26.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/661

tal-25 ta' April 2019

li jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġistru elettroniku għal kwoti għat-tqegħid fis-suq ta' idrofluworokarburi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 jipprevedi reġistru elettroniku ċentrali biex jimmaniġġja l-kwoti, għat-tqegħid fis-suq ta' idrofluworokarburi, u r-rappurtar tagħhom, inkluż tagħmir imqiegħed fis-suq li jiċċarġja bl-idrofluworokarburi (“ir-reġistru”).

(2)

Wara l-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (2), mill-1 ta' Jannar 2019 l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-Unjoni ta' kwantitajiet bl-ingrossa ta' idrofluworokarburi jaqgħu taħt is-sistema ta' liċenzjar stabbilita fl-Artikolu 4B tal-Protokoll ta' Montreal. Reġistrazzjoni valida ta' impriża li taġixxi bħala importatur jew esportatur, kif xieraq, fir-reġistru skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 titqies bħala li tikkostitwixxi tali liċenzja.

(3)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tar-reġistru, huwa importanti li jiġu speċifikati r-rekwiżiti għall-impriżi li r-reġistrazzjoni tagħhom hija obbligatorja. Jenħtieġ li dawn ir-rekwżiti, inter alia, jinkludu rekwiżit biex jipprovdi informazzjoni relatata mal-istatus finanzjarju u legali ta' dawn l-impriżi. Tali informazzjoni tista' tkun meħtieġa sabiex tiżgura implimentazzjoni effettiva tal-allokazzjoni tal-kwoti, tevita xkiel tal-allokazzjonijiet tal-kwoti u tipprevjeni ċirkomvenzjoni u abbużi mir-rekwiżiti leġiżlattivi.

(4)

Is-sitwazzjoni differenti tal-impriżi li taw il-mandat lil rappreżentant uniku skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 jenħtieġ li tiġi riflessa wkoll fir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni.

(5)

Sabiex il-mekkaniżmu tal-kwoti għat-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi ikun jista' jiġi implimentat b'mod effettiv permezz tar-reġistru, huwa importanti li jiġu pprovduti salvagwardji mmirati biex jiżguraw li l-allokazzjoni tal-kwoti ssir b'mod legali u ġust. Il-funzjoni tar-reġistru hija li jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-mekkaniżmu tal-kwoti. Għalhekk ir-reġistru jenħtieġ li jiġi organizzat u mmaniġġjat b'mod li jippermettilu jintuża bħala għodda biex tiġi evitata kwalunkwe ċirkomvenzjoni jew abbuż mir-rekwiżiti għall-allokazzjonijiet tal-kwoti. B'mod partikolari, meta l-istess sid jew sidien benefiċjarji jirreġistraw diversi impriżi bl-għan li jirċievu allokazzjoni ogħla tal-kwoti milli sehem wieħed tal-impriża tal-kwantità massima tal-idrofluworokarburi li jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, tali impriżi rreġistrati bl-istess sid jew sidien benefiċjarji jenħtieġ li jitqiesu bħala wieħed għall-iskopijiet tal-allokazzjoni tal-kwota stipulati fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament. Is-sjieda benefiċjarja tista' tkun relatata ma' kwalunkwe tip ta' entità legali inkluż pereżempju intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(6)

Meta jiġu kkunsidrati l-liġijiet nazzjonali u r-regoli li jirregolaw l-istabbiliment u l-operazzjoni tal-impriżi, il-Kummissjoni teħtieġ l-assistenza tal-Istati Membri sabiex tivvaluta l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi għal skopijiet ta' reġistrazzjoni. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tar-reġistru.

(7)

Il-Kummissjoni hija meħtieġa tiżgura li d-data personali ppreżentata skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilita taħt l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula rekwiżiti ġenerali u operazzjonali għar-reġistrazzjoni fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

“Sid benefiċjarju” tfisser sid benefiċjarju kif definit fil-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 3

Rekwiżiti ta' informazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru

1.   L-impriżi stabbiliti fl-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni għall-iskopijiet biex jiġu rreġistrati fir-reġistru:

(a)

l-isem u l-forma ġuridika tal-impriża kif jidher fid-dokumenti uffiċjali rilevanti f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali;

(b)

l-indirizz sħiħ tal-impriża, inkluż isem it-triq u n-numru tal-bini, il-kodiċi postali, isem il-belt u l-pajjiż;

(c)

in-numru tat-telefon tal-impriża, inkluż il-kodiċi telefoniku internazzjonali;

(d)

in-numru tal-VAT tal-impriża;

(e)

in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) tal-impriża, jekk applikabbli;

(f)

l-isem sħiħ ta' persuna ta' kuntatt waħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-punti (i) u (ii), u l-indirizz elettroniku individwali li jintuża għal skopijiet professjonali minn din il-persuna li jkun fih, jekk disponibbli, rabta ċara mal-impriża.:

