17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/624

tat-8 ta' Frar 2019

rigward ir-regoli speċifiċi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-laħam u għaż-żoni ta' produzzjoni u fejn jinżammu l-molluski bivalvi ħajjin skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifika li kwistjonijiet bħas-sikurezza tal-ikel jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f'kull stadju tal-proċess tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni. B'mod partikolari, dan jipprevedi kontrolli uffiċjali li jridu jitwettqu fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba biex jiġu kkonsmati mill-bnedmin sabiex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (5).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) b'effett mill-14 ta' Diċembru 2019. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 bħalissa jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba biex jiġu kkonsmati mill-bnedmin sabiex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 1069/2009. Dan jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jingħataw ċerti derogi minn dawk ir-rekwiżiti.

(3)

Ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżguraw kontinwazzjoni tar-rekwiżiti li bħalissa huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 854/2004, filwaqt li jqisu l-esperjenza miksuba mid-data tal-adozzjoni tal-att, kif ukoll evidenza xjentifika ġdida u regoli nazzjonali mgħarrfa biex jiġi żgurat l-użu kontinwu ta' metodi tradizzjonali fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni tal-ikel, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li jiġu adottati atti delegati, filwaqt li jistabbilixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet għal derogi minn ċerti rekwiżiti ta' dak ir-Regolament, biex l-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem ikunu jkunu jistgħu jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali, minflok ma jitwettqu jew jiġu ssorveljati mill-veterinarju uffiċjali. Dawn l-atti delegati jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll il-kriterji u l-kundizzjonijiet li skonthom jistgħu jitwettqu l-kontrolli uffiċjali mill-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti f'impjanti tat-tqattigħ.

(5)

L-ispezzjoni ante-mortem hija essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali u għalhekk tibqa' r-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali. Madankollu, ċerti kompiti ta' rutina fl-ispezzjoni ante-mortem fil-biċċeriji jistgħu jitwettqu mill-awżiljarju uffiċjali mingħajr ma tiġi kompromessa l-kisba tal-objettivi tar-Regolament (UE) 2017/625, sakemm ikunu konformi ma' ċerti kriterji u kundizzjonijiet.

(6)

B'mod partikolari, jekk l-ispezzjoni ante-mortem tkun twettqet mill-veterinarju uffiċjali fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali, jenħtieġ li tingħata iżjed flessibbiltà lill-ispezzjoni ante-mortem mal-wasla fil-biċċerija li tista' titwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali. Madankollu, meta ma tkun seħħet l-ebda spezzjoni ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali, id-delega tal-kompiti jenħtieġ li tkun permessa biss jekk l-ispezzjonijiet ikunu ssorveljati mill-veterinarju uffiċjali, soġġetti għal ċerti kriterji u kundizzjonijiet għal speċijiet li mhumiex pollam u lagomorfi.

(7)

F'każ ta' tbiċċir b'emerġenza, l-ispezzjoni ante-mortem ma tistax titwettaq fil-biċċerija. Sabiex jiġi evitat li l-annimal isofri mingħajr ma jkun neċessarju billi jintbagħat f'biċċerija, u biex it-telf ekonomiku jiġi limitat għall-operaturi u jitnaqqas l-iskart tal-ikel, il-kriterji u l-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex jippermettu li l-ispezzjoni ante-mortem titwettaq barra mill-biċċerija f'każ ta' tbiċċir b'emerġenza. L-annimali soġġetti għal tbiċċir b'emerġenza xorta jistgħu jkunu eliġbbli għall-konsum mill-bniedem soġġetti għal spezzjoni tal-laħam favorevoli. Dawn l-ispezzjonijiet jenħtieġ li jipprovdu garanziji massimi tal-idoneità għall-konsum meta jħallu t-tbiċċir b'emerġenza barra mill-biċċerija.

(8)

Jista' jkun iżjed effiċjenti li nevalwaw ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimal billi jitwettqu spezzjonijiet ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali minflok fil-biċċerija. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-derogi mill-ispezzjonijiet ante-mortem fil-biċċerija jitħallew fl-ispeċijiet kollha, soġġetti għal ċerti kriterji.

(9)

Filwaqt li l-ispezzjonijiet post-mortem u l-attivitajiet ta' awditjar huma essenzjali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali, u għalhekk jenħtieġ li jibqgħu r-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali, ċerti kompiti jistgħu jitwettqu mill-awżiljarju uffiċjali, sakemm jiġu ssodisfati biżżejjed garanziji għal dawn l-objettivi u jekk ikun hemm konformità ma' ċerti kriterji u kundizzjonijiet. Dawn il-kriterji u l-kundizzjonijiet jentħieġ li jippermettu, b'mod partikolari, il-kontinwazzjoni ta' prattiki attwali fil-każ ta' tbiċċir mhux kontinwu f'biċċeriji b'kapaċità baxxa u fi stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa b'kapaċità baxxa.

(10)

Ċerti kriterji u kundizzjonijiet iridu jiġu ddefiniti biex ikun hemm deroga mir-rekwiżiti bażiċi għall-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem f'biċċeriji u stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa. Limitu tal-produzzjoni huwa kriterju mhux diskriminatorju, li jiffoka fuq l-iżgħar stabbilimenti b'konformità mal-Artikolu 16(3)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625. Billi l-istruttura ta' dawn l-istabbilimenti tvarja bejn l-Istati Membri, dan il-limitu jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-għadd ta' annimali mbiċċra jew ipproċessati jew fuq id-dimostrazzjoni li dan il-limitu jirrappreżenta perċentwal limitat u fiss tal-laħam imqiegħed fis-suq. Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jiddefinixxi l-unitajiet tal-bhejjem u jistabbilixxi rati ta' konverżjoni biex jiġi espress l-għadd ta' annimali ta' ċertu speċijiet f'tali unitajiet tal-bhejjem. Dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jintużaw biex jiġu ssettjati limiti u jiġu armonizzati derogi minn ċerti rekwiżiti bbażati fuq id-daqs ta' biċċerija.

(11)

Ċerti kompiti f'impjanti tat-tqattigħ jistgħu jitwettqu minn persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma jfixklu l-objettivi li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali jekk ikunu konformi ma' ċerti kriterji u kundizzjonijiet.

(12)

Il-kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni tal-molluski bivalvi huma neċessarji biex tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji u l-miri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B'konformità mal-Parti A tal-Kapitolu II tat-Taqsima VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, il-ħsad ta' molluski bivalvi ħajjin irid isir minn żoni ta' produzzjoni kklassifikati mill-awtoritajiet kompetenti u li minnhom jiġi awtorizzat il-ħsad. Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi l-adozzjoni ta' atti delegati, u jistabbilixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet biex jiġi ddeterminat, b'rabta mal-Pectinidae, il-gasteropodi tal-baħar u l-Holothuroidea, meta ma hemmx bżonn li jiġu kklassifikati ż-żoni ta' produzzjoni u fejn dawn jinżammu.

(13)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll il-post fejn iridu jitwettqu l-kontrolli uffiċjali fuq il-produzzjoni ta' dawn il-Pectinidae, il-gasteropodi tal-baħar u l-Holothuroidea li mhumiex organiżmi filtraturi.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti derogi speċifiċi għall-kontrolli uffiċjali fir-rigward tar-Rangifer tarandus tarandus (ir-renna), il-Lagopus lagopus u l-Lagopus mutus (il-faġan) sabiex titħalla l-kontinwazzjoni ta' prattiki u drawwiet lokali u tradizzjonali li ilhom għaddejjin għal ħafna żmien.

