27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/16


REGOLAMENT (UE) 2019/495 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma' jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew fin-nuqqas ta' dak, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, dment li l-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perijodu.

(2)

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li hi strument ta' finanzjament ewlieni tal-Unjoni, ġiet stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),. L-għan tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa huwa li tagħmel possibbli t-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' interess transfruntiera u komuni f il-qafas tal-politika tan-netwerks trans-Ewropej fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u biex tittejjeb il-kompetittività, kif ukoll biex jingħata kontribut għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u għall-miri ta' żvilupp sostenibbli.

(3)

Il-Parti I tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tistabbilixxi lista ta' disa' kurituri tan-netwerk ewlieni. Dawk il-kurituri jikkostitwixxu strument li jiffaċilita l-implimentazzjoni koordinata tan-netwerk ewlieni. Jenħtieġ li dawn jikkontribwixxu għall-koeżjoni tan-netwerk ewlieni permezz ta' kooperazzjoni territorjali mtejba, jindirizzaw objettivi tal-politika tat-trasport aktar mifruxa u jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, l-integrazzjoni modali u l-operazzjonijiet multimodali.

(4)

Ir-Renju Unit jifforma parti mill-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana – Mediterran, li jinkludi konnessjonijiet bejn Belfast, Dublin u Cork fuq il-gżira tal-Irlanda, u konnessjonijiet fil-Gran Brittanja minn Glasgow u Edinburgh fit-Tramuntana għal Folkestone u Dover fin-Nofsinhar. Is-sezzjonijiet u n-nodi tar-Renju Unit huma inklużi fit-tabella intitolata “Sezzjonijiet identifikati minn qabel inklużi proġetti” tal-kurituri tan-netwerk ewlieni fil-punt 2 tal-Parti I tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1316/2013.

(5)

Bil-ħsieb tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-partijiet tal-allinjament tal-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana – Mediterran marbuta mar-Renju Unit u mas-sezzjonijiet u n-nodi tar-Renju Unit inklużi fit-tabella ta' sezzjonijiet identifikati minn qabel inklużi proġetti ser isiru obsoleti u mhux ser jibqgħu jipproduċu effetti legali mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 ma jibqax japplika għar-Renju Unit.

(6)

Għall-Irlanda, il-konnessjonijiet marittimi jirrappreżentaw mezz fundamentali biex tkun żgurata l-konnettività diretta mal-Ewropa kontinentali, partikolarment fid-dawl tal-evoluzzjoni inċerta tal-flussi kummerċjali li jgħaddu fuq il-“pont kontinentali” tar-Renju Unit.

(7)

Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana – Mediterran jiġi sseparat f'żewġ partijiet distinti u mhux konnessi u sabiex tkun żgurata l-konnettività tal-Irlanda mal-Ewropa kontinentali, jenħtieġ li l-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana – Mediterran jinkludi konnessjonijiet marittimi ġodda bejn il-portijiet tal-Irlanda u l-portijiet tal-Belġju, Franza u n-Netherlands li jagħmlu parti minn dak il-Kuritur. Barra minn hekk, konnessjoni bejn il-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana – Mediterran u l-Kuritur tal-Atlantiku minn Le Havre, li tinsab fuq il-Kuritur tal-Atlantiku, għandha tiżgura konnettività u integrazzjoni aħjar tas-suq intern.

(8)

Hu importanti li l-konsegwenzi fuq perijodu medju tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq il-konnessjonijiet u l-flussi tat-traffiku, b'mod partikolari r-riallokazzjoni possibbli tal-flussi tat-traffiku, jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-istrument suċċessur għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u għall-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għaldaqstant, jenħtieġ li, sal-2021, il-Kummissjoni twettaq rieżami bikri tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013, sabiex tqis it-tibdil possibbli fil-fluss tal-merkanzija meta r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni.

(9)

L-iżgurar tal-konnessjoni bejn l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra fil-Kuritur tan-Netwerk Ewlieni tal-Baħar tat-Tramuntana – Mediterran u parti limitata mill-Kuritur tal-Atlantiku huwa kruċjali għall-investimenti fl-infrastruttura attwali u futuri u sabiex tingħata ċarezza u ċertezza legali għall-ippjanar tal-infrastruttura. Huwa essenzjali li tiġi żviluppata l-infrastruttura rilevanti biex jinżammu u jiġu appoġġati l-flussi kummerċjali eżistenti u futuri bejn l-Irlanda u l-Ewropa kontinentali.

(10)

Jenħtieġ li l-investimenti fit-tagħmir u l-infrastruttura għas-sigurtà u l-kontrolli fil-fruntieri esterni jkunu azzjoni li tingħata prijorità fl-aħħar fażi tal-implimentazzjoni tal-perijodu ta' programmazzjoni attwali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

(11)

Biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi programm ta' ħidma annwali ġdid.

(12)

Matul ir-rieżami tal-programm ta' ħidma pluriennali, sabiex jiġi adattat għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jenħtieġ li jitqiesu, b'mod partikolari, azzjonijiet immirati għat-tisħiħ tal-infrastruttura tat-trasport għas-sigurtà u kontrolli fil-fruntieri esterni.

(13)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 ma jibqax japplika għar-Renju Unit,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(m)

azzjonijiet li jadattaw l-infrastruttura tat-trasport għall-finijiet tas-sigurtà u l-kontrolli fil-fruntieri esterni.”;

(2)

l-Artikolu 17 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 hu sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-programmi ta' ħidma pluriennali tal-inqas f'nofs il-perijodu. Fis-settur tat-trasport, hija għandha tirrieżamina l-programm ta' ħidma pluriennali sabiex tadattah fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni għar-reviżjoni tal-programm ta' ħidma pluriennali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Fis-settur tat-trasport, l-azzjonijiet dettaljati fil-punt (m) tal-Artikolu 7(2) għandhom ikunu prijorità ta' programm ta' ħidma annwali adottat fit-28 ta' Marzu 2019 jew wara dik id-data.”;

(3)

l-Anness I huwa emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil- jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 ma jibqax japplika għar-Renju Unit.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 301.

(2)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 173.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 ... (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

(4)  Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).


ANNESS

Emenda tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1316/2013

Fil-Parti I tal-Anness I, il-punt 2 (“Kurituri fin-netwerk ewlieni”), it-taqsima “Baħar tat-Tramuntana – Mediterran”, is-subtaqsima “Allinjament”, tiddaħħal il-linja li ġejja wara l-linja “Belfast – Baile Átha Cliath/Dublin – Corcaigh/Cork”:

“Shannon Foynes/Baile Átha Cliath/Dublin/Corcaigh/Cork – Le Havre/Calais/Dunkerque/Zeebrugge/Terneuzen/Gent/Antwerpen/Rotterdam/Amsterdam”.