7.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/53


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/935

tas-16 ta' April 2019

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodi ta' analiżi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-prodotti tad-dwieli u n-notifiki tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri rigward iż-żidiet fis-saħħa alkoħolika naturali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 80(5), 91(c) u (d) u 223(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2). It-Taqsima 1 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tistabbilixxi r-regoli dwar il-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli u tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-inbid fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' tali atti. Dawk l-atti għandhom jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 (3) li huwa mħassar mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (4).

(2)

Skont l-Artikolu 80(5) u l-Artikolu 91(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, tistabbilixxi regoli dwar il-metodi ta' analiżi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-prodotti tad-dwieli. Il-metodi għandhom ikunu bbażati fuq kwalunkwe metodu rilevanti rakkomandat u ppubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV), sakemm ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa. Barra minn hekk, l-Artikolu 91(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli għall-kontroll ta' jekk dawk il-prodotti jkunux ġew soġġetti għal proċessi li jmorru kontra l-prattiki enoloġiċi awtorizzati fl-Unjoni.

(3)

Il-metodu ta' analiżi biex jiġi ddeterminat jekk l-allil isotijoċjanat huwiex preżenti fil-prodott tal-inbid, huwa stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Fir-rigward ta' metodi oħra biex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti jkunux għaddew minn proċessi li jmorru kontra l-prattiki enoloġiċi awtorizzati, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu dawk permessi mill-Istati Membri kkonċernati.

(4)

Il-Punt 3 tat-Taqsima A ta' Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe żieda fil-limiti stabbiliti fil-punt 2 ta' dik it-Taqsima. Għandhom jiġu stabbiliti d-dettalji dwar is-sottomissjoni ta' din l-informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tat-Titolu II, il-Kapitolu I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jikkonċernaw il-metodi ta' analiżi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi tal-prodotti tad-dwieli, u n-notifiki ta' deċiżjonijiet mill-Istati Membri li jippermettu żidiet fis-saħħa alkoħolika naturali.

Artikolu 2

Metodi ta' analiżi applikabbli tal-Unjoni

Il-metodi ta' analiżi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 75(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li għandhom jintużaw għall-verifika tal-limiti stabbiliti mir-regoli tal-Unjoni għall-użu tal-allil isotijoċjanat għall-produzzjoni ta' ċerti prodotti tad-dwieli, huma stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Notifika tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jippermettu żieda fil-qawwa alkoħolika naturali

1.   L-Istati Membri li jippermettu żieda tal-qawwa alkoħolika naturali skont il-volum skont il-punt 3 tat-Taqsima A tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien xahar wara l-għoti tad-deroga. Fin-notifika, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw ir-reġjuni u l-varjetajiet ikkonċernati bid-deċiżjoni u għandhom iressqu data u evidenza li tindika li l-kundizzjonijiet klimatiċi kienu eċċezzjonalment ħżiena fir-reġjuni kkonċernati.

2.   Din in-notifika għandha ssir skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (5) u skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (6).

3.   Il-Kummissjoni għandha wara tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn mis-7 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta' Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jirrigwarda ż-żoni ta' vitikultura li fihom tista' tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV (Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta' April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta' informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


ANNESS

METODI TA' ANALIŻI SPEĊJALI TAL-UNJONI

ALLIL ISOTJOĊJANAT

1.   Prinċipju tal-metodu

Kwalunkwe allil isotjoċjanat li jista' jkun hemm fl-inbid jinġabar permezz tad-distillazzjoni, u jiġi identifikat permezz tal-kromatografija bil-gass.

2.   Reaġenti

2.1.   Etanol, assolut.

2.2.   Soluzzjoni standard: soluzzjoni tal-allil isotjoċjanat f'alkoħol assolut, bi 15 mg allil isotjoċjanat kull litru.

2.3.   Taħlita għall-inġazzar magħmula mill-etanol u mis-silġ xott (temperatura – 60 °C).

3.   Apparat

3.1.   L-apparat tad-distillazzjoni kif jidher fil-figura. Nixxiegħa ta' nitroġenu tiġi mgħoddija kontinwament mill-apparat.

3.2.   Mantell tat-tisħin, kontrollat permezz ta' termostat.

3.3.   Miter għall-kejl tal-fluss (flowmeter).

3.4.   Kromatografu tal-gass, b'detettur spettrofotometru ta' fjammi, mgħammar b'filtru selettiv għall-komposti tal-kubrit (tul tal-mewġa = 394 nm) jew b'detettur ieħor xieraq għall-istess għan.

3.5.   Kolonna tal-kromatografija tal-azzar li ma jissaddadx, b'dijametru ta' ġewwa ta' 3 mm u twila 3 m mimlija Carbowax 20 M f'10 % fuq Chromosorb WHP, 80-100 mesh.

3.6.   Mikrosiringa, 10 μl.

4.   Proċedura

Poġġi żewġ litri inbid fil-flask tad-distillazzjoni, żid ftit millilitri etanol (punt 2.1) fiż-żewġ tubi tal-ġbir sabiex il-partijiet porużi tal-vireg tad-dispersjoni tal-gass ikunu mgħaddsa kompletament. Berred iż-żewġ tubi minn barra bit-taħlita għall-inġazzar. Orbot il-flask mat-tubi tal-ġbir u ibda għaddi mat-tagħmir kurrent tan-nitroġenu ta' madwar tliet litri fis-siegħa. Saħħan l-inbid sa 80 oC permezz tal-mantell tat-tisħin, u iddistillah biex tiġbor bejn 45 u 50 ml.

Stabbilizza l-kromatografu. Huma rakkomandati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

temperatura tal-injettur: 200 °C,

temperatura tal-kolonna: 130 °C,

rata tal-fluss tal-gass tat-trasportatur tal-elju: 20 ml kull minuta.

Injetta bil-mikrosiringa volum tas-soluzzjoni standard sakemm il-quċċata tal-allil isotjoċjanat tkun tista' tiġi identifikata faċilment fuq il-kromatografu tal-gass.

Bl-istess mod, introduċi alikwott tad-distillat fil-kromatografu. Ivverifika li l-ħin ta' retenzjoni tal-quċċata miksub jikkorrispondi ma' dak tal-quċċata tal-aallil isotjoċjanat.

Fil-kundizzjonijiet indikati hawn fuq, il-komposti naturali tal-inbid ma jagħtux qċaċet ta' interferenza fuq il-kromatografu tas-soluzzjoni analizzata.

Tagħmir għad-distillazzjoni b'nixxiegħa tan-nitroġenu

Image 1