(15)

B'konformità mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, l-Istati Membri tħallew jadottaw miżuri nazzjonali biex jippermettu l-użu kontinwu ta' metodi tradizzjonali jew biex jakkomodaw il-bżonnijiet tan-negozju tal-ikel bi throughput baxx jew li jinsabu f'reġjuni li huma soġġetti għal restrizzjonijiet ġeografiċi speċjali. Fuq din il-bażi, l-Iżvezja u l-Finlandja għarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'miżuri nazzjonali b'derogi speċifiċi minn ċerti rekwiżiti għal kontrolli uffiċjali fuq il-laħam tar-renni u l-laħam tal-faġani. Billi r-Regolament (UE) 2017/625 ma għadux jippermetti adattament bħal dan minn miżuri nazzjonali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti derogi f'dan ir-Regolament għal kontrolli uffiċjali li jkopru r-renni u l-faġani sabiex ikunu jistgħu jissoktaw il-prattiki u d-drawwiet lokali u tradizzjonali li ilhom għaddejjin għal ħafna żmien u li ma jaffettwawx il-kisba tal-objettivi tar-Regolament (UE) 2017/625.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi rekwiżiti minimi speċifiċi għall-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti u għall-veterinarji uffiċjali u għall-awżiljarji uffiċjali involuti fil-kontrolli uffiċjali u ċerti attivitajiet uffiċjali oħra. Dan jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti minimi tat-taħriġ għall-persunal tal-biċċerija involut fil-kontrolli uffiċjali u ċerti attivitajiet ta' kontroll oħra.

(17)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rewkiżiti minimi speċifiċi għall-veterinarji uffiċjali, għall-awżiljarji uffiċjali u persunal ieħor maħtur mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jinżamm livell għoli u adegwat tal-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom u għalhekk jiġi żgurat livelli għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, tas-saħħa tal-annimali u tat-trattament xieraq tal-annimali. Dawn jenħtieġ li jinkludu rekwiżiti minimi tat-taħriġ speċifiċi. Jenħtieġ li tiġi pprovduta biżżejjed flessibbiltà biex ir-rekwiżit jiġi adattat għall-kompiti li se jitwettqu b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza tax-xogħol.

(18)

Sabiex jinżamm livell għoli u adegwat tal-prestazzjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll rekwiżiti minimi tat-taħriġ xierqa għall-persunal tal-biċċerija li jassisti fit-twettiq ta' kompiti relatati mal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet ta' kontroll oħra stabbiliti fir-Regolament.

(19)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 b'effett mill-14 ta' Diċembru 2019, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi li jikkonċernaw it-twettiq tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 mwettqa fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali.

Dawk ir-regoli speċifiċi jkopru:

(a)

il-kriterji u l-kundizzjonijiet biex jiġi determinat

(i)

meta l-ispezzjoni ante-mortem f'ċerti biċċeriji tista' titwettaq taħt is-superviżjoni jew taħt ir-responsabbiltà ta' veterinarju uffiċjali;

(ii)

meta l-ispezzjoni ante-mortem tista' titwettaq barra mill-biċċerija f'każ ta' tbiċċir b'emerġenza;

(iii)

meta l-ispezzjonijiet ante-mortem jistgħu jitwettqu fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali;

(iv)

il-garanziji li jridu jkunu fis-seħħ għat-twettiq ta' spezzjonijiet post-mortem u attivitajiet ta' awditjar taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali kif imsemmija fl-Artikolu 18(2)(c) u (d) tar-Regolament (UE) 2017/625;

(v)

derogi mill-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2017/625 rigward il-klassifikazzjoni taż-żoni ta' produzzjoni u fejn jinżammu l-molluski b'rabta mal-Pectinidae, il-gasteropodi tal-baħar u l-Holothuroidea;

(vi)

meta l-kontrolli uffiċjali fl-impjanti tat-tqattigħ jistgħu jitwettqu minn persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop u li hu mħarreġ kif xieraq;

(b)

l-istabbiliment ta' derogi speċifiċi fir-rigward tar-Rangifer tarandus tarandus, il-Lagopus lagopus u l-Lagopus mutus sabiex ikunu jistgħu jissoktaw id-drawwiet u l-prattiki lokali u tradizzjonali li ilhom għaddejjin għal ħafna żmien;

(c)

l-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi speċifiċi, inklużi rekwiżiti tat-taħriġ għall-veterinarju uffiċjali, l-awżiljarju uffiċjali u l-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti, biex jiġi żgurat it-twettiq adegwat tal-kompiti deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d)

l-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi tat-taħriġ xierqa għall-persunal tal-biċċerija li jassisti fit-twettiq tal-kompiti deskritti fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“biċċerija” tfisser biċċerija kif definita fil-punt 1.16 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(2)

“azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali” tfisser l-azjenda fejn l-aħħar li ġew imrobbija l-annimali. Fil-każ ta' ċriev semidomestikati kif definiti fil-punt 2(q) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), din tinkludi raggruppamenti maħsuba biex jintgħażlu l-annimali għat-tbiċċir;

(3)

“żona ta' produzzjoni” tfisser żona ta' produzzjoni kif iddefinita fil-punt 2.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(4)

“żona fejn jinżammu l-molluski” tfisser arja ta' ripożizzjoni kif iddefinita fil-paragrafu 2.6 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(5)

“persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti” tfisser persuna minbarra l-awżiljarju uffiċjali u l-veterinarju uffiċjali, li hi kkwalifikata skont dan ir-Regolament biex taġixxi f'tali kariga f'impjanti tat-tqattigħ u li l-awtoritajiet kompetenti jassenjawlha t-twettiq ta' azzjonijiet speċifiċi;

(6)

“analiżi tar-riskju” tfisser analiżi tar-riskju kif iddefinita fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(7)

“impjant tat-tqattigħ” tfisser impjant tat-tqattigħ kif iddefinit fil-punt 1.17 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(8)

“pollam” tfisser pollam kif iddefinit fil-punt 1.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(9)

“lagomorfi” tfisser lagomorfi kif iddefiniti fil-punt 1.4 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(10)

“operatur ta' negozju tal-ikel” tfisser operatur ta' negozju tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(11)

“ungulati domestiċi” tfisser ungulati domestiċi kif iddefiniti fil-punt 1.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(12)

“laħam” tfisser laħam kif iddefinit fil-punt 1.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(13)

“kaċċa mrobbija” tfisser kaċċa mrobbija kif iddefinita fil-punt 1.6 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(14)

“konsumatur finali” tfisser konsumatur finali kif iddefinit fl-Artikolu 3(18) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(15)

“bejjiegħ bl-imnut” tfisser bejjiegħ bl-imnut kif iddefinit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(16)

“stabbiliment” tfisser stabbiliment kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(17)

“Biċċerija b'kapaċità baxxa” tfisser biċċerija identifikata mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u li fiha jsir it-tbiċċir biss matul parti mill-ġurnata tax-xogħol jew isir matul il-ġurnata tax-xogħol kollha iżda mhux f'kull ġurnata fil-ġimgħa tax-xogħol;

(18)

“Biċċerija li tipproċessa l-kaċċa b'kapaċità baxxa” tfisser stabbiliment li jimmaniġġja l-annimali tal-kaċċa identifikat mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju u li fih l-immaniġġjar tal-annimali tal-kaċċa jsir biss matul parti mill-ġurnata tax-xogħol jew isir matul il-ġurnata tax-xogħol kollha iżda mhux f'kull ġurnata tax-xogħol tal-ġimgħa;

