25.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/115


REGOLAMENT (UE) 2019/1010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2019

dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114, 192(1) u 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l- l-konformità, jenħtieġ li jiġu introdotti emendi għal diversi atti leġislattivi tal-Unjoni relatati mal-ambjent, li jieħdu kont tar-riżultati tar-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ġunju 2017 dwar Azzjonijiet għas-Simplifikazzjoni tar-Rappurtar Ambjentali u l-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-Rapportar u l-Monitoraġġ tal-Politika Ambjentali tal-UE tad-9 ta’ Ġunju 2017 li jakkumpanjah (flimkien imsemmija l-"Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rapportar").

(2)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimmodernizza l-ġestjoni tal-informazzjoni u jiżgura approċċ aktar konsistenti mal-atti leġislattivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu billi jissimplifika r-rapportar sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, tittejjeb il-bażi tad-data għal evalwazzjonijiet futuri u tiżdied it-trasparenza għall-benefiċċju tal-pubbliku, f’kull każ skont iċ-ċirkostanzi.

(3)

Huwa neċessarju li l-aċċessibbiltà tad-data tiżgura li l-piż amministrattiv fuq l-entitajiet kollha jibqa’ limitat kemm jista’ jkun, b’mod speċjali fuq l-entitajiet mhux governattivi bħalma huma l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Tali aċċessibbiltà tirrikjedi t-tixrid attiv tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali f’konformità mad-Direttivi 2003/4/KE (3) u 2007/2/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, biex tiġi żgurata l-infrastruttura xierqa għall-aċċess pubbliku, ir-rapportar u l-kondiviżjoni tad-data fost l-awtoritajiet pubbliċi.

(4)

Id-data u l-proċess tar-rapportar komprensiv u f’waqtu tal-Istati Membri huma essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja, tirrieżamina u tivvaluta l-prestazzjoni tal-leġislazzjoni vis-a-vis l-għanijiet ta’ din tal-aħħar sabiex tinforma kwalunkwe valutazzjoni futura tal-leġislazzjoni, skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). Huwa xieraq li jiżdiedu xi dispożizzjonijiet ma’ diversi atti leġislattivi fis-settur ambjentali għall-fini tal-evalwazzjoni futura tagħhom, fuq il-bażi tad-data miġbura matul l-implimentazzjoni, possibbilment flimkien ma’ aktar data analitika u xjentifika. F’dak il-kuntest, teżisti l-ħtieġa għal data rilevanti li tippermetti valutazzjoni aħjar tal-effiċjenza, l-effikaċja, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-leġislazzjoni tal-Unjoni; minn dan in-neċessità li jiġu żgurati mekkaniżmi ta’ rapportar xierqa li jistgħu jservu wkoll ta’ indikaturi għal dan il-għan kemm għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll għall-pubbliku ġenerali.

(5)

Huwa neċessarju li jiġu emendati l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 10 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (6). Jenħtieġ li l-obbligu ta’ rapportar lill-Kummissjoni jiġi ssimplifikat u, fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu rikjesti li jiżguraw livell ogħla ta’ trasparenza, fejn l-informazzjoni rikjesta tkun faċilment disponibbli b’mezzi elettroniċi u f’konformità mad-Direttivi 2003/4/KE u 2007/2/KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess pubbliku, tal-qsim ta’ informazzjoni u tas-servizzi. Minħabba l-importanza prevalenti li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jkollhom aċċess rapidu għal informazzjoni ambjentali, huwa essenzjali li l-Istat Membru jagħmel id-data disponibbli pubblikament hekk kif ikun teknikament fattibbli bil-għan li l-informazzjoni tkun disponibbli fi żmien tliet xhur minn tmiem is-sena.

