25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/1


REGOLAMENT (UE) 2019/472 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tistipula l-obbligi ta' konservazzjoni, inklużi ż-żamma jew l-irkupru tal-popolazzjonijiet ta' speċijiet maqbuda f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

(2)

Fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fi New York fl-2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom biex, sal-2020, jirregolaw b'mod effettiv il-qbid, itemm s-sajd eċċessiv, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-prattiki tas-sajd qerrieda, u jimplementaw pjanijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu ripristinati, fl-inqas żmien fattibbli, għall-inqas sa livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY skont kif ikun iddeterminat mill-karatteristiki bijoloġiċi tagħhom.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) bi qbil mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-PKS għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha li huma sfruttati għall-kummerċ, u b'mod partikolari għall-kisba ta' status tajjeb ambjentali sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

L-objettivi tal-PKS huma, fost l-oħrajn, li jkun żgurat li s-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli għat-terminu twil ta' żmien, li jiġi applikat l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u li jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd.

(5)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, iridu jiġu adottati għadd ta' miżuri ta' konservazzjoni, skont kif ikun xieraq, fi kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, bħalma huma pjanijiet pluriennali, miżuri tekniċi, u l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(6)

Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali jridu jkunu bbażati fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li l-pjan pluriennali stabbilit permezz ta' dan ir-Regolament (“il-pjan”) ikun fih l-għanijiet, il-miri kwantifikabbli bi skedi ta' żmien ċari, punti ta' referenza għall-konservazzjoni, salvagwardji u miżuri tekniċi maħsubin biex jevitaw u jnaqqsu l-qabdiet inċidentali u biex jiġi minimizzat l-impatt fuq l-ambjent tal-baħar, b'mod partikolari fuq il-ħabitats vulnerabbli u l-ispeċijiet protetti.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis il-limitazzjonijiet relatati mad-daqs tal-bastimenti tas-sajd artiġjanali u kostali użati fir-reġjuni ultraperiferiċi.

(8)

Jenħtieġ li “l-aħjar parir xjentifiku disponibbli” jinftiehem bħala li jirreferi għall-parir xjentifiku disponibbli b'mod pubbliku li huwa appoġġat mill-aktar data u metodi xjentifiċi aġġornati u li jkun jew ġie maħruġ jew rieżaminat minn korp xjentifiku indipendenti li huwa rikonoxxut fuq livell tal-Unjoni jew internazzjonali.

(9)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb l-aħjar parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan. Biex tagħmel dan, tikkonkludi Memoranda ta' Qbil mal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Il-parir xjentifiku li jinħareġ b'mod partikolari mill-ICES jew minn xi korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-pjan u li jindika, b'mod partikolari, il-meded tal-FMSY u tal-punti ta' referenza tal-bijomassa, jiġifieri l-MSY Btrigger u l-Blim. Jeħtieġ li dawk il-valuri jkunu indikati fil-parir rilevanti għal kull stokk u, meta jkun jixraq, f'kull parir xjentifiku ieħor li jkun disponibbli għall-pubbliku, pereżempju anki fil-pariri dwar is-sajd imħallat li joħroġ b'mod partikolari l-ICES jew xi korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali.

(10)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004 (5), (KE) Nru 2166/2005 (6), (KE) Nru 388/2006 (7), (KE) Nru 509/2007 (8) u (KE) Nru 1300/2008 (9) jistipulaw ir-regoli għall-isfruttament tal-istokk tal-merluzz fit-Tramuntana, tal-istokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu fil-Baħar ta' Cantabria u qrib in-naħa tal-Punent tal-Peniżola Iberika, tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja, tal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent, tal-aringi fin-naħa tal-Punent tal-Iskozja u tal-bakkaljaw fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fin-naħa tal-Punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż. Dawk l-istokkijiet u stokkijiet ta' ħut demersali oħrajn jittieħdu fis-sajd imħallat. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan pluriennali uniku li jieħu kont ta' dawn l-interazzjonijiet tekniċi.

(11)

Barra minn hekk, tali pjan pluriennali jenħtieġ li jkun japplika għall-istokkijiet demersali u s-sajd tagħhom fl-Ilmijiet tal-Punent li huma magħmulin mill-Ilmijiet tal-Majjistral u l-ilmijiet tal-Lbiċ. Dawk huma speċijiet ta' ħut tond, pixxiċatt, ħut kartilaġinuż, u l-iskampu (Nephrops norvegicus) li jgħixu fil-qiegħ jew qrib il-qiegħ tal-kolonna tal-ilma.

