27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 139/89


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/774

tas-16 ta' Mejju 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2014 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“vetturi ferrovjarji — storbju” għall-vaguni tal-merkanzija eżistenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(11) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali) (2) tipprovdi bażi għall-iżvilupp u t-tlestija tas-sett ta' miżuri Komunitarji eżistenti dwar l-istorbju magħmul mill-vetturi ferrovjarji, fost oħrajn.

(2)

Il-ħsejjes ambjentali u b'mod partikolari l-istorbju mill-ferroviji għadhom theddida serja għas-saħħa tal-bniedem, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (3) u r-rapport ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali (4).

(3)

Għalkemm id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali tapplika b'mod ġenerali għar-rotot li jkollhom aktar minn 30 000 ferrovija, kemm dawk tal-merkanzija u kif ukoll dawk tal-passiġġieri, fl-iżvilupp tal-kunċett ta' “rotot aktar silenzjużi” kien meħtieġ li jitqiesu dawk ir-rotot fejn ikun hemm traffiku sinifikanti ta' merkanzija matul il-lejl.

(4)

Hemm riskju li l-livelli eċċessivi ta' storbju mill-ferroviji jistgħu jwasslu għal azzjoni unilaterali mhux koordinata minn xi Stati Membri. Miżuri bħal dawn jista' jkollhom effetti negattivi fuq l-ekonomiji Ewropej u jirriżultaw f'bidla modali inversa mill-ferroviji għall-karozzi. Barra minn hekk, tali azzjonijiet jistgħu jdgħajfu l-interoperabbiltà ferrovjarja tal-Unjoni. Minħabba li l-maġġoranza tal-merkanzija bil-ferrovija fl-Unjoni hija internazzjonali, hemm bżonn ta' soluzzjoni għall-problema fil-livell Ewropew.

(5)

L-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta' “vetturi ferrovjarji — storbju” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni (“NOI TSI”) kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1304/2014 (5) għall-vaguni eżistenti għandha għalhekk tnaqqas b'mod sinifikanti l-livelli massimi tal-emissjoni tal-istorbju. Wieħed mill-aktar modi effettivi biex jittaffa l-istorbju mill-ferroviji huwa billi l-vaguni tal-merkanzija eżistenti jiġu modifikati retroattivament bi blokok tal-brejkijiet komposti. Din is-soluzzjoni teknika tnaqqas l-istorbju mill-ferroviji sa 10 dB, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 50 % fi storbju li jinstema' mill-bniedem.

(6)

Fit-22 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) sabiex toħroġ rakkomandazzjoni, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797, għal reviżjoni tan-NOI TSI, bil-ħsieb li tispeċifika l-applikazzjoni tan-NOI TSI għall-vaguni tal-merkanzija eżistenti fil-qafas tal-istrateġija għal “rotot aktar silenzjużi” u sabiex tallinja n-NOI TSI mad-Direttiva (UE) 2016/797.

(7)

Jenħtieġ li l-problema tal-istorbju mill-ferroviji tal-merkanzija tiġi ttrattata fejn hija ta' fastidju serju u ta' theddid għas-saħħa. Għal din ir-raġuni u billi l-ferroviji tal-merkanzija li joperaw matul il-lejl huma ta' fastidju partikolari, jenħtieġ li tiġi fformulata definizzjoni ta' rotta aktar silenzjuża fir-rigward tal-intensità tat-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija matul il-lejl.

(8)

Jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni tal-introduzzjoni ta' rotot aktar silenzjużi tiġi stabbilita filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni bosta parametri, inkluż il-progress tal-modifiki retroattivi fl-Istati Membri differenti, ir-rata ta' tiġdid tal-flotta tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, iċ-ċiklu ta' manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija, il-kapaċità ta' produzzjoni tal-manifatturi ta' blokok tal-brejkijiet komposti u d-disponibbiltà tal-ħwienet tax-xogħol. Jenħtieġ ukoll li d-data tiġi allinjata mat-tibdil rikorrenti fl-iskeda tax-xogħol skont l-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(9)

Peress li l-intensità tat-traffiku tista' tkun soġġetta għal fluttwazzjonijiet, jenħtieġ li l-lista ta' rotot aktar silenzjużi tiġi aġġornata b'mod regolari sabiex jittieħed kont ta' tali bidliet u, fl-istess ħin, jiġi garantit qafas stabbli fuq perjodu ta' diversi snin. Għalhekk, ikun xieraq li l-Istati Membri jaġġornaw il-lista ta' rotot aktar silenzjużi mill-inqas kull ħames snin wara t-8 ta' Diċembru 2024. Barra minn hekk, qabel l-ewwel aġġornament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-progress tal-modifiki retroattivi u tal-impatt tal-introduzzjoni ta' rotot aktar silenzjużi fuq l-industrija ferrovjarja tal-merkanzija.

(10)

Minħabba t-tħassib imqajjem minn xi partijiet ikkonċernati dwar it-tħaddim ta' vaguni mgħammra bi blokok tal-brejkijiet komposti fil-kundizzjonijiet xitwin Nordiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija, tkompli tanalizza l-kwistjonijiet u s-soluzzjonijiet possibbli. Jenħtieġ li tivvaluta sa Ġunju 2020 jekk hijiex meħtieġa emenda għal din it-TSI, possibbilment f'forma ta' eżenzjoni li tippermetti t-tkomplija tat-tħaddim ta' għadd limitat ta' vaguni bi blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut fuq rotot aktar silenzjużi, sabiex jiġi ppreservat it-traffiku ferrovjarju transkonfinali tal-merkanzija mir-reġjuni Nordiċi affettwati u lejhom. Skont l-istimi tal-awtoritajiet Żvediżi, l-għadd ta' vaguni użati fi traffiku bħal dan ma jaqbiżx it-total ta' 17 500.