(6)

Skont l-evalwazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2016 tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), hemm il-ħtieġa li jiġu razzjonalizzati l-iskadenzi tar-rapportar għall-mapep tal-ħsejjes u l-pjanijiet ta’ azzjoni biex jitħalla biżżejjed żmien għal konsultazzjoni pubblika dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-iskadenza għar-rieżami jew għar-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tiġi posposta, darba biss, b’sena sabiex l-iskadenza tar-raba’ ċiklu tal-pjanijiet ta’ azzjoni ma tkunx it-18 ta’ Lulju 2023 iżda t-18 ta’ Lulju 2024. B’hekk, mir-raba’ ċiklu ’l quddiem, l-Istati Membri ser ikollhom madwar sentejn bejn li jagħmlu l-mapep tal-ħsejjes u t-tlestija tar-rieżami jew tar-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni minflok sena waħda kif inhu l-każ bħalissa. Għaċ-ċikli sussegwenti tal-pjanijiet ta’ azzjoni, jerġa’ jibda japplika ċ-ċiklu ta’ ħames snin għar-rieżami jew għar-reviżjoni. Barra minn hekk, sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tad-Direttiva 2002/49/KE u sabiex tiġi pprovduta bażi għall-iżvilupp ta’ miżuri fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li r-rapportar mill-Istati Membri jsir b’mezzi elettroniċi. Huwa wkoll neċessarju li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika billi jiġi rikjest li informazzjoni komprensibbli, preċiża u komparabbli ssir disponibbli għall-pubbliku filwaqt li dan l-obbligu jiġi allinjat ma’ atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2007/2/KE, mingħajr ma jiġu dduplikati r-rekwiżiti prattiċi.

(7)

L-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ il-bażi tal-evidenza tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) b’mod trasparenti, kif sar mill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar dik id-Direttiva. Sabiex tiġi ffaċilitata l-evidenza komparabbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida li jipprovdu fehim komuni tad-"danni ambjentali" kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35/KE.

(8)

Fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE u tal-evalwazzjoni li takkumpanjah tal-10 ta’ Awissu 2016, huwa xieraq, bil-ħsieb li tiġi simplifikata l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat mal-monitoraġġ mill-Istati Membri, li l-Istati Membri ma jibqgħux obbligati jibagħtu rapporti kull tliet snin lill-Kummissjoni, u li l-Kummissjoni ma tibqax obbligata tippreżenta rapport sommarju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, billi l-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rapportar ikkonferma l-użu limitat ta’ dawn ir-rapporti. Madankollu, jenħtieġ li il-Kummissjoni tkompli twettaq, kull ħames snin, evalwazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE u tagħmel dik l-evalwazzjoni disponibbli pubblikament.

(9)

Il-Kontroll tal-Idoneità tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2016 tal-Leġislazzjoni tal-UE dwar in-Natura (Id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats), jiġifieri d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (10), ikkonkluda li ċiklu ta’ rapportar ta’ tliet snin huwa meħtieġ skont id-Direttiva 2009/147/KE. Madankollu, fil-prattika, ċiklu ta’ rapportar ta’ sitt snin, kif japplika għad-Direttiva 92/43/KEE, diġà ġie applikat għad-Direttiva 2009/147/KE, bl-istess għan ewlieni li tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet. Il-ħtieġa għal implimentazzjoni razzjonalizzata tad-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE tiġġustifika l-ħtieġa li l-leġislazzjoni tiġi adattata għall-prattika komuni, billi tiġi żgurata valutazzjoni tal-istatus kull sitt snin, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri xorta jeħtieġu li jwettqu l-attivitajiet ta’ monitoraġġ neċessarji għal xi speċijiet vulnerabbli. Jenħtieġ li dik il-prattika komuni tiffaċilita wkoll it-tħejjija tar-rapporti kull sitt snin dwar l-applikazzjoni tad-Direttivi li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni tal-progress tal-politika, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa li jipprovdu informazzjoni, b’mod partikolari, dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi, it-theddid u l-pressjoni fuqhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda u l-kontribut tan-netwerk taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-objettivi tad-Direttiva 2009/147/KE.

