27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/60


REGOLAMENT (UE) 2019/503 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal- 25 ta' Marzu 2019

dwar ċerti aspetti ta' sikurezza u konnettività ferrovjarja fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' tali ftehim, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Fil-qasam tat-trasport ferrovjarju, l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq iċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet jista' jiġi rrimedjat mill-operaturi kkonċernati, permezz ta' diversi miżuri. Dawk il-miżuri jinkludu li l-operaturi jistabbilixxu ruħhom f'wieħed mill-Istati Membri li jibqgħu fl-Unjoni u li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati xierqa hemmhekk.

(3)

Ftehimiet speċifiċi, kif previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ikunu meħtieġa biex jindirizzaw kwistjonijiet li jikkonċernaw direttament is-servizzi ferrovjarji u l-infrastruttura transfruntieri, u b'hekk li jiżguraw il-kontinwità ta' dawn is-servizzi u jimminimizzaw it-tfixkil. F'konformità ma' dik id-Direttiva, tali ftehimiet jiżguraw ukoll trattament reċiproku għall-impriżi tal-Unjoni u għall-impriżi stabbiliti fir-Renju Unit li jużaw l-infrastruttura transfruntiera.

(4)

Il-konklużjoni ta' tali ftehimiet bejn l-Istati Membri kkonċernati u r-Renju Unit tista' ssir biss wara li r-Renju Unit ikun sar pajjiż terz. B'mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regoli ta' sikurezza tal-Unjoni għaċ-Channel Tunnel bħalissa hija konferita lil Kummissjoni Intergovernattiva, stabbilita skont it-Trattat ta' Canterbury li ġie ffirmat fit-12 ta' Frar 1986, li fil-qasam tas-sikurezza tibbenefika mill-pariri tal-Awtorità tas-Sikurezza taċ-Channel Tunnel. Is-sistema stabbilita minn dak it-Trattat ikollha tiġi adattata b'kont meħud tal-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz. B'mod partikolari, ir-responsabbiltà għall-parti taċ-Channel Tunnel li tinsab fit-territorju Franċiż jenħtieġ li tkun taħt il-kontroll uniku ta' awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), biex ikun żgurat li l-liġi tal-Unjoni tiġi applikata għal dik il-parti tal-mina. Dik l-awtorità kompetenti tista', madankollu, bil-ħsieb li twettaq il-kompiti tagħha bl-aħjar mod possibbli u b'kont meħud tal-karatteristiċi komuni tal-mina fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, u sabiex tiffaċilita l-konsistenza tad-deċiżjonijiet, tieħu kont tal-fehmiet ta' korp binazzjonali stabbilit skont ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi, bħall-Awtorità tas-Sikurezza taċ-Channel Tunnel stabbilita bit-Trattat ta' Canterbury, li tagħti pariri lill-Kummissjoni Intergovernattiva, jew inkella tiżviluppa mezzi oħra biex tikkoopera mal-awtoritajiet responsabbli għall-parti tal-mina fit-territorju tar-Renju Unit.

(5)

Il-miżuri f'dan ir-Regolament huma kondizzjonali fuq l-applikazzjoni ta' standards u proċeduri tas-sikurezza, ta' rekwiżiti ta' aċċess għal operat bħala impriża ferrovjarja, u ta' rekwiżiti għas-sewqan ta' ferrovija, li jkunu identiċi għar-rekwiżiti tal-Unjoni li jiġu applikati għall-infrastruttura li tintuża għall-finijiet li tkun żgurata konnettività ferrovjarja transfruntiera mar-Renju Unit, kif ukoll għal impriżi li joperaw u sewwieqa li jsuqu ferroviji f'dik l-infrastruttura.

(6)

Biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidħlu fil-ftehimiet meħtieġa u biex jieħdu kwalunkwe miżura oħra neċessarja ħalli jiġi evitat it-tfixkil, b'kont meħud tal-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz, huwa meħtieġ li l-validità ta' ċerti ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji tiġi estiża.

(7)

It-tul ta' żmien ta' tali estensjoni tal-validità ta' ċertifikati, awtorizzazzjonijiet, u liċenzji jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien għal dak li huwa strettament meħtieġ biex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jieħdu dawk il-passi meħtieġa, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2012/34/UE.

