21.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1014

tat-12 ta' Ġunju 2019

li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, inklużi ċ-ċentri ta' spezzjoni, u għall-format, il-kategoriji u l-abbrevjazzjonijiet li għandhom jintużaw għall-elenkar ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 60(2) u 64(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi inter alia l-qafas għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u fuq l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari bil-għan li titħares saħħet il-bniedem, saħħet l-annimali u saħħet il-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali u, b'rabta mal-organiżmi ġenetikament modifikati (l-OĠM) u mal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll l-ambjent. Huwa jistipula li għandhom jitwettqu kontrolli uffiċjali fuq kunsinni ta' annimali u prodotti fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni. Għal dak il-għan l-Istati Membri għandhom jagħżlu postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati minn postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera sabiex dawn jintgħażlu. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli ddettaljati dwar ir-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw l-infrastruttura, it-tagħmir u d-dokumentazzjoni tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera.

(3)

Sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ddettaljati addizzjonali dwar ir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, li ntgħażlu għall-kategorija ta' annimali u ċerti kategoriji ta' oġġetti bħal prodotti ta' oriġini mill-annimali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti ġerminali, prodotti komposti u ħuxlief u tiben.

(4)

F'ċerti każijiet, sabiex jitqiesu r-rekwiżiti ta' ħatt partikolari ta' ċerti kunsinni mhux ippakkjati ġol-kontejners bħal kunsinni ta' prodotti tas-sajd jew kunsinni ta' prodotti sekondarji tal-annimali li jikkonsistu pereżempju minn suf, u kunsinni ta' oġġetti bl-ingrossa ta' volum għoli, li jikkonsistu minn kwantitajiet kbar ta' oġġetti li jiġu ttrasportati mingħajr ma jiġu ppakkjati, jenħtieġ li postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jiġu eżentati mir-rekwiżit li jkollhom żona tal-ħatt imsaqqfa. Meta jitqies li l-kunsinni ta' likwidi bl-ingrossa ta' oriġini mill-annimali u ta' oriġini mhux mill-annimali jinħattu direttament mill-mezz tat-trasport f'tankijiet permezz ta' pajpijiet speċjali, jenħtieġ li l-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera ma jkollhomx għalfejn ikollhom żoni jew kmamar għall-ħatt ta' oġġetti u kmamar ta' spezzjoni jew żoni ta' spezzjoni għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq il-likwidi bl-ingrossa.

(5)

Bil-għan li jiġu evitati r-riskji ta' kontaminazzjoni kroċjata, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' separazzjoni għall-faċilitajiet ta' ħatt, ta' ħżin u ta' spezzjoni fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li jkunu ntgħażlu għall-prodotti ta' oriġini mill-annimali, prodotti komposti, prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti ġerminali. Madankollu, għandhom isiru dispożizzjonijiet li jidderogaw mir-rekwiżiti ta' separazzjoni fejn il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera jkun intgħażel għal oġġetti ppakkjati biss, jew għal oġġetti ppakkjati jew ċerti oġġetti mhux ippakkjati fejn il-valutazzjoni tar-riskju tal-awtoritajiet kompetenti fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera turi li ma hemm l-ebda possibbiltà ta' kontaminazzjoni kroċjata. Fil-każ tal-aħħar, sabiex jittrattaw ir-riskji ta' kontaminazzjoni kroċjata b'mod effettiv, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw ukoll separazzjoni taż-żmien fir-rigward tal-immaniġġjar ta' kunsinni u li l-faċilitajiet jitnaddfu u jiġu diżinfettati bejn il-wasliet tal-kunsinni.