(12)

Xi stokkijiet tal-ħut demersali huma sfruttati kemm fl-Ilmijiet tal-Punent kif ukoll fl-ilmijiet tal-madwar. Għaldaqstant, il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-pjan li għandhom rabta mal-miri u mas-salvagwardji għall-istokkijiet li prinċipalment jiġu sfruttati fl-Ilmijiet tal-Punent jeħtieġ li jiġi estiż saż-żoni 'l barra mill-Ilmijiet tal-Punent. Barra minn hekk, għall-istokkijiet li jinsabu wkoll fl-Ilmijiet tal-Punent li jiġu sfruttati b'mod prinċipali barra mill-Ilmijiet tal-Punent, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-miri u s-salvagwardji fil-pjanijiet pluriennali għaż-żoni fejn jiġu sfruttati dawk l-istokkijiet, 'il barra mill-Ilmijiet tal-Punent, u jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni ta'dawk il-pjanijiet biex ikun jinkludi l-Ilmijiet tal-Punent.

(13)

L-ambitu ġeografiku tal-pjan jeħtieġ li jkun ibbażat fuq id-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet indikati fil-parir xjentifiku dwar l-istokkijiet l-aktar riċenti li jingħata b'mod partikolari mill-ICES jew minn xi korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali. Bidliet futuri fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet kif indikati fil-pjan, jistgħu jkunu meħtieġa jew minħabba informazzjoni xjentifika aħjar jew minħabba l-migrazzjoni tal-istokkijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati li jaġġustaw id-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet stabbiliti fil-pjan jekk il-parir xjentifiku mogħti b'mod partikolari mill-ICES jew minn xi korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni u f'dak internazzjonali ikun jindika bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet rilevanti.

(14)

Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni huma sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni jenħtieġ li tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari mal-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Meta ma jintlaħaqx ftehim formali l-Unjoni jeħtiġilha tagħmel kull sforz biex tikseb arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-għan li jinkiseb stat ta' ġestjoni sostenibbli, u b'hekk ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.

(15)

Jenħtieġ li l-għan tal-pjan ikun li jgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS u, b'mod partikolari, li jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet fil-mira, li jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art għall-istokkijiet tal-ħut demersali soġġett għal-limiti ta' qbid, u li jiġi promoss livell ta' għajxien diċenti għal dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-aspetti soċjoekonomiċi u s-sajd kostali. Irid ukoll jimplimenta metodu ta' ġestjoni tas-sajd li jkun ibbażat fuq l-ekosistema biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Jenħtieġ li jkun jaqbel mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-għan li jintlaħaq status ambjentali tajjeb sal-2020 (bi qbil mad-Direttiva 2008/56/KE) u jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (11). Il-pjan irid ukoll jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-partijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Punent fir-rigward tal-istokkijiet kollha ta' dawk l-ispeċijiet li japplika għalihom l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(16)

L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jirrikjedi li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu ffissati f'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tiegħu u jkunu konformi mal-miri, mal-iskedi ta' żmien u mal-marġini stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali.

(17)

Jixraq li tiġi stabbilita mira għall-mortalità mis-sajd (F) li taqbel mal-għan li jinkiseb u jinżamm MSY fil-forma ta' meded ta' valuri li jkunu konsistenti mal-kisba tal-MSY (FMSY). Dawk il-meded, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, huma meħtieġa biex ikun hemm biżżejjed flessibbiltà biex ikun jista' jsir adattament skont l-iżviluppi fil-parir xjentifiku, biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art u biex tingħata wisa' għall-karatteristiki tas-sajd imħallat. Il-meded tal-FMSY jenħtieġ li jiġu kkalkulati, b'mod partikolari mill- ICES, speċjalment fil-parir tiegħu dwar il-qabdiet perjodiċi, jew minn xi korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali. Abbażi tal-pjan dawn il-meded jenħtieġ li jiġu dderivati biex ma jingħatax aktar minn 5 % tnaqqis fir-rendiment fuq żmien twil meta mqabbel mal- MSY. Il-limitu massimu tal-medda jenħtieġ li jiġi applikat livell massimu, sabiex il-probabbiltà li l-istokk jinżel għal inqas mill-Blim ma tkunx ogħla minn 5 %. Dak il-limitu massimu jenħtieġ li jikkonforma wkoll mar-“regola rakkomandata” tal-ICES li tindika li meta l-bijomassa riproduttiva jew l-abbundanza jkunu fi stat ħażin, il-mortalità mis-sajd F għandha titnaqqas għal valur li ma jaqbiżx limitu massimu li jkun ugwali għall-valur tal-punt tal-FMSY immultiplikat bil-bijomassa riproduttiva jew bl-abbundanza fis-sena tal-qabda totali permissibbli (TAC) diviż bi MSY Btrigger. L-ICES iqis dawn il-kwistjonijiet u r-regola rakkomandata meta jagħti l-parir xjentifiku dwar il-mortalità mis-sajd u l-għażliet tal-qabdiet.