(19)

“unità ta' bhejjem” tfisser unità ta' bhejjem kif iddefinita fl-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009;

(20)

“kaċċa salvaġġa żgħira” tfisser kaċċa salvaġġa żgħira kif iddefinita fil-punt 1.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(21)

“stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa” tfisser stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa kif iddefinit fil-punt 1.18 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(22)

“ċentru ta' spedizzjoni” tfisser ċentru ta' spedizzjoni kif iddefinit fil-punt 2.7 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(23)

“molluski bivalvi” tfisser molluski bivalvi kif iddefiniti fil-punt 2.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(24)

“ipproċessar” tfisser ipproċessar kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(m) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

(25)

“interjuri” tfisser interjuri kif iddefinit fil-punt 1.12 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(26)

“produzzjoni primarja” tfisser produzzjoni primarja kif iddefinita fl-Artikolu 3(17) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(27)

“azjenda ta' produzzjoni tal-ħalib” tfisser azjenda ta' produzzjoni tal-ħalib kif iddefinit fil-punt 4.2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 3

Il-kriterji l-kundizzjonijiet li jistabbilixxu meta l-ispezzjonijiet ante-mortem f'ċerti biċċeriji jistgħu jitwettqu minn awżiljarju uffiċjali

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-ispezzjonijiet ante-mortem jistgħu jitwettqu biss minn awżiljarju uffiċjali taħt is-superviżjoni tal-veterinarju uffiċjali fuq speċijiet minbarra l-pollam u l-lagomorfi, sakemm il-proċeduri applikati fil-biċċerija jikkonformaw mal-kriterji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kompiti fi ħdan l-ispezzjonijiet ante-mortem huma ta' natura purament prattika u jikkonċernaw biss waħda jew iktar minn dawn li ġejjin:

(i)

verifika li l-operatur ta' negozju tal-ikel jikkonforma mar-rekwiżiti relatati ma' informazzjoni tal-katina alimentari u mal-verifika tal-identità tal-annimal;

(ii)

l-għażla minn qabel ta' annimali li juru anormalitajiet possibbli fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali;

(b)

il-veterinarju uffiċjali jiġi infurmat immedjatament mill-awżiljarju uffiċjali li qed iwettaq l-ispezzjoni meta anormalitajiet possibbli jiġu osservati jew issuspettati u mbagħad il-veterinarju uffiċjali jwettaq l-ispezzjoni ante-mortem fuq il-post; u

(c)

il-veterinarju uffiċjali regolarment jivverifika li l-awżiljarju uffiċjali qed iwettaq il-kompiti tiegħu/tagħha kif suppost.

2.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-ispezzjonijiet ante-mortem jistgħu jitwettqu biss minn awżiljarju uffiċjali f'biċċerija taħt is-superviżjoni tal-veterinarju uffiċjali, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

diġà twettqet spezzjoni ante-mortem mill-veterinarju uffiċjali fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali b'konformità mal-Artikolu 5;

(b)

il-veterinarju uffiċjali jiġi infurmat immedjatament mill-awżiljarju uffiċjali li qed iwettaq l-ispezzjoni meta anormalitajiet possibbli jiġu osservati jew issuspettati u mbagħad il-veterinarju uffiċjali jwettaq l-ispezzjoni ante-mortem fuq il-post;

u

(c)

il-veterinarju uffiċjali regolarment jivverifika li l-awżiljarju uffiċjali qed iwettaq il-kompiti tiegħu/tagħha kif suppost.

3.   Id-derogi fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw:

(a)

għal annimali li jsirilhom qtil b'emerġenza kif imsemmi fil-Kapitolu VI tat-Taqsima I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b)

għal annimali suspettati li għandhom marda jew kundizzjoni li tista' taffettwa b'mod avvers is-saħħa tal-bniedem;

(c)

għal annimali bovini minn merħliet li ma ġewx iddikjarati uffiċjalment li huma ħielsa mit-tuberkulożi jew l-istatus uffiċjalment liberu li ġie sospiż;

(d)

għal annimali bovini minn merħliet u għal annimali ovini u kaprini minn azjendi li ma ġewx iddikjarati uffiċjalment li huma ħielsa mill-bruċellożi jew l-istatus uffiċjalment liberu li ġie sospiż;

(e)

f'każ ta' tifqigħa ta' mard tal-annimali f'annimali li ġejjin minn reġjun kif iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (9), li fih jiġu applikati restrizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(f)

għal annimali soġġetti għal kontrolli aktar stretti minħabba t-teħid ta' mard emerġenti jew mard partikolari mniżżel mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

Artikolu 4

Il-kriterji u l-kundizzjonijiet li jistabbilixxu meta jistgħu jitwettqu spezzjonijiet ante-mortem barra mill-biċċerija f'każ ta' tbiċċir b'emerġenza

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-veterinarju uffiċjali jista' jwettaq spezzjonijiet ante-mortem barra mill-biċċerija fil-każ ta' tbiċċir b'emerġenza, fil-każ ta' ungulati domestiċi biss u soġġett għall-konformità mar-rekwiżiti għall-qtil b'emerġenza stabbiliti fil-punti (1), (2) u (6) tal-Kapitolu VI tat-Taqsima I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Se jinħareġ mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness V tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 (10) għal annimali lesti għat-tbiċċir. Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jakkumpanja lill-annimali sal-biċċerija jew jintbagħat minn qabel fi kwalunkwe format. Kwalunkwe osservazzjoni rilevanti għal spezzjoni tal-laħam sussegwenti għandha tiġi rrekordjata fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa.

Artikolu 5

Il-kriterji u l-kundizzjonijiet ġenerali li jistabbilixxu meta jistgħu jitwettqu spezzjonijiet ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtorità kompetenti tista' tippermetti li l-ispezzjonijiet ante-mortem fuq annimali maħsuba għat-tibiċċir jitwettqu fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali b'konformità mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 6.

2.   Għandhom jiġu applikati l-kriterji u l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-ispeċijiet kollha:

(a)

il-verifiki tar-rekords jew id-dokumentazzjoni fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali, inkluż il-verifika tal-informazzjoni tal-katina alimentari, għandhom jitwettqu;

(b)

l-eżaminazzjoni individwali tal-annimali għandha tiġi ffaċilitata mill-operatur tan-negozju tal-ikel jekk meħtieġ;

(c)

l-ispezzjonijiet ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali għandhom jinkludu eżaminazzjoni fiżika tal-annimali biex jiġi determinat jekk:

(i)

għandhomx marda jew kundizzjoni li tista' tiġi trażmessa lill-annimali jew lill-bnedmin permezz tat-trattament jew il-konsum tal-laħam ta' annimali bħal dawn, jew jekk humiex iġibu ruħhom tajjeb, b'mod individwali jew kollettiv, b'mod li jindika li tali marda seħħet;

(ii)

jurux disturb ġenerali fl-imġiba, sinjali ta' mard jew anormalitajiet li jistgħu jwasslu biex il-laħam ta' annimali bħal dawn ma jkunx tajjeb għall-konsum mill-bniedem;

(iii)

hemmx evidenza jew raġuni biex wieħed jissusspetta li l-annimali jista' jkun fihom residwi kimiċi ogħla mil-livelli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew residwi ta' sustanzi pprojbiti;

(iv)

jurux sinjali li jindikaw problemi relatati mat-trattament xieraq tal-annimali, inkluż ħmieġ eċċessiv;

(v)

humiex f'kundizzjoni li jiġu trasportati.

