21.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1013

tas-16 ta' April 2019

dwar in-notifika minn qabel tal-kunsinni ta' ċerti kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti li jidħlu fl-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi, inter alia l-qafas għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u fuq l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-għan li jitħarsu saħħet il-bniedem, saħħet l-annimali u saħħet il-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali u, b'rabta mal-organiżmi ġenetikament modifikati (l-OĠM) u mal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-ambjent ukoll. Dak il-qafas jinkludi l-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq annimali u fuq oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi mill-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżula.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) 2017/625, l-operatur responsabbli għal ċerti kunsinni li jidħlu fl-Unjoni jrid jagħti notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera qabel il-wasla tal-kunsinni. Sabiex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu l-kontrolli uffiċjali tagħhom b'mod effettiv u f'waqtu, jixraq li l-perjodu minimu biex tingħata n-notifika minn qabel jiġi ffissat għal jum wieħed tax-xogħol qabel il-wasla tal-kunsinni.

(3)

Madankollu, minħabba r-restrizzjonijiet loġistiċi relatati mat-trasport, f'ċerti każijiet jista' ma jkunx possibbli li titħares il-konformità mal-perjodu ta' notifika ta' jum wieħed tax-xogħol qabel il-wasla tal-kunsinna. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta l-kunsinna tiġi ttrasportata mill-post li minnu tintbagħat għall-post ta' kontroll fuq il-fruntiera f'inqas minn 24 siegħa, u l-informazzjoni meħtieġa biex jimtlew il-partijiet rilevanti tad-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (Common Health Entry Document/CHED) meħtieġ għan-notifika minn qabel skont l-Artikolu 56(3)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 ma tkunx disponibbli qabel ma titgħabba l-kunsinna. F'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżiġu li n-notifika minn qabel issir mill-inqas erba' sigħat qabel il-wasla tal-kunsinna, biex b'hekk anki f'ċirkostanzi bħal dawn, ikun jista' jiġi żgurat it-twettiq b'mod effettiv u f'waqtu tal-kontrolli uffiċjali.

(4)

Minħabba restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1012 (2) jipprevedi l-eżenzjoni tal-Istati Membri tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera li għandhom jiġu magħżula għall-importazzjonijiet ta' zkuk mhux ipproċessati u ta' njam isserrat u mqatta', minn ċerti rekwiżiti minimi tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fil-post ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżul għall-oġġetti msemmija hawn fuq jistgħu jitwettqu minn tim mobbli ta' kontrolli uffiċjali. Għalhekk, biex jitħalla żmien biżżejjed għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u ta' attivitajiet uffiċjali oħra f'dawk il-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, jenħtieġ li f'dan ir-Regolament tingħata deroga mir-regoli dwar il-perjodu minimu għan-notifika minn qabel tal-wasla tal-kunsinni.

(5)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 jibda japplika mill-14 ta' Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll jibda japplika minn dik id-data.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Notifika minn qabel tal-kunsinni

1.   L-operatur responsabbli għal kunsinna li taqa' fil-kategoriji ta' annimali u ta' oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jagħti notifika minn qabel ta' mill-inqas jum wieħed tax-xogħol qabel il-wasla mistennija tal-kunsinna lill-awtorità kompetenti tal-post ta' kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, fejn restrizzjonijiet loġistiċi jimpedixxu l-konformità mal-limitu ta' żmien stabbilit f'dak il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera jistgħu japplikaw perjodu ta' notifika minn qabel ta' mill-inqas erba' sigħat qabel il-wasla mistennija tal-kunsinna;

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera magħżula għall-importazzjoni ta' zkuk mhux ipproċessati u ta' njam isserrat u mqatta' skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1012, jistgħu japplikaw perjodu ta' notifika minn qabel sa ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-wasla mistennija tat-tali kunsinni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1012 tat-12 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidderoga mir-regoli dwar il-ħatra ta' punti ta' kontroll u mir-rekwiżiti minimi għall-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera (Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).