23.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/10


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/827

tat-13 ta' Marzu 2019

dwar il-kriterji li jeħtieġ jiġu ssodisfati mill-operaturi professjonisti sabiex jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-proċeduri biex jiġi żgurat li dawk il-kriterji jintlaħqu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 89(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 jipprevedi li passaport tal-pjanti jenħtieġ li jinħareġ għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra fit-territorju tal-Unjoni u lejn żona protetta u fiha.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tinsab fil-passaport tal-pjanti, kif ukoll l-eżamijiet meħtieġa għall-ħruġ tal-passaporti tal-pjanti, ikunu bbażati fuq għarfien espert xjentifiku u tekniku sod, il-passaporti tal-pjanti jistgħu jinħarġu biss mill-operaturi awtorizzati taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

(3)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kriterji biex jiġi żgurat li l-operaturi professjonisti jkollhom l-għarfien meħtieġ tar-regoli li jikkonċernaw il-pesti li jistgħu jaffettwaw ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn, kif ukoll il-miżuri għall-prevenzjoni tal-preżenza u t-tixrid ta' dawk il-pesti.

(4)

Se tkun meħtieġa proċedura biex jiġi żgurat li l-kriterji kollha msemmija fl-Artikolu 89(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jiġu ssodisfati, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-operaturi awtorizzati kollha jkunu konxji mill-informazzjoni meħtieġa għall-ħruġ tal-passaporti tal-pjanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu disponibbli dokument tekniku li jkun fih l-informazzjoni dwar il-bijoloġija tal-pesti u l-vetturi rispettivi, u dwar l-aspetti rilevanti tal-bijoloġija tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra bħala ospitanti tagħhom, u dwar it-twettiq ta' eżamijiet, il-prevenżjoni tal-preżenza u t-tixrid tal-pesti rispettivi u l-istabbiliment ta' pjan.

(5)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi professjonisti jkollhom iż-żmien xieraq biex jippreparaw għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet t'hawn fuq, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-14 ta' Diċembru 2020.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji li jeħtieġ jiġu ssodisfati mill-operaturi professjonisti awtorizzati li joħorġu l-passaporti tal-pjanti

L-operaturi professjonisti għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin sabiex ikunu eliġibbli għall-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tal-passaporti tal-pjanti:

(a)

ikunu wrew lill-awtorità kompetenti l-għarfien meħtieġ tar-regoli applikabbli rilevanti applikabbli għall-eżamijiet imwettqa skont l-Artikolu 87 tar-Regolament (UE) 2016/2031 fir-rigward tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni, il-pesti soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-pesti tal-kwarantina f'żoni protetti u l-pesti mhux tal-kwarantina rregolati fl-Unjoni li jistgħu jaffettwaw lill-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra kkonċernati;

(b)

ikunu wrew lill-awtorità kompetenti l-għarfien meħtieġ tal-aħjar prattiki, tal-miżuri u ta' azzjonijiet oħra meħtieġa għall-prevenzjoni tal-preżenza u t-tixrid tal-pesti msemmija fil-punt (a);

(c)

ikollhom pjan effikaċi li jeħtieġ jiġi segwit fil-każ ta' kwalunkwe okkorrenza jew sejba suspettuża tal-pesti msemmija fil-punt (a) li taffettwa jew li x'aktarx taffettwa lill-pjanti, lill-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra tagħhom;

(d)

ikunu wrew lill-awtorità kompetenti l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa għat-twettiq tal-eżamijiet neċessarji tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra għall-pesti rilevanti, u għat-teħid tal-miżuri msemmija fil-punt (b);

(e)

ikunu wrew lill-awtorità kompetenti li għandhom fil-pussess tagħhom jew għandhom aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet meħtieġa għat-twettiq tal-eżamijiet neċessarji tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, kif ukoll għandhom fil-pussess tagħhom il-kapaċità li jieħdu l-miżuri msemmija fil-punt (b);

(f)

ikunu ħatru persuna ta' kuntatt responsabbli għall-komunikazzjoni mal-awtorità kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u jkunu kkomunikaw id-dettalji ta' kuntatt tiegħu lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 2

Proċeduri għall-iżgurar li jiġu ssodisfati l-kriterji għall-operaturi professjonisti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-operaturi professjonisti jkollhom aċċess għal gwida teknika dwar il-kriterji li jeħtieġ jiġu ssodisfati fl-eżamijiet marbuta mal-ħruġ tal-passaporti tal-pjanti.

Din il-gwida teknika għandha tkun aċċessibbli permezz tas-sit web uffiċjali ta' kull awtorità kompetenti, u għandu jkollu l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar il-bijoloġija tal-pesti u l-vetturi rispettivi, u dwar l-aspetti rilevanti tal-bijoloġija tal-ospitanti kkonċernati;

(b)

informazzjoni dwar is-sinjali tal-preżenza ta' dawk il-pesti u s-sintomi ta' infestazzjoni tal-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra mill-pesti rispettivi, il-modalitajiet għat-twettiq ta' spezzjonijiet viżivi, kif ukoll it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar;

(c)

informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, il-miżuri u azzjonijiet oħra li jeħtieġ jittieħdu għall-prevenzjoni tal-preżenza u t-tixrid tal-pesti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1;

(d)

informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-kontenut tal-pjan imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jivverifikaw li l-operaturi professjonisti jikkonformaw mal-kriterji kollha stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.