(d)

il-verifiki u l-ispezzjoni ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali msemmija f'(a), (b) u (c) għandhom jitwettqu minn veterinarju uffiċjali;

(e)

l-annimali li jinsabu f'kundizzjoni li jitbiċċru għandhom jiġu identifikati u sseparati b'mod xieraq minn annimali oħra u jintbagħtu fil-biċċerija direttament mill-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali;

(f)

se jinħareġ ċertifikat tas-saħħa kif stabbilit f'Parti I tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/628 għall-annimali lesti għat-tbiċċir. Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jakkumpanja lill-annimali sal-biċċerija jew jintbagħat minn qabel fi kwalunkwe format. Kwalunkwe osservazzjoni rilevanti għal spezzjoni tal-laħam sussegwenti għandha tiġi rrekordjata fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa.

3.   Fil-biċċerija l-verifiki addizzjonali li ġejjin għandhom jitwettqu b'konformità mal-Artikolu 18(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament:

(a)

verifika regolari tal-obbligu tal-operaturi ta' negozju tal-ikel li jiżguraw li l-annimali jiġu identifikati kif xieraq;

(b)

verifika regolari li r-regoli tat-trattament xieraq tal-annimali ġew osservati waqt it-trasport u mal-wasla fil-biċċerija u jekk hemmx sinjali ta' kwalunkwe kundizzjoni li tista' taffettwa b'mod avvers is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

4.   F'każ li l-annimali ma jiġux imbiċċra fi żmien tlett ijiem, jew 28 ġurnata fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(5), mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fil-paragrafu 2(f):

(a)

meta l-annimali ma jkunux intbagħtu mill-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali għall-biċċerija, għandha titwettaq spezzjoni ante-mortem addizzjonali u għandu jinħareġ ċertifikat tas-saħħa ġdid;

(b)

meta l-annimali jkunu diġà jinsabu fi triqthom lejn jew huma fil-biċċerija, it-tbiċċir jista' jiġi awtorizzat ladarba r-raġuni għad-dewmien tkun ġiet ivvalutata, sakemm l-annimali ssirilhom spezzjoni ante-mortem addizzjonali b'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (11).

Artikolu 6

Il-kriterji u l-kundizzjonijiet speċifiċi li jistabbilixxu meta jistgħu jitwettqu spezzjonijiet ante-mortem fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan l-Artikolu fil-każijiet rilevanti ta' pollam u kaċċa mrobbija.

2.   Fil-każ ta' pollam imrobbi għall-produzzjoni tal-“foie gras” u ta' pollam bl-interjuri mneħħija mdewma u mbiċċra fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali, iċ-ċertifikat ippreparat b'konformità mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Parti II tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/628, għandu jakkumpanja l-karkassi bl-interjuri mhux imneħħija lejn il-biċċerija jew l-impjant tat-tqattigħ jew jintbagħat minn qabel fi kwalunkwe format, minflok iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 2(f) tal-Artikolu 5.

3.   Fil-każ tal-kaċċa mrobbija mbiċċra fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali b'konformità mal-punt 3 tat-Taqsima III tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, iċ-ċertifikat ippreparat b'konformità mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Parti III tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/628 għandu jakkumpanja l-annimali lejn il-biċċerija jew jintbagħat minn qabel fi kwalunkwe format, minflok iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 2(f) tal-Artikolu 5.

4.   Fil-każ ta' kaċċa mrobbija mbiċċra fl-azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali b'konformità mal-punt 3(a) tat-Taqsima III tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004:

(a)

ċertifikat ippreparat b'konformità mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Parti IV tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/628 għandu jakkumpanja l-annimali lejn il-biċċerija jew jintbagħat minn qabel fi kwalunkwe format, minflok iċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 2(f) tal-Artikolu 5;

(b)

il-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika b'mod regolari li dawk li jwettqu t-tbiċċir u l-iżvinar jwettqu l-kompiti tagħhom kif suppost.

5.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5(4), l-Istati Membri jistgħu jippermettu t-tbiċċir ta' kaċċa mrobbija sa 28 jum mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fl-Artikolu 5(2)(f) jekk:

(a)

kwantitajiet żgħar biss tal-laħam tal-kaċċa mrobbija jiġu fornuti direttament mill-produttur lill-konsumatur finali jew lil stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut lokali li jfornu direttament lill-konsumatur finali; u

(b)

mhux aktar minn 50 annimal imbiċċer kull sena u f'kull azjenda minn fejn joriġinaw l-annimali.

Artikolu 7

Il-kriterji u l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta' spezzjonijiet post-mortem taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali kif imsemmi fl-Artikolu 18(2)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625

(1)   L-ispezzjonijiet post-mortem imsemmija fl-Artikolu 18(2)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625 jistgħu jitwettqu minn awżiljarju uffiċjali taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali, soġġett għall-konformità mal-Kapitolu II tal-Anness II ta' dan ir-Regolament, meta jiġu ssodisfati l-kriterji u l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tbiċċir jew l-attivitajiet ta' pproċessar tal-kaċċa jitwettqu f'biċċerija b'kapaċità baxxa jew fi stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa li jbiċċer jew jipproċessa:

(i)

anqas minn 1 000 unità ta' bhejjem kull sena; jew

(ii)

anqas minn 150 000 pollam, lagomorfi u kaċċa salvaġġa żgħira kull sena;

(b)

l-awtorità kompetenti tista' żżid il-limiti stabbiliti fil-punt (a) biex tiżgura li d-deroga tiġi applikata fl-iżgħar biċċeriji u stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa li jikkonformaw mad-definizzjoni ta' biċċerija b'kapaċità baxxa jew stabbiliment li jipproċessa l-kaxxa u sakemm il-produzzjoni annwali kkombinata ta' dawn l-istabbilimenti ma taqbiżx il-5 % tal-ammont totali ta' laħam frisk prodott fi Stat Membru:

(i)

għall-ispeċijiet ikkonċernati;

(ii)

tal-ungulati kollha flimkien;

(iii)

tal-pollam kollha flimkien; jew,

(iv)

tal-għasafar u l-lagomorfi kollha flimkien;

f'każ bħal dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu din id-deroga u l-evidenza li tappoġġjaha b'konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(c)

l-istabbiliment ikkonċernat għandu biżżejjed faċilitajiet biex jaħżen laħam b'anormalitajiet xi mkien separat minn laħam ieħor sakemm il-veterinarju uffiċjali jkun jista' jispezzjona l-laħam b'anormalitajiet fuq il-post;

(d)

il-veterinarju uffiċjali jkun preżenti fl-istabbiliment mill-inqas darba kuljum, inkluż b'mod regolari matul l-attivitajiet ta' tbiċċir;

(e)

l-awtorità kompetenti poġġiet fis-seħħ proċedura biex tivvaluta fuq bażi regolari l-prestazzjoni ta' awżiljarji uffiċjali f'dawn l-istabbilimenti, inklużi:

(i)

monitoraġġ tal-prestazzjoni individwali;

(ii)

verifika tad-dokumentazzjoni dwar is-sejbiet tal-ispezzjoni u t-tqabbil tagħha mal-karkassi korrispondenti;

(iii)

verifiki tal-karkassi fil-kamra tal-ħażna;

(f)

twettqet analiżi tar-riskju mill-awtorità kompetenti, li kkunsidrat mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(i)

l-għadd ta' annimali mbiċċra jew ipproċessati kull siegħa jew kuljum;

(ii)

l-ispeċi u l-klassi ta' annimali mbiċċra jew ipproċessati;

(iii)

it-throughput tal-istabbiliment;

(iv)

it-twettiq storiku tat-tbiċċir jew tal-attivitajiet tal-ipproċessar;

(v)

l-effettività ta' kwalunkwe miżura addizzjonali fil-katina alimentari li ttieħdet biex tiġi garantita s-sikurezza tal-ikel tal-annimali maħsuba għat-tbiċċir;

(vi)

l-effettività tal-proċeduri bbażati fuq l-analiżi tal-perikli u l-punti kritiċi ta' kontroll (l-HACCP);

(vii)

ir-rekords tal-awditjar;

(viii)

ir-rekords storiċi tal-awtorità kompetenti tal-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem.

