17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 129/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/796

tas-17 ta' Mejju 2019

dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Ottubru 2018 il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li appellaw sabiex il-ħidma fuq il-kapaċità ta' rispons u ta' deterrent tal-attakki ċibernetiċi permezz ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni titmexxa 'l quddiem, abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017.

(2)

Fi tas-17 ta' Mejju 2019 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797. Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 tistabbilixxi qafas għal miżuri restrittivi mmirati biex jiskoraġġixxu u jirrispondu għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha. Persuni, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi huma elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(4)

Is-setgħa li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi eżerċitat mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-rieżami tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797.

(5)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tkun żgurata ċertezza massima tad-dritt fl-Unjoni, l-ismijiet u data rilevanti oħra li jikkonċernaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom jiġu ffriżati skont dan ir-Regolament jridu jiġu ppubblikati. Kwalunkwe ipproċessar ta' data personali jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (2) u (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u bl-informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament japplika għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti, inkluż tentattivi ta' attakki ċibernetiċi b'effett potenzjalment sinifikanti, li jikkostitwixxu theddida esterna għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

2.   Attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida esterna jinkludu dawk li:

(a)

joriġinaw, jew jitwettqu, barra mill-Unjoni;

(b)

jużaw infrastruttura barra mill-Unjoni;

(c)

jitwettqu minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp stabbilit jew li jopera barra mill-Unjoni; jew

(d)

jitwettqu bl-appoġġ, taħt id-direzzjoni jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jopera barra mill-Unjoni.

3.   Għal dan il-fini, l-attakki ċibernetiċi huma azzjonijiet li jinvolvu xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

aċċess għal sistemi ta' informazzjoni;

(b)

interferenza fis-sistema ta' informazzjoni;

(c)

interferenza fid-data; jew

(d)

interċettazzjoni ta' data,

meta tali azzjonijiet mhumiex debitament awtorizzati mis-sid jew minn detentur ieħor tad-dritt tas-sistema jew tad-data jew parti minnha, jew mhumiex permessi skont il-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru kkonċernat.

4.   L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-Istati Membri jinkludu dawk li jaffettwaw sistemi ta' informazzjoni relatati, fost l-oħrajn, ma':

(a)

infrastruttura kritika, inkluż cables sottomarini u oġġetti mitfugħa fl-ispazju, li hija essenzjali għaż-żamma ta' funzjonijiet vitali tas-soċjetà, jew is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, u l-benesseri ekonomiku jew soċjali tal-persuni;

(b)

servizzi neċessarji għaż-żamma ta' attivitajiet soċjali u/jew ekonomiċi essenzjali, partikolarment fis-setturi tal-enerġija (l-elettriku, iż-żejt u l-gass); it-trasport (bl-ajru, bil-ferrovija, bl-ilma u bit-triq); is-settur bankarju; l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji; is-saħħa (fornituri tal-kura tas-saħħa, sptarijiet u kliniki privati); provvista u distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb; l-infrastruttura diġitali; u kwalunkwe settur ieħor li huwa essenzjali għall-Istat Membru kkonċernat;

(c)

funzjonijiet kritiċi tal-Istat, b'mod partikolari fl-oqsma tad-difiża, il-governanza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet, inkluż għall-elezzjonijiet pubbliċi jew il-proċess tal-votazzjoni, il-funzjonament ta' infrastruttura ekonomika u ċivili, is-sigurtà interna, u r-relazzjonijiet esterni, inkluż permezz ta' missjonijiet diplomatiċi;

(d)

il-ħażna jew l-ipproċessar ta' informazzjoni klassifikata; jew

(e)

skwadri ta' rispons f'emerġenza tal-gvern.

5.   L-attakki ċibernetiċi li jikkostitwixxu theddida għall-Unjoni jinkludu dawk imwettqa kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tagħha, id-delegazzjonijiet tagħha għal pajjiżi terzi jew għal organizzazzjonijiet internazzjonali, l-operazzjonijiet u l-missjonijiet tagħha tal- politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u r-rappreżentanti speċjali tagħha.

6.   Fejn jitqies bħala neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-miżuri restrittivi skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu applikati wkoll bħala rispons għal attakki ċibernetiċi b'effett sinifikanti kontra Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

7.   Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“sistemi ta' informazzjoni” tfisser apparat jew grupp ta' apparati interkonnessi jew relatati, li wieħed jew aktar minnhom, skont programm, jipproċessa awtomatikament data diġitali, kif ukoll data diġitali maħżuna, ipproċessata, miġbura jew trażmessa minn dak l-apparat jew grupp ta' apparati għall-finijiet tal-operat, tal-użu, tal-protezzjoni u tal-manutenzjoni tiegħu jew tagħhom.

(b)

“interferenza ta' sistema ta' informazzjoni” tfisser tfixkil jew interruzzjoni tal-funzjonament ta' sistema ta' informazzjoni billi tiddaħħal data diġitali, permezz tat-trażmissjoni, il-ħsara, it-tħassir, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' tali data, jew billi tali data ssir inaċċessibbli.

(c)

“interferenza tad-data” tfisser it-tħassir, il-ħsara, id-deterjorament, l-alterazzjoni jew l-eliminazzjoni ta' data diġitali f'sistema ta' informazzjoni, jew billi tali data ssir inaċċessibbli; din tinkludi wkoll serq ta' data, fondi, riżorsi ekonomiċi jew proprjetà intellettwali.