(10)

Sabiex tittejjeb it-trasparenza u jitnaqqas il-piż amministrattiv, huwa neċessarju li jiġu emendati l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 43, 54 u 57 tad-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Huwa neċessarju li tiġi stabbilita bażi tad-data ċentrali, b’aċċess miftuħ u disponibbli għat-tiftix għal sommarji mhux tekniċi ta’ proġetti u ta’ valutazzjonijiet retrospettivi relatati, u li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni ikopru l-istabbiliment ta’ format komuni għall-preżentazzjoni ta’ sommarji mhux tekniċi ta’ proġetti u ta’ valutazzjonijiet retrospettivi relatati, kif ukoll format u kontenut ta’ informazzjoni komuni għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u informazzjoni statistika. Huwa neċessarju wkoll li jiġi sostitwit ir-rapportar tal-istatistika mill-Kummissjoni kull tliet snin b’rekwiżit fuq il-Kummissjoni li tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data ċentrali dinamika ospitata u li tirrilaxxa informazzjoni statistika fuq bażi annwali.

(11)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni REFIT tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2017 tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), huwa neċessarju li jiġu emendati jew aboliti l-obbligi ta’ rapportar stipulatti f’dak ir-Regolament. Sabiex tittejjeb il-koerenza mar-rapportar skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi t-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006, u biex jiġi abolit il-format tar-rapportar attwalment stabbilit f’dak ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Minħabba l-importanza prevalenti li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jkollhom aċċess b’mod rapidu għal informazzjoni ambjentali, huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħmlu d-data disponibbli pubblikament hekk kif ikun teknikament fattibbli bil-għan li l-informazzjoni tkun disponibbli fi żmien tliet xhur minn tmiem is-sena, inkluż billi jsir progress lejn dak l-objettiv permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006. Huwa neċessarju wkoll li jiġi emendat l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-kunfidenzjalità sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar ta’ rapportar lill-Kummissjoni. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni, huwa neċessarju wkoll li jitneħħew l-obbligi ta’ rapportar stipulati fl-Artikoli 16 u 17 ta’ dak ir-Regolament, peress li dawn l-obbligi jipprovdu informazzjoni li hija ta’ valur limitat jew ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet tal-politika.

(12)

Sabiex ittejjeb u tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), jenħtieġ li d-data pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament issir disponibbli għall-pubbliku min-naħa tal-Kummissjoni permezz ta’ ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni ta’ dik id-data. Sabiex tiżdied il-konsistenza ta’ informazzjoni u sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-funzjonament ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, u jenħtieġ li l-frekwenza u l-perjodu tal-għoti ta’ informazzjoni jkunu allinjati ma’ dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 (16). Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(13)

Sabiex ittejjeb u tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005, id-data pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li ssir disponibbli mill-Kummissjoni għall-pubbliku permezz ta’ ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni. Fuq il-bażi tal-esperjenza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kisbu mill-ewwel sena tas-sistema ta’ liċenzjar tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005 relatati mar-rapportar jeħtieġ li jiġu aġġornati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha biex tistabbilixxi l-format u l-proċedura biex l-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni disponibbli, tkun assistita mill-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni ta’ dak ir-Regolament jiġu aġġornati.

(14)

Ir-rapportar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (17) jeħtieġ li jiġi razzjonalizzat u allinjat mar-rekwiżiti ta’ rapportar skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tat-3 ta’ Marzu 1973, li l-Unjoni u l-Istati Membri huma partijiet għaliha. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar skont is-CITES ġew emendati fis-17-il Konferenza tal-Partijiet tas-CITES li saret fl-2016, sabiex tiġi aġġustata l-frekwenza tar-rapportar għal miżuri dwar l-implimentazzjoni tas-CITES u biex jinħoloq mekkaniżmu ta’ rapportar ġdid dwar il-kummerċ illegali tal-ispeċijiet elenkati fis-CITES. Dawn il-bidliet jeħtieġ li jkunu riflessi fir-Regolament (KE) Nru 338/97.

