14.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/759

tat-13 ta' Mejju 2019

li jistabbilixxi l-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet ta' ikel li jkun fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali (prodotti komposti)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jipprevedi bidliet sinifikanti fir-regoli u l-proċeduri tas-saħħa pubblika (sikurezza alimentari) li magħhom għandhom jikkonformaw l-operaturi tan-negozji tal-ikel. B'mod partikolari, huwa jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet tal-ikel li jkun fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti u prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali (prodotti komposti) fl-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/185 (2) jipprevedi miżuri tranżizzjonali li jidderogaw minn dawn ir-regoli għall-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimportaw ikel li fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali (prodotti komposti), minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 (3), li għalihom il-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni fl-Unjoni għadhom ma ġewx stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Din id-deroga tapplika sal-31 ta' Diċembru 2020.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (4) jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali li huma trasmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. Dan japplika għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali, u għalhekk għall-prodotti komposti kif definiti fl-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE (5). Ladarba jsir applikabbli, ir-Regolament se jistabbilixxi r-rekwiżiti għad-dħul fl-Unjoni ta' annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi u territorji terzi. Dan ir-Regolament għandu japplika mill-21 ta' April 2021.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċarezza u konsistenza ġuridika u sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-awtoritajiet għar-regoli l-ġodda, jeħtieġ li jkun hemm data ta' applikazzjoni unika għall-kundizzjonijiet ta' importazzjoni ġodda għall-prodotti komposti koperti mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Għalhekk, it-tmiem ta' dawn il-miżuri tranżizzjonali jenħtieġ li jiġi estiż sal-20 ta' April 2021.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għal perjodu tranżizzjonali mill-1 ta' Jannar 2021 sal-20 ta' April 2021.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “prodott kompost” ifisser prodott kompost kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE.

Artikolu 3

Deroga li tikkonċerna r-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet ta' ikel li jkun fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali

B'deroga mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozji tal-ikel li jimportaw ikel li fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 28/2012 għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

L-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika għall-importazzjoni tal-Istat Membru li jimportahom.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021 sal-20 ta' April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/185 tat-2 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 29, 3.2.2017, p. 21).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 28/2012 tal-11 ta' Jannar 2012, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-importazzjoni għall-Unjoni u tat-tranżitu minn ġol-Unjoni ta' ċerti prodotti komposti u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE u r-Regolament (KE) Nru 1162/2009 (ĠU L 12, 14.1.2012, p. 1)

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta' April 2007 dwar il-listi ta' annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9)