(2)   Għall-iskop tal-punt (a) (i) tal-paragrafu 1, għandhom jintużaw ir-rati ta' konverżjoni stabbiliti fl-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009. Madankollu, f'każ ta' annimali ovini u kaprini u Cervidae żgħar (< 100 kg piż ħajja) għandha tintuża rata ta' konverżjoni ta' 0,05 unità ta' bhejjem, u f'każ ta' kaċċa kbira għandha tintuża rata ta' konverżjoni ta' 0,2 unità ta' bhejjem.

Artikolu 8

It-twettiq ta' spezzjonijiet post-mortem mill-veterinarju uffiċjali

L-ispezzjoni post-mortem għandha ssir mill-veterinarju uffiċjali fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-annimali li jsirilhom qtil b'emerġenza kif imsemmi fil-Kapitolu VI tat-Taqsima I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b)

l-annimali suspettati li għandhom marda jew kundizzjoni li tista' taffettwa b'mod avvers is-saħħa tal-bniedem;

(c)

l-annimali bovini minn merħliet li ma ġewx iddikjarati uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi;

(d)

l-annimali bovini, ovini u kaprini minn merħliet li ma ġewx iddikjarati uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi;

(e)

it-tifqigħat ta' mard tal-annimali li għalih hemm stabbiliti regoli dwar is-saħħa tal-annimali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Din tikkonċerna annimali suxxettibbli għall-marda partikolari li jiġu mir-reġjun partikolari kif definit fl-Artikolu 2(2)(p) tad-Direttiva 64/432/KEE;

(f)

meta jkunu meħtieġa kontrolli aktar stretti biex jikkunsidraw mard emerġenti jew mard partikolari mniżżel mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali;

(g)

f'każ ta' deroga dwar il-ħin tal-ispezzjoni post-mortem b'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/627.

Artikolu 9

Il-kriterji u l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-attivitajiet ta' awditjar fil-biċċeriji u fl-istabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa

L-attivitajiet tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 18(2)(d)(iii) tar-Regolament (UE) 2017/625 jistgħu jitwettqu f'biċċeriji jew fi stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa minn awżiljarji uffiċjali taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali biss fir-rigward tal-ġbir tal-informazzjoni dwar il-prattiki ta' iġjene tajba u proċeduri bbażati fuq l-HACCP, u soġġetti għall-konformità mal-Kapitolu II tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Il-kriterji u l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali inklużi attivitajiet ta' awditjar fl-impjanti tat-tqattigħ

Il-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 18(2)(d), inklużi attivitajiet ta' awditjar, f'impjanti tat-tqattigħ jistgħu jitwettqu wkoll minn persunal ieħor maħtur mill-awtoritajiet kompetenti, permezz ta' deroga mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/625, sakemm l-awtoritajiet kompetenti jiċċekkjaw ix-xogħol ta' tali persunal regolarment. It-twettiq ta' dawn l-attivitajiet hu soġġett għall-konformità mal-Kapitolu III tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Il-kontrolli uffiċjali fuq il-Pectinidae u l-gasteropodi tal-baħar u l-Holothuroidea, li mhumiex organiżmi filtraturi, li jinħasdu minn żoni tal-produzzjoni li mhumiex ikklassifikati b'konformità mal-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2017/625

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-klassifikazzjoni taż-żoni ta' produzzjoni u fejn jinżammu l-molluski mhix meħtieġa b'rabta mal-ħsad tal-Pectinidae, il-gasteropodi tal-baħar u l-Holothuroidea, li mhumiex organiżmi filtraturi, meta l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali fuq tali annimali fi rkanti tal-ħut, ċentri ta' spedizzjoni u stabbilimenti tal-ipproċessar.

Tali kontrolli uffiċjali għandhom jivverifikaw il-konformità ma':

(a)

l-istandards tas-saħħa għal molluski bivalvi ħajjin stabbiliti fil-Kapitolu V tat-Taqsima VII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b)

ir-rekwiżiti speċifiċi għall-Pectinidae u l-gasteropodi tal-baħar u l-Holothuroidea li mhumiex organiżmi filtraturi, li jinħasdu barra miż-żoni ta' produzzjoni kklassifikati, stabbiliti fil-Kapitolu IX ta' dik it-Taqsima.

Artikolu 12

Derogi speċifiċi fir-rigward tar-Rangifer tarandus tarandus, il-Lagopus lagopus u l-Lagopus mutus, kif previst fl-Artikolu 18(7)(h) tar-Regolament (UE) 2017/625

1.   B'konformità mal-Artikolu 18(7)(h) tar-Regolament (UE) 2017/625, id-derogi speċifiċi li ġejjin mir-rekwiżiti ta' kontroll uffiċjali għar-Rangifer tarandus tarandus (ir-renna) li huma stabbiliti fl-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament jistgħu jingħataw mill-Iżvezja u l-Finlandja fir-rigward taż-żoni ta' dawk l-Istati Membri mniżżla fl-Anness I ta' dan ir-Regolament mingħajr ma tiġi affettwata l-kisba tal-objettivi ta' dak ir-Regolament:

(a)

permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-kontrolli uffiċjali ma għandhomx ikunu meħtieġa fuq laħam idderivat mir-Rangifer tarandus tarandus, fejn ikun fornut direttament mill-produttur f'ammonti żgħar lill-konsumatur finali jew lil stabbilimenti tal-bejgħ lokali li jfornu direttament lill-konsumatur finali;

(b)

permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, spezzjoni ante-mortem mhix mandatorja għal renni li jgħixu barra mbiċċra individwalment bejn l-1 ta' Mejju u t-30 ta' Settembru;

(c)

permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(2)(c) u (3) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-persunal tal-biċċerija li rċieva taħriġ xieraq għal dan il-kompitu b'konformità mal-Artikolu 14 jista' jispezzjona:

(i)

l-interjuri addominali minbarra l-fwied u l-kliewi;

(ii)

l-organi ġenitali;

(iii)

il-bżieżel.

2.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, il-kontrolli uffiċjali ma għandhomx ikunu meħtieġa fuq laħam idderivat mil-Lagopus lagopus u l-Lagopus mutus (il-faġani), fejn jinqatlu permezz ta' nases fil-kontej Żvediżi ta' Norrbotten, Västerbotten u Jämtland u l-muniċipalità Żvediża ta' Älvdalen fil-kontea ta' Dalarna matul l-istaġun tal-kaċċa tax-xitwa.

