29.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/25


REGOLAMENT (UE) 2019/517 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-isem ta' dominju tal-ogħla livell .eu u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Dominju tal-Ogħla Livell .eu (TLD) kien ġie stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 (4). Minn mindu ġew adottati dawk ir-Regolamenti, il-kuntest leġiżlattiv u politiku fl-Unjoni, l-ambjent online, u s-suq inbidlu ġmielhom.

(2)

L-evoluzzjoni rapida tas-suq tat-TLDs u x-xena diġitali dinamika jirrikjedu ambjent regolatorju flessibbli u li jilqa' għall-ġejjieni. It-TLD .eu huwa wieħed mill-akbar TLDs ta' kodiċi tal-pajjiż (ccTLDs). It-TLD .eu jintuża mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni, anke għal proġetti u inizjattivi Ewropej. L-iskop tat-TLD .eu huwa li, permezz ta' ġestjoni tajba, jgħin biex isaħħaħ l-identità tal-Unjoni u jippromwovi l-valuri tal-Unjoni online, bħall-multilingwiżmu, ir-rispett tal-privatezza u tas-sigurtà tal-utenti u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll prijoritajiet online speċifiċi.

(3)

It-TLDs huma komponent essenzjali fl-istruttura ġerarkika tas-sistema tal-ismijiet ta' dominju (DNS) li jiżguraw sistema interoperabbli ta' identifikaturi uniċi, disponibbli mad-dinja kollha, fuq kull applikazzjoni u kull netwerk.

(4)

It-TLD .eu jenħtieġ li jippromwovi l-użu tan-netwerks tal-internet, u l-aċċess għalihom, b'konformità mal-Artikoli 170 u 171 tat-TFUE billi jipprovdi reġistrazzjoni komplementari għas-ccTLDs eżistenti u għar-reġistrazzjoni globali tat-TLDs ġeneriċi.

(5)

It-TLD .eu, li huwa tikketta ċara u li tingħaraf faċilment, jenħtieġ li jipprovdi rabta li tista' tiġi identifikata b'mod ċar mal-Unjoni u mas-suq Ewropew. Permezz tiegħu, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u l-persuni fiżiċi fl-Unjoni jistgħu jirreġistraw isem ta' dominju taħt it-TLD .eu. L-eżistenza ta' isem ta' dominju bħal dan hija importanti biex issaħħaħ l-identità tal-Unjoni online. Jenħtieġ li, għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti li ċ-ċittadini tal-Unjoni jirreġistraw isem ta' TLD .eu, irrispettivament mill-post tar-residenza tagħhom, mid-19 ta' Ottubru 2019.

(6)

L-ismijiet ta' dominju fit-TLD .eu jenħtieġ li jiġu allokati lill-partijiet eliġibbli skont id-disponibbiltà.

(7)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn ir-Reġistru, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u aġenziji oħra tal-Unjoni, bil-ħsieb li tiġġieled ir-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi ta' ismijiet ta' dominju, inkluż cybersquatting, u tipprovdi proċeduri amministrattivi sempliċi, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

(8)

Biex tkun żgurata protezzjoni aħjar tad-dritt tal-partijiet li jidħlu f'kuntratt mar-Reġistru u mar-Reġistraturi rispettivament, it-tilwim dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju fit-TLD .eu jenħtieġ li jissolvew minn korpi li jkunu jinsabu fl-Unjoni u li japplikaw il-liġi nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi rikonoxxuti mill-Istati Membri jew mill-Unjoni li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali.

(9)

Il-Kummissjoni, abbażi ta' proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, u filwaqt li tqis il-kosteffiċjenza u s-sempliċità amministrattiva, jenħtieġ li taħtar Reġistru għat-TLD .eu. Sabiex tappoġġja s-suq uniku diġitali, tibni identità Ewropea online u tinkoraġġixxi attivitajiet online transfruntieri, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-kriterji ta' eliġibbiltà u tal-għażla u l-proċedura għad-deżinjazzjoni tar-Reġistru. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(10)

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jiġu konferiti lill-Kummissjoni biex tadotta listi ta' ismijiet ta' dominju riżervati u mblokkati mill-Istati Membri, tistabbilixxi l-prinċipji li jkun għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru, u li taħtar ir-Reġistru skont raġunijiet debitament iġġustifikati ta' urġenza, b'mod partikolari biex tiżgura l-kontinwità tas-servizz. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawn il-listi jenħtieġ li jiġu kkompilati skont l-ismijiet ta' dominju disponibbli filwaqt li jitqiesu l-ismijiet ta' dominju tat-tieni livell li diġà ġew riżervati jew irreġistrati mill-Istati Membri.