(15)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent diġà qed twettaq kompiti importanti fil-monitoraġġ u fir-rapportar tal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, u jenħtieġ li dawk il-kompiti jiġu introdotti b’mod espliċitu fil-leġislazzjoni rilevanti. Għall-atti oħra tal-leġislazzjoni ambjentali, ir-rwol u r-riżorsi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’dak li jirrigwarda l-appoġġ lill-Kummissjoni fir-rapportar ambjentali ser jiġu indirizzati wara l-finalizzazzjoni tal-evalwazzjoni li għaddejja bħalissa.

(16)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006, (UE) Nru 995/2010, (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE, 2010/63/UE u 86/278/KEE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 86/278/KEE

Id-Direttiva 86/278/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu il-punti li ġejjin:

"(e)

"servizzi ta’ data ġeografika" tfisser servizzi ta’ data ġeografika kif definit fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(f)

"sett ta’ data ġeografika" tfisser sett ta data ġeografika kif definita fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/2/KE.

(*1)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).";"

(2)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu rekords aġġornati, u li dawk ir-rekords jirreġistraw:

(a)

il-kwantitajiet ta’ ħama prodotta u l-kwantitajiet ipprovduti għall-użu fl-agrikoltura;

(b)

il-kompożizzjoni u l-proprjetajiet tal-ħama f’relazzjoni mal-parametri msemmija fl-Anness II A;

(c)

it-tip ta’ trattament li jkun sar, kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2;

(d)

l-ismijiet u l-indirizzi ta’ dawk li jirċievu l-ħama u l-post fejn tintuża l-ħama;

(e)

kwalunkwe informazzjoni oħra rigward tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17.

Is-servizzi ta’ data ġeografika għandhom jintużaw biex jiġu ppreżentati s-settijiet ta’ data ġeografika fl-informazzjoni rreġistrata f’dawk ir-reġistri.

2.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru disponibbli u faċilment aċċessibbli għall-pubbliku għal kull sena kalendarja, fi żmien tmien xhur mit-tmiem tas-sena kalendarja rilevanti, f’format konsolidat kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/741/KE (*2) jew f’format ikkonsolidat ieħor previst skont l-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, b’ mezzi elettroniċi, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   L-informazzjoni dwar il-metodi ta’ trattament u r-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu rrilaxxati lill-awtoritajiet kompetenti.

(*2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/741/KE tal-24 ta’ Ottubru 1994 dwar kwestjonarji għar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti Direttivi fis-settur tal-iskart (implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE) (ĠU L 296, 17.11.1994, p. 42).";"

(3)

l-Artikolu 17 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 17

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, format li skontu l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva kif meħtieġ skont l-Artikolu 10. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2).

Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni li tinkludi mapep fuq il-bażi tad-data li l-Istati Membri jkunu għamlu disponibbli skont l-Artikolu 10 u dan l-Artikolu.".

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2002/49/KE

Id-Direttiva 2002/49/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt li ġej:

"(w)

“repożitorju tad-data” tfisser sistema ta’ informazzjoni, ġestita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li jkun fiha informazzjoni u data dwar il-ħsejjes ambjentali li jsiru disponibbli permezz tar-rapportar tad-data nazzjonali u permezz tan-nodi ta’ skambju fil-kontroll tal-Istati Membri.";

(2)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"5.   Il-pjanijiet tal-azzjoni għandhom jiġu rieżaminati, u riveduti jekk neċessarju, kull meta jseħħ żvilupp maġġuri li jaffettwa s-sitwazzjoni eżistenti tal-ħsejjes, u mill-anqas kull ħames snin wara d-data tal-approvazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet.

Ir-rieżamijiet u r-reviżjonijiet li skont l-ewwel subparagrafu jsiru fl-2023, għandhom jiġu posposti biex isiru mhux aktar tard mit-18 ta’ Lulju 2024.";

(3)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mapep strateġiċi tal-ħsejjes li huma jkunu għamlu, u meta xieraq adottaw, u l-pjanijiet ta’azzjoni li huma jkunu fasslu, isiru disponibbli u jitqassmu lill-pubbliku f’konformità mal-atti leġislattivi relevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2003/4/KE (*3) u 2007/2/KE (*4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u f’konformità mal-Annessi IV u V għal din id-Direttiva, inkluż permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni li jkunu disponibbli.