Artikolu 13

Rekwiżiti minimi speċifiċi għall-veterinarju uffiċjali, l-awżiljarju uffiċjali u l-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti

1.   Veterinarji uffiċjali li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/625 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi minimi stabbiliti fil-Kapitolu I tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Permezz ta' deroga mir-regoli stabbiliti fil-punti 1 sa 6 tal-Kapitolu I tal-Anness II, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għal:

(a)

veterinarji uffiċjali li jaħdmu fuq bażi part-time li huma responsabbli għall-ispezzjoni ta' negozji żgħar jew li jwettqu biss kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni primarja, b'mod partikolari f'azjendi tal-produzzjoni tal-ħalib u spezzjonijiet ante-mortem barra mill-biċċeriji; u

(b)

studenti veterinarji li għaddew minn eżami fuq is-suġġetti msemmija fil-punt 3 tal-Kapitolu I tal-Anness II u li qed jaħdmu temporanjament f'biċċerija fil-preżenza ta' veterinarju uffiċjali.

2.   Veterinarji li jkunu diġà nħatru bħala veterinarji uffiċjali qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkollhom għarfien adegwat tas-suġġetti msemmija fil-punt 3 tal-Kapitolu I tal-Anness II ta' dan ir-Regolament. Fejn neċessarju, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tali għarfien jinkiseb permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ kontinwu.

3.   L-awżiljarji uffiċjali li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/625 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi minimi stabbiliti fil-Kapitolu II tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti li jwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi minimi stabbiliti fil-Kapitolu III tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Rekwiżiti minimi tat-taħriġ għall-persunal tal-biċċerija

Il-persunal tal-biċċerija li jassisti fit-twettiq ta' kompiti relatati ma' kontrolli uffiċjali u attivitàjiet ta' kontroll oħra b'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jiġi mħarreġ għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti. Għandu jikkonforma wkoll mar-rekwiżiti minimi tat-taħriġ stabbiliti fil-Kapitolu II tal-Anness II ta' dan ir-Regolament sal-punt rilevanti għall-kompiti tal-assistenza tagħhom.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977).

(10)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/628 tat-8 ta' April 2019 li jikkonċerna mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali għal ċerti annimali u oġġetti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/759 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati (ara l-paġna 101 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem b'konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ara l-paġna 51 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-9 ta' Settembru 2015 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).


ANNESS I

DEROGI SPEĊIFIĊI GĦALL-ISPEZZJONI TAL-LAĦAM LI JORIĠINA MIR-RENNI (IR-RANGIFER TARANDUS TARANDUS)

Id-derogi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom japplikaw biss fiż-żoni li ġejjin:

(a)

Fl-Iżvezja:

(i)

il-kontea ta' Norrbotten;

(ii)

il-kontea ta' Västerbotten;

(iii)

il-kontea ta' Jämtland;

(iv)

il-kontea ta' Västernorrland;

(v)

il-muniċipalità ta' Älvdalen fil-kontea ta' Dalarna;

(vi)

il-muniċipalitajiet ta' Nordanstig, Hudiksvall u Söderhamn fil-kontea ta' Gävleborg.

(b)

Fil-Finlandja, kif ġew permessi fil-31 ta' Diċembru 2014:

(i)

il-kontea ta' Lapland minbarra l-muniċipalitajiet ta' Kemi, Keminmaa u Tornio;

(ii)

il-kontej ta' Ostrobothnia ta' Fuq u Kainuu:

il-muniċipalitajiet ta' Kuusamo, Taivalkoski, Pudasjärvi, Suomussalmi u Hyrynsalmi;

fil-muniċipalità ta' Oulu: iż-żona tal-eks muniċipalità ta' Yli-Ii u ż-żona fit-Tramuntana tax-Xmara Kiiminkijoki fl-eks muniċipalità ta' Ylikiiminki;

fil-muniċipalità ta' Ii: iż-żona tal-eks muniċipalità ta' Kuivaniemi;

fil-muniċipalitajiet ta' Puolanka u Utajärvi: iż-żoni fit-Tramuntana tax-Xmara Kiiminkijoki u t-triq reġjonali 891 (Hyrynsalmi-Puolanka).


ANNESS II

REKWIŻITI MINIMI SPEĊIFIĊI GĦALL-VETERINARJU UFFIĊJALI, L-AWŻILJARJU UFFIĊJALI U L-PERSUNAL MAĦTUR MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI

KAPITOLU I

VETERINARJI UFFIĊJALI

1.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru biss bħala veterinarju uffiċjali veterinarji li għaddew minn test li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3.

2.

L-awtoritajiet kompetenti jridu jagħmlu l-arranġamenti għat-test għall-kandidati li japplikaw biex jinħatru bħala veterinarju uffiċjali.

3.

It-test irid juri li l-kandidati għandhom għarfien tas-suġġetti li ġejjin, immirati speċifikament għall-kompiti tal-veterinarju uffiċjali u sal-punt neċessarju skont l-isfond u l-kwalifiki tal-veterinarju filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' testijiet fuq l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għal kirurgu veterinarju skont l-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2005/36 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1):

(a)

il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza tal-ikel, it-trattament xieraq tal-annimali u s-sustanzi farmaċewtiċi;

(b)

il-prinċipji tal-politika agrikola komuni, il-miżuri tas-suq, ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-kxif tal-frodi, inkluż il-kuntest globali: il-ftehim sanitarju u fitosanitarju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-Codex Alimentarius, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali;

(c)

il-punti essenzjali tal-ipproċessar tal-ikel u t-teknoloġija alimentari;

(d)

il-prinċipji, il-kunċetti u l-metodi ta' prattika tal-manifattura tajba u mmaniġġjar tal-kwalità;

(e)

l-immaniġġjar ta' kwalità qabel il-ħsad (prattiki agrikoli tajba);

(f)

il-promozzjoni u l-użu tal-iġjene tal-ikel, is-sikurezza relatata mal-ikel (prattiki ta' iġjene tajba);

(g)

il-prinċipji, il-kunċetti u l-metodi tal-analiżi tar-riskju;

(h)

il-prinċipji, il-kunċetti u l-metodi tal-HACCP, l-użu tal-HACCP tul il-katina alimentari tal-produzzjoni tal-ikel;

(i)

l-awditjar u l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punti a) sa h);

(j)

il-prevenzjoni u l-kontroll ta' perikli għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-ikel;

(k)

id-dinamika tal-popolazzjoni tal-infezzjoni u l-intossikazzjoni;

(l)

l-epidemjoloġija dijanjostika;

(m)

is-sistemi ta' monitoraġġ u sorveljanza;

(n)

il-prinċipji u l-applikazzjonijiet dijanjostiċi ta' metodi moderni tal-ittestjar;

(o)

it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fejn rilevanti bħala għodod ta' ħidma;

(p)

it-trattament tad-data u l-applikazzjonijiet tal-bijostatistika;

(q)

l-investigazzjonijiet ta' tifqigħat ta' mard fil-bnedmin li jirriżulta mill-ikel;

(r)

l-aspetti rilevanti li jikkonċernaw l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (it-TSEs);

(s)

it-trattament xieraq tal-annimali fil-livell tal-produzzjoni, it-trasport u t-tbiċċir;

(t)

il-problemi ambjentali relatati mal-produzzjoni tal-ikel (inkluż l-immaniġġjar tal-iskart);

(u)

il-prinċipju ta' prekawzjoni u t-tħassib tal-konsumaturi;

(v)

il-prinċipji tat-taħriġ tal-persunal li jaħdem fil-katina tal-produzzjoni;

(w)

ir-regoli tas-saħħa fir-rigward tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati;

(x)

l-aspetti ta' frodi.

Il-kandidati jistgħu jiksbu l-għarfien meħtieġ bħala parti mit-taħriġ bażiku tagħhom għall-veterinarji, jew permezz ta' taħriġ li jagħmlu jew esperjenza professjonali li jiksbu wara li jikkwalifikaw bħala veterinarji.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li kandidat kiseb l-għarfien kollu meħtieġ bħala parti minn lawrja tal-università, jew permezz tat-tkomplija tal-edukazzjoni li twassal għal kwalifika postgradwatorja, esperjenza professjonali jew kwalifiki oħra, dawn għandhom jirrinunzjaw il-ħtieġa li jsir test. Jekk il-kandidat ikun kiseb parzjalment l-għarfien meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu l-arranġamenti għal testijiet differenti minn dawk imsemmija fil-punt 2 li jikkunsidraw l-isfond tal-kandidati.

4.

Il-veterinarju uffiċjali jrid ikollu l-kapaċità għal kooperazzjoni multidixxiplinarja.

5.

Kull veterinarju uffiċjali jrid jgħaddi minn taħriġ prattiku għal perjodu ta' probazzjoni ta' mill-inqas 200 siegħa qabel ma jibda jaħdem b'mod indipendenti. Taħriġ rilevanti waqt l-istudji veterinarji jista' jiġi inkluż fil-perjodu ta' probazzjoni. Matul dan il-perjodu, il-perjodu taħt probazzjoni jrid jaħdem taħt is-superviżjoni ta' veterinarji uffiċjali eżistenti fil-biċċeriji, fl-impjanti tat-tqattigħ u fl-azjendi. It-taħriġ irid jikkonċerna l-awditjar tal-Prattiki ta' Iġjene Tajba u l-proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP, b'mod partikolari.

6.

Il-veterinarju uffiċjali jrid iżomm ruħu aġġornat u jibqa' infurmat dwar żviluppi ġodda permezz ta' attivitajiet regolari ta' tkomplija tal-edukazzjoni u ta' pubblikazzjonijiet professjonali fl-oqsma msemmija fil-punt 3. Meta jkun possibbli, il-veterinarju uffiċjali jrid iwettaq attivitajiet ta' tkomplija tal-edukazzjoni kull sena.

7.

Ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet għall-veterinarji uffiċjali bejn l-Istati Membri jenħtieġ li japplika, meta l-professjonisti jaqbżu l-fruntieri jew ikunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. F'każ bħal dan it-testijiet jenħtieġ li jiġu llimitati għal suġġetti essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-annimali fl-Istati Membri tal-impjieg, iżda mhux koperti mit-testijiet fl-Istat Membru tal-oriġini.

KAPITOLU II

AWŻILJARJU UFFIĊJALI

1.

Il-persuni li ġew imħarrġa u għaddew minn test b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 5 biss jistgħu jwettqu l-kompiti ta' awżiljarju uffiċjali.

2.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu l-arranġamenti għat-testijiet imsemmija fil-punt 1. Sabiex ikunu eliġibbli għal dawn it-testijiet, il-kandidati jridu juru prova li rċevew:

(a)

mill-inqas 500 siegħa ta' taħriġ, inkluż mill-inqas 400 siegħa ta' taħriġ prattiku, li jkopru l-oqsma msemmija fil-punt 5; u

(b)

kwalunkwe taħriġ addizzjonali meħtieġ biex l-awżiljarji uffiċjali jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom b'mod kompetenti.

3.

It-taħriġ prattiku msemmi fil-punt 2(a) irid isir fil-biċċeriji, fl-istabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa u/jew l-impjanti tat-tqattigħ taħt is-superviżjoni ta' veterinarju uffiċjali.

4.

It-taħriġ u t-testijiet iridu jikkonċernaw prinċiparjament il-laħam aħmar jew il-laħam tat-tjur. Madankollu, il-persuni li jiġu mħarrġa għal waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji u jgħaddu mit-test iridu jkunu meħtieġa biss li jagħmlu taħriġ imqassar biex jgħaddu mit-test għall-kategorija l-oħra. It-taħriġ u t-testijiet iridu jkopru l-kaċċa selvaġġa, il-kaċċa mrobbija u l-lagomorfi, fejn xieraq.

5.

It-taħriġ għall-awżiljarji uffiċjali jenħtieġ li jkopri s-suġġetti li ġejjin, u t-testijiet jenħtieġ li jikkonfermaw l-għarfien dwarhom:

(a)

f'relazzjoni mal-azjendi:

(i)

il-parti teoretika:

l-isfond relatat mal-organizzazzjoni tal-industrija tal-agrikoltura, il-metodi ta' produzzjoni, l-istandards tal-kummerċ internazzjonali għall-annimali;

il-prattiki tajba tat-trobbija tal-bhejjem;

l-għarfien bażiku tal-mard, b'mod partikolari ż-żoonożi minn viruses, batterji u parassiti;

il-monitoraġġ għall-mard, l-użu tal-mediċini u l-vaċċini, l-ittestjar tar-residwi;

l-ispezzjoni tal-iġjene u tas-saħħa;

it-trattament xieraq tal-annimali fl-irziezet u waqt it-trasport;

ir-rekwiżiti ambjentali - fil-bini, fl-irziezet u b'mod ġenerali;

il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti;

it-tħassib tal-konsumaturi u l-kontroll tal-kwalità;

(ii)

il-parti prattika:

iż-żjarat fl-azjendi ta' tipi differenti u li jużaw metodi ta' trobbija differenti;

iż-żjarat fi stabbilimenti ta' produzzjoni;

l-osservazzjoni tat-tagħbija u l-ħatt tal-annimali;

id-dimostrazzjonijiet fil-laboratorju;

il-kontrolli veterinarji;

id-dokumentazzjoni;

(b)

b'rabta mal-biċċeriji, l-istabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa u l-impjanti tat-tqattigħ:

(i)

il-parti teoretika:

l-isfond relatat mal-organizzazzjoni tal-industrija tal-laħam, il-metodi tal-produzzjoni, l-istandards tal-kummerċ internazzjonali għall-ikel u t-teknoloġija tat-tbiċċir u tat-tqattigħ;

l-għarfien bażiku tal-iġjene u l-prattiki tal-iġjene tajba, u b'mod partikolari l-iġjene industrijali, l-iġjene tat-tbiċċir, it-tqattigħ u l-ħażna, u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol;

l-għarfien bażiku tal-HACCP u l-awditjar ta' proċeduri bbażati fuq l-HACCP;

it-trattament xieraq tal-annimali mal-ħatt wara t-trasport u fil-biċċerija;

l-għarfien bażiku dwar l-anatomija u l-fiżjoloġija tal-annimali mbiċċra;

l-għarfien bażiku dwar il-patoloġija tal-annimali mbiċċra;

l-għarfien bażiku dwar l-anatomija patoloġika tal-annimali mbiċċra;

l-għarfien rilevanti li jikkonċerna t-TSEs u żoonożi u aġenti żoonotiċi importanti oħra, kif ukoll mard tal-annimali importanti;

l-għarfien dwar il-metodi u l-proċeduri għat-tbiċċir, l-ispezzjoni, il-preparazzjoni, it-tkebbib, l-imballaġġ u t-trasport ta' laħam frisk;

l-għarfien bażiku dwar il-mikrobijoloġija;

l-ispezzjoni ante-mortem;

il-kampjunar u l-analiżi għat-Trichinella;

l-ispezzjoni post mortem;

il-kompiti amministrattivi;

l-għarfien tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti;

il-proċedura biex jittieħdu l-kampjuni;

l-aspetti ta' frodi;

(ii)

il-parti prattika:

l-identifikazzjoni tal-annimali;

il-verifiki tal-età;

l-ispezzjoni u l-valutazzjoni tal-annimali mbiċċra;

l-ispezzjoni ante-mortem fil-biċċerija;

l-ispezzjoni post-mortem fil-biċċerija jew fi stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa;

il-kampjunar u l-analiżi għat-Trichinella;

l-identifikazzjoni tal-ispeċijiet ta' annimali permezz tal-eżaminazzjoni ta' partijiet tipiċi tal-annimal;

l-identifikazzjoni u l-kummenti dwar il-partijiet mill-annimali mbiċċra li fihom seħħew il-bidliet;

il-kontroll tal-iġjene, inkluż l-awditjar tal-prattiki ta' iġjene tajba u l-proċeduri bbażati fuq l-HACCP;

ir-rekordjar tar-riżultati tal-ispezzjonijiet ante-mortem;

it-teħid ta' kampjuni;

it-traċċabbiltà tal-laħam;

id-dokumentazzjoni bħall-evalwazzjoni tal-informazzjoni tal-katina alimentari u l-qari tar-rekords.