(11)

Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta' rotot aktar silenzjużi tikkumplimenta azzjonijiet oħra fuq il-livell tal-Unjoni li huma mmirati sabiex inaqqsu l-istorbju mill-ferroviji tal-merkanzija, inkluż il-finanzjament tal-modifiki retroattivi taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, (7) il-fondi FSIE (8), l-iskemi tal-aċċess għall-binarji skont l-istorbju (9) u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi ġodda taħt l-inizjattiva Shift2Rail (10).

(12)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti ta' rotot aktar silenzjużi, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkooperaw mill-qrib.

(13)

Peress li l-emendi għandhom impatt dirett fuq l-ambjent soċjali tal-ħaddiema fis-settur u fuq il-klijenti tal-merkanzija bil-ferrovija, l-imsieħba soċjali u l-klijenti tal-merkanzija bil-ferrovija ġew ikkonsultati, kif meħtieġ mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(14)

Twettqet valutazzjoni tal-impatt skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/797 matul ir-reviżjoni ta' din it-TSI mill-Aġenzija.

(15)

Fid-29 ta' Mejju 2018, l-Aġenzija ħarġet rakkomandazzjoni dwar l-emendi tan-NOI TSI dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha għall-vaguni eżistenti.

(16)

Barra minn hekk, fid-29 ta' Novembru 2018, l-Aġenzija ħarġet rakkomandazzjoni dwar l-emenda tan-NOI TSI sabiex tallinja dan ir-Regolament mad-Direttiva (UE) 2016/797.

(17)

Skont id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (12), jenħtieġ li t-TSI tindika jekk huwiex meħtieġ li jiġu nnotifikati mill-ġdid il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li kienu nnotifikati fuq il-bażi ta' verżjoni preċedenti tat-TSI u jekk jenħtieġx li jiġi applikat proċess ta' notifika simplifikat. Dan ir-Regolament jintroduċi bidliet limitati u ma għandux ikun meħtieġ li l-korpi jiġu nnotifikati mill-ġdid fuq il-bażi ta' verżjoni preċedenti tat-TSI.

(18)

Dan ir-Regolament jemenda n-NOI TSI sabiex ikompli jikseb l-interoperabbiltà fi ħdan is-sistema ferrovjarja tal-Unjoni, itejjeb u jiżviluppa t-trasport internazzjonali bil-ferrovija, jikkontribwixxi għall-ħolqien progressiv tas-suq intern u jikkumplimenta n-NOI TSI bil-għan li jiġu koperti r-rekwiżiti essenzjali. Huwa jippermetti li jinkisbu l-objettivi u jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali taż-żewġ Direttivi 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u (UE) 2016/797. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika direttament fl-Istati Membri kollha, inklużi l-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni u għalhekk ikomplu japplikaw id-Direttiva 2008/57/KE sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju 2020. Jenħtieġ li l-korpi notifikati li jeżerċitaw skont id-Direttiva 2008/57/KE fl-Istati Membri li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni jkunu jistgħu joħorġu ċertifikat ta' verifika “KE” skont dan ir-Regolament sakemm id-Direttiva 2008/57/KE tapplika fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti.

(19)

Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2014 jenħtieġ għalhekk jiġi emendat sabiex dan ir-Regolament jiġi allinjat mad-Direttiva (UE) 2016/797 u sabiex jiġi applikat għall-vaguni tal-merkanzija eżistenti fil-qafas tal-istrateġija għal rotot aktar silenzjużi u sabiex jipprevedi proċedura għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni akustika ta' blokok tal-brejkijiet komposti. Kif stabbilit minn din l-emenda, jenħtieġ li din il-proċedura ssir punt miftuħ fit-tifsira tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(20)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għall-każijiet speċifiċi elenkati fil-punt 7.3.2 tal-Anness, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati għall-verifika tar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2016/797 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt 7.3.2 tal-Anness jew mir-regoli nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru li huwa parti miż-żona tal-użu tal-vetturi koperti minn dan ir-Regolament”;

(b)

punt (c) tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

il-korpi maħtura biex iwettqu l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u tal-verifika fir-rigward tar-regoli nazzjonali għall-każijiet speċifiċi stabbiliti fil-punt 7.3.2 tal-Anness”;

(2)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, ir-referenza għall-“Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/57/KE” hija sostitwita bir-referenza għall-“Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/797”;

(b)

fil-paragrafu 5, ir-referenza għad-“Direttiva 2008/57/KE” hija sostitwita bir-referenza għad-“Direttiva (UE) 2016/797”;

(3)

Jiddaħħlu l-Artikoli 5a, 5b, 5c, 5d u 5e li ġejjin:

“Artikolu 5a

Mit-8 ta' Diċembru 2024, il-vaguni fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 321/2013 li mhumiex koperti mill-punt 7.2.2.2 tal-Anness għal dan ir-Regolament ma għandhomx jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi.

Artikolu 5b

“Rotta aktar silenzjuża” tfisser parti mill-infrastruttura ferrovjarja b'tul minimu ta' 20 km li fuqha l-medja ta' ferroviji tal-merkanzija operati ta' kuljum matul il-lejl kif definit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) kienet ogħla minn 12. It-traffiku tal-merkanzija fis-snin 2015, 2016 u 2017 għandu jkun il-bażi għall-kalkolu ta' dik il-medja. F'każ li t-traffiku tal-merkanzija jvarja minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali f'sena partikolari meta mqabbel mal-medja b'aktar minn 25 %, l-Istat Membru kkonċernat jista' jikkalkula l-medja fuq il-bażi tas-sentejn l-oħra.

Artikolu 5c

1.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu rotot aktar silenzjużi b'konformità mal-Artikolu 5b u l-proċedura stabbilita fl-Appendiċi D.1 tal-Anness. Huma għandhom jipprovdu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) b'lista ta' rotot aktar silenzjużi sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data ta' pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-Aġenzija għandha tippubblika dawk il-listi fuq is-sit tal-Internet tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-lista ta' rotot aktar silenzjużi kull ħames snin wara t-8 ta' Diċembru 2024, wara l-proċedura stabbilita fl-Appendiċi D.2 tal-Anness.

Artikolu 5d

Sal-31 ta' Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tar-rotot aktar silenzjużi, b'mod partikolari fir-rigward tal-progress tal-modifiki retroattivi tal-vaguni u l-impatt tal-introduzzjoni ta' rotot aktar silenzjużi fuq l-esponiment ġenerali għall-istorbju tal-popolazzjoni u l-kompetittività tas-settur.

Artikolu 5e

Sat-30 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha toħroġ rapport dwar l-operat b'vaguni mgħammra bi blokok tal-brejkijiet komposti fil-kundizzjonijiet xitwin Nordiċi, fuq il-bażi tal-evidenza miġbura mill-Aġenzija, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-kumpaniji ferrovjarji. B'mod partikolari, dan ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tas-sikurezza u tal-prestazzjoni tal-ibbrejkjar ta' tali vaguni u l-miżuri operattivi u tekniċi eżistenti jew potenzjali li huma applikabbli fil-kundizzjonijiet xitwin Nordiċi. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

Jekk ir-rapport jipprovdi evidenza li l-użu ta' dawn il-vaguni f'kundizzjonijiet xitwin Nordiċi joħloq problemi ta' sikurezza li ma jistgħux jiġu indirizzati minn miżuri operattivi u tekniċi mingħajr impatt negattiv serju fuq l-operazzjonijiet tal-merkanzija ferrovjarja, il-Kummissjoni għandha tipproponi emendi ta' din it-TSI sabiex tindirizza dawk il-kwistjonijiet filwaqt li tippreserva t-traffiku tal-merkanzija transkonfinali mir-reġjuni Nordiċi affettwati u lejhom. B'mod partikolari, jekk ikun meħtieġ, il-proposta tista' tinkludi eżenzjoni li tippermetti t-tkomplija tal-operat fuq rotot aktar silenzjużi madwar l-Unjoni ta' għadd limitat ta' vaguni li jintużaw b'mod frekwenti għal traffiku tal-merkanzija transkonfinali bħal dan, u kwalunkwe restrizzjonijiet operattivi xierqa biex jiġi limitat l-impatt tal-użu ta' tali vaguni fuq rotot aktar silenzjużi, li huma kompatibbli mal-għan li jinżamm it-traffiku transkonfinali tal-merkanzija msemmi hawn fuq.

Jekk issir ir-reviżjoni stabbilita fil-paragrafu ta' hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena wara dik id-data dwar il-progress fuq is-soluzzjonijiet tekniċi u operattivi għat-tħaddim tal-vaguni tal-merkanzija f'kundizzjonijiet xitwin. Hija għandha tipprovdi stima tal-għadd ta' vaguni mgħammra bi blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut meħtieġa biex tiġi żgurata t-tkomplija tat-traffiku transkonfinali minn reġjuni Nordiċi bħal dawn u lejhom, bil-ħsieb li tintemm l-eżenzjoni mhux aktar tard mill-2028.”

(*1)  Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).”"

(4)

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1304/2014 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni.

Artikolu 2

1.   In-notifiki tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1304/2014 għandhom jibqgħu validi fuq il-bażi ta' dak ir-Regolament, kif emendat b'dan ir-Regolament.

2.   Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità nnotifikati skont id-Direttiva 2008/57/KE jistgħu joħorġu ċertifikat ta' verifika “KE” skont dan ir-Regolament sakemm id-Direttiva 2008/57/KE tapplika fl-Istati Membri fejn dawn ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44)

(2)  Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).

(3)  Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 2002/49/KE li jirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (SWD(2016) 454 final)

(4)  Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE (COM(2017) 151 final).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1304/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta' “vetturi ferrovjarji — storbju” li temenda d-Deċiżjoni 2008/232/KE u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/229/UE, (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 421).

(6)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281) u r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/429 tat-13 ta' Marzu 2015 li jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju (ĠU L 70, 14.3.2015, p. 36).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).

(12)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 tat-8 ta' Ġunju 2017 li tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'rabta mal-objettivi speċifiċi għall-abbozzar, l-adozzjoni u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (ĠU L 210, 15.8.2017, p. 5).

(13)  Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1)


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1304/2014 huwa emendat kif ġej:

1.

Fil-Kapitolu 1, it-test “Direttiva 2008/57/KE” huwa sostitwit bit-test “Direttiva (UE) 2016/797”;

2.

Fil-Kapitolu 1, it-taqsima 1.1 hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.1.   Kamp ta' applikazzjoni tekniku

1.1.1   Kamp ta' applikazzjoni marbut mal-vetturi ferrovjarji

Din it-TSI tapplika għall-vetturi ferrovjarji kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 (LOC&PAS TSI) u r-Regolament (UE) Nru 321/2013 (WAG TSI);

1.1.2.   Kamp ta' applikazzjoni relatat mal-aspetti operattivi

Flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE (*1) (OPE TSI), din it-TSI tapplika għall-operazzjoni tal-vaguni tal-merkanzija li jintużaw fuq l-infrastruttura ferrovjarja magħżula għal “rotot aktar silenzjużi”.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tal-14 ta' Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-operat u l-immaniġġar tat-traffiku tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE (ĠU L 345, 15.12.2012, p. 1).”;"

3.

Il-Kapitolu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“2.   DEFINIZZJONI TAS-SUBSISTEMA

‘Unità’ tfisser vettura ferrovjarja li hija soġġetta għall-applikazzjoni tat-TSI, u għalhekk soġġetta għall-proċedura ta' verifika tal-‘KE’. Il-Kapitolu 2 tal-anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u l-Kapitolu 2 tal-anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013 jiddeskrivu dak li unità tista' tikkostitwixxi.

Ir-rekwiżiti ta' din it-TSI japplikaw għall-kategoriji li ġejjin ta' vetturi ferrovjarji stabbiliti fit-taqsima 2 fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2016/797:

(a)

Lokomottivi u vetturi ferrovjarji tal-passiġġieri, inkluż il-magni tat-trazzjoni termali jew elettrika, ferroviji tal-passiġġieri bi propulsjoni termali jew elettrika proprja, u kowċijiet tal-passiġġieri. Din il-kategorija hija definita aktar fil-Kapitolu 2 tal-anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u f'din it-TSI għandha tiġi riferuta bħala lokomottivi, unitajiet elettriċi multipli (EMU), unitajiet multipli tad-diżil (DMU) u kowċijiet;

(b)

Vaguni tal-merkanzija, inklużi vetturi baxxi ddisinjati għan-netwerk kollu u vetturi ddisinjati biex iġorru t-trakkijiet. Din il-kategorija hija definita aktar fil-Kapitolu 2 tal-anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013 u f'din it-TSI għandha tiġi riferuta bħala vaguni;

(c)

Vetturi speċjali, bħal magni ta' fuq il-binarji. Din il-kategorija hija definita aktar fil-Kapitolu 2 tal-anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u tikkonsisti f'magni ta' fuq il-binarji (riferuti f'din it-TSI bħala OTMs) u l-vetturi ta' spezzjoni tal-infrastruttura, li jappartjenu għall-kategoriji f'punti (a) jew (b) skont id-disinn tagħhom.”;

4.

Il-Kapitolu 3 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“3.   REKWIŻITI ESSENZJALI

Il-parametri bażiċi kollha stipulati f'din it-TSI għandhom ikunu marbuta ma' mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness III tad-Direttiva (UE) 2016/797. It-tabella 1 tindika l-allokazzjoni.

Tabella 1

Parametri bażiċi u r-rabta tagħhom mar-rekwiżiti essenzjali

Punt

Parametru bażiku

Rekwiżiti essenzjali

Sikurezza

Affidabbiltà u disponibbiltà

Saħħa

Protezzjoni ambjentali

Kompatibbiltà teknika

Aċċessibbiltà

4.2.1

Limiti għall-istorbju ta' vettura wieqfa

 

 

 

1.4.4

 

 

4.2.2

Limiti għall-istorbju tal-istartjar

 

 

 

1.4.4

 

 

4.2.3

Limiti għall-istorbju waqt it-tranżitu

 

 

 

1.4.4

 

 

4.2.4

Limiti għall-istorbju fil-kabina tas-sewwieq

 

 

 

1.4.4”

 

 

5.

Il-Kapitolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 4.2 ir-referenza għall-“Artikoli 5 (5) u 2(l) tad-Direttiva 2008/57/KE” hija sostitwita bir-referenza għall-“Artikoli 4(5) u 2(13) tad-Direttiva (UE) 2016/797”;

(b)

it-Taqsima 4.3 hija sostitwita b'dan li ġej:

“4.3   Speċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tal-interfaċċji

Din it-TSI għandha l-interfaċċji li ġejjin mas-subsistema tal-vetturi ferrovjarji:

 

Interfaċċja b'subsistemi ta' punti (a), (b), (c) u (e) tal-Kapitolu 2 (indirizzati fir-Regolament (UE) Nru 1302/2014) fir-rigward ta':

storbju stazzjonarju,

storbju tal-bidu (mhux applikabbli għal kowċijiet),

storbju waqt it-tranżitu,

storbju intern ġol-kabina tas-sewwieq, fejn applikabbli.

 

Interfaċċja b'subsistemi ta' punt (d) tal-Kapitolu 2 (indirizzati fir-Regolament (UE) Nru 321/2013) fir-rigward ta':

storbju waqt it-tranżitu,

storbju stazzjonarju.

 

Din it-TSI għandha l-interfaċċja li ġejja mas-subsistema tal-operat u tal-ġestjoni tat-traffiku (indirizzata fid-Deċiżjoni 2012/757/UE) fir-rigward ta':

storbju waqt it-tranżitu.”;

(c)

it-Taqsima 4.4 hija sostitwita b'dan li ġej:

“4.4   Regoli operattivi

Ir-rekwiżiti dwar ir-regoli operattivi għas-subsistema tal-vetturi ferrovjarji huma stabbiliti fit-taqsima 4.4 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u fit-taqsima 4.4 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013.

4.4.1   Regoli speċifiċi għat-tħaddim tal-vaguni fuq rotot aktar silenzjużi f'każ ta' tħaddim degradat

L-arranġamenti ta' kontinġenza kif definiti f'punt 4.2.3.6.3 fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/757/UE jinkludu t-tħaddim tal-vaguni li ma jikkonformawx mal-punt 7.2.2.2 fuq rotot aktar silenzjużi.

Din il-miżura tista' tiġi applikata biex tindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità jew ir-restrizzjonijiet ta' tħaddim ikkawżati mill-fallimenti tal-vetturi ferrovjarji, il-kundizzjonijiet ta' temp estrem, l-aċċidenti jew l-inċidenti u l-fallimenti infrastrutturali.

4.4.2   Regoli speċifiċi għat-tħaddim tal-vaguni fuq rotot aktar silenzjużi f'każ ta' xogħlijiet infrastrutturali u manutenzjoni tal-vaguni

It-tħaddim tal-vaguni li ma jikkonformax mal-punt 7.2.2.2 fuq rotot aktar silenzjużi għandu jkun possibbli fil-każ ta' attivitajiet ta' manutenzjoni tal-vaguni fejn ikun hemm rotta aktar silenzjuża biss disponibbli għall-aċċess tal-ħanut tax-xogħol ta' manutenzjoni.

L-arranġamenti ta' kontinġenza stipulati fil-punt 4.4.1 huma applikabbli fil-każ ta' xogħlijiet ta' infrastruttura fejn rotta aktar silenzjuża tkun l-unika alternattiva xierqa.”

(d)

it-Taqsima 4.5 hija sostitwita b'dan li ġej:

“4.5   Regoli ta' manutenzjoni

Ir-rekwiżiti dwar ir-regoli ta' manutenzjoni għas-subsistema tal-vetturi ferrovjarji huma stabbiliti fit-taqsima 4.5 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u fit-taqsima 4.5 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013.”;

6.

Fil-Kapitolu 6 “Valutazzjoni tal-konformità u verifika tal-KE”, f'punt 6.2.2.3.2.1 “EMU, DMUs, lokomottivi u kowċijiet” u fil-punt 6.2.2.3.2.2 “Vaguni”, it-test “Vtest” huwa sostitwit b'“vtest” (erba' bidliet).

7.

Il-Kapitolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-Taqsima 7.2 hija sostitwita b'dan li ġej:

“7.2   Applikazzjoni ta' din it-TSI għas-subsistemi eżistenti

Il-prinċipji li għandhom jiġu applikati mill-applikanti u mill-entitajiet li jawtorizzaw f'każ ta' bidliet fil-vettura ferrovjarja jew fit-tip ta' vettura ferrovjarja eżistenti huma definiti fil-punt 7.1.2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 u t-Taqsima 7.2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 321/2013.

7.2.1   Dispożizzjonijiet f'każ ta' bidliet fil-vettura ferrovjarja jew fit-tip ta' vettura ferrovjarja eżistenti

L-applikant għandu jiżgura li l-livelli ta' storbju tal-vetturi ferrovjarji li fuqhom twettqu l-bidliet jibqgħu taħt il-limiti stabbiliti fit-TSI li kienet applikabbli meta l-vetturi ferrovjarji inkwistjoni ġew awtorizzati għall-ewwel darba. Jekk ma kienet teżisti l-ebda TSI fi żmien l-ewwel awtorizzazzjoni, l-applikant għandu jiżgura li l-livelli ta' storbju tal-vetturi ferrovjarji li fuqhom twettqu l-bidliet ma żdidux jew għadhom taħt il-limiti stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/66/KE jew fid-Deċiżjoni 2002/735/KE.

Jekk tkun meħtieġa valutazzjoni, din għandha tkun limitata għall-parametri bażiċi affettwati minn dawn il-bidliet.

Jekk l-evalwazzjoni simplifikata tiġi applikata, l-unità oriġinali tista' tirrapreżenta l-unità ta' referenza b'konformità mad-dispożizzjonijiet f'punt 6.2.3.

Is-sostituzzjoni ta' unità sħiħa jew (a) vettura/vetturi fi ħdan unità (eż. sostituzzjoni wara ħsara severa) ma teħtieġx valutazzjoni tal-konformità ma' din it-TSI, sakemm l-unità jew il-vettura/vetturi jkunu identiċi għal dawk li jissostitwixxu.

7.2.2   Dispożizzjonijiet addizzjonali għall-applikazzjoni ta' din it-TSI għall-vaguni eżistenti

Ir-restrizzjoni tal-operazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5a ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tapplika għall-vaguni li jitħaddmu fil-biċċa l-kbira fuq linji b'pendil ta' aktar minn 40 ‰, vaguni b'veloċità ta' tħaddim massima ta' aktar minn 120 km/h, vaguni b'tagħbija fuq il-fus massima li tkun ogħla minn 22,5 t, vaguni mħaddma esklużivament għal xogħlijiet ta' infrastruttura u vaguni użati għas-salvataġġ tal-ferroviji.

Jekk vagun qed jiġi mgħammar bi blokok tal-brejkijiet aktar silenzjużi kif definit fil-punt 7.2.2.1 u l-ebda sorsi ta' storbju ma jiżdiedu mal-vagun, f'dak il-każ għandu jiġi preżunt li r-rekwiżiti tal-punt 4.2.3 huma ssodisfati mingħajr aktar ittestjar.

7.2.2.1   Blokok tal-brejkijiet aktar silenzjużi

Blokka tal-brejkijiet aktar silenzjuża hija blokka tal-brejkijiet li tappartjeni għal waħda mill-kategoriji li ġejjin:

Blokka tal-brejkijiet imniżżla fl-Appendiċi G tar-Regolament (UE) Nru 321/2013;

Blokka tal-brejkijiet ivvalutata b'konformità mal-proċedura stipulata f'Appendiċi F ta' din it-TSI.

7.2.2.2   Vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi

Vaguni li jappartjenu għal waħda mill-kategoriji ta' hawn taħt jistgħu jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi fiż-żona tal-użu tagħhom:

Vaguni li jkollhom dikjarazzjoni tal-verifika KE mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/66/KE dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità marbuta mas-sottosistema “vetturi ferrovjarji — storbju” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea;

Vaguni li jkollhom dikjarazzjoni tal-verifika KE mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/229/UE dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabilità marbuta mas-sottosistema “vetturi ferrovjarji – storbju” tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea;

Vaguni li jkollhom dikjarazzjoni tal-verifika KE ma' din it-TSI;

Vaguni mgħammra bi blokok tal-brejkijiet aktar silenzjużi kif definit fil-punt 7.2.2.1 jew diski tal-brejkijiet għall-funzjoni tal-brejk ta' servizz;

Vaguni mgħammra bi blokok tal-brejkijiet komposti li huma mniżżla f'Appendiċi E għall-funzjoni tal-brejk ta' servizz. It-tħaddim ta' dawn il-vaguni fuq rotot aktar silenzjużi għandu jkun limitat b'konformità mal-kundizzjonijiet deskritti f'dan l-appendiċi.”;

(b)

il-punt 7.3.2.1. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.3.2.1.   Każijiet speċifiċi

(a)

Każijiet speċifiċi tal-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja

(“P”) Għal unitajiet li jinsabu f'użu kondiviż ma' pajjiżi terzi, li l-wisa' bejn il-linji tagħhom tkun differenti minn dik tal-netwerk ferrovjarju prinċipali fi ħdan l-Unjoni, l-applikazzjoni tar-regoli tekniċi nazzjonali minflok ir-rekwiżiti f'din it-TSI għandha tiġi permessa.

(b)

Każ speċifiku tal-Finlandja

(“T”) Id-Deċiżjoni 2011/229/UE tista' tkompli tapplika għall-vaguni tal-merkanzija sabiex jintużaw biss fuq it-territorju tal-Finlandja sakemm is-soluzzjoni teknika rilevanti rigward il-kundizzjonijiet xitwin severi tinsab, iżda f'kull każ mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2032. Dan m'għandux jipprevjeni l-vaguni tal-merkanzija minn Stati Membri oħra li joperaw fuq in-netwerk Finlandiż.”

(c)

fil-punt 7.3.2.2(a), jitħassar it-tieni subparagrafu;

(d)

il-punt 7.3.2.4. huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.3.2.4.   Il-limiti ta' storbju waqt it-tranżitu (punt 4.2.3)

(a)

Każ speċifiku taċ-Channel Tunnel

(“P”) Għaċ-Channel Tunnel, il-limiti ta' storbju waqt it-tranżitu ma għandhomx japplikaw għall-vaguni ddedikati għat-trasport ta' vetturi ta' merkanzija tqila bejn Coquelles (Franza) u Folkestone (ir-Renju Unit).

(b)

Każ speċifiku tal-Iżvezja

(“T”) Għal-lokomotivi b'forza ta' trazzjoni totali ta' aktar minn 6 000 kW u b'tagħbija fuq il-fus massima ta' aktar minn 25 t tal-valuri limitu tal-istorbju waqt it-tranżitu LpAeq,Tp (80 km/h) fit-Tabella 4 jista' jiżdied sa 85 dB.”;

(e)

it-taqsima 7.4 li ġejja hija miżjuda:

“7.4   Regoli ta' implimentazzjoni partikolari

7.4.1.   Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-applikazzjoni ta' din it-TSI għall-vaguni eżistenti (punt 7.2.2)

(a)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-applikazzjoni ta' din it-TSI għall-vaguni eżistenti fiċ-Channel Tunnel

(“P”) Għall-kalkolu tal-medja annwali ta' ferroviji tal-merkanzija mħaddma kuljum matul il-lejl, il-ferroviji tal-merkanzija magħmula minn vaguni ddedikati għat-trasport ta' vetturi tal-merkanzija tqila li jkunu limitati għal-linja Coquelles (Franza) - Folkestone (ir-Renju Unit) ma għandhomx jitqiesu.

(b)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-applikazzjoni ta' din it-TSI għall-vaguni eżistenti fil-Finlandja u fl-Iżvezja

(“T”) Il-kunċett ta' rotot aktar silenzjużi ma għandux japplika fuq in-netwerks Finlandiżi u Żvediżi minħabba l-inċertezzi relatati mat-tħaddim f'kundizzjonijiet xitwin severi bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2032. Dan m'għandux jipprevjeni l-vaguni tal-merkanzija minn Stati Membri oħra li joperaw fuq in-netwerk Finlandiż jew Żvediż.

7.4.2.   Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi (punt 7.2.2.2)

(a)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi tal-Belġju

(“T”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot silenzjużi fit-territorju tal-Belġju:

Vaguni b'roti bit-tajers sal-31 ta' Diċembru 2026

Vaguni li jeħtieġu l-installazzjoni ta' kink valve sabiex jissostitwixxi l-blokka tal-ħadid fondut bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2026

Vaguni mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut li jeħtieġu l-bdil tar-roti b'roti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-EN 13979-1:2003+A2:2011 sabiex jiġu modifikati retroattivament bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2026

(b)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi taċ-Channel Tunnel

(“P”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot silenzjużi fil-konċessjoni taċ-Channel Tunnel:

Vaguni ddedikati għat-trasport ta' vetturi tal-merkanzija tqila bejn Coquelles (Franza) u Folkestone (ir-Renju Unit)

(c)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi taċ-Ċekja

(“T”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi fit-territorju taċ-Ċekja:

Vaguni b'roti bit-tajers, sal-31 ta' Diċembru 2026

Vaguni b'bearings tat-tip 59 V sal-31 ta' Diċembru 2034

Vaguni li jeħtieġu l-installazzjoni ta' kink valve sabiex jissostitwixxi l-blokka tal-ħadid fondut bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2034

Vaguni bil-konfigurazzjoni tal-brejk 1Bg jew 1Bgu mgħammra bi blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut sal-31 ta' Diċembru 2036

Vaguni mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut li jeħtieġu l-bdil tar-roti b'roti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-EN 13979-1:2003+A2:2011 sabiex jiġu modifikati retroattivament bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2029

Barra minn hekk, m'għandux ikun obbligatorju li jintużaw blokok tal-brejkijiet komposti fuq rotot aktar silenzjużi għall-vaguni eżistenti li mhumiex koperti mill-ħames singijiet ta' hawn fuq u li għalihom ma teżisti l-ebda soluzzjoni individwali għas-sostituzzjoni tal-blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut sal-31 ta' Diċembru 2030.

(d)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi ta' Franza

(“T”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi fit-territorju ta' Franza:

Vaguni bil-konfigurazzjoni tal-brejk 1Bg jew 1Bgu mgħammra bi blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut sal-31 ta' Diċembru 2030

Vaguni mgħammra b'roti żgħar (dijametru taħt 920 mm) sal-31 ta' Diċembru 2030

(e)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi fl-Italja

(“T”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi fit-territorju tal-Italja:

Vaguni b'roti bit-tajers sal-31 ta' Diċembru 2026

Vaguni li jeħtieġu l-installazzjoni ta' kink valve sabiex jissostitwixxi l-blokka tal-ħadid fondut bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2026

Vaguni mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut li jeħtieġu l-bdil tar-roti b'roti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-EN 13979-1:2003+A2:2011 sabiex jiġu modifikati retroattivament bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2026

Barra minn hekk, m'għandux ikun obbligatorju li jintużaw blokok tal-brejkijiet komposti fuq rotot aktar silenzjużi għall-vaguni eżistenti li mhumiex koperti mit-tliet singijiet ta' hawn fuq u li għalihom ma teżisti l-ebda soluzzjoni individwali għas-sostituzzjoni tal-blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut sal-31 ta' Diċembru 2030.

(f)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi tal-Polonja

(“T”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi fit-territorju tal-Polonja sal-31 ta' Diċembru 2036:

Vaguni b'roti bit-tajers

Vaguni b'konfigurazzjoni tal-brejkijiet 1Bg jew 1Bgu mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut

Vaguni ddisinjati għat-traffiku “S” li għandhom brejkijiet “SS” mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut

Vaguni mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut ddisinjat għat-traffiku “SS” li għalihom il-modifika retroattiva bi blokok tal-brejkijiet LL tkun teħtieġ it-twaħħil ta' roti li jikkonformaw ma' EN 13979-1+A2:2011 u kink valve

(g)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi tas-Slovakkja

(“T”) Minbarra l-vaguni mniżżla fil-punt 7.2.2.2, il-vaguni eżistenti li ġejjin jistgħu jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi fit-territorju tas-Slovakkja:

Vaguni b'roti bit-tajers sal-31 ta' Diċembru 2026

Vaguni bil-bogies tat-tip 26-2.8 mgħammra bi blokok tal-ħadid fondut P10 sal-31 ta' Diċembru 2036

Vaguni li jeħtieġu l-installazzjoni ta' kink valve sabiex jissostitwixxi l-blokka tal-ħadid fondut bi blokok tal-brejkijiet komposti sal-31 ta' Diċembru 2036.

(“P”) Vaguni bil-bogies 2TS intiżi għaċ-ċirkolazzjoni bejn is-Slovakkja u l-pajjiżi terzi permezz tal-iskambju tal-bogies fl-istazzjon tal-fruntiera

(h)

Regoli ta' implimentazzjoni partikolari għall-vaguni mħaddma fuq rotot aktar silenzjużi tar-Renju Unit għall-Gran Brittanja

(“P”) Għal unitajiet intiżi li jitħaddmu biss fuq in-netwerk tal-GB, fejn il-vaguni eżistenti huma mgħammra bi blokok tal-brejkijiet komposti kif ippubblikat f'GMGN 2688, għandu jkun permess li jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi

(“T”) It-tipi li ġejjin ta' vaguni eżistenti mgħammra bi blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut intiżi biex jitħaddmu fuq in-Netwerk tal-GB għandhom ikunu permessi li jitħaddmu fuq rotot aktar silenzjużi:

Vaguni mgħammra b'sistema ta' bbrejkjar mhux tal-UIC li għaliha ma hemm l-ebda blokok ta' brejkijiet silenzjużi kompatibbli li huma disponibbli għall-modifika retroattiva sal-31 ta' Diċembru 2030.

Vaguni b'distanza tat-twaqqif ta' 810 m jew inqas b'60 mph fil-modalità tal-brejk G (timing tal-oġġetti)/75 mph fil-modalità tal-brejk P (timing tal-passiġġiera), fejn dawk il-vaguni jitħaddmu f'ferroviji flimkien ma' vaguni oħra li għandhom distanzi tat-twaqqif skont ir-regoli tekniċi nazzjonali rilevanti tar-Renju Unit (GB), sal-31 ta' Diċembru 2030

Vaguni użati esklussivament għat-trasport ta' prodotti nukleari sal-31 ta' Diċembru 2050.”;

8.

Fl-Appendiċi A “Punti miftuħa”, it-test “Din it-TSI ma fihiex punti miftuħa”, hija sostitwita bit-tabella li ġejja:

“Elementi tas-subsistema ta' vetturi ferrovjarji

Klawżola ta' din it-TSI

Aspett tekniku li mhuwiex kopert minn din it-TSI

Kummenti

Blokka tal-brejkijiet aktar silenzjuża

7.2.2.1 u Appendiċi F

Valutazzjoni tal-karatteristiċi akustiċi tal-blokok tal-brejkijiet

Soluzzjonijiet tekniċi alternattivi disponibbli (ara punt 7.2.2)”

9.

Jiżdiedu l-Appendiċijiet D, E u F li ġejjin:

“Appendiċi D

Rotot aktar silenzjużi

D.1   Identifikazzjoni ta' rotot aktar silenzjużi

B'konformità mal-Artikolu 5c(1) ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) lista ta' rotot aktar silenzjużi f'format li jippermetti aktar ipproċessar mill-utenti b'għodod tal-IT. Il-lista għandha jkun fiha tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

Il-punti ta' bidu u ta' tmiem tar-rotot aktar kwieti u s-sezzjonijiet korrispondenti tagħhom, billi jintuża l-kodiċi tal-post ġeografiku kif definit fir-reġistru stabbilit fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/880/UE (*2) (RINF). Jekk wieħed minn dawn il-punti huwa fil-fruntiera tal-Istat Membru, dan għandu jiġi rifless.

