzjoni tagħhom. Għalhekk jixraq li l-persunal li jassisti lill-veterinarju uffiċjali fit-twettiq tal-kontrolli fiżiċi fuq l-annimali fil-postijiet tal-kontroll fuq il-fruntiera jkun imħarreġ b'mod speċifiku għal dak l-iskop.

(5)

L-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li ċerti kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 49(1) ta' dak ir-Regolament, dawn il-kontrolli uffiċjali għandhom jinkludu l-kontrolli tad-dokumenti, il-kontrolli tal-identità kif ukoll il-kontrolli fiżiċi.

(6)

L-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li meta l-kontrolli fiżiċi jikkonċernaw annimali, minbarra l-annimali akkwatiċi, jew laħam u ġewwieni li jittiekel, il-kontrolli fiżiċi għandhom jitwettqu minn veterinarju uffiċjali. Il-veterinarju uffiċjali jista' jkun assistit minn persunal imħarreġ f'materji veterinarji skont ir-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament, u maħtur mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop. Dan jipprevedi wkoll li l-kontrolli fiżiċi għandhom jitwettqu minn veterinarju uffiċjali jew minn persunal imħarreġ skont ir-rekwiżiti stabbiliti b'dak ir-Regolament u maħtur mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop meta dawk il-kontrolli jikkonċernaw annimali akkwatiċi, prodotti li joriġinaw mill-annimali, minbarra laħam u ġewwieni li jittiekel, prodotti ġerminali jew prodotti sekondarji tal-annimali.

(7)

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-persunal li jwettaq il-kontrolli fiżiċi bħala parti mill-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u fuq ċerti kategoriji ta' oġġetti fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jkun imħarreġ b'mod aktar speċifiku għal dak l-iskop. Jenħtieġ li t-taħriġ jiżgura li dawn il-kontrolli fiżiċi jitwettqu bl-istess livell ta' kompetenza fil-postijiet kollha ta' kontroll fuq il-fruntiera.

(8)

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi programm dettaljat ta' studju għall-kirurgi veterinarji. Dan il-programm ta' studju jinkludi suġġetti bħall-anatomija, il-patoloġija, il-parassitoloġija, il-mediċina klinika, il-mediċina veterinarja statali u s-saħħa pubblika, il-leġiżlazzjoni veterinarja, il-produzzjoni ta' annimali u l-iġjene tal-ikel (spezzjoni u kontrolli ta' oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, iġjene tal-ikel u teknoloġija u xogħol prattiku, inkluż xogħol prattiku fil-postijiet fejn iseħħ il-qtil tal-annimali u l-ipproċessar tal-oġġetti tal-ikel). L-għarfien ta' dawn is-suġġetti huwa meħtieġ għat-twettiq kompetenti tal-kontrolli fiżiċi fuq l-annimali, fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali, fuq prodotti ġerminali u fuq prodotti sekondarji tal-annimali. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għat-taħriġ tal-persunal, minbarra l-veterinarji uffiċjali, biex dawn jilħqu l-istandard ta' prestazzjoni meħtieġ. Fil-preżent, ma ġiet identifikata l-ebda ħtieġa għall-introduzzjoni ta' rekwiżiti speċifiċi għat-taħriġ tal-uffiċjali tas-saħħa tal-pjanti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti eżistenti. Għalhekk, mhux meħtieġ li l-veterinarji uffiċjali u l-uffiċjali tas-saħħa tal-pjanti uffiċjali jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jaħtru persunal li, għalkemm ma segwiex il-programm ta' taħriġ skont dan ir-Regolament, lesta l-attivitajiet ta' taħriġ jew il-programmi għall-iskambju ta' persunal imsemmija fl-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) 2017/625, bil-kundizzjoni li dawn l-attivitajiet jew programmi jkopru l-istess suġġetti bħal dawk meħtieġa minn dan ir-Regolament.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/352/KEE (3) tistipula r-regoli dwar il-ħatra ta' aġent uffiċjali, li jkun speċifikament imħarreġ biex iwettaq kontrolli fuq il-ħut fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera li jinsabu fil-portijiet fejn jinħatt il-ħut. Billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni huwa kopert mir-Regolament (UE) 2017/625 u r-rekwiżiti tat-taħriġ huma stabbiliti f'dan ir-Regolament, din jenħtieġ li titħassar.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta' Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti b'dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli li jistipulaw ir-rekwiżiti speċifiċi għat-taħriġ tal-persunal li ġej kif imsemmi fl-Artikolu 49(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625, li jwettaq il-kontrolli fiżiċi fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera:

(a)

persunal li jassisti veterinarju uffiċjali fit-twettiq tal-kontrolli fiżiċi fuq l-annimali, minbarra annimali akkwatiċi, jew fuq laħam u ġewwieni li jittiekel;

(b)

persunal li jwettaq il-kontrolli fiżiċi fuq annimali akkwatiċi, fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali minbarra dawk imsemmija fil-punt (a), fuq prodotti ġerminali jew fuq prodotti sekondarji tal-annimali.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-veterinarji uffiċjali u għall-uffiċjali tas-saħħa tal-pjanti.