(18)

Biex jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd, jenħtieġ li jkun hemm livell massimu għall-meded tal-FMSY fl-użu normali u, dment li l-istokk ikkonċernat ikun meqjus li hu fi stat tajjeb, limitu massimu għal ċerti każijiet. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd sal-limitu massimu biss jekk, abbażi ta' parir xjentifiku jew ta' evidenza xjentifika, ikun meħtieġ għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament fis-sajd imħallat, jew ikun meħtieġ biex tiġi evitata ħsara lil stokk minħabba d-dinamiċi bejn l-istokkijiet ta' speċi waħda jew bejn speċijiet imħallta, jew għal-limitazzjoni tal-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd minn sena għal oħra.

(19)

Jenħtieġ li jkun possibbli li Kunsill Konsultattiv rilevanti jirrakkomanda lill-Kummissjoni approċċ ta' ġestjoni li jfittex li jillimita l-varjazzjonijiet li jseħħu minn sena għal sena fl-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari elenkat f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kunsill iqis tali rakkomandazzjonijiet meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd sakemm dawn l-opportunitajiet tas-sajd jikkonformaw mal-miri u s-salvagwardji skont il-pjan.

(20)

Fil-każ tal-istokkijiet li għalihom jeżistu l-miri b'rabta mal-MSY, u biex jiġu applikati miżuri ta' salvagwardja, jenħtieġ li jiġu stabbiliti punti ta' referenza għall-konservazzjoni mogħtija bħala livelli limitu tal-bijomassa riproduttiva għall-istokkijiet tal-ħut, u livelli limitu tal-abbundanza għall-iskampu.

(21)

Jenħtieġ li jiġu previsti miżuri xierqa ta' salvagwardja fil-każ li d-daqs tal-istokk jaqa' taħt dawn il-livelli. Il-miżuri ta' salvagwardja jeħtieġ li jinkludu t-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta' konservazzjoni meta l-parir xjentifiku jindika li huma meħtieġa miżuri rimedjali. Dawk il-miżuri jridu jkunu supplimentati bil-miżuri xierqa l-oħrajn kollha pereżempju l-miżuri tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew il-miżuri tal-Istati Membri skont l-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament.

(22)

Jenħtieġ li jkun possibbli li t-TAC għall-iskampu f'erba' żoni speċifiċi ta' ġestjoni jiġu ffissati bħala s-somma tal-limiti tal-qbid stabbiliti għal kull unità funzjonali u s-somma tal-limiti tal-qbid fir-rettangoli statistiċi 'l barra mill-unitajiet funzjonali, fi ħdan kull żona ta' ġestjoni. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jipprekludix l-adozzjoni ta' miżuri biex jiġu protetti unitajiet funzjonali speċifiċi.

(23)

Biex jintuża metodu reġjonali għall-konservazzjoni u għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, jixraq li tkun prevista l-possibbiltà li jittieħdu miżuri tekniċi għall-istokkijiet kollha fl-Ilmijiet tal-Punent.

(24)

Ir-reġim ta' limitazzjoni tal-isforz għal-lingwata fil-Kanal tal-Punent ħareġ għodda ta' ġestjoni effiċjenti komplementari għall-iffissar tal-possibbiltajiet tas-sajd. Tali limitazzjoni tal-isforz għandha għalhekk tibqa' tinżamm fil-qafas tal-pjan.

(25)

Meta l-mortalità kkawżata mis-sajd rikreattiv ikollha impatt sinifikanti fuq stokk ġestit abbażi tal-MSY, jenħtieġ li l-Kunsill ikun jista' jiffissa limiti mhux diskriminatorji għas-sajjieda rikreattivi. Jenħtieġ għalhekk li l-Kunsill jirreferi għal kriterji trasparenti u oġġettivi meta jkun qed jistabbilixxi limiti bħal dawn. Fejn xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir tad-data għal stima affidabbli tal-livelli effettivi tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv.