(d)

“interċettazzjoni ta' data” tfisser interċettazzjoni, b'mezzi tekniċi, ta' trażmissjonijiet mhux pubbliċi ta' data diġitali għal, minn jew fi ħdan sistema ta' informazzjoni, inkluż emissjonijiet elettromanjetiċi minn sistema ta' informazzjoni li ġġorr tali data diġitali.

8.   It-tifsiriet addizzjonali li ġejjin japplikaw għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“talba” tfisser kwalunkwe talba, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u tinkludi b'mod partikolari:

(i)

talba għall-prestazzjoni ta' kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

(ii)

talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii)

talba għall-kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontrotalba;

(v)

talba għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn issir jew tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni irrispettivament mill-forma tagħha u irrispettivament mil-liġi applikabbli, li tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar kuntratti jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa' taħt it-tranżazzjoni jew b'konnessjoni magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(f)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew negozju b'fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura jew id-destinazzjoni tagħhom jew kwalunkwe bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġjar tal-portafoll;

(g)

“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, talbiet għall-ħlas, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inkluż l-istokks u l-ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, garanziji, ċedoli ta' obbligazzjoni u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija u poloz ta' bejgħ; u

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

Il-fatturi li jiddeterminaw jekk attakk ċibernetiku għandux effett sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-portata, l-iskala, l-impatt, jew is-severità tat-tfixkil ikkawżat, inkluż għall-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà, is-servizzi essenzjali, il-funzjonijiet Statali kritiċi, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza pubblika;

(b)

l-għadd ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi affettwati;

(c)

l-għadd ta' Stati Membri kkonċernati;

(d)

l-ammont ta' telf ekonomiku kkawżat, bħal permezz ta' serq ta' fondi, riżorsi ekonomiċi jew proprjetà intellettwali fuq skala kbira;

(e)

il-benefiċċju ekonomiku akkwistat mill-awtur, għalih innifsu jew għal oħrajn;

(f)

l-ammont jew in-natura tad-data misruqa jew l-iskala tal-ksur tad-data; jew

(g)

in-natura tad-data kummerċjalment sensittiva aċċessata.

Artikolu 3

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-benefiċċju ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I.

3.   L-Anness I għandu jinkludi, kif identifikat mill-Kunsill skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi;

(b)

persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attakki ċibernetiċi jew tentattivi ta' attakki ċibernetiċi jew huma b'xi mod ieħor involuti fihom, inkluż billi jippjanaw, iħejju, jipparteċipaw fi, jidderieġu, jassistu jew jinkoraġġixxu tali attakki, jew jiffaċilitawhom kemm jekk permezz ta' azzjoni jew ta' ommissjoni;

(c)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi koperti mill-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew self ipotekarju, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

iridu jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali ħlasijiet jkunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali meħuda qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 3 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti t-talbiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali talbiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

1.   B'deroga mill-Artikolu 3(1) u dment li ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data li fiha dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ġew inklużi fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kundizzjonijiet kif iqisu xieraq, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; u

(b)

il-ħlas ma jiksirx l-Artikolu 3(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.   L-Artikolu 3(2) ma jwaqqafx l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, tal-entità jew tal-korp elenkati, dejjem jekk kwalunkwe żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni bħal din, mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 3(2) m'għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 3(1) ikunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c)

ħlasijiet dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u ħlasijiet oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 8

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħal informazzjoni dwar kontijiet u l-ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 3(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti fi kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Kwalunkwe informazzjoni mogħtija jew milqugħa skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet rċevuta.

Artikolu 9

Il-parteċipazzjoni, konxja u b'intenzjoni, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artikolu 3 għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 10

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide abbażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   L-azzjonijiet mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma jagħtux lok għal responsabbiltà tal-ebda xorta fuq in-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   L-ebda talba b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi talbiet għal indennizz jew kwalunkwe talba oħra ta' dan it-tip, bħal talba għal kumpens jew talba taħt garanzija, b'mod partikolari talba għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a).

2.   F'kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta' talba, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tat-talba mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik it-talba.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni fir-rigward ta':

(a)

il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 3 u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 4, 5, u 6;

(b)

il-ksur u l-problemi ta' eżekuzzjoni u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati kif meħtieġ.

4.   Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 14

1.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati.

2.   L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; is-sess; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni r-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 16

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a)

li jiddaħħal il-kontenut tal-Anness I fil-lista elettronika u kkonsolidata tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li huma t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(b)

l-ipproċessar ta' informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II huwa maħtur bħala “kontrollur” għall-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.   Meta dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kwalunkwe persuna fiżika fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkun inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe kummerċ imwettaq, b'mod sħiħ jew parzjalment, ġewwa l-Unjoni.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)  Ara l-paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 3

[…]


ANNESS II

Siti web b'informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/101

IĊ-ĊEKJA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcijez

L-ITALJA

https://www.esteri.it/mae/it/politica_estera/politica_europea/misure_deroghe

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/mfa/mfa2016.nsf/mfa35_en/mfa35_en?OpenDocument

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

MALTA

https://foreignaffairs.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/Sanctions-Monitoring-Board.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id =12750&LNG = en&version=

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu