12.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/37


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/957

tal-11 ta' Ġunju 2019

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tat-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u TDFAs

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' April 2016, ir-Renju tad-Danimarka ressaq quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) dossier skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sabiex jinbeda l-proċess tar-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikoli minn 69 sa 73 ta' dak ir-Regolament (id-“dossier tal-Anness XV”). Id-dossier tal-Anness XV indika li l-esponiment għat-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u kwalunkwe derivattivi mono-, di- jew tri-O-(alkil) tiegħu (dawk id-derivattivi ssir referenza għalihom bħala TDFAs) flimkien ma' solventi organiċi fi prodotti tal-isprejjar jikkawżaw dannu serju akut lill-pulmun u għalhekk ikunu ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem. Għaldaqstant, ġie propost li jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta' dawn it-taħlitiet fi prodotti tal-isprejjar fornuti lill-pubbliku ġenerali. Id-Danimarka kkonkludiet li id-dossier tal-Anness XV wera li tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(2)

Id-Danimarka pproponiet limitu ta' konċentrazzjoni ta' 2 ppb skont il-piż għall-preżenza tat-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u kwalunkwe TDFAs f'taħlitiet li jkollhom fihom solventi organiċi peress li tali limitu ta' konċentrazzjoni jikkorrispondi għal-limitu ta' detezzjoni.

(3)

Fl-10 ta' Marzu 2017, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija (RAC) adotta opinjoni, li biha kkonkluda li r-riskji għall-pubbliku inġenerali kkawżati mill-użu ta' prodotti tal-isprejjar tal-proofing jew tal-imprenjazzjoni li fihom it-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol jew TDFAs u s-solventi organiċi mhumiex ikkontrollati b'mod adegwat u li r-restrizzjoni proposta hija miżura xierqa biex tnaqqas ir-riskji. Barra minn hekk, ir-RAC ikkunsidra li taħlita ta' TDFA u/jew (3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoocttil) silanetrijol ma' solventi organiċi għandha tkun ttikkettata b'mod li jiżgura li l-utenti professjonali ta' dawk il-prodotti jkunu konxji mill-perikli speċifiċi assoċjati mal-użu ta' dawk it-taħlitiet.

(4)

Fil-15 ta' Ġunju 2017, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) adotta l-opinjoni tiegħu, li tindika li r-restrizzjoni proposta, soġġetti għal modifiki propost mill-RAC u l-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji assoċjati mal-esponiment għal prodotti tal-isprejjar li jkun fihom taħlitiet tat-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u TDFAs ma' solventi organiċi, f'termini tal-benefiċċji soċjoekonomiċi u l-kosti soċjoekonomiċi tagħha. B'kunsiderazzjoni tal-inċertezzi fir-rigward tal-preżenza tal-prodotti tal-isprejjar ikkonċernati fis-suq għall-forniment tal-pubbliku ġenerali, l-effettività tal-miżura proposta, kif ukoll il-kostijiet aktarx baxxi tal-proposta, l-SEAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta ma hijiex sproporzjonata.

(5)

L-SEAC qabel mad-Danimarka li diferiment ta' 18-il xahar tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni jidher li huwa biżżejjed sabiex il-partijiet interessati jingħataw żmien biżżejjed biex jieħdu miżuri xierqa ħalli jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta.

(6)

Il-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat waqt il-proċess ta' restrizzjoni skont l-Artikolu 77(4)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(7)

Fid-29 ta' Awwissu 2017, l-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC (2), li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tqegħid fis-suq għall-forniment lill-pubbliku ġenerali ta' prodotti tal-isprejjar li fihom it-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u/jew TDFAs flimkien ma' solventi organiċi jippreżenta riskju inaċċettabbli għal saħħet il-bniedem, li jeħtieġ jiġi indirizzat fl-Unjoni kollha.

(8)

Filwaqt li tikkunsidra d-dossier tal-Anness XV u l-opinjonijiet tal-RAC u l-SEAC, inkluż dwar id-disponibbiltà ta' alternattivi, il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni proposta, kif emendata, ser tindirizza t-tħassib identifikat mingħajr ma timponi piż sinifikanti fuq l-industrija, il-katina tal-provvista jew il-konsumaturi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-restrizzjoni proposta mid-Danimarka, emendata kif propost mill-RAC u l-SEAC, hija miżura xierqa fl-Unjoni kollha biex tindirizza r-riskju għall-pubbliku ġenerali minn prodotti tal-isprejjar li fihom taħlita tat-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u TDFAs ma' solventi organiċi.

(9)

It-tqegħid fis-suq għall-forniment tal-pubbliku ġenerali ta' prodotti tal-isprejjar li fihom it-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u/jew TDFAs flimkien ma' solventi organiċi jinkludi li dawn ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

(10)

Il-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw mar-restrizzjoni proposta. Għaldaqstant l-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni ġdida għandha tiġi ddifferita.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat kif meħtieġ.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  https://echa.europa.eu/previous-consultations-on-restriction-proposals/-/substance-rev/13918/term


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

“73

(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol

Kwalunkwe derivattivi mono-, di- jew tri-O-(alkil) tiegħu (TDFAs)

1.

Ma għandux jitqiegħed fis-suq għall-forniment tal-pubbliku ġenerali wara t-2 ta' Jannar 2021 individwalment jew fi kwalunkwe kombinazzjoni, f'konċentrazzjoni ugwali għal 2 ppb jew ogħla minn hekk skont il-piż tat-taħlitiet li fihom solventi organiċi, fi prodotti tal-isprejjar.

2.

Għall-fini ta' din l-entrata, “prodotti tal-isprejjar” tfisser dispensaturi tal-aerosol, sprejs bil-pompa u sprejs bil-grillu, ikkummerċjalizzati għall-proofing jew għal-applikazzjonijiet ta' imprenjati bl-isprej.

3.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi u taħlitiet perikolużi, l-imballaġġ ta' prodotti tal-isprejjar li fihom it-(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u/jew TDFAs flimkien ma' solventi organiċi kif imsemmi fil-paragrafu 1 u li jitqiegħdu fis-suq għal użu professjonali għandhom ikunu mmarkati b'mod leġibbli u li ma jitħassarx: “għall-utenti professjonali biss” u “Fatali jekk jiġi inalat” bil-pittogramma GHS06.

4.

It-Taqsima 2.3 tal-Iskedi tad-Data dwar is-Sikurezza għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “taħlitiet ta' (3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil) silanetrijol u/jew kwalunkwe derivattivi mono-, di- jew tri-O-(alkil) tiegħu f'konċentrazzjoni ugwali għal 2 ppb jew ogħla minn hekk, u solventi organiċi fi prodotti tal-isprejjar, huma għal utenti professjonali biss u huma mmarkati “Fatali jekk jiġu inalati”.”

5.

Is-solventi organiċi msemmija fil-paragrafi 1, 3, u 4 jinkludu solventi organiċi użati bħala propellanti tal-aerosols.”