(26)

Biex jikkonforma mal-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jeħtieġ li l-pjan jipprevedi li jerġgħu jiġu speċifikati miżuri ta' ġestjoni addizzjonali bi qbil mal-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament.

(27)

Id-data ta' skadenza biex l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet konġunti jeħtieġ li tiġi stabbilita, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(28)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jeħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni perjodika mill-Kummissjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont il-parir xjentifiku. Jeħtieġ li l-pjan jiġi evalwat sas-27 ta' Marzu 2024, u kull ħames snin wara dan. Dak il-perjodu jagħti ż-żmien biex jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu ta' ħatt l-art, u biex jiġu adottati, implimentati, u jagħmlu l-effetti tagħhom fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd il-miżuri reġjonali. Dan il-perjodu huwa wkoll il-perjodu minimu meħtieġ mill-korpi xjentifiċi.

(29)

Sabiex isir adattament għall-progress tekniku u xjentifiku fil-ħin u b'mod proporzjonat, u biex tkun żgurata l-flessibbiltà u tiġi permessa jkunu jistgħu jevolvu ċerti miżuri, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex dan ir-Regolament jiġi emendat jew issupplimentat fir-rigward tal-aġġustamenti li jikkonċernaw il-ħażniet koperti minn dan ir-Regolament wara bidliet fid-distribuzzjoni ġeografika tal-ħażniet, mal-miżuri ta' rimedju, mal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art u mal-limiti rigward il-kapaċità totali tal-flotot tal-Istati Membri kkonċernati. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(30)

Biex ikun hemm ċertezza legali, jixraq li jkun iċċarat li l-miżuri ta' waqfien temporanju li jkunu ġew adottati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan jistgħu jitqiesu li huma eliġibbli għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(31)

L-applikazzjoni ta' referenzi dinamiċi għall-meded tal-FMSY u għall-punti ta' referenza għall-konservazzjoni tiżgura li dawk il-parametri, li huma essenzjali biex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, ma jiskadux u li l-Kunsill dejjem ikun jista' juża l-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Barra minn hekk, l-approċċ li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta' referenzi dinamiċi skont l-aħjar parir xjentifiku disponibbli għandu jiġi segwit għall-ġestjoni tal-istokkijiet fil-Baħar Baltiku. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li l-obbligu ta' ħatt l-art ma japplikax għas-sajd rikreattiv fiż-żoni koperti mill-pjan pluriennali għas-sajd tal-Baħar Baltiku. Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jiġi emendat.

(32)

Jenħtieġ li d-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għall-iskampu fl-Iskagerrak u fil-Kattegat jiġi rieżaminat. Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li l-obbligu ta' ħatt l-art ma japplikax għas-sajd rikreattiv fiż-żoni koperti mill-pjan pluriennali għas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat.

(33)

Jenħtieġ li jitħassru r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008.

(34)

L-impatt ekonomiku u soċjali probabbli tal-pjan ġie vvalutat bi qbil mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 qabel ma ġie ffinalizzat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet tal-ħut demersali elenkati hawn taħt, fosthom stokkijiet tal-baħar fond, fl-Ilmijiet tal-Punent, u fejn dawk l-istokkijiet ikunu mifruxin 'il barra mill-Ilmijiet tal-Punent, fl-Ilmijiet tal-madwar tagħhom, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet:

(1)

iċ-ċinturin iswed (Aphanopus carbo) fis-subżoni 1, 2, 4, 6–8, 10 u 14 u fit-taqsimiet 3a, 5a, 5b, 9a, u 12b tal-ICES;

(2)

il-grenadier imnieħru tond (Coryphaenoides rupestris) fis-subżoni 6 u 7 u fit-taqsima 5b tal-ICES;

(3)

l-ispnotta tat-tbajja' (Dicentrarchus labrax) fit-taqsimiet 4b, 4c, 7a, 7d–h, 8a u 8b tal-ICES;

(4)

l-ispnotta tat-tbajja' (Dicentrarchus labrax) fit-taqsimiet 6a, 7b u 7j tal-ICES;

(5)

l-ispnotta tat-tbajja' (Dicentrarchus labrax) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(6)

il-bakkaljaw (Gadus morhua) fit-taqsima 7a tal-ICES;

(7)

il-bakkaljaw (Gadus morhua) fit-taqsimiet 7e–k tal-ICES;

(8)

il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsimiet 4a u 6a tal-ICES;

(9)

il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsima 6b tal-ICES;

(10)

il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsimiet 7b–k, 8a, 8b, u 8d tal-ICES;