(*3)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26)."

(*4)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).";"

(4)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni minn mapep strateġiċi tal-ħsejjes u sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni, kif imsemmija fl-Anness VI, jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-dati stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 rispettivament. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw biss l-informazzjoni b’mezzi elettroniċi lil repożitorju tad-data obbligatorju li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2). Fl-eventwalità li Stat Membru jkun irid jaġġorna l-informazzjoni, għandu jiddeskrivi d-differenzi bejn l-informazzjoni aġġornata u dik oriġinali u r-raġunijiet għall-aġġornament meta jagħmel l-informazzjoni aġġornata disponibbli fir-repożitorju tad-data.";

(5)

fl-Anness VI, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3.

Mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni.

Il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiżviluppa mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni diġitali obbligatorju biex titqassam l-informazzjoni mill-mapep strateġiċi tal-ħsejjes u mis-sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).".

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2004/35/KE

Id-Direttiva 2004/35/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 14, jitħassar il-paragrafu 2;

(2)

l-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 18

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-bażi ta’ evidenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor informazzjoni mill-Istati Membri, li xxerrdet f’konformità mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), u sa fejn disponibbli, dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dik l-informazzjoni għandha tkopri d-data stipulata fl-Anness VI ta’ din id-Direttiva u għandha tinġabar sat-30 ta’ April 2022 u kull ħames snin wara dan.

2.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippubblikaha qabel it-30 ta’ April 2023 u kull ħames snin wara dan.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji gwida li jipprovdu fehim komuni tat-terminu "danni ambjentali" kif definit fl-Artikolu 2.

(*5)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).";"

3.

l-Anness VI huwa sostitwit b’dan li ġej:

"ANNESS VI

L-INFORMAZZJONI U D-DATA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 18(1)

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) għandha tkopri każijiet ta’ danni ambjentali skont din id-Direttiva, bl-informazzjoni u d-data li ġejjin għal kull każ:

1.

It-tip ta’ dannu ambjentali, id-data ta’ meta seħħ/jew ta’ meta ġie skopert id-dannu. It-tip ta’ dannu ambjentali għandu jiġi klassifikat bħala dannu għal speċijiet protetti u ambjenti naturali, għall-ilma u l-art kif imsemmi fil-punt 1tal-Artikolu 2.

2.

Deskrizzjoni tal-attività f’konformità mal-Anness III.

L-Istati Membri għandhom jinkludu kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.".

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 2007/2/KE

Id-Direttiva 2007/2/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

"2.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw u, jekk neċessarju, jippubblikaw rapport sommarju. Dawk ir-rapporti, li għandu jiġu ppubblikati mis-servizzi tal-Kummissjoni assistiti mill-Aġenzja Ewropea għall-Ambjent, għandu jinkludi deskrizzjonijiet sommarji ta’:";

(b)

jitħassar il-paragrafu 3;

(2)

l-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 23

Kull sena, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tippubblika u taġġorna l-ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi tal-metadata u tad-data li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli permezz ta’ servizzi tan-netwerk tagħhom skont l-Artikolu 21. Il-ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni għandha tinkludi, kif xieraq, indikaturi għall-eżiti, għar-riżultati u għall-impatti ta’ din id-Direttiva, mapep li jagħtu ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni u rapporti li jagħtu ħarsa ġenerali tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha twettaq, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2022 u suċċessivament mill-inqas kull ħames snin, evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-implimentazzjoni tagħha, u tagħmilha disponibbli għall-pubbliku. Dik l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-elementi li ġejjin:

(a)

l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(b)

l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 21 u l-ħarsiet ġenerali fil-livell tal-Unjoni miġbura mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

(c)

id-data analitika u xjentifika rilevanti;

(d)

informazzjoni oħra li tinkludi data analitika u xjentifika rilevanti li tkun meħtieġa abbażi tal-linji gwida dwar regolamentazzjoni aħjar, b’mod partikolari permezz ta’ proċessi ta’ ġestjoni effiċjenti u effikaċi ta’ informazzjoni.".