(11)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel kuntratt mar-Reġistru maħtur, liema kuntratt jenħtieġ li jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dettaljati li japplikaw għar-Reġistru għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tat-TLD .eu. Il-kuntratt jenħtieġ li jkun ta' durata fissa u jista' jiġġedded darba mingħajr il-ħtieġa ta' proċedura ta' selezzjoni ġdida.

(12)

Il-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu jenħtieġ li jinhemżu mal-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru maħtur.

(13)

Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

(14)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jikkonforma mal-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' trasparenza, u jenħtieġ li jimplimenta miżuri biex jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta li għandhom jiġu awtorizzati bil-quddiem mill-Kummissjoni, b'mod partikolari meta r-Reġistru jipprovdi servizzi lil impriżi li magħhom ikun qed jikkompeti fis-swieq downstream.

(15)

Bħalissa, il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (l-ICANN) hi responsabbli biex tikkoordina d-delega tal-kodiċi li jirrappreżentaw is-ccTLDs lir-Reġistri. Jenħtieġ li r-Reġistru jagħmel kuntratt xieraq mal-ICANN li jipprovdi għad-delega tal-kodiċi tas-ccTLD .eu, u fl-istess waqt iqis il-prinċipji rilevanti adottati mill-Kumitat Konsultattiv Governattiv (il-GAC).

(16)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jagħmel ftehim xieraq, li jinżamm minn aġent terz, biex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi, u b'mod partikolari biex ikun żgurat li jkun possibbli li jissokta s-servizz lill-komunità lokali tal-internet bl-anqas tfixkil possibbli f'każ ta' delega mill-ġdid jew xi ċirkostanzi mhux previsti. Jenħtieġ li, kull jum, ir-Reġistru jibgħat kopja elettronika tal-kontenut kurrenti tad-database tat-TLD .eu lill-aġent terz.

(17)

Jenħtieġ li l-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) li jridu jiġu adottati jikkonformaw mad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u jqisu l-aqwa prattiki internazzjonali f'dan il-qasam u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali, biex ikun żgurat li r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi jiġu evitati kemm jista' jkun. Dawk il-proċeduri tal-ADR jenħtieġ li jirrispettaw regoli proċedurali uniformi li jkunu konformi ma' dawk stabbiliti fil-Politika Uniformi għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Isem tad-Dominji tal-ICANN.

(18)

Il-politika dwar ir-reġistrazzjonijiet abbużivi tal-ismijiet ta' dominju .eu jenħtieġ li tipprovdi għal verifika min-naħa tar-Reġistru tad-data li tasal, speċifikament data fejn jidħlu l-identità tar-reġistranti, u t-tħassir u l-imblokkar minn reġistrazzjoni futura ta' ismijiet ta' dominju li b'deċiżjoni aħħarija ta' qorti ta' Stat Membru jkunu jitqiesu malafamanti, razzisti jew b'xi mod ieħor kuntrarji għal-liġi tal-Istat Membru. Ir-Reġistru jenħtieġ jimxi bl-akbar attenzjoni biex jiżgura l-korrettezza tad-data li tasallu u li jżomm. Jenħtieġ li l-proċedura ta' revoka tippermetti lid-detentur tal-isem ta' dominju li jkollu opportunità raġonevoli biex jirrettifika kwalunkwe ksur tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni jew djun pendenti qabel ma r-revoka ssir effettiva.

(19)

Isem ta' dominju li jkun identiku jew simili b'tali mod li jista' jiġi konfuż ma' isem li fir-rigward tiegħu dritt ikun stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali u li jkun ġie rreġistrat mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem, jenħtieġ li, fil-prinċipju, jiġi revokat u, fejn ikun meħtieġ, jiġi ttrasferit lid-detentur leġittimu. Fejn jinstab li isem ta' dominju tali jkun intuża b'mala fede, jenħtieġ li dejjem jiġi revokat.