(6)

Peress li l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni u li jkunu soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jistgħu ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' kontaminazzjoni kroċjata huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli biex jiġi pprojbit l-użu ta' ċerti faċilitajiet ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera għal kunsinni ta' annimali u ta' oġġetti għall-kummerċ intra-Unjoni u li jkun permess tali użu għall-kunsinni ta' annimali u ta' oġġetti maħsuba għall-esportazzjoni jew li jitmexxew minn punt wieħed fit-territorju tal-Unjoni għal punt ieħor fit-territorju tal-Unjoni, wara li jgħaddu mit-territorju ta' pajjiż terz, dment li l-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju xierqa. Tali miżuri jenħtieġ li ikunu bbażati fuq valutazzjoni tal-kapaċità tal-faċilitajiet rilevanti biex tiġi akkomodata tali attività addizzjonali. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkollhom arranġamenti xierqa fis-seħħ biex jimmaniġġjaw l-annimali skont ir-regoli tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

(7)

Sabiex tiġi promossa l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra, jenħtieġ li jingħata livell ta' flessibbiltà billi jkun permess, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu ta' faċilitajiet ta' ħżin ta' impriżi kummerċjali u l-ħżin fil-mezz tat-trasport li bih il-kunsinna tinġieb fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera.

(8)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-organizzazzjoni u t-twettiq effiċjenti tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra, huwa xieraq li jkun permess li l-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jinqasmu f'ċentru ta' spezzjoni wieħed jew aktar, fejn il-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti li għalihom ikun intgħażel il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera jiġu kkontrollati. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għaċ-ċentri ta' spezzjoni.

(9)

Il-konformità taċ-ċentri ta' spezzjoni mar-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera stabbiliti fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u r-regoli ddettaljati dwar rekwiżiti minimi ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-Kummissjoni bħala parti mill-proċess ta' għażla tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera. Għalhekk, meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għażla ta' post ta' kontroll fuq il-fruntiera, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu l-informazzjoni neċessarja kollha dwar iċ-ċentri ta' spezzjoni.

(10)

Sabiex jiżguraw verifika xierqa tal-konformità tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u taċ-ċentri ta' spezzjoni fi ħdan tali postijiet mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u mar-regoli ddettaljati stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-infrastruttura jew l-operazzjoni ta' post ta' kontroll fuq il-fruntiera, jew ta' ċentru ta' spezzjoni fi ħdan dak il-post, jekk tali bidliet ikollhom bżonn aġġornament tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2017/625. Għalhekk huwa xieraq li f'dan ir-Regolament l-Istati Membri jiġu obbligati jinformaw lill-Kummissjoni kif xieraq.

(11)

L-Artikolu 53(2) u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li kull Stat Membru jagħmel disponibbli fuq l-Internet listi aġġornati ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll fit-territorju tiegħu u jipprovdi ċerta informazzjoni għal kull post ta' kontroll fuq il-fruntiera u għal kull punt ta' kontroll. Għalhekk huwa xieraq li f'dan ir-Regolament jiġi stabbilit il-format għal-listi tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u tal-punti ta' kontroll flimkien mal-abbrevjazzjonijiet li għandhom jintużaw biex jindikaw il-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti li għalihom ikunu ntgħażlu l-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u l-punti ta' kontroll, u l-informazzjoni speċifika addizzjonali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-għażla.

(12)

Għal raġunijiet ta' trasparenza, jenħtieġ li ċ-ċentri ta' spezzjoni kollha użati bħala parti minn post ta' kontroll fuq il-fruntiera jiġu elenkati flimkien mal-post innifsu fil-lista ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, filwaqt li jiġu indikati l-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti kkontrollati fiċ-ċentri ta' spezzjoni. Kwalunkwe bidla li tikkonċerna ċ-ċentri ta' spezzjoni jenħtieġ li tiġi riflessa b'mod preċiż f'din il-lista.

(13)

Ir-regoli li jridu jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 60(2) u 64(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 huma marbuta mill-qrib peress li lkoll jikkonċernaw rekwiżiti applikabbli għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u l-punti ta' kontroll u għalhekk jenħtieġ li japplikaw mill-istess data. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni korretta u komprensiva ta' dawk ir-regoli, huwa xieraq li dawn jiġu stabbiliti f'att wieħed.

(14)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/812/KE (2) tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera approvati f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (3), għal ċentri ta' spezzjoni u regoli għall-elenkar tagħhom. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE (4) tfassal lista approvata ta' postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 98/22/KE (5) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi biex isiru verifiki fuq is-saħħa tal-pjanti f'postijiet ta' spezzjoni fuq il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (6). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' rekwiżiti, d-Deċiżjoni 2001/812/KE, id-Deċiżjoni 2009/821/KE u d-Direttiva 98/22/KE jenħtieġ li jitħassru.