(11)

il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(12)

il-petriċa kbira (Lophiidae) fit-taqsimiet 7b–k, 8a, 8b, u 8d tal-ICES;

(13)

il-petriċa kbira (Lophiidae) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(14)

il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fit-taqsima 6b tal-ICES;

(15)

il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fit-taqsima 7a tal-ICES;

(16)

il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fit-taqsimiet 7b–k tal-ICES;

(17)

il-merlangu (Merlangius merlangus) fit-taqsimiet 7b, 7c u 7e–k tal-ICES;

(18)

il-merlangu (Merlangius merlangus) fis-subżona 8 u fit-taqsima 9a tal-ICES;

(19)

il-merluzz (Merluccius merluccius) fis-subżoni 4, 6 u 7, u fit-taqsimiet 3a, 8a, 8b u 8d tal-ICES;

(20)

il-merluzz (Merluccius merluccius) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(21)

il-linarda (Molva dypterygia) fis-subżoni 6 u 7 fit-taqsima 5b tal-ICES;

(22)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fis-subżona 6 u fit-taqsima 5b tal-ICES:

fil-Minch tat-Tramuntana (FU 11);

fil-Minch tan-Nofsinhar (FU 12);

fil-Firth of Clyde (FU 13);

fit-taqsima 6a, 'il barra mill-unitajiet funzjonali (fil-Punent tal-Iskozja);

(23)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fis-subżona 7 tal-ICES:

fil-Lvant tal-Baħar Irlandiż (FU 14);

fil-Punent tal-Baħar Irlandiż (FU 15);

fis-Sikka ta' Porcupine (FU 16);

fl-Aran grounds (FU 17);

fil-Baħar Irlandiż (FU 19);

fil-Baħar Ċeltiku (FU 20-21);

fil-Kanal ta' Bristol (FU 22);

'il barra mill-unitajiet funzjonali (In-Nofsinhar tal-Baħar Ċeltiku, fil-Lbiċ tal-Irlanda);

(24)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fit-taqsimiet 8a, 8b, 8d u 8e tal-ICES:

fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru tal-Bajja ta' Biskajja (FU 23-24);

(25)

l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES, u ż-żona 34.1.1 tas-CECAF:

fl-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku tal-Lvant, fil-Galizja tal-Punent u fit-Tramuntana tal-Portugall (FU 26-27);

fl-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku tal-Lvant u tal-Lbiċ u n-Nofsinhar tal-Portugall (FU 28-29);

fl-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku tal-Lvant u fil-Golf ta' Cádiz (FU 30);

(26)

il-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fis-subżona 9 tal-ICES;

(27)

il-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) fit-taqsima 7d tal-ICES;

(28)

il-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) fit-taqsima 7e tal-ICES;

(29)

il-pollakkju (Pollachius pollachius) fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES;

(30)

il-lingwata komuni (Solea solea) fis-subżoni 5, 12 u 14 u fit-taqsima 6b tal-ICES;

(31)

il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsima 7d tal-ICES;

(32)

il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsima 7e tal-ICES;

(33)

il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 7f u 7 g tal-ICES;

(34)

il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 7h, 7j u 7k tal-ICES;

(35)

il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 8a u 8b tal-ICES;

(36)

il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES.

Meta l-parir xjentifiku, b'mod partikolari dak tal-ICES jew ta' korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, juri bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista' tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 18 li jemendaw dan ir-Regolament billi jaġġustaw iż-żoni speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu fuq biex dawn jiġu jirriflettu l-bidla. Dawn l-aġġustamenti ma għandhomx ikabbru ż-żoni tal-istokkijiet 'il barra mill-Ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 sa 10 tal-ICES, u miż-żoni 34.1.1, 34.1.2, u 34.2.0 tas-CECAF.

2.   Meta, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni tkun tal-fehma li l-lista tal-istokkijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jeħtieġ li tiġi emendata, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta biex dik il-lista tiġi emendata.

3.   Fir-rigward tal-ilmijiet tal-madwar koperti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, japplikaw biss l-Artikoli 4 u 7 u l-miżuri b'rabta mal-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali li jinqabdu fl-Ilmijiet tal-Punent waqt is-sajd tal-istokkijiet elenkati fil-paragrafu 1. Iżda fejn il-meded tal-FMSY u s-salvagwardji marbutin mal-bijomassa għal dawk l-istokkijiet ikunu stabbiliti f'atti legali oħrajn tal-Unjoni li jistabbilixxu l-pjanijiet pluriennali, japplikaw dawk il-meded u s-salvagwardji.