(20)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jadotta politiki ċari li jkollhom l-għan li jiżguraw l-identifikazzjoni f'waqtha ta' reġistrazzjonijiet abbużivi ta' ismijiet ta' dominju u, fejn meħtieġ, jenħtieġ li jikkoopera ma' awtoritajiet kompetenti u ma' korpi pubbliċi oħra rilevanti għaċ-ċibersigurtà u għas-sigurtà tal-informazzjoni li jkunu speċifikament involuti fil-ġlieda kontra dawn ir-reġistrazzjonijiet, bħal timijiet nazzjonali ta' rispons f'emerġenza tal-kompjuter (CERTs).

(21)

Ir-Reġistru jenħtieġ li jappoġġja lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità billi jimplimenta miżuri tekniċi u organizzazzjonali bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkun jista' jkollhom aċċess għad-data fir-Reġistru għal skopijiet ta' prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-atti kriminali, kif previst bil-liġi tal-Unjoni jew b'dik nazzjonali.

(22)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi implimentat b'konformità mal-prinċipji li għandhom x'jaqsmu mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-data personali. Jenħtieġ li r-Reġistru jikkonforma mar-regoli, il-prinċipji u l-linji gwida rilevanti tal-Unjoni b'rabta mal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari mar-rekwiżiti tas-sigurtà rilevanti, mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità, il-limitazzjoni tal-iskop u l-perijodu proporzjonat għaż-żamma tad-data. Minbarra dan, jenħtieġ li s-sistemi kollha tal-ipproċessar tad-data u d-databases żviluppati u miżmuma jkunu jinkorporaw il-protezzjoni tad-data personali mid-disinn tagħhom u l-protezzjoni tad-data b'mod awtomatiku.

(23)

Biex tkun żgurata superviżjoni perjodika effettiva, ir-Reġistru jenħtieġ li jiġi awditjat, u jġarrab l-ispejjeż hu stess, mill-inqas kull sentejn minn korp indipendenti ħalli jkun konfermat, permezz ta' rapport ta' evalwazzjoni ta' konformità, li r-Reġistru hu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-Reġistru jippreżenta dak ir-rapport lill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fil-kuntratt tiegħu mal-Kummissjoni.

(24)

Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru jenħtieġ li jipprovdi għal proċeduri li jtejbu l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu mir-Reġistru skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' superviżjoni tal-Kummissjoni previsti minn dan ir-Regolament.

(25)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014, intitolat “Governanza tal-Internet”, il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni li tippromwovi strutturi ta' governanza li jinvolvu bosta partijiet konċernati u li jistrieħu fuq sett koerenti ta' prinċipji ta' governanza tal-internet globali. Governanza tal-internet inklużiva tfisser l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' prinċipji, normi, regoli, proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u programmi komuni li jsawru l-evoluzzjoni u l-użu tal-internet mill-gvernijiet, mis-settur privat, mis-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u mill-komunità teknika, fejn kollha jaġixxu fir-rwoli rispettivi tagħhom.

(26)

Jenħtieġ li jitwaqqaf Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu li jkollu r-rwol li jagħti pariri lill-Kummissjoni ħalli jissaħħaħ u jitwessa' l-kontribut għall-governanza tajba tar-Reġistru. Jenħtieġ li l-Grupp ikun jirriflettu l-mudell multiparteċipattiv ta' governanza tal-internet u li l-membri tiegħu, apparti minn dawk li jkunu ġejjin mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali, jenħtieġ li jinħatru mill-Kummissjoni bi proċedura miftuħa, nondiskriminatorja u trasparenti. Ir-rappreżentant mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jinħatar fuq il-bażi ta' sistema ta' rotazzjoni li tiżgura kontinwità suffiċjenti tal-parteċipazzjoni fil-Grupp.

