27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 139/103


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/775

tas-16 ta' Mejju 2019

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 fir-rigward tal-Ġestjoni tal-Kontroll tat-Tibdil

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(11) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jeżiġi li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) trid tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (“TSI”) u r-reviżjoni tagħhom, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/797, u tiżgura li t-TSI jiġu adattati għall-progress tekniku, ix-xejriet tas-suq u l-ħtiġijiet soċjali.

(2)

L-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (3) jeżiġi li trid tiġi emendata t-Taqsima 7.5 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 (4) (TSI tat-TAP)biex tispeċifika l-proċedura modifikata tal-kontroll tat-tibdil għat-TSI tal-Applikazzjonijiet Telematiċi għall-Passiġġieri (TAP).

(3)

B'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/796, twaqqaf grupp ta' ħidma biex jipproponi rakkomandazzjoni dwar tibdil fit-Taqsima 7.5 tat-TSI tat-TAP.

(4)

Fl-20 ta' April 2018, l-Aġenzija bagħtet rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tat-Taqsima 7.5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 (TSI tat-TAP).

(5)

It-Taqsima 7.5 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 454/2011 marbuta mat-TSI tat-TAP jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(6)

Jenħtieġ li tiġi aġġornata l-lista tad-dokumenti tekniċi rilevanti msemmija fit-TSI tat-TAP.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit b'konformità mal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-Taqsima 7.5 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 454/2011 hija sostitwita bit-test fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 454/2011 huwa sostitwit bit-test fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 tat-8 ta' Ġunju 2017 li tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-objettivi speċifiċi għall-abbozzar, l-adozzjoni u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (ĠU L 210, 15.8.2017, p. 5).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 tal-5 ta' Mejju 2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema “applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea (ĠU L 123, 12.5.2011, p. 11).


ANNESS I

It-Taqsima 7.5 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 454/2011 hija sostitwita b'dan li ġej:

“7.5.   Ġestjoni tat-Tibdil

7.5.1.   Proċess ta' Ġestjoni tat-Tibdil

Għandhom jitfasslu proċeduri tal-ġestjoni tat-tibdil biex ikun żgurat li l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tibdil jiġu analizzati kif xieraq u li t-tibdil jiġi implimentat b'mod ikkontrollat. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu definiti, jiddaħħlu fis-seħħ, appoġġati u ġestiti mill-Aġenzija, u għandhom jinkludu:

l-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet tekniċi li jirfdu t-tibdil,

dikjarazzjoni dwar min jerfa' r-responsabbiltà għall-proċeduri tal-implimentazzjoni tat-tibdil,

il-proċedura għall-validazzjoni tat-tibdil li jrid jiġi implimentat,

il-politika għall-ġestjoni tat-tibdil, ir-rilaxx, il-migrazzjoni u l-iskjerament,

id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet għall-ġestjoni tal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati u għall-assigurazzjoni tal-kwalità tagħha kif ukoll il-ġestjoni tal-konfigurazzjoni tagħha.

Il-Bord għall-Kontroll tal-Bidla (CCB) għandu jkun magħmul mill-Aġenzija, korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju, korp rappreżentattiv tal-bejjiegħa tal-biljetti u l-Istati Membri. Affiljazzjoni tal-partijiet bħal din għandha tiżgura perspettiva fuq it-tibdil li jrid isir u valutazzjoni kumplessiva tal-implikazzjonijiet tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar is-CCB għandu jinġieb fil-patroċinju tal-Aġenzija.

7.5.2.   Proċess tal-Ġestjoni ta' Tibdil Speċifiku għad-dokumenti elenkati fl-Anness III ta' dan ir-Regolament

Il-ġestjoni tal-kontroll tat-tibdil għad-dokumenti elenkati fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għandha tiġi stabbilita mill-Aġenzija skont dawn il-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-rikjesti għat-tibdil li jaffettaw id-dokumenti jitressqu mill-Istati Membri jew mill-korpi rappreżentattivi tas-settur ferrovjarju li jaġixxu fil-livell Ewropew kif definit fl-Artikolu 38(4) tar-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew mir-rappreżentant tal-bejjiegħa tal-biljetti jew permezz tal-Kumitat ta' Tmexxija tat-TSI tat-TAP.

2.