(i)

huwa jew hija jew sid benefiċjarju tal-impriża jew impjegat(a) tagħha;

(ii)

huwa jew hija awtorizzata biex twettaq l-obbligi u l-attivitajiet rilevanti kollha relatati mar-reġistru f'isem l-impriża b'mod li jsiru legalment vinkolanti fuq l-impriża;

(g)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tal-impriża;

(h)

konferma bil-miktub tal-intenzjoni tal-impriża li tirreġistra fir-reġistru ffirmat minn sid benefiċjarju jew impjegat tal-impriża li huwa awtorizzat biex jagħmel dikjarazzjonijiet legalment vinkolanti f'isem l-impriża;

(i)

id-dettalji tal-kont tal-bank tal-impriża validati permezz ta' dokument iffirmat minn rappreżentant tal-bank jew inkella dikjarazzjoni tal-bank uffiċjali oriġinali relatata ma' kont tal-bank fl-Unjoni li jintuża mill-impriża għall-attivitajiet tan-negozju tagħha u jkopri perjodu fl-aħħar tliet xhur.

2.   Impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni li taw il-mandat lil rappreżentant uniku kif imsemmi fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni għall-iskopijiet biex jiġu rreġistrati fir-reġistru:

(a)

l-informazzjoni elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, iżda fir-rigward ta' kemm l-impriża kif ukoll ir-rappreżentant uniku, u akkumpanjata, fil-każ tal-informazzjoni elenkata fil-punt (a), minn dokument uffiċjali rilevanti li fuqu jidher l-isem u l-forma ġuridika f'kull każ, flimkien ma' traduzzjoni ċċertifikata ta' dak id-dokument bl-Ingliż;

(b)

l-informazzjoni elenkata fil-punti (d), (e) u (i) tal-paragrafu 1, iżda fir-rigward tar-rappreżentant uniku milli tal-impriża;

(c)

l-isem sħiħ ta' kuntatt wieħed li jissodisfa l-kundizzjonijiet fil-punti (i) u (ii), u indirizz elettroniku individwali li jintuża għal skopijiet professjonali minn din il-persuna li jkun fih, jekk disponibbli, rabta ċara mar-rappreżentant uniku:

(i)

huwa jew hija jew sid benefiċjarju tar-rappreżentant uniku jew impjegat(a) tiegħu;

(ii)

huwa jew hija awtorizzat(a) li jwettaq/twettaq l-obbligi u l-attivitajiet rilevanti kollha relatati mar-reġistru f'isem l-impriża u r-rappreżentant uniku b'mod li jsiru legalment vinkolanti kemm fuq l-impriża kif ukoll fuq ir-rappreżentant uniku;

(d)

indirizz elettroniku għar-rappreżentant uniku;

(e)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tal-impriża;

(f)

il-konferma bil-miktub elenkata fil-punt (h) tal-paragrafu 1 iżda ffirmata wkoll minn sid benefiċjarju jew impjegat tar-rappreżentant uniku li huwa awtorizzat li jagħmel dikjarazzjonijiet legalment vinkolanti f'isem ir-rappreżentant uniku;

3.   Sabiex tkun eleġibbli biex tippreżenta dikjarazzjoni skont l-Artikolu 16(2) jew 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 għal sena partikolari, l-iskadenzi għall-preżentazzjoni u biex timtela l-applikazzjoni biex tirreġistra fir-reġistru għandhom jiġu speċifikati fl-avviż li jrid jinħareġ mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16(2) ta' dak ir-Regolament.

4.   L-impriżi li diġà kienu rreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jippreżentaw l-informazzjoni skont il-paragrafi 1 jew 2, skont liema minnhom ikun applikabbli, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm ma tkunx diġà ġiet ippreżentata fir-reġistru.

Artikolu 4

Rekwiżiti ta' informazzjoni addizzjonali għar-reġistrazzjoni fir-reġistru

1.   Il-Kummissjoni tista' titlob impriża biex tipprovdi informazzjoni dwar l-identità tas-sid jew tas-sidien benefiċjarji tal-impriża, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant uniku tal-impriża, inkluż informazzjoni dwar it-tip ta' sjieda benefiċjarja u t-tip u l-livell ta' kontroll li kull sid bħal dan huwa intitolat li jeżerċita.