(27)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni dwar l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu. Dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tgħarbel il-prattiki tax-xogħol tar-Reġistru maħtur u r-rilevanza tal-kompiti tar-Reġistru. Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti regolari dwar il-funzjonament tal-isem tat-TLD .eu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(28)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il- Karta”), kif minquxa fit-Trattati, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u l-protezzjoni tal-konsumaturi. Jenħtieġ li proċeduri adatti tal-Unjoni jiġu osservati meta jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li jaffettwaw dan ir-Regolament jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u, b'mod partikolari, mal-Karta. Jenħtieġ li r-Reġistru jfittex gwida mill-Kummissjoni f'każijiet ta' dubju rigward il-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(29)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-implimentazzjoni ta' TLD pan-Ewropew minbarra s-ccTLDs nazzjonali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(30)

Biex jiġi limitat kull riskju ta' tfixkil tas-servizzi tat-TLD .eu matul l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju l-ġdid, dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet tranżitorji.

(31)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 733/2002 jiġi emendat u revokat, u li r-Regolament (KE) Nru 874/2004 jiġi revokat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jimplimenta d-dominju tal-ogħla livell tal-kodiċi tal-pajjiż (“ccTLD”) .eu kif ukoll il-varjanti l-oħra tiegħu b'karattri oħra, sabiex jappoġġja s-suq uniku diġitali, jibni identità tal-Unjoni online u jinkoraġġixxi attivitajiet online transfruntieri. Huwa jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu, inklużi l-ħatra u l-karatteristiċi tar-Reġistru. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-qafas ġuridiku u ta' politika ġenerali li fih għandu jiffunzjona r-Reġistru maħtur.

2.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati Membri fir-rigward tas-ccTLDs nazzjonali tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

“Reġistru” tfisser l-entità inkarigata bl-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu inkluża l-manutenzjoni tad-databases korrispondenti u s-servizzi pubbliċi tat-talbiet assoċjati, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju, it-tħaddim tar-Reġistru tal-ismijiet ta' dominju, it-tħaddim tas-servers tal-ismijiet tat-TLD tar-Reġistru u d-distribuzzjoni ta' faljs taż-żona tat-TLD fost is-servers tal-ismijiet;

(2)

“Reġistratur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, skont kuntatt mar-Reġistru, tipprovdi servizzi ta' reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju lir-reġistranti.

(3)

“protokolli tal-Ismijiet ta' Dominju Internazzjonalizzati” tfisser standards u protokolli li jippermettu l-użu ta' ismijiet ta' dominju f'karattri li mhumiex karattri tal-American Standard Code for Information Interchange (ASCII);

(4)

“database WHOIS” tfisser il-ġbir ta' data li fiha informazzjoni dwar aspetti tekniċi u amministrattivi tar-reġistrazzjonijiet tat-TLD .eu;

(5)

“prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu” tfisser regoli dettaljati dwar il-funzjonament u l-immaniġġjar tat-TLD .eu;

(6)

“reġistrazzjoni” tfisser is-serje ta' atti u passi proċedurali, mill-bidu sat-tlestija, li jieħdu r-Reġistraturi u/jew ir-Reġistru malli jintalbu minn persuna fiżika jew ġuridika bil-għan li tiġi implimentata r-reġistrazzjoni ta' isem ta' dominju għal tul taż-żmien speċifikat.

KAPITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI TAT-TLD .eu

TAQSIMA 1

Prinċipji ġenerali

Artikolu 3

Kriterji ta' eliġibbiltà

Ir-reġistrazzjoni ta' isem wieħed jew aktar tad-dominju taħt it-TLD .eu tista' tintalab minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza tiegħu/tagħha;

(b)

persuna fiżika li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni u li tkun residenti fi Stat Membru;

(c)

impriża li hija stabbilita fl-Unjoni; u

(d)

organizzazzjoni li hija stabbilita fil-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 4

Reġistrazzjoni u tħassir ta' ismijiet ta' dominju

1.   Isem ta' dominju għandu jiġi allokat lill-parti eliġibbli li t-talba tagħha tkun wasslet l-ewwel għand r-Reġistru b'mod teknikament korrett, kif stabbilit mill-proċeduri għat-talbiet tar-reġistrazzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 11.

2.   Isem ta' dominju rreġistrat ma għandux jibqa' disponibbli għal aktar reġistrazzjoni sakemm ir-reġistrazzjoni tiskadi u ma terġax tiġġedded jew sakemm jitħassar l-isem ta' dominju.

