12.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 103/1


REGOLAMENT (UE) 2019/592 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta' April 2019

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-21 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew qabel li jestendi l-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sat-22 ta' Mejju 2019, dment li l-House of Commons tar-Renju Unit japprova l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”). Fl-eventwalità li l-House of Commons tar-Renju Unit ma japprovax il-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kunsill Ewropew qabel li ssir estensjoni sat-12 ta' April 2019.

(2)

Skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż id-dritt li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr viża jew formalitajiet ekwivalenti.

(3)

B'konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, it-Trattati u d-Direttiva 2004/38/KE, flimkien mad-dritt ta' dħul fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr viża jew formalitajiet ekwivalenti, mhux ser jibqgħu japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi. Għalhekk huwa neċessarju li r-Renju Unit jiġi inkluż f'wieħed mill-Annessi għar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-Anness I jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u l-Anness II jelenka dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa.

(4)

Ġibiltà mhijiex parti mir-Renju Unit. Id-dritt tal-Unjoni japplika għal Ġibiltà sal-punt previst fl-Att ta' Adeżjoni tal-1972 bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE biss. L-inklużjoni tar-Renju Unit fil-Parti 1 tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806 mhijiex ser tkopri liċ-ċittadini tat-territorji extra-Ewropej li kisbu ċ-ċittadinanza tagħhom minħabba konnessjoni ma' Ġibiltà. Għalhekk jenħtieġ li Ġibiltà tiġi elenkata flimkien ma' territorji extra-Ewropej Brittaniċi oħra fil-Parti 3 tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806.

(5)

Il-kriterji li jenħtieġ li jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati, abbażi ta' valutazzjoni skont il-każ, il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għal ħtieġa ta' viża jew eżentati minnha, huma stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806. Dawk il-kriterji jinkludu l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, b'mod partikolari f'termini ta' turiżmu u ta' kummerċ barrani, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inkluż, b'mod partikolari, konsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta' koerenza reġjonali u ta' reċiproċità.

(6)

Filwaqt li jitqiesu l-kriterji kollha elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806, huwa xieraq li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi jiġu eżentati mill-ħtieġa ta' viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-prossimità ġeografika, ir-rabta bejn l-ekonomiji, il-livell ta' kummerċ u l-ammont ta' movimenti ta' persuni għal żmien qasir bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni għal negozju, divertiment jew finijiet oħra, l-ivvjaġġar bla viża jenħtieġ li jiffaċilita t-turiżmu u l-attività ekonomika, u b'hekk iġib benefiċċji għall-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li għalhekk ir-Renju Unit ikun inkluż fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward taċ-ċittadini Brittaniċi.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-aspettattiva li, fl-interess li jinżammu relazzjonijiet mill-qrib, ir-Renju Unit ser jagħti reċiproċità sħiħa rigward viżi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha. Fil-każ li fil-futur ir-Renju Unit jintroduċi rekwiżit ta' viża għaċ-ċittadini ta' mill-inqas Stat Membru wieħed, jenħtieġ li japplika l-mekkaniżmu ta' reċiproċità previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1806. Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaġixxu mingħajr dewmien fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità. Il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja r-rispett tal-prinċipju ta' reċiproċità fuq bażi kontinwa u tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe żvilupp li jista' jipperikola r-rispett ta' dak il-prinċipju.

(9)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(10)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti (B) u (C) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(11)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti (B) u (C) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(12)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jipparteċipax fih, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (11); ir-Renju Unit għalhekk mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(13)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, li l-Irlanda ma tipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (12); l-Irlanda għalhekk mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(14)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew inkella li huwa marbut miegħu fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih il-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit.

(16)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament(UE) 2018/1806 jiġi emendat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 jiġi emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6(2), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Ewropew dwar l-Abolizzjoni tal-Viżi għar-Refuġjati tal-Kunsill tal-Ewropa ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta' April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni apolidi u persuni oħrajn li ma għandhom iċ-ċittadinanza tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mill-Irlanda, li huwa rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.”;

(2)

fil-Parti 1 tal-Anness II, jiddaħħal dan li ġej:

“ir-Renju Unit (ħlief ċittadini Brittaniċi kif imsemmi fil-Parti 3)”;

(3)

it-titolu tal-Parti 3 tal-Anness II huwa sostitwit b'dan li ġej:

“PERSUNI B'NAZZJONALITÀ BRITTANIKA LI MHUMIEX ĊITTADINI BRITTANIĊI”;

(4)

fil-Parti 3 tal-Anness II, dan li ġej jiżdied wara l-kliem “ċittadini extra Ewropej Brittaniċi (BOTC)”:

“Dawk it-territorji jinkludu Anguilla, Bermuda, it-Territorju Brittaniku tal-Antartika, it-Territorju Brittaniku tal-Oċean Indjan, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, Ġibiltà (*1), Montserrat, Pitcairn, Saint Helena, Ascension u Tristan da Cunha, il-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Turks u Caicos.

(*1)  Ġibiltà hija kolonja tal-Kuruna Brittanika. Hemm kontroversja bejn Spanja u r-Renju Unit dwar is-sovranità fuq Ġibiltà, territorju li għandha tintlaħaq soluzzjoni dwaru fid-dawl tar-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.”."

Artikolu 2

Fejn ir-Renju Unit jintroduċi rekwiżit ta' viża għaċ-ċittadini ta' mill-inqas Stat Membru wieħed, għandu japplika l-mekkaniżmu ta' reċiproċità previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1806. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu mingħajr dewmien fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih il-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(2)  ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1.

(3)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).