(8)

Biex jiġi evitat tfixkil maġġuri tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera mar-Renju Unit, huwa wkoll essenzjali li l-operaturi ferrovjarji u l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-miżuri meħtieġa malajr biex jiżguraw li ċ-ċertifikati, l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji koperti b'dan ir-Regolament jinħarġu kmieni biżżejjed qabel ma dan ir-Regolament jieqaf japplika, u li ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji oħra meħtieġa għall-operat fit-territorju tal-Unjoni jinħarġu qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit.

(9)

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju konferit lid-detenturi taċ-ċertifikati, tal-awtorizzazzjonijiet u tal-liċenzji, fejn il-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni ma tkunx żgurata. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Jenħtieġ li tintuża l-proċedura ta' eżami għall-adozzjoni ta' dawk il-miżuri, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sikurezza ferrovjarja. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati, dawn ikunu rikjesti minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(10)

Fid-dawl tal-urġenza li nħolqot miċ-ċirkostanzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, huwa f'loku li tkun prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(11)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji dwar ċerti aspetti tas-sikurezza u tal-konnettività ferrovjarja rigward il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(12)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplikaw mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit sakemm sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea, għal ċerti ċertifikati tas-sikurezza u awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa taħt id-Direttiva 2004/49/KE, għal ċerti liċenzji ta' sewwieqa tal-ferroviji maħruġa taħt id-Direttiva 2007/59/KE u ċerti liċenzji ta' impriżi ferrovjarji maħruġa taħt id-Direttiva 2012/34/UE.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji li ġejjin li jkunu validi fil-jum ta' qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE għall-ġesturi tal-infrastruttura għall-ġestjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura transfruntiera li tgħaqqad lill-Unjoni mar-Renju Unit;

(b)

iċ-ċertifikati tas-sikurezza maħruġa taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE għal impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit;

(c)

il-liċenzji maħruġa taħt il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE għal impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit;

(d)

il-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji maħruġa taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2007/59/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet rilevanti fid-Direttivi 2004/49/KE, 2007/59/KE u 2012/34/UE u fl-atti ta' implimentazzjoni adottati taħt dawk id-Direttivi. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva (UE) 2016/798 u fi kwalunkwe att delegat u ta' implimentazzjoni adottat taħt dik id-Direttiva għandhom japplikaw mid-data li fiha dik id-Direttiva ssir applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(2).

Artikolu 3

Validità ta' awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, ċertifikati tas-sikurezza, liċenzji tal-operat u liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji

1.   L-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) u ċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Iċ-ċertifikati tas-sikurezza msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) għandhom ikunu validi biss għall-fini tal-wasla sal-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament mir-Renju Unit jew tat-tluq minn dawk l-istazzjonijiet u t-terminals lejn ir-Renju Unit.

2.   Il-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. B'deroga mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, dawk il-liċenzji għandhom ikunu validi biss fit-territorju li jinsab bejn l-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament u r-Renju Unit.

3.   Il-liċenzji msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sewwieqa tal-ferroviji waqt li joperaw fit-territorju li jinsab bejn l-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament u r-Renju Unit.

Artikolu 4

Regoli u obbligi rigward ċertifikati tas-sikurezza, awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u liċenzji

1.   Iċ-ċertifikati tas-sikurezza, l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u l-liċenzji regolati mill-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom skont id-Direttiva 2004/49/KE, id-Direttiva (UE) 2016/798 mid-data meta ssir applikabbli għal dawk l-awtorizzazzjonijiet, id-Direttiva 2012/34/UE u d-Direttiva 2007/59/KE, u f'konformità mal-atti ta' implimentazzjoni u delegati adottati taħt dawk id-Direttivi.

2.   Id-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza, tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u tal-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), u skont kif xieraq, l-awtorità li toħroġhom meta din tkun differenti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza li fit-territorju tagħha tkun tinsab l-infrastruttura fl-Unjoni li rispettivament taħt il-kompetenza tagħha jaqgħu l-istazzjonijiet u t-terminals tal-qsim tal-fruntieri elenkati fl-Anness għandhom jikkooperaw ma' dik l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u jagħtuha l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha.