3.   Ir-Reġistru jista' jħassar isem ta' dominju minn jeddu, mingħajr ma jgħaddi t-tilwima għal ADR jew proċedura ġudizzjarja, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

ikun hemm djun mhux imħallsa dovuti lir-Reġistru;

(b)

id-detentur tal-isem ta' dominju ma jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà skont l-Artikolu 3;

(c)

id-detentur tal-isem ta' dominju jikser ir-rekwiżiti għat-talbiet tar-reġistrazzjoni stabbiliti skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 11.

4.   Isem ta' dominju jista' jitħassar ukoll, u meta meħtieġ jingħadda sussegwentement lil parti oħra, wara ADR jew proċedura ġudizzjarja xierqa, skont il-prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikolu 11, meta dak l-isem ikun identiku jew simili b'tali mod li joħloq konfużjoni għal isem li fir-rigward tiegħu hemm stabbilit dritt mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, u meta dan:

(a)

ikun ġie rreġistrat mid-detentur tiegħu mingħajr drittijiet jew interess leġittimu fl-isem; jew

(b)

ikun ġie rreġistrat jew ikun qed jintuża b'mala fede.

5.   Meta isem ta' dominju jitqies minn qorti ta' Stat Membru li jkun malafamanti, razzist jew kuntrarju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika skont il-liġi tal-Unjoni, jew skont liġi nazzjonali li tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni, dak l-isem ta' dominju għandu jiġi mblokkat mir-Reġistru malli dan jiġi notifikat bid-deċiżjoni tal-qorti u għandu jitħassar malli tiġi notifikata d-deċiżjoni finali tal-qorti. Ir-Reġistru għandu jimblokka minn reġistrazzjoni futura dawk l-ismijiet ta' dominju li jkunu soġġetti għal dik l-ordni tal-qorti sakemm dik l-ordni tibqa' valida.

6.   L-ismijiet ta' dominju rreġistrati taħt it-TLD .eu għandhom ikunu trasferibbli biss lil partijiet li jkunu eliġibbli għar-reġistrazzjoni ta' ismijiet tat-TLD .eu.

Artikolu 5

Lingwi, liġi applikabbli u ġurisdizzjoni

1.   Ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju għandha ssir bil-karattri kollha tal-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'konformità mal-istandards internazzjonali disponibbli kif jippermettu l-protokolli rilevanti tal-Ismijiet ta' Dominju Internazzjonalizzati.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew għad-drittijiet u l-obbligi rikonoxxuti mill-Istati Membri jew mill-Unjoni li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali, il-kuntratti bejn ir-Reġistru u r-Reġistraturi kif ukoll il-kuntratti bejn ir-Reġistraturi u r-reġistranti tal-ismijiet ta' dominju la għandhom jagħżlu, bħala l-liġi applikabbli, xi liġi li mhix il-liġi ta' wieħed mill-Istati Membri, u lanqas ma għandhom jaħtru, bħala l-korp tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, xi qorti, xi tribunal tal-arbitraġġ jew xi korp ieħor li jinsabu barra mill-Unjoni.

Artikolu 6

Riżervazzjoni tal-ismijiet ta' dominju

1.   Ir-Reġistru jista' jirriżerva jew jirreġistra għadd ta' ismijiet ta' dominju li jitqiesu meħtieġa għall-funzjonijiet operazzjonali tiegħu skont il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 8(4).

2.   Il-Kummissjoni tista' titlob lir-Reġistru biex jirriżerva jew jirreġistra ismijiet ta' dominju direttament taħt it-TLD .eu biex jintużaw minn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-ismijiet ta' dominju li diġà ġew riżervati jew irreġistrati, jgħarrfu lill-Kummissjoni b'lista ta' ismijiet ta' dominju li:

(a)

ma għandhomx jiġu rreġistrati, abbażi tal-liġi nazzjonali tagħhom; jew

(b)

jistgħu jiġu rreġistrati jew riżervati biss fit-tieni livell mill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, dawn l-ismijiet ta' dominju għandhom ikunu limitati għal termini ġeografiċi jew ġeopolitiċi rikonoxxuti b'mod wiesa' li jaffettwaw l-organizzazzjoni politika jew territorjali tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-listi notifikati mill-Istati Membri permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 7

Reġistraturi

1.   Ir-Reġistru għandu jakkredita r-Reġistraturi, skont proċeduri tal-akkreditazzjoni trasparenti, raġonevoli u mhux diskriminatorji, li jkunu ġew approvati bil-quddiem mill-Kummissjoni. Ir-Reġistru għandu jagħmel il-proċeduri tal-akkreditazzjoni disponibbli għall-pubbliku b'format aċċessibbli faċilment.