Artikolu 2

Obbligi ġenerali tal-awtoritajiet kompetenti dwar it-taħriġ

1.   Il-persunal li qed issir referenza għalih fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) jista' jassisti lill-veterinarju uffiċjali fit-twettiq ta' kontrolli fiżiċi jew iwettaq il-kontrolli fiżiċi skont l-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 biss meta jkun temm b'suċċess programm ta' taħriġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament (il-programm ta' taħriġ).

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżviluppaw u jorganizzaw il-programm ta' taħriġ biex jiżguraw li l-kontrolli fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1 jitwettqu skont il-livell meħtieġ ta' kompetenza teknika u għarfien espert. Il-programm ta' taħriġ għandu jkun kemm teoretiku kif ukoll prattiku.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu r-rekords tal-programm ta' taħriġ f'forma stampata jew f'forma elettronika għal kull individwu, inkluż id-dati, it-tul tat-taħriġ, id-deskrizzjoni tal-programm, u, fejn xieraq, iċ-ċertifikati li jattestaw it-tlestija b'suċċess tal-programm ta' taħriġ mill-persunal. L-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru għandhom jiżguraw li kull post ta' kontroll fuq il-fruntiera f'dak l-Istat Membru jkollu aċċess għar-rekords tat-taħriġ miżmuma f'format stampat jew elettroniku.

Artikolu 3

Rekwiżiti dwar is-suġġetti koperti mill-programm ta' taħriġ

1.   Il-kontenut tal-programm ta' taħriġ għandu jiġi ddeterminat skont l-annimali u l-oġġetti li għalihom huma magħżula l-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u l-kompiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa assenjat il-persunal.

2.   Il-programm ta' taħriġ għandu jkopri s-suġġetti li ġejjin:

(a)

il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar id-dħul fl-Unjoni ta' annimali u ta' oġġetti, inklużi l-proċeduri u l-attivitajiet li jridu jitwettqu waqt u wara l-kontrolli fiżiċi;

(b)

il-prinċipji ġenerali tal-eżaminar tal-annimali;

(c)

l-eżaminar ta' kemm l-annimali jifilħu għall-ivvjaġġar;

(d)

l-aspetti prattiċi tal-immaniġġjar tal-annimali f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi l-arranġamenti li jimpedixxu jew inaqqsu d-dewmien fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u, fejn meħtieġ, it-tmiegħ, it-tisqija, il-ħatt u l-akkommodazzjoni tagħhom;

(e)

l-eżaminar sensorjali tal-oġġetti;

(f)

l-eżaminar tal-mezzi tat-trasport u tal-kundizzjonijiet tat-trasport, inklużi l-ġestjoni ta' oġġetti sensittivi għat-temperatura (katina tal-kesħa) u t-trasport tal-annimali;

(g)

l-identifikazzjoni ta' speċijiet ta' annimali, inkluż, fejn xieraq, l-identifikazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi kif iddefiniti fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) introdotti permezz ta' annimali u ta' oġġetti;

(h)

il-proċeduri ta' kontroll, dwar:

(i)

l-użu tat-tagħmir;

(ii)

l-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' monitoraġġ;

(iii)

il-proċeduri ta' teħid ta' kampjuni u analiżi tal-laboratorju fir-rigward tal-annimali u l-aspetti tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika;

(i)

il-metodi għall-interpretazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju u d-deċiżjonijiet relatati skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni;

(j)

il-valutazzjoni tar-riskju, inkluż il-ġbir tad-data dwar is-saħħa tal-annimali u dik pubblika sabiex jitwettqu kontrolli fiżiċi apposta skont il-każ;

(k)

il-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni kroċjata u l-konformità mal-istandards rilevanti tal-bijosigurtà;

(l)

ir-rekwiżiti ta' ttikkettar għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(m)

l-investigazzjonijiet u t-tekniki ta' kontroll immirati biex jiskopru prattiki frawdolenti jew qarrieqa fil-kummerċ.

Artikolu 4

Attivitajiet ta' taħriġ u programmi għall-iskambju tal-persunal organizzati skont l-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) 2017/625

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(1), il-persunal imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) jista' jassisti lill-veterinarju uffiċjali fit-twettiq tal-kontrolli fiżiċi jew biex iwettaq il-kontrolli fiżiċi skont l-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 meta dawn ikunu ġew imħarrġa fil-qafas ta' attivitajiet ta' taħriġ jew programmi għall-iskambju ta' persunal organizzati skont l-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) 2017/625, sakemm tali attivitajiet jew programmi jkopru l-kontenut u s-suġġetti tal-programm ta' taħriġ imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Tħassir

Id-Deċiżjoni 93/352/KEE hija mħassra.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/352/KEE tal-1 ta' Ġunju 1993 li tippreskrivi derogi mill-kondizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-postijiet tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera li jinsabu fil-portijiet fejn il-ħut jiġi żbarkat (ĠU L 144, 16.6.1993, p. 25).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).