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 2009/147/KE

Id-Direttiva 2009/147/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   Kull sitt snin, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, fl-istess sena bħar-rapport imfassal skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (*6), rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont din id-Direttiva u l-impatti ewlenin ta’ dawn il-miżuri. Dak ir-rapport għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jinkludi b’mod partikolari, informazzjoni dwar l-istatus u t-tendenzi tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi protetti b’din id-Direttiva, it-theddid u l-pressjoni fuqhom, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħudin għalihom u l-kontribut tan-netwerk taż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tistabbilixxi l-format tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-format ta’ dak ir-rapport għandu jkun allinjat mal-format tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 92/43/KEE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16a(2) ta’ din id-Direttiva.

(*6)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).";"

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

"2.   Kull sitt snin, il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tħejji u tippubblika rapport kompost ibbażat fuq l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.";

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 16a

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)."."

Artikolu 6

Emendi għad-Direttiva 2010/63/UE

Id-Direttiva 2010/63/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li s-sommarju mhux tekniku tal-proġett jispeċifika jekk proġett għandux isirlu valutazzjoni retrospettiva u, jekk iva, jindikaw l-iskadenza. F’dak il-każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sommarju mhux tekniku tal-proġett jiġi aġġornat fi żmien sitt xhur mill-ikkompletar tal-valutazzjoni retrospettiva mar-riżultati tagħha.

3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw is-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti awtorizzati u kwalunkwe aġġornamenti relatati magħhom. Sa mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw għall-pubblikazzjoni s-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti, l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-awtorizzazzjoni, u kwalunkwe aġġornament tagħha, permezz ta’ trasferiment elettroniku lill-Kummissjoni. ";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi format komuni għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 56(3). Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu u jżommu bażi tad-data b’aċċess miftuħ u disponibbli għat-tiftix dwar sommarji mhux tekniċi tal-proġetti u kwalunkwe aġġornament tagħhom.";

(2)

L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu u l-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"INFORMAZZJONI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI U L-GĦOTI TA’ DATA STATISTIKA

1.   Sal-10 ta’ Novembru 2023, u suċċessivament kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari tal-Artikolu 10(1), u l-Artikoli 26, 28, 34, 38, 39, 43 u 46 lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw u jippublikaw din id-data, permezz ta’ trasferiment elettroniku f’format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

Mhux aktar tard minn sitt xhur wara s-sottomissjoni mill-Istati Membri tad-data msemmija fit-tieni subparagrafu, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw u jaġġornaw b’mod regolari, ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha fuq il-bażi ta’ dik id-data.

2.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jippubblikaw informazzjoni statistika dwar l-użu ta’ annimali fi proċeduri, inkluż informazzjoni dwar is-severità vera tal-proċeduri u dwar l-oriġini u l-ispeċijiet ta’ primati mhux umani użati fil-proċeduri.

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw din l-informazzjoni statistika lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara, permezz ta’ trasferiment elettroniku, f’format mhux imqassar stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data b’aċċess miftuħ għat-tiftix li jkun fih din l-informazzjoni statistika. Fuq bażi annwali, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni statistika ppreżentata mill-Istati Membri skont dan il-paragrafu u r-rapport sommarju tiegħu.";

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandha tistabbilixxi format u kontenut ta’ informazzjoni komuni għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 56(3).";

(3)

jitħassar l-Artikolu 57.

Artikolu 7

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 166/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"L-operatur ta’ kull faċilità li jieħu f’idejh waħda jew iktar mill-attivitajiet speċifikati fl-Anness I, ’il fuq mil-limitu ta’ kapaċità applikabbli speċifikat fl-istess Anness, għandu jikkomunika, b’mezzi elettroniċi, lill-awtorità kompetenti tiegħu l-informazzjoni li tidentifika l-faċilità skont il-format imsemmi fl-Artikolu 7(2) sakemm tali informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għall-awtorità kompetenti.";

(2)

fl-Artikolu 7, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"2.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, permezz ta’ trasferiment elettroniku, rapport li jkun fih id-data kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) f’format u sa data li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2). Fi kwalunkwe każ, id-data tar-rapportar għandha tkun mhux aktar tard minn 11-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ rapportar.

