17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/978

tal-14 ta' Ġunju 2019

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 579/2014 li jagħti deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-trasport taż-żjut u x-xaħmijiet likwidi bil-baħar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 579/2014 (2) jipprovdi għal deroga mill-punt 4 tal-Kapitolu IV tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 fir-rigward tat-trasport f'bastimenti tal-baħar ta' żjut u xaħmijiet likwidi maħsuba jew aktarx jintużaw għall-konsum mill-bniedem f'ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Dawk il-kundizzjonijiet huma relatati mat-tagħmir u l-prattiki tat-tbaħħir kif ukoll ma' kriterji fir-rigward tas-sustanzi li għandhom jiġu ttrasportati f'bastiment tal-baħar bħala merkanzija preċedenti. Is-sustanzi li jissodisfaw dawk il-kriterji huma mniżżla fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 579/2014 (il-lista tal-merkanzija preċedenti aċċettabbli).

(3)

L-opinjoni xjentifika tagħha tat-24 ta' Novembru 2016 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat il-metilaċetat, l-etil-terz-butil-etere, is-sulfat tal-ammonju u linjosulfonat tal-kalċju għall-aċċettabilità bħala merkanzija preċedenti. L-Awtorità kkonkludiet li l-metilaċetat u l-etil-terz-butil-etere jissodisfaw il-kriterji għall-aċċettabilità bħala merkanzija preċedenti, li għas-sulfat tal-ammonju, il-prodotti ta' grad alimentari biss jissodisfaw il-kriterji ta' aċċettabilità u li l-linjosulfonat tal-kalċju ma jissodisfax dawn il-kriterji.

(4)

Għalhekk, huwa xieraq li l-lista tal-merkanzija preċedenti aċċettabbli stipulata fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 579/2014 tiġi emendata.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 579/2014 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 579/2014 tat-28 ta' Mejju 2014 li jagħti deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-trasport taż-żjut u x-xaħmijiet likwidi bil-baħar (ĠU L 160, 29.5.2014, p. 14).

(3)  EFSA Journal 2017;15(1):4656.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 579/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara l-entrata għal “2-etileżanol”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“Etil-terz-butil-etere

637-92-3”

(2)

Wara l-entrata għal “metanol”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“Metilaċetat

79-20-9”