2.   Ir-Reġistru għandu japplika kundizzjonijiet ekwivalenti f'ċirkostanzi ekwivalenti b'rabta mar-Reġistraturi akkreditati ta' .eu li jipprovdu servizzi ekwivalenti. Ir-Reġistru għandu jipprovdi servizzi u informazzjoni lil dawk ir-Reġistraturi bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess kwalità bħal dawk provduti għas-servizzi ekwivalenti tiegħu stess.

TAQSIMA 2

Ir-Reġistru

Artikolu 8

Ħatra tar-Reġistru

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 bil-għan li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-kriterji u l-proċedura għall-ħatra tar-Reġistru.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prinċipji li jkunu jridu jkunu inklużi fil-kuntratt bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha taħtar entità bħala r-Reġistru wara li titlesta l-proċedura msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel kuntratt mar-Reġistru maħtur. Il-kuntratt għandu jispeċifika r-regoli, il-politiki u l-proċeduri għall-forniment ta' servizzi mir-Reġistru u l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni għandha tagħmel superviżjoni tal-organizzazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-immaniġġjar tat-TLD .eu mir-Reġistru. Il-kuntratt għandu jkun limitat fiż-żmien u għandu jkun jista' jiġġedded darba mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi organizzata proċedura ta' selezzjoni ġdida. Il-kuntratt għandu jirrifletti l-obbligi tar-Reġistru u għandu jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dwar l-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikoli 10 u 11.

5.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni tista', għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, taħtar ir-Reġistru permezz ta' atti ta' implimentazzjoni applikabbli minnufih b'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(3).

Artikolu 9

Karatteristiċi tar-Reġistru

1.   Ir-Reġistru għandu jkun organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ. Għandu jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju fi ħdan it-territorju tal-Unjoni.

2.   Ir-Reġistru jista' jimponi tariffi. Dawk it-tariffi għandhom ikunu relatati direttament relatati mal-ispejjeż imġarrba.

Artikolu 10

Obbligi tar-Reġistru

Ir-reġistru għandu jkollu l-obbligu li:

(a)

jippromwovi t-TLD .eu fl-Unjoni u f'pajjiżi terzi sabiex jiżgura l-kompetittività tiegħu;

(b)

josserva r-regoli, il-politiki u l-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 8(4) u, b'mod partikolari, il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(c)

jorganizza, jamministra u jimmaniġġja t-TLD .eu fl-interess pubbliku ġenerali u jiżgura fl-aspetti kollha tal-amministrazzjoni u l-ġestjoni tat-TLD .eu, kwalità għolja, trasparenza, sigurtà, stabbiltà, prevedibbiltà, affidabbiltà, aċċessibbiltà, effiċjenza, nondiskriminazzjoni, kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni u protezzjoni tal-konsumatur;

(d)

jagħmel kuntratt xieraq li jipprovdi għad-delega tal-kodiċi tat-TLD .eu, soġġett għall-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni;

(e)

iwettaq ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju fit-TLD .eu, meta mitlub minn xi parti eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 3;

(f)

jiżgura, mingħajr preġudizzju għal xi proċedimenti tal-qorti u soġġett għal garanziji proċedurali adegwati għall-partijiet konċernati, il-possibbiltà għar-Reġistraturi u għar-reġistranti li jsolvu tilwima kuntrattwali mar-Reġistru quddiem ADR;

(g)

jiżgura d-disponibbiltà u l-integrità tad-databases tal-ismijiet ta' dominju;

(h)

bil-kunsens tal-Kummissjoni, jagħmel ftehim, u jġarrab l-ispejjeż tiegħu hu stess, ma' fiduċjarju b'reputazzjoni tajba jew ma' aġent terz ieħor stabbilit fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, li jaħtar lill-Kummissjoni bħala l-benefiċjarja tal-ftehim li jkun qed jinżamm mill-fiduċjarju, u li kull jum jibgħat kopja elettronika aġġornata tal-kontenut kurrenti tad-database tat-TLD .eu lill-fiduċjarju b'reputazzjoni tajba jew lill-aġent terz;