3.   Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti ma jkunux twasslu fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fit-talbiet tagħha, il-Kummissjoni tista', malli tirċievi notifika mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza, tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju konferit lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

4.   Id-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza, tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u tal-liċenzji msemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra, li tista' tkun f'kunflitt mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, id-Direttiva 2004/49/KE, id-Direttiva 2007/59/KE jew id-Direttiva (UE) 2016/798.

Id-detenturi tal-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2)għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni minn awtoritajiet kompetenti tas-sikurezza oħra li tista' tkun f'kunflitt mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament jew skont id-Direttiva 2012/34/UE.

5.   Qabel ma tirtira l-benefiċċji konferiti skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien debitu, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, lill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikati tas-sikurezza, l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), kif ukoll lid-detenturi ta' tali ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji, bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u għandha tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

6.   Fir-rigward tal-liċenzji msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2), għall-finijiet tal-paragrafi (1) sa (5) ta' dan l-Artikolu, ir-referenzi għal Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal awtorità tal-liċenzjar definita fil-punt (15) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE.

Artikolu 5

Monitoraġġ tal-konformità mal-liġi tal-Unjoni

1.   L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha timmonitorja l-istandards tas-sikurezza ferrovjarja applikati għall-impriżi ferrovjarji stabbiliti fir-Renju Unit li jużaw l-infrastruttura transfruntiera msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2), u li jkunu applikati għal dik l-infrastruttura transfruntiera. Barra minn hekk, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tivverifika li l-ġesturi tal-infrastruttura jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u li s-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw fit-territorju taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. L-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji rapporti dwar din il-kwistjoni, li għandhom ikunu akkumpanjati, fejn dan ikun f'loku, minn rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni taġixxi skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

L-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (6) ta' dan ir-Regolament għandha tissorvelja jekk ir-rekwiżiti tal-Artikoli 19 sa 22 tad-Direttiva 2012/34/UE jkunux għadhom jiġu ssodisfati fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji liċenzjati mir-Renju Unit imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati dwar jekk l-istandards tas-sikurezza applikati għall-operat tas-servizzi ferrovjarji transfruntiera jew tal-infrastruttura koperti mill-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew ta' parti mill-istess infrastruttura li tinsab fir-Renju Unit jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien żejjed, tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tirtira l-benefiċċju konferit lid-detentur skont l-Artikolu 3 Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2). Dan għandu japplika mutatis mutandis meta l-Kummissjoni jkollha dubji ġustifikati rigward l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-ksib ta' liċenzji bħala impriża ferrovjarja jew għas-sewqan ta' ferrovija.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza jew l-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (6), rispettivament, tista' titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta' żmien raġonevoli. Meta dawk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba sal-iskadenza stabbilita, inkella jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista', wara li tinnotifika lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza jew lill-awtorità tal-liċenzjar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (6) skont ma jkun f'loku, tadotta atti ta' implimentazzjoni adottati biex tirtira l-benefiċċju konferit lid-detentur skont l-Artikolu 3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

4.   Qabel ma tirtira l-benefiċċji konferiti skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, fi żmien debitu, tinforma lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza msemmija fl-Artikolu 4(2), lill-awtorità li ħarġet iċ-ċertifikati tas-sikurezza, l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 1(2), lid-detenturi ta' tali ċertifikati, awtorizzazzjonijiet u liċenzji, kif ukoll lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sikurezza u lill-awtorità tal-liċenzjar tar-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi għal tali rtirar u tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Artikolu 6

Konsultazzjoni u kooperazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jikkooperaw magħhom skont il-ħtieġa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament u tal-Kunsill (7) kif ukoll mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE. Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ sad-data msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika disa' xhur minn meta jkun sar applikabbli skont il-paragrafu 2.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2019.

(2)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(4)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà, (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(5)  Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).


ANNESS

L-istazzjonijiet u terminals tal-qsim tal-fruntieri msemmija fl-Artikoli 3 u 4 huma dawn li ġejjin:

1.   L-IRLANDA

Dún Dealgan/Dundalk

2.   FRANZA

Calais-Fréthun