L-identifikazzjoni tat-taqsimiet li jifformaw ir-rotta aktar silenzjuża

Il-lista għandha tiġi pprovduta permezz tal-mudell ta' hawn taħt:

Rotta aktar silenzjuża

Taqsimiet fir-rotta

ID tat-taqsima unika

Rotta aktar silenzjuża tibda/tintemm fuq il-fruntiera tal-Istat Membru

Punt A - Punt E

Punt A - Punt B

201

Iva

PUNT E (Pajjiż Y)

Punt B - Punt C

202

Punt C - Punt D

203

Punt D - Punt E

204

Punt F - Punt I

Punt F - Punt G

501

Le

Punt G - Punt H

502

Punt H - Punt I

503

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu mapep li juru r-rotot aktar silenzjużi fuq bażi volontarja. Il-listi u l-mapep għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija (http://www.era.europa.eu) mhux aktar tard minn disa' xhur wara 27.5.2019.

Sa l-istess data l-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-listi u l-mapep tar-rotot aktar silenzjużi. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dan permezz tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797.

D.2   Aġġornament ta' rotot aktar silenzjużi

Id-data tat-traffiku tal-merkanzija użata għall-aġġornament ta' rotot aktar silenzjużi b'konformità mal-Artikolu 5c(2) ta' dan ir-Regolament għandha tirreferi għall-aħħar tliet snin qabel l-aġġornament li għalih id-data tkun disponibbli. F'każ li t-traffiku tal-merkanzija jvarja minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali f'sena partikolari meta mqabbel mal-medja b'aktar minn 25 %, l-Istat Membru kkonċernat jista' jikkalkula l-medja fuq il-bażi tas-sentejn l-oħra. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bir-rotot aktar silenzjużi aġġornati.

Ir-rotot magħżula bħala rotot aktar silenzjużi għandhom jibqgħu bħala tali wara l-aġġornament sakemm, matul il-perijodu kkonċernat, il-volum tat-traffiku ma jonqos b'aktar minn 50 % u l-medja ta' ferroviji tal-merkanzija mħaddma kuljum matul il-lejn tkun inqas minn 12.

F'każ ta' linji ġodda u mtejba, il-volum mistenni ta' traffiku għandu jintuża għall-ħatra ta' dawk il-linji bħala rotot aktar silenzjużi.

L-Aġenzija għandha tippubblika r-rotot aktar silenzjużi fuq is-sit web tagħha (http://www.era.europa.eu) mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-wasla tagħhom u dawn għandhom japplikaw mill-bidla li jmiss tal-iskeda taż-żmien ta' Diċembru wara sena mill-pubblikazzjoni tagħhom.

L-aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil li jsir fir-rotot aktar silenzjużi. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'dan permezz tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797.

Appendiċi E

Blokok tal-brejkijiet komposti storiċi

E.1   Blokok tal-brejkijiet storiċi komposti għall-użu internazzjonali

Il-vaguni eżistenti mgħammra bil-blokok tal-brejkijiet imniżżla hawn taħt huma permessi li jintużaw fuq rotot aktar silenzjużi fiż-żona tal-użu tagħhom, sad-data rilevanti stabbilita fl-Appendiċi N tal-UIC 541-4.

Manifattur/isem tal-prodott

Isem/tip ta' blokka

Tip ta' koeffiċjent tal-frizzjoni

Valeo/Hersot

Wabco/Cobra

693

W554

K

Ferodo

I/B 436

K

Abex

229

K

(Fe - sintered)

Jurid

738

K

(Fe - sintered)

Il-vaguni mgħammra bi blokok tal-brejkijiet komposti storiċi għall-użu nazzjonali li mhumiex imniżżla fit-tabella ta' hawn fuq iżda li diġà huma awtorizzati għat-traffiku internazzjonali b'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2004/446/KE jew id-Deċiżjoni 2006/861/KE jistgħu jibqgħu jintużaw mingħajr l-ebda data ta' skadenza fiż-żona tal-użu koperta mill-awtorizzazzjoni tagħhom.

E.2   Blokok tal-brejkijiet komposti storiċi għall-użu nazzjonali

Il-vaguni eżistenti mgħammra bil-blokok tal-brejkijiet imniżżla hawn taħt huma permessi li jintużaw biss fuq in-netwerks ferrovjarji, inklużi r-rotot aktar silenzjużi, tal-Istati Membri korrispondenti fiż-żona tal-użu tagħhom.

Manifattur/isem tal-prodott

Isem/tip ta' blokka

Stat Membru

Rimarki

Cobra/Wabco

V133

L-Italja

 

Cofren

S153

L-Iżvezja

 

Cofren

128

L-Iżvezja

 

Cofren

229

L-Italja

 

ICER

904

Spanja, il-Portugall

 

ICER

905

Spanja, il-Portugall

 

Jurid

838

Spanja, il-Portugall

 

Appendiċi F

Valutazzjoni tal-prestazzjoni akustika ta' blokka tal-brejkijiet

L-iskop ta' din il-proċedura huwa li juri l-prestazzjoni akustika ta' blokka tal-brejkijiet komposta fuq il-livell tal-kostitwent tal-interoperabilità.

Din il-proċedura għandha tkun punt miftuħ b'konformità mal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(*2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/880/UE tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet komuni tar-reġistru tal-infrastruttura ferrovjarja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/633/UE (ĠU L 356 12.12.2014, p. 489)."


(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tal-14 ta' Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-operat u l-immaniġġar tat-traffiku tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE (ĠU L 345, 15.12.2012, p. 1).”;

(*2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/880/UE tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet komuni tar-reġistru tal-infrastruttura ferrovjarja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/633/UE (ĠU L 356 12.12.2014, p. 489).”