(i)

jimplimenta l-listi msemmija fl-Artikolu 6(3);

(j)

jippromwovi l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-governanza tal-internet, inter alia billi jieħu sehem f'fora internazzjonali;

(k)

jippubblika l-prinċipji u l-proċeduri dwar l-funzjonament tat-TLD .eu stabbiliti skont l-Artikolu 11 bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(l)

iwettaq awditu minn korp indipendenti, u jġarrab l-ispejjeż tiegħu hu stess, mill-inqas kull sentejn biex jiċċertifika l-konformità ma' dan ir-Regolament u jibgħat l-eżitu ta' dan l-awditu lill-Kummissjoni;

(m)

jipparteċipa, meta titolbu l-Kummissjoni, fil-ħidma tal-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu u jikkoopera mal-Kummissjoni biex jittejbu l-funzjonament u l-immaniġġjar tat-TLD .eu.

Artikolu 11

Prinċipji u proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu

Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru maħtur skont l-Artikolu 8(4) għandu jinkludi l-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu, b'konformità ma' dan ir-Regolament, inkluż dawn li ġejjin:

(a)

politika tal-ADR;

(b)

rekwiżiti u l-proċeduri għat-talbiet tar-reġistrazzjoni, politika dwar il-verifika tal-kriterji tar-reġistrazzjoni, politika dwar il-verifika tad-data tar-reġistranti, u politika dwar ir-reġistrazzjoni spekulattiva tal-ismijiet ta' dominju;

(c)

politika dwar ir-reġistrazzjoni abbużiva tal-ismijiet ta' dominju u politika dwar l-identifikazzjoni f'waqtha tal-ismijiet ta' dominju li jkunu ġew irreġistrati u użati b'mala fede, imsemmija fl-Artikolu 4;

(d)

politika dwar it-tħassir tal-ismijiet ta' dominju;

(e)

it-trattament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(f)

miżuri bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkun jista' jkollhom aċċess għad-data fir-Reġistru għal skopijiet ta' prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-atti kriminali, kif previst bil-liġi tal-Unjoni jew b'dik nazzjonali li tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni, soġġett għall-kontrokontrolli xierqa;

(g)

proċeduri dettaljati għall-emendar tal-kuntratt.

Artikolu 12

Id-database WHOIS

1.   Ir-Reġistru għandu jistabbilixxi u jimmaniġġja l-faċilità tad-database WHOIS bid-diliġenza dovuta bl-iskop li jiżgura s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tat-TLD .eu billi tingħata informazzjoni preċiża u aġġornata dwar ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ta' dominju taħt it-TLD .eu.

2.   Id-database WHOIS għandu jkun fiha informazzjoni rilevanti dwar il-punti ta' kuntatt li jamministraw l-ismijiet ta' dominju taħt it-TLD .eu u d-detenturi tal-ismijiet ta' dominju. L-informazzjoni fid-database WHOIS ma għandhiex tkun eċċessiva b'rabta mal-iskop tad-database. Ir-Reġistru għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

TAQSIMA 3

Is-sorveljanza tar-Reġistru

Artikolu 13

Superviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ u superviżjoni tal-organizzazzjoni, tal-amministrazzjoni u tal-immaniġġjar tat-TLD .eu mir-Reġistru.

2.   Il-Kummissjoni għandha taċċerta s-sodezza tal-ġestjoni finanzjarja tar-Reġistru u l-konformità tiegħu ma' dan ir-Regolament u mal-prinċipji u l-proċeduri dwar il-funzjonament tat-TLD .eu msemmija fl-Artikolu 11. Il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mir-Reġistru għal dak il-għan.

3.   Skont l-attivitajiet superviżorji tagħha, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet speċifiċi lir-Reġistru biex jikkoreġi jew itejjeb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu.

4.   Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta, skont ma jkun xieraq, lill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv .eu u lil partijiet konċernati rilevanti oħra u tista' titlob pariri esperti dwar ir-riżultati tal-attivitajiet superviżorji previsti f'dan l-Artikolu u dwar modi biex jittejbu l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu min-naħa tar-Reġistru.