6.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu t-taħriġ u t-testijiet fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-parti teoretika jekk l-awżiljarju uffiċjali juri biżżejjed edukazzjoni dwar punti speċifiċi stipulati fil-punt 5(a)(i) jew (b)(i) ta' dan il-Kapitolu;

(b)

il-parti prattika jekk l-awżiljarju uffiċjali juri biżżejjed esperjenza tax-xogħol dwar punti speċifiċi stipulati fil-punt 5(a)(ii) jew (b)(ii) ta' dan il-Kapitolu.

7.

L-awżiljarju uffiċjali jrid ikollu l-kapaċità għal kooperazzjoni multidixxiplinarja.

8.

L-awżiljarji uffiċjali jridu jżommu ruħhom aġġornati u jibqgħu infurmati dwar l-iżviluppi ġodda permezz ta' attivitajiet regolari ta' tkomplija tal-edukazzjoni u ta' pubblikazzjonijiet professjonali. Meta jkun possibbli, l-awżiljarju uffiċjali jrid iwettaq attivitajiet ta' taħriġ kontinwu kull sena.

9.

Jekk l-awżiljarji uffiċjali jwettqu biss teħid ta' kampjuni u analiżi b'rabta mal-eżamijiet għat-Trichinella u l-kriterji mikrobijoloġiċi, l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa biss li jiżguraw li dawn jirċievu t-taħriġ xieraq għal dawn il-kompiti.

10.

Ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet għall-awżiljarji uffiċjali bejn l-Istati Membri jrid japplika, meta l-professjonisti jaqbżu l-fruntieri jew ikunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. F'każ bħal dan it-testijiet jenħtieġ li jiġu llimitati għal suġġetti essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-annimali fl-Istati Membri tal-impjieg, iżda mhux koperti mit-testijiet fl-Istat Membru tal-oriġini.

KAPITOLU III

PERSUNAL MAĦTUR MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI

1.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħtru biss persunal li jkun għadda minn taħriġ u minn test b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 5 ta' dan il-Kapitolu.

2.

L-awtoritajiet kompetenti jridu jagħmlu l-arranġamenti għat-test imsemmi fil-punt 1. Sabiex ikunu eliġibbli għal dan it-test, il-kandidati jridu juru prova li rċevew:

(a)

mill-inqas 500 siegħa ta' taħriġ inkluż mill-inqas 400 siegħa ta' taħriġ prattiku li jkopri l-oqsma msemmija fil-punt 5; u

(b)

kwalunkwe taħriġ addizzjonali meħtieġ biex il-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom b'mod kompetenti.

3.

It-taħriġ prattiku msemmi fil-punt 2(a) irid isir fl-impjanti tat-tqattigħ, taħt is-superviżjoni ta' veterinarju uffiċjali.

4.

It-taħriġ u t-testijiet iridu jikkonċernaw prinċiparjament il-laħam aħmar jew il-laħam tat-tjur. Madankollu, il-persuni li jiġu mħarrġa għal waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji u jgħaddu mit-test iridu jkunu meħtieġa biss li jagħmlu taħriġ imqassar biex jgħaddu mit-test għall-kategorija l-oħra. It-taħriġ u t-testijiet iridu jkopru l-kaċċa selvaġġa, il-kaċċa mrobbija u l-lagomorfi, fejn xieraq.

5.

It-taħriġ għall-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti jrid jinkludi s-suġġetti li ġejjin b'rabta mal-impjanti tat-tqattigħ, u t-testijiet iridu jikkonfermaw l-għarfien dwarhom:

(i)

il-parti teoretika:

l-isfond relatat mal-organizzazzjoni tal-industrija tal-laħam, il-metodi tal-produzzjoni, l-istandards tal-kummerċ internazzjonali għall-ikel u t-teknoloġija tat-tqattigħ;

l-għarfien profond tal-iġjene u l-prattiki tal-iġjene tajba, u b'mod partikolari l-iġjene industrijali, l-iġjene tat-tqattigħ u l-ħażna, u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol;

l-għarfien profond tal-HACCP u l-awditjar tal-proċeduri bbażati fuq l-HACCP;

l-għarfien rilevanti li jikkonċerna t-TSEs u żoonożi u aġenti żoonotiċi importanti oħra;

l-għarfien tal-metodi u l-proċeduri għall-preparazzjoni, it-tkebbib, l-imballaġġ u t-trasport tal-laħam frisk;

l-għarfien bażiku dwar il-mikrobijoloġija;

il-kompiti amministrattivi;

l-għarfien tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti;

il-proċedura biex jittieħdu l-kampjuni;

l-aspetti ta' frodi;

(ii)

il-parti prattika:

l-ispezzjoni u l-valutazzjoni tal-annimali mbiċċra;

il-kontroll tal-iġjene, inkluż l-awditjar tal-prattiki ta' iġjene tajba u l-proċeduri bbażati fuq l-HACCP;

it-teħid ta' kampjuni;

it-traċċabbiltà tal-laħam;

id-dokumentazzjoni.

6.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu t-taħriġ u t-testijiet fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-parti teoretika jekk il-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti juri biżżejjed edukazzjoni dwar il-punti speċifiċi stipulati fil-punt 5(i) ta' dan il-Kapitolu;

(b)

il-parti prattika jekk il-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti juri biżżejjed esperjenza tax-xogħol dwar il-punti speċifiċi stipulati fil-punt 5(ii) ta' dan il-Kapitolu.

7.

Il-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti jrid ikollu aptitudni għal kooperazzjoni multidixxiplinarja.

8.

Il-persunal maħtur mill-awtorità kompetenti jrid iżomm ruħu aġġornat u jibqa' infurmat dwar l-iżviluppi ġodda permezz ta' attivitajiet regolari ta' tkomplija tal-edukazzjoni u ta' pubblikazzjonijiet professjonali. Meta jkun possibbli, il-persunal maħtur mill-awtoritajiet kompetenti jrid iwettaq attivitajiet ta' taħriġ kontinwu kull sena.

9.

Ir-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet għal persunal ieħor maħtur mill-awtoritajiet kompetenti bejn l-Istati Membri jrid japplika, meta l-professjonisti jaqbżu l-fruntieri jew ikunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. F'każ bħal dan it-testijiet jenħtieġ li jiġu llimitati għal suġġetti essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-annimali fl-Istati Membri tal-impjieg, iżda mhux koperti mit-testijiet fl-Istat Membru tal-oriġini.

(1)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).