2.   Il-Kummissjoni tista' wkoll, fejn jiġi ġġustifikat wara valutazzjoni preliminari tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 3 u, jekk applikabbli, skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu titlob l-impriża biex tipprovdi l-informazzjoni:

(a)

informazzjoni addizzjonali jew evidenza ta' sostenn biex turi l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 3 jew, skont il-każ, il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-impriża tas-sena preċedenti jew, jekk mhux disponibbli, il-prova ta' fondi suffiċjenti biex jitwettqu l-attivitajiet futuri li l-impriża tixtieq tirreġistra fir-reġistru;

(c)

il-pjan tan-negozju tal-impriża għal attivitajiet futuri u ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tan-negozju preċedenti;

(d)

dokument li jipprovdi prova tal-istruttura tal-ġestjoni tal-impriża;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe rabta, bħal rabtiet legali, ekonomiċi jew fiskali, ma' impriżi oħra, jew mas-sidien benefiċjarji tal-impriżi l-oħra, li ppreżentaw talba għal reġistrazzjoni jew li diġà huma rreġistrati fir-reġistru.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob, fejn xieraq, li kwalunkwe informazzjoni jew evidenza ta' sostenn addizzjonali mitluba skont il-paragrafu 2 mill-impriżi li jkunu taw mandat lil rappreżentant uniku tiġi akkumpanjata minn traduzzjoni ċċertifikata bl-Ingliż.

4.   L-impriżi għandhom jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni jew evidenza mitluba skont dan l-Artikolu fi żmien 10 ijiem ta' xogħol wara d-data tat-talba jew fi żmien perjodu bħal dan itwal kif taqbel il-Kummissjoni wara talba ġġustifikata b'mod dovut mill-impriża għal estensjoni ta' żmien.

Artikolu 5

Obbligu li tiġi aġġornata l-informazzjoni

L-impriżi rreġistrati fir-reġistru għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta minnhom jew f'isimhom skont dan ir-Regolament tinżamm aġġornata u għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni aġġornata hekk kif kwalunkwe tali informazzjoni tinbidel jew ma tibqax kompluta jew preċiża.

Artikolu 6

Rifjut, sospensjoni u kanċellazzjoni tar-reġistrazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta li tirreġistra impriża fir-reġistru, jew tista' tissospendi r-reġistrazzjoni ta' impriża, jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' din l-impriża jew jekk kwalunkwe informazzjoni jew evidenza pprovduta skont dan ir-Regolament mill-impriża jew f'isimha ma tkunx preċiża jew kompluta. L-impriża kkonċernata u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti għandhom jiġu infurmati, permezz tar-reġistru, bir-raġunijiet għar-rifjut jew għas-sospensjoni tar-reġistrazzjoni.

2.   Meta reġistrazzjoni ta' impriża tiġi sospiża skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni u tagħti lura r-reġistrazzjoni f'każ li sussegwentement ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-impriża jew, kif applikabbli, l-informazzjoni jew l-evidenza pprovduta skont dan ir-Regolament mill-impriża jew f'isimha sussegwentement tiġi aġġornata sabiex tkun preċiża u kompluta.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkanċella r-reġistrazzjoni ta' impriżi f'każijiet fejn tiġi fornuta informazzjoni falza apposta jew jekk impriża, wara sospensjoni, tonqos b'mod persistenti milli tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa jew milli taġġorna l-informazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament. L-impriża kkonċernata u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti għandhom jiġu infurmati, permezz tar-reġistru, bir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 7

Impriżi bl-istess sid jew sidien benefiċjarji

1.   Għall-iskop tal-allokazzjoni tal-kwoti għat-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi skont l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, l-impriżi kollha bl-istess sid jew sidien benefiċjarji għandhom jitqiesu bħala dikjarant uniku wieħed skont l-Artikolu 16(2) u (4) tar-Regolament. Dan id-dikjarant uniku għandu jkun l-impriża li ġiet irreġistrata l-ewwel jew, fejn xieraq, impriża rreġistrata oħra indikata mis-sid benefiċjarju. Għall-iskop tal-kalkolu mill-ġdid tal-valuri ta' referenza skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, l-impriżi kollha bl-istess sid jew sidien benefiċjarji għandhom jitqiesu bħala importatur jew produttur uniku wieħed. Dak l-importatur jew il-produttur uniku għandu jkun l-impriża li ġiet irreġistrata l-ewwel jew, fejn xieraq, impriża rreġistrata oħra indikata mis-sid benefiċjarju.

2.   Għal impriżi fejn il-paragrafu 1 japplika għal żewġ perjodi ta' dikjarazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkanċella r-reġistrazzjoni tal-impriżi bl-istess sid jew sidien benefiċjarji ħlief għall-impriża li ġiet irreġistrata l-ewwel jew, fejn xieraq, impriża rreġistrata oħra indikata mis-sid benefiċjarju, sakemm ma jkunx hemm obbligi pendenti oħra skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 li jeħtieġu reġistrazzjoni fir-reġistru.

Artikolu 8

Skambju ta' informazzjoni

Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni mal-Kummissjoni meta dan ikun meħtieġ għall-valutazzjoni tal-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi għal skopijiet ta' reġistrazzjoni skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn l-informazzjoni tikkonċerna l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

Artikolu 9

1.   Id-data personali ta' impriża pproċessata fir-reġistru tista' tinżamm għal perjodu massimu ta' 5 snin wara l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 6(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura permezz ta' mezzi tekniċi t-tneħħija tad-data personali f'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1541 tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ĠU L 236, 14.9.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).