5.   Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-partijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Punent fir-rigward tal-istokkijiet kollha ta' dawk l-ispeċijiet li japplika għalihom l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

6.   Dan ir-Regolament jipprevedi miżuri tekniċi, kif stabbilit fl-Artikolu 9, li japplikaw fl-Ilmijiet tal-Punent għal kwalunkwe stokk.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (16) u fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (17):

(1)

“L-Ilmijiet tal-Punent” tfisser l-Ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 5 tal-ICES (bl-esklużjoni tad-diviżjoni 5a u biss l-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 5b), 6 u 7 tal-ICES u l-Ilmijiet tal-Lbiċ (is-subżoni tal-ICES 8, 9, u 10 (l-ilmijiet madwar l-Azores), u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF (l-ilmijiet madwar il-Madeira u l-Gżejjer tal-Kanarja));

(2)

“il-medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li jingħataw fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal- ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li fiha l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd jagħtu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq żmien twil ibbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, mingħajr ma taffettwa b'xi mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat. Hija dderivata b'tali mod li r-rendiment fit-tul ma jitnaqqasx b'aktar minn 5 % meta mqabbel mal-MSY. Din għandha limitu massimu biex il-probabbiltà li l-istokk jinżel għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

(3)

“MSY Flower” tfisser l-iżgħar valur fil-medda ta' FMSY;

(4)

“MSY Fupper” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(5)

“Il-punt ta' valur tal-FMSY” huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmat li bbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali jagħti r-rendiment massimu fuq terminu ta' żmien twil;

(6)

“l-aktar medda baxxa tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri minn MSY Flower sal-punt ta' valur tal-FMSY;

(7)

“l-ogħla medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri mill-punt ta' valur tal-FMSY sal-MSY Fupper;

(8)

“Blim” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu tista' titnaqqas il-kapaċità riproduttiva;

(9)

“MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk, jew, fil-każ tal-iskampu, il-punt ta' referenza tal-abbundanza li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu għandha tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa biex jiġi żgurat li r-rati tal-isfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jirripristinaw l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY fuq terminu ta' żmien twil.

KAPITOLU II

GĦANIJIET

Artikolu 3

Għanijiet

1.   Il-pjan għandu jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi jintuża approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li jinstadu u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.   Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-iskartar tal-ħut billi kemm jista' jkun jevita u jnaqqas il-qabdiet inċidentali, u jgħin fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 rigward l-ispeċijiet li huma soġġetti għal-limiti tal-qbid u li japplika għalihom dan ir-Regolament.

3.   Il-pjan għandu jimplimenta metodu ta' ġestjoni tas-sajd li jkun ibbażat fuq l-ekosistema biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Dan ikun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

4.   B'mod partikolari, il-pjan għandu jkollu l-għan li:

(a)

jiżgura li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE;

(b)

jikkontribwixxi biex jiġu ssodisfati deskritturi rilevanti oħra li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE bi proporzjon mal-parti li għandu s-sajd fis-sodisfazzjon tagħhom; kif ukoll

(c)

jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/147/KE u l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 92/43/KEE, b'mod partikolari biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-ħabitats vulnerabbli u l-ispeċijiet protetti.

5.   Il-miżuri taħt il-pjan jittieħdu bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Fejn ma hemmx biżżejjed dejta, għandu jkun hemm livell komparabbli ta' konservazzjoni għall-istokkijiet rilevanti.

KAPITOLU III

MIRI

Artikolu 4

Miri

1.   Il-mortalità mis-sajd fil-mira bi qbil mal-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tinkiseb kemm jista' jkun malajr, u fuq bażi progressivament inkrementali sal-2020 rigward l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u minn dik is-sena 'l quddiem għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY bi qbil ma' dan l-Artikolu.

2.   Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali.

3.   Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fil-medda l-iktar baxxa tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.

4.   Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.   Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont l-ogħla medda tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, dejjem jekk l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun ikbar mill MSY Btrigger:

(a)

jekk, abbażi tal-parir jew tal-evidenza xjentifiċi jkun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b)

jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja lil stokk ikkawżata mid-dinamika tal-istokkijiet fost speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew

(c)

biex ikun hemm limitazzjoni fil-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal mhux inqas minn 20 % minn sena għal sena konsekuttivi.

6.   Fejn il-meded ta' FMSY ma jistgħux jiġu determinati għal stokk elenkat fl-Artikolu 1(1) minħabba nuqqas ta' informazzjoni xjentifika adegwata