14.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/760

tat-13 ta' Mejju 2019

li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni biss jista' jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ġie adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat.

(3)

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni trid tissottometti abbozz ta' att ta' implimentazzjoni li jawtorizza t-tqegħid ta' ikel ġdid fis-suq tal-Unjoni u dwar l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni.

(4)

Fl-10 ta' April 2017, il-kumpanija Skotan S.A. (“l-Applikant”) għamlet talba skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) lill-awtorità kompetenti tal-Polonja biex il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica titqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 1(2) ta' dak ir-Regolament. L-applikazzjoni talbet biex il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica tintuża fis-supplimenti tal-ikel. Il-livelli massimi ta' użu proposti mill-applikant huma 3 g kuljum għat-tfal ta' eta bejn tlieta u disa' snin, u 6 g kuljum minn għaxar snin 'l hemm.

(5)

Fil-15 ta' Novembru 2017, l-awtorità kompetenti tal-Polonja ħarġet ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali tagħha. F'dak ir-rapport, l-awtorità kkonkludiet li l-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica tissodisfa l-kriterji għal ikel ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(6)

Skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283, kull talba għat-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid fl-Unjoni li titressaq lil Stat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, u li dwarha ma tkunx ittieħdet id-deċiżjoni finali qabel l-1 ta' Jannar 2018 għandha tiġi ttrattata bħala applikazzjoni li tressqet skont ir-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Filwaqt li t-talba għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid tressqet lil Stat Membru skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, l-applikazzjoni tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2015/2283.

(8)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283, fit-22 ta' Ġunju 2018 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), u talbitha tagħti opinjoni xjentifika abbażi ta' valutazzjoni tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid.

(9)

Fis-17 ta' Jannar 2019, l-Awtorità adottat is-“Scientific Opinion on the safety of Yarrowia lipolytica yeast biomass as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283” (4). Dik l-opinjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(10)

L-opinjoni tal-Awtorità tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica fl-użu u fil-livelli tal-użu proposti, meta tintuża fis-supplimenti tal-ikel, tikkonforma mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(11)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. L-użu tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica jenħtieġ li jiġi awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik id-Direttiva.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica kif speċifikata fl-Anness ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat stabbilit fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-entrata fil-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu u r-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

3.   L-awtorizzazzjoni prevista f'dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/46/KE.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta' Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2019;17(2):5594.

(5)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 1 (L-ikel ġdid awtorizzat) f'ordni alfabetika:

“Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista' jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi addizzjonali

Rekwiżiti oħra

Bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica meqruda bis-sħana””

 

Is-Supplimenti tal-Ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE, għajr is-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

6 g/kuljum għat-tfal minn għaxar snin 'il fuq, għall-adolexxenti u għall-popolazzjoni adulta ġenerali

3 g/kuljum għat-tfal ta' età bejn tlieta u disa' snin

(2)

L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) f'ordni alfabetika:

“Ikel Ġdid Awtorizzat

Speċifikazzjoni

Bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-ikel ġdid huwa l-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica mnixxfa u meqruda bis-sħana.

Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

Proteina: 45-55 g/100 g

Fibra: 24-30 g/100 g

Zokkor: < 1,0 g/100 g

Xaħam: 7-10 g/100 g

Irmied totali: ≤ 12 %

Kontenut ta' ilma: ≤ 5 %

Kontenut ta' materja niexfa: ≥ 95 %

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd Mikrobjali Aerobiku Totali: ≤ 5 × 103 CFU/g

Għadd ta' Ħmira u Moffa Totali: ≤ 102 CFU/g

Ċelloli vijabbli tal-Yarrowia lipolytica  (1): < 10 CFU/g (jiġifieri l-limitu ta' detezzjoni)

Koliformi: ≤ 10 CFU/g

Salmonella spp.: Nuqqas f'25 g


(1)  Iridu jiġu ttestjati immedjatament wara l-pass tat-trattament bis-sħana. Il-miżuri jridu jkunu fis-seħħ biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata biċ-ċelloli vijabbli tal-Yarrowia lipolytica waqt l-imballaġġ u/jew il-ħżin tal-ikel ġdid.”