L-Aġenzija għandha tiġbor u taħżen ir-rikjesti għat-tibdil.

3.

L-Aġenzija għandha tippreżenta r-rikjesti għat-tibdil lill-grupp ta' ħidma apposta tal-ERA, u dan jevalwahom u jħejji proposta flimkien ma' evalwazzjoni ekonomika, meta xieraq.

4.

Imbagħad l-Aġenzija għandha tippreżenta kull rikjesta għat-tibdil u l-proposta assoċjata lill-Bord tal-Kontroll tat-Tibdil li min-naħa tiegħu jiddeċiedi jekk għandux jivvalida, ma jivvalidax, jew jipposponi r-rikjesta għat-tibdil.

5.

Jekk ir-rikjesta għat-tibdil ma tiġix ivvalidata, l-Aġenzija għandha tibgħat ir-raġuni għaċ-ċaħda lir-rikjedent jew titolbu informazzjoni addizzjonali dwar l-abbozz tar-rikjesta għat-tibdil.

6.

Jekk ir-rikjesta għat-tibdil tiġi vvalidata, id-dokument tekniku għandu jiġi emendat.

7.

Jekk ma jinstab l-ebda konsensus dwar il-validazzjoni ta' rikjesta għat-tibdil, l-Aġenzija għandha tippreżenta rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni biex taġġorna d-dokumenti elenkati fl-Anness III flimkien mal-abbozz tal-verżjoni l-ġdida tad-dokument, ir-rikjesti għat-tibdil, u l-evalwazzjoni ekonomika tagħhom, u għandha tagħmel dawn id-dokumenti disponibbli fuq is-sit web tagħha.

8.

Il-verżjoni l-ġdida tad-dokument tekniku bir-rikjesti għat-tibdil ivvalidati għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija. L-Aġenzija għandha żżomm lill-Istati Membri infurmati permezz tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE.

9.

Jekk rikjesta għat-tibdil tkun teħtieġ li jinbidel it-test legali tat-TSI tat-TAP, l-Aġenzija għandha tibgħat talba lill-Kummissjoni Ewropea biex titlob reviżjoni tat-TSI tat-TAP u/jew titlob l-opinjoni teknika tal-Aġenzija.

Meta l-ġestjoni tal-kontroll tat-tibdil tkun taffettwa elementi użati b'mod komuni fit-TSI tat-TAF, it-tibdil għandu jsir b'tali mod li jibqa' konformi mat-TSI tat-TAF implimentata ħalli jinkisbu l-aqwa sinerġiji.


(*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).””


ANNESS II

L-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS III

Lista tad-dokumenti tekniċi

Nru

Referenza

Titlu

1

B.1

Ġenerazzjoni kompjuterizzata u skambju ta' data tariffarja maħsuba għall-bejgħ internazzjonali jew barrani — biljetti NRT

2

B.2

Ġenerazzjoni kompjuterizzata u skambju ta' data tariffarja maħsuba għall-bejgħ internazzjonali jew barrani — Biljetti ta' Prenotazzjoni Integrata (IRT)

3

B.3

Ġenerazzjoni kompjuterizzata u skambju ta' data tariffarja maħsuba għall-bejgħ internazzjonali jew barrani — Offerti speċjali

4

B.4

Gwida tal-implimentazzjoni għall-messaġġi EDIFACT li jkopru l-iskambju ta' data skedarja

5

B.5

Prenotazzjoni elettronika ta' sits/sodod u produzzjoni elettronika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar — Skambju ta' messaġġi

6

B.6

Prenotazzjoni elettronika ta' sits/sodod u produzzjoni elettronika tad-dokumenti tat-trasport (standards RCT2)

7

B.7

Biljett Ferrovjarju Internazzjonali li jiġi Stampat id-Dar

8

B.8

Kodifikazzjoni numerika standard għal impriżi ferrovjarji, amministraturi tal-infrastruttura u kumpaniji oħra involuti fil-ktajjen tat-trasport ferrovjarju

9

B.9

Kodifikazzjoni numerika standard tal-postijiet

10

B.10

Prenotazzjoni elettronika ta' assistenza għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa — Skambju ta' messaġġi

12

B.30

Skema — katalgu bil-messaġġi/settijiet tad-data għall-komunikazzjoni RU/IM tat-TSI tat-TAP