(15)

Id-dispożizzjonijiet rilevanti u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/625 se jibdew japplikaw mill-14 ta' Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll minn dik id-data.

(16)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar:

(a)

regoli ddettaljati komuni dwar rekwiżiti minimi għall-infrastruttura, it-tagħmir u d-dokumentazzjoni ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll differenti minn postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera;

(b)

regoli ddettaljati speċifiċi dwar rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżula għall-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(c)

regoli ddettaljati dwar rekwiżiti minimi għaċ-ċentri ta' spezzjoni;

(d)

il-format, il-kategoriji, l-abbrevjazzjonijiet u informazzjoni oħra għall-elenkar ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll differenti minn postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“oġġetti ppakkjati” tfisser oġġetti li jitpoġġew fi kwalunkwe tip ta' mballaġġ li jagħlaq l-oġġetti kompletament sabiex jiġu evitati kwalunkwe tnixxija u telf ta' kontenut;

2.

“ċentru ta' spezzjoni” tfisser faċilità separata stabbilita fi ħdan post ta' kontroll fuq il-fruntiera u stabbilita għall-fini ta' twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti fil-kamp ta' applikazzjoni tal-għażla tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera;

3.

“annimali ungulati” tfisser annimali ungulati kif iddefinit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE (7);

4.

“ekwidi rreġistrati” tfisser ekwidi rreġistrati kif iddefinit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE (8).

KAPITOLU I

Rekwiżiti minimi komuni għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

Artikolu 3

Infrastruttura tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

1.   Il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżula għall-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jkollhom il-faċilitajiet li ġejjin:

(a)

żoni jew kmamar fejn l-annimali u l-oġġetti jinħattu. Tali żoni jridu jkunu msaqqfa, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 4;

(b)

kmamar ta' spezzjoni jew żoni ta' spezzjoni bi provvista ta' ilma ġieri sħun u kiesaħ u faċilitajiet fejn wieħed jaħsel u jixxotta jdejh;

(c)

żoni ta' bini jew kmamar ta' bini għall-annimali u żoni ta' ħżin jew kmamar ta' ħżin, inklużi kmamar għall-ħżin kiesaħ fejn dan ikun xieraq għall-kategorija ta' oġġetti li għalihom ikun intgħażel il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera; u

(d)

aċċess għal toilets fornuti b'faċilitajiet fejn wieħed jaħsel u jnixxef idejh.

2.   Il-kmamar imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mgħammra b'ħitan, artijiet u soqfa faċli biex jitnaddfu u jiġu diżinfettati, ikollhom sistema ta' drenaġġ adegwata u dawl naturali jew artifiċjali adegwat.

3.   Iż-żoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu faċli biex jitnaddfu, ikollhom sistema ta' drenaġġ adegwata u dawl naturali jew artifiċjali adegwat.

4.   Ir-rekwiżit, previst fil-paragrafu 1(a), li ż-żoni tal-ħatt għandhom jissaqqfu ma għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

kunsinni mhux ippakkjati ġol-kontejners ta' prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem;

(b)

kunsinni ta' prodotti sekondarji tal-annimali li jikkonsistu minn suf, proteina pproċessata tal-annimali bl-ingrossa, demel jew gwanu mhux ippakkjat; u

(c)

kunsinni ta' oġġetti bl-ingrossa ta' volum għoli msemmija fl-Artikolu 47(1)(c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2017/625.

5.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) ma għandhomx ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq il-likwidi bl-ingrossa ta' oriġini mill-annimali u ta' oriġini mhux mill-annimali.

6.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, li jkunu ntgħażlu għall-kategoriji ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625, mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

li jkollhom provvista ta' ilma ġieri sħun u kiesaħ u faċilitajiet fejn wieħed jaħsel u jnixxef idejh kif imsemmi fil-paragrafu 1(b); u

(b)

li jkollhom kmamar b'soqfa faċli biex jiġu diżinfettati kif imsemmi fil-paragrafu 2.

7.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) ma għandhomx jintużaw ukoll għall-kategoriji l-oħra ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 meta jintużaw għal prodotti ta' oriġini mill-annimali u prodotti komposti.

8.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) ma għandhomx jintużaw ukoll għal ikel ta' oriġini mhux mill-annimali meta jintużaw għal prodotti ġerminali u prodotti sekondarji tal-annimali.

9.   B'deroga mir-rekwiżiti tal-paragrafi 7 u 8, il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jikkondividu l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) fil-każijiet li ġejjin:

(a)

il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li ntgħażlu għall-kategoriji ta' oġġetti ppakkjati biss; jew

(b)

il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li ntgħażlu għall-kategoriji ta' oġġetti ppakkjati u ta' oġġetti mhux ippakkjati, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-awtoritajiet kompetenti jwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li permezz tagħha juru kif jista' jiġi żgurat l-evitar ta' kontaminazzjoni kroċjata u jimplimentaw il-miżuri identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju għall-prevenzjoni ta' tali kontaminazzjoni kroċjata; u

(ii)

l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw separazzjoni taż-żmien bejn l-immaniġġjar ta' kunsinni differenti ta' oġġetti mhux ippakkjati u bejn l-immaniġġjar ta' kunsinni ta' oġġetti mhux ippakkjati u ppakkjati. Matul il-perjodu li jirriżulta mis-separazzjoni taż-żmien il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (c) għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati.

10.   Il-paragrafu 9 ma għandux japplika għall-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(c) fejn dawk il-faċilitajiet jintużaw għall-ħżin ta' prodotti sekondarji tal-annimali bl-ingrossa.

11.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jippermettu, taħt il-kontroll tagħhom, l-użu ta' faċilitajiet ta' ħżin kummerċjali għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dment li dawk il-faċilitajiet ikunu fil-viċinanza immedjata tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera u jkunu taħt il-kompetenza tal-istess awtorità doganali.

Tali faċilitajiet ta' ħżin kummerċjali jistgħu jintużaw biex jitwettqu l-kontrolli tal-identità u l-kontrolli fiżiċi fuq prodotti ta' oriġini mhux mill-annimali, dment li dawn il-faċilitajiet jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

12.   L-oġġetti maħżuna f'faċilitajiet ta' ħżin kummerċjali skont il-paragrafu 11 għandhom jinħażnu skont kundizzjonijiet iġjeniċi u jistgħu jiġu identifikati kif xieraq permezz ta' barcodes jew mezzi elettroniċi oħra, jew permezz ta' tikkettar. Meta l-oġġetti jistgħu jippreżentaw riskju lis-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, jew fil-każ ta' OĠM u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkunu ta' riskju għall-ambjent ukoll, dawn għandhom jinżammu wkoll f'kamra separata li tissakkar jew f'żoni maqtugħin mill-oġġetti l-oħra kollha maħżuna fil-faċilità ta' ħżin kummerċjali.

13.   Fejn il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera jkun jinsab fi triq, f'post minn fejn tgħaddi ferrovija jew f'port, il-ħżin fil-mezz tat-trasport li bih l-oġġetti jinġiebu għall-post ta' kontroll fuq il-fruntiera, jista' jkun permess taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti.

14.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla fl-infrastruttura jew fl-operat ta' post ta' kontroll fuq il-fruntiera, jew ta' ċentru ta' spezzjoni fi ħdan dak il-post, jekk tali bidliet ikunu jeħtieġu aġġornament tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 4

Tagħmir u dokumentazzjoni tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

1.   Il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera għandu jkollhom aċċess għal:

(a)

tagħmir għall-użin ta' kunsinni fejn l-użu tiegħu huwa rilevanti għall-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti li għalihom ikun intgħażel il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera;

(b)

tagħmir għall-ħatt, il-ftuħ u l-eżaminazzjoni tal-kunsinni;

(c)

tagħmir tat-tindif u tad-diżinfezzjoni u struzzjonijiet għall-użu tiegħu jew sistema ddokumentata tat-tindif u tad-diżinfezzjoni fejn it-tindif u d-diżinfezzjoni jiġu pprovduti minn aġenti esterni għall-post ta' kontroll fuq il-fruntiera; u

(d)

tagħmir adegwat għall-ħżin temporanju ta' kampjuni taħt il-kontroll tat-temperatura, li qed jistennew li jintbagħtu fil-laboratorju, u kontenituri adattati għat-trasport tagħhom.

2.   Kmamar ta' spezzjoni jew żoni ta' spezzjoni, fejn xieraq għall-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti li għalihom ikunu ntgħażlu postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, għandhom ikunu mgħammra bi:

(a)

mejda b'wiċċ lixx li jista' jinħasel u li faċli jitnaddaf u jiġi diżinfettat;

(b)

termometru biex titkejjel it-temperatura fil-wiċċ u fil-qalba tal-oġġetti;

(c)

tagħmir li jniżżel is-silġ;

(d)

tagħmir għat-teħid tal-kampjuni; u

(e)

tape adesiv u siġilli b'numri fuqhom jew tabelli mmarkati b'mod ċar biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà.

3.   Fejn meħtieġ, sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-kampjuni meħuda bħala parti mill-kontrolli uffiċjali, għandhom ikunu disponibbli struzzjonijiet iddettaljati dwar it-teħid ta' kampjuni għall-analiżi u t-trasport ta' tali kampjuni għal-laboratorju uffiċjali magħżul.

KAPITOLU II

Rekwiżiti minimi speċifiċi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

Artikolu 5

Postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżula għall-kategoriji ta' annimali

1.   Minbarra r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 4, il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li ntgħażlu għall-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jkollhom dan li ġej:

(a)

kamra fejn wieħed ibiddel b'faċilitajiet fejn wieħed jista' jieħu doċċa;

(b)

iż-żoni jew il-kmamar għall-ħatt tal-annimali msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) ipprovduti bi spazju, dawl u ventilazzjoni adegwati;

(c)

tagħmir għall-għalf u t-tisqija;

(d)

faċilitajiet ta' ħżin għall-għalf tal-annimali, għall-mifrex u għall-iskart u d-demel jew arranġamenti fis-seħħ ma' fornitur estern li jipprovdi l-istess faċilitajiet;

(e)

żoni ta' bini jew kmamar ta' bini biex il-kategoriji ta' annimali li ġejjin li għalihom jintgħażel il-post ta' kontroll fuq il-fruntiera jinżammu separati:

(i)

annimali ungulati differenti minn ekwidi rreġistrati;

(ii)

ekwidi rreġistrati; u

(iii)

annimali oħra differenti minn annimali ungulati (iżda li jinkludu l-annimali ungulati taż-żoo);

(f)

kmamar ta' spezzjoni jew żoni ta' spezzjoni pprovduti b'tagħmir li jrażżan u t-tagħmir meħtieġ biex titwettaq eżaminazzjoni klinika; u

(g)

passaġġ ta' aċċess apposta jew arranġamenti oħra sabiex l-annimali ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jistennew bla bżonn qabel ma jilħqu ż-żona tal-ħatt.

2.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), (c), (e), (f) u (g) għandhom jitfasslu, jinbnew, jinżammu u jitħaddmu sabiex jiġu evitati l-korriment u t-tbatija mhux meħtieġa tal-annimali u tiġi żgurata s-sigurtà tagħhom.

3.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (e) u (f) għandhom jikkostitwixxu unità ta' xogħol waħda integrata u sħiħa.

4.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jintużaw għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq il-kunsinni ta' annimali għall-kummerċ intra-Unjoni.

Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq kunsinni ta' annimali maħsuba għall-esportazzjoni mill-Unjoni jew li jitmexxew minn wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/625 għal territorju ieħor elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/625, wara li jgħaddu mit-territorju ta' pajjiż terz, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti jwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li turi kif jista' jiġi żgurat l-evitar ta' kontaminazzjoni kroċjata u jimplimentaw il-miżuri identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju għall-prevenzjoni ta' tali kontaminazzjoni kroċjata; u

(b)

l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw separazzjoni taż-żmien bejn l-immaniġġjar ta' kunsinni ta' annimali maħsuba għall-esportazzjoni mill-Unjoni jew li jitmexxew minn wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/625 għal territorju ieħor elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/625, wara li jgħaddu mit-territorju ta' pajjiż terz, u kwalunkwe kunsinna oħra ta' annimali li tidħol fl-Unjoni. Matul il-perjodu li jirriżulta mis-separazzjoni taż-żmien il-faċilitajiet użati għall-immaniġġjar ta' kunsinni ta' annimali għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati.

5.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), (c), (e) u (f) ma għandhomx jintużaw ukoll għall-kategoriji ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 6

Il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżula għall-kategoriji ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti ġerminali, prodotti komposti u ħuxlief u tiben

1.   Minbarra r-rekwiżiti tal-Artikoli 3 u 4, il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li ntgħażlu għall-kategoriji ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a)

għandu jkollhom kmamar ta' spezzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) mgħammra b'faċilitajiet biex, fejn meħtieġ, jinżamm ambjent b'temperatura kkontrollata;

(b)

fejn ikunu ntgħażlu għall-kategoriji ta' oġġetti mkessħa, iffriżati u b'temperatura ambjentali, għandhom ikunu jistgħu jaħżnu dawk l-oġġetti simultanjament f'kull kategorija ta' temperatura xierqa, sakemm joħorġu r-riżultati tal-analiżi, tat-testijiet jew tad-dijanjożi tal-laboratorju, jew sakemm joħroġ ir-riżultat tal-kontrolli tal-awtorità kompetenti; u

(c)

jkollhom kmamar fejn wieħed ibiddel.

2.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkostitwixxu unità ta' xogħol integrata u sħiħa waħda.

3.   Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jintużaw għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq il-kunsinni ta' oġġetti għall-kummerċ intra-Unjoni.

Il-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq kunsinni ta' oġġetti maħsuba għall-esportazzjoni mill-Unjoni jew li jitmexxew minn wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2017/625 għal territorju ieħor elenkat fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2017/625, wara li jgħaddu mit-territorju ta' pajjiż terz, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti jwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li turi kif jista' jiġi żgurat l-evitar ta' kontaminazzjoni kroċjata u jimplimentaw il-miżuri identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju għall-prevenzjoni ta' tali kontaminazzjoni kroċjata; u

(b)

l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw separazzjoni taż-żmien bejn l-immaniġġjar ta' kunsinni ta' oġġetti maħsuba għall-esportazzjoni mill-Unjoni jew li jitmexxew minn wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/625 għal territorju ieħor elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/625, wara li jgħaddu mit-territorju ta' pajjiż terz, u kwalunkwe kunsinna oħra ta' oġġetti li tidħol fl-Unjoni. Matul il-perjodu li jirriżulta mis-separazzjoni taż-żmien il-faċilitajiet użati għall-immaniġġjar ta' kunsinni ta' oġġetti għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati.

4.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq il-likwidi bl-ingrossa ta' oriġini mill-annimali u ta' oriġini mhux mill-annimali.

5.   Żrinġijiet ħajjin, ħut ħaj u invertebrati ħajjin maħsuba għall-konsum mill-bniedem u bajd li jfaqqas u lixkiet għas-sajd jistgħu jiġu spezzjonati fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li jkunu ntgħażlu għall-kategoriji ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625.

KAPITOLU III

Lista ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll

Artikolu 7

Il-format, il-kategoriji, l-abbrevjazzjonijiet u informazzjoni oħra għal-lista ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-format stabbilit fl-Anness I sabiex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.   Meta jfasslu l-listi ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-listi ta' punti ta' kontroll skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-Istati Membri għandhom jużaw l-abbrevjazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

3.   Il-listi ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u ta' punti ta' kontroll għandhom ikunu akkumpanjati minn nota ta' spjegazzjoni li fiha l-abbrevjazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

KAPITOLU IV

Ċentri ta' spezzjoni

Artikolu 8

Rekwiżiti għaċ-ċentri ta' spezzjoni

1.   Il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jistgħu jinkludu ċentru ta' spezzjoni wieħed jew aktar għat-twettiq, kif meħtieġ, tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq il-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti, li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-għażla tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera.

2.   Iċ-ċentri ta' spezzjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera stabbiliti fl-Artikolu 64(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u r-regoli ddettaljati dwar rekwiżiti minimi ta' dan ir-Regolament.

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 64(3)(f) tar-Regolament (UE) 2017/625 ma għandhomx japplikaw għaċ-ċentri ta' spezzjoni li għandhom aċċess għat-teknoloġija u t-tagħmir għat-tħaddim tas-sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) imsemmija fl-Artikolu 131 ta' dan ir-Regolament u għal sistemi kompjuterizzati oħra ta' ġestjoni tal-informazzjoni disponibbli f'faċilità oħra tal-istess post ta' kontroll fuq il-fruntiera.

3.   Iċ-ċentri ta' spezzjoni jridu jkunu:

(a)

taħt il-mandat tal-istess awtorità doganali tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera; u

(b)

taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera.

4.   Meta l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għażla ta' post ta' kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2017/625, huma għandhom jissottomettu wkoll lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar kwalunkwe ċentru ta' spezzjoni stabbilit fi ħdan tali post ta' kontroll fuq il-fruntiera.

5.   L-Istati Membri għandhom jelenkaw kull ċentru ta' spezzjoni flimkien mal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera rilevanti magħżul skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2017/625, skont il-format stabbilit fl-Anness I. Din l-informazzjoni għandha tispeċifika wkoll il-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti, li huma kkontrollati fiċ-ċentri ta' spezzjoni skont l-Artikolu 7.

6.   L-Istati Membri għandhom ineħħu ċ-ċentri ta' spezzjoni mil-lista msemmija fil-paragrafu 5 ladarba jieqfu milli jikkonformaw mal-paragrafi 2 u 3, u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar it-tneħħija u dwar ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

Artikolu 9

Tħassir

Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/812/KE u 2009/821/KE u d-Direttiva tal-Kummissjoni 98/22/KE jitħassru b'effett mill-14 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Madankollu, fir-rigward tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li jintgħażlu għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 skont l-Artikolu 59(1) ta' dak ir-Regolament u li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma jkollhomx żoni jew kmamar għall-ħatt imsaqqfa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1)(a) u l-Artikolu 3(3) għandha tapplika mill-14 ta' Diċembru 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 93, 7.4.2017, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/812/KE tal-21 ta' Novembru 2001 li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta' postijiet ta' spezzjoni tal-fruntiera responsabbli għal kontrolli veterinarji ta' prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 306, 23.11.2001, p. 28).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta' Settembru 2009 Tfassil ta' lista approvata ta' postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veterinarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 98/22/KE tal-15 ta' April 1998 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi biex isiru verifiki fuq is-saħħa tal-pjanti fil-Komunità, f'postijiet ta' spezzjoni għajr dawk li jkun hemm fil-post tad-destinazzjoni, ta' pjanti, ta' prodotti tal-pjanti jew ta' oġġetti oħra li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi (ĠU L 126, 28.4.1998, p. 26).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta' April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi (ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1).


ANNESS I

Format għal-listi ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

1.

2.

3.

4.

5.

6.

7.

Post ta' Kontroll fuq il-Fruntiera

Id-dettalji ta' kuntatt

Il-Kodiċi tas-sistema TRACES

It-Tip ta' trasport

Ċentri ta' spezzjoni

Kategoriji ta' annimali u oġġetti u speċifikazzjonijiet

Speċifikazzjonijiet addizzjonali rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-ħatra

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Format għal-listi ta' postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera

1.

2.

3.

6.

7.

Punt tal-Kontroll

Id-dettalji ta' kuntatt

Il-Kodiċi tas-sistema TRACES

Kategoriji ta' annimali u oġġetti u speċifikazzjonijiet

Speċifikazzjonijiet addizzjonali rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-ħatra

 

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS II

Qasam numru 1: Post ta' Kontroll fuq il-Fruntiera (il-BCP)/Punt ta' Kontroll (is-CP)

Isem il-BCP/is-CP

Qasam numru 2: Dettalji ta' kuntatt tal-BCP/tas-CP

Indirizz sħiħ

Indirizz elettroniku

Numru tat-telefown

Ħinijiet tal-ftuħ (obbligatorji biss għall-BCP)

Sit web (obbligatorju biss għall-BCP)

Qasam numru 3:

Kodiċi TRACES assenjat

Qasam numru 4: Tip ta' trasport tal-BCP

A

=

Ajruport

F

=

Ferrovija

P

=

Port

R

=

Triq

Qasam numru 5: Ċentri ta' spezzjoni

(jekk jogħġbok innota li diversi ċentri ta' spezzjoni jistgħu jkunu f'BCP wieħed)

Isem iċ-ċentru ta' spezzjoni

Indirizz u dettalji tal-kuntatt

Qasam numru 6: Il-BCP u s-CP

Kategoriji ta' annimali u oġġetti u speċifikazzjonijiet

Qasam numru 7: Il-BCP u s-CP

Speċifikazzjonijiet addizzjonali rigward il-kamp ta' applikazzjoni tal-ħatra: test liberu biex jipprovdi l-ispeċifikazzjoni addizzjonali (1)

Abbrevjazzjonijiet u speċifikazzjonijiet applikabbli għall-kategoriji ta' annimali u oġġetti li għalihom jintgħażel il-BCP/CP, inklużi ċ-ċentri ta' spezzjoni fejn applikabbli.

(a)   Għall-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625

Abbrevjazzjonijiet

LA

Annimali ħajjin

-U

Ungulati minbarra l-ekwidi rreġistrati

-E

Ekwidi rreġistrati

-O

Annimali oħra għajr l-annimali ungulati (Din l-abbrevjazzjoni tinkludi annimali ungulati taż-żoo)


Speċifikazzjonijiet

(*)

Sospensjoni tal-BCP u CP kif imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/625

(1)

Ara l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali fil-kaxxa 7

(b)   Għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti komposti, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, ħuxlief u tiben imsemmijin fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 jew koperti minn kundizzjonijiet jew miżuri msemmija fl-Artikolu 47(1)(d) (e) jew (f) tar-Regolament (UE) 2017/625

Abbrevjazzjonijiet

POA

Prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti komposti, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, ħuxlief u tiben

-HC

Prodotti tajbin għall-konsum mill-bniedem

-NHC

Prodotti li mhumiex tajbin għall-konsum mill-bniedem

-NT

L-ebda rekwiżiti ta' temperatura

-T

Prodotti ffriżati/imkessħa

-T(FR)

Prodotti ffriżati

-T(CH)

Prodotti mkessħa


Speċifikazzjonijiet

(*)

Sospensjoni tal-BCP u CP kif imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/625

(1)

Ara l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali fil-kaxxa 7

(2)

Prodotti ppakkjati biss

(3)

Prodotti tas-sajd biss

(4)

Merkanzija likwida bl-ingrossa biss

(c)   Għall-pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625

Abbrevjazzjonijiet

P

Pjanti

PP

Prodotti tal-pjanti

PP(WP)

Injam u prodotti tal-injam

OO

Oġġetti oħra


Speċifikazzjonijiet

(*)

Sospensjoni tal-BCP u CP kif imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/625

(1)

Ara l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali fil-kaxxa 7

 

 

(d)   Għall-oġġetti mhux ta' oriġini mill-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(d) (e) jew (f) tar-Regolament (UE) 2017/625

Abbrevjazzjonijiet

PNAO

Prodotti mhux ta' oriġini mill-annimali

-HC(food)

Għall-oġġetti mhux ta' oriġini mill-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(d) (e) jew (f) tar-Regolament (UE) 2017/625

-NHC(feed)

Għall-oġġetti mhux ta' oriġini mill-annimali koperti mill-kundizzjonijiet jew il-miżuri msemmija fl-Artikolu 47(1)(d) (e) jew (f) tar-Regolament (UE) 2017/625

-NHC(other)

Prodotti mhux ta' oriġini mill-annimali, li la huma ikel u lanqas għalf

-NT

L-ebda rekwiżiti ta' temperatura

-T

Prodotti ffriżati/imkessħa

-T(FR)

Prodotti ffriżati

-T(CH)

Prodotti mkessħa


Speċifikazzjonijiet

(*)

Sospensjoni tal-BCP u CP kif imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/625

(1)

Ara l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali fil-kaxxa 7

(2)

Prodotti ppakkjati biss

(4)

Merkanzija likwida bl-ingrossa biss