Artikolu 14

Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu. Il-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu għandu jkollu dawn il-kompiti li ġejjin:

(a)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

jagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi relatati mal-immaniġġjar, l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tat-TLD .eu, inklużi kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u mal-protezzjoni tad-data;

(c)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ u s-superviżjoni tar-Reġistru, b'mod partikolari fir-rigward tal-awditu msemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 10;

(d)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki f'dak li jirrigwarda politiki u miżuri kontra reġistrazzjonijiet abbużivi ta' ismijiet ta' dominju, b'mod partikolari reġistrazzjonijiet mingħajr drittijiet jew interessi leġittimi u reġistrazzjonijiet użati b'mala fede.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe parir u rakkomandazzjoni pprovduti mill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' partijiet interessati li huma stabbiliti fl-Unjoni. Dawk ir-rappreżentanti għandhom jittieħdu mis-settur privat, mill-komunità teknika, mis-soċjetà ċivili u mill-komunità akkademika, kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Rappreżentanti minbarra dawk magħżula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' proċedura miftuħa, nondiskriminatorja u trasparenti, b'attenzjoni sħiħa għall-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, il-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu jista' jinkludi rappreżentant wieħed tal-partijiet interessati stabbiliti barra l-Unjoni.

5.   Il-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni jew minn persuna maħtura mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali lill-Grupp Konsultattiv Multiparteċipattiv ta' .eu.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Riżervazzjoni tad-drittijiet

L-Unjoni għandha żżomm id-drittijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mat-TLD .eu, inkluż b'mod partikolari, kwalunkwe dritt tal-proprjetà intellettwali jew dritt ieħor għad-databases tar-Reġistru li huma meħtieġa biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif ukoll id-dritt li taħtar mill-ġdid ir-Reġistru.

Artikolu 16

Evalwazzjoni u rieżami

1.   Sat-13 ta' Ottubru 2027, u mbagħad kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implimentazzjoni, l-effettività u l-funzjonament tat-TLD .eu, b'mod partikolari abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Reġistru skont il-punt (l) tal-Artikolu 10.

2.   Sat-30 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, fil-qies tal-prattika kurrenti, jekk ir-Reġistru għandux jikkoopera mal-EUIPO u ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, u kif għandu jagħmel dan, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-reġistrazzjonijiet spekulattivi u abbużivi tal-ismijiet ta' dominju, u jekk għandhomx jiġu previsti proċeduri amministrattivi sempliċi, u kif dan għandu jsir, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs. Il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri ulterjuri f'dan ir-rigward, jekk ikun meħtieġ.

3.   Sat-13 ta' Ottubru 2024, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-possibbiltà li testendi l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 u, jekk dan ikun f'loku, tista' tippreżenta proposta leġiżlattiva.

4.   Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 17

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni (COCOM) stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 8(1) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Id-detenturi ta' isem ta' dominju li għandhom ismijiet ta' dominju rreġistrati skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandhom iżommu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ismijiet ta' dominju eżistenti rreġistrati.

2.   Sa mhux aktar tard mit-12 ta' Ottubru 2021, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex taħtar entità bħala r-Reġistru u tagħmel kuntratt mar-Reġistru skont dan ir-Regolament. Il-kuntratt għandu jkollu effett mit-13 ta' Ottubru 2022.

3.   Il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-Reġistru skont il-punt (c) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 għandu jibqa' jkollu effett sat-12 ta' Ottubru 2022.

Artikolu 20

Emendar tar-Regolament (KE) Nru 733/2002

Fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

jirreġistra l-ismijiet ta' qasam fit-TLD .eu permezz ta' Reġistratur ta' .eu akkreditat li jintalbu minn:

(i)

ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza tiegħu jew tagħha;

(ii)

persuna fiżika li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni u li tkun residenti fi Stat Membru;

(iii)

impriża stabbilita fl-Unjoni; jew

(iv)

organizzazzjoni stabbilita fl-Unjoni mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.”.

Artikolu 21

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 733/2002 u (KE) Nru 874/2004 huma mħassra b'effett mit-13 ta' Ottubru 2022.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta' Ottubru 2022.

Madankollu l-Artikolu 20 għandu japplika mid-19 ta' Ottubru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 112.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2019.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell .eu (ĠU L 113, 30.4.2002, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta' April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 40).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).