3.   Is-servizzi tal-Kummissjoni, assistiti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tinkorpora l-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri fil-PRTR Ewropew fi żmien xahar mit-tlestija tar-rapportar mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 2.";

(3)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 11

Kunfidenzjalità

Meta l-informazzjoni titqies kunfidenzjali minn Stat Membru skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8), ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament għas-sena ta’ rapportar ikkonċernata għandu jindika separatament għal kull faċilità liema informazzjoni ma tkunx tista’ ssir pubblika u jagħti r-raġunijiet għal dan.

(*8)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).";"

(4)

jitħassru l-Artikoli 16 u 17;

(5)

jitħassar l-Anness III.

Artikolu 8

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 995/2010

Fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, it-titolu u l-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"Monitoraġġ tal-implimentazzjoni u aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu t-tali informazzjoni disponibbli. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2).

2.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, fuq bażi annwali, ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri. Fit-tħejjija ta’ dik il-ħarsa ġenerali, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom iqisu l-progress li jkun sar rigward il-konklużjoni u l-operazzjoni tal-FLEGT VPAs skont ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 u l-kontribut tagħhom sabiex tkun imminimizzata l-preżenza fis-suq intern tal-injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam.

3.   Sat-3 ta’ Diċembru 2021, u suċċessivament kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina, fuq il-bażi tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u l-esperjenza bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-prevenzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. B’mod partikolari għandha tqis il-konsegwenzi amministrattivi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kopertura tal-prodott. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-rieżami u takkumpanja rapporti bħal dawn, jekk neċessarju, bi proposti leġislattivi xierqa.".

Artikolu 9

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2173/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku u lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-format u l-proċedura għall-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(3).

3.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, fuq bażi annwali, ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-Istati Membri.";

(2)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 9

Sa Diċembru 2021 u suċċessivament kull ħames snin, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1), u tal-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha teżamina l-funzjonament u l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament. Meta tagħmel dan, hija għandha tieħu kont tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija volontarji. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-rieżami kull ħames snin u takkumpanja rapporti bħal dawn, jekk ikun xieraq, bi proposti għat-titjib tal-iskema tal-liċenzjar FLEGT.".

Artikolu 10

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 338/97

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 338/97, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punti (b), (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

"(b)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri msemmija fil-punt (a), is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw qabel il-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni, u l-esportazzjoni u r-riesportazzjoni minnha, ta’ kampjuni tal-ispeċijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u għandhom jgħaddu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni informazzjoni dwar l-ispeċijiet li l-Konvenzjoni tapplika għalihom.

(c)

Bla ħsara għall-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri għandhom, sena qabel kull laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li għandha x’taqsam mal-perjodu preċedenti rilevanti li tkun meħtieġa biex jitħejjew ir-rapporti msemmijin fl-Artikolu VIII.7 (b) tal-Konvenzjoni u informazzjoni ekwivalenti dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Il- format għall-preżentazzjoni tagħha għandu jiġi speċifikat mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament.

(d)

Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri msemmija fil-punt (c), il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku ħarsa ġenerali fil-livell tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.";

(2)

jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

L-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel il-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena l-informazzjoni kollha relatata mas-sena ta’ qabel għat-tħejjija tar-rapport annwali dwar il-kummerċ illegali msemmi fil-Konferenza tar-Riżoluzzjoni tas-CITES 11.17 (rev. CoP17).”.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, il-punti (2) u (5) tal-Artikolu 7 u l-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2020, u l-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 110, 22.3.2019, p. 99.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2019.

(3)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(4)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ tintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6).

(7)  Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).

(8)  Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(9)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(11)  Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).

(12)  Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(13)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(14)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(15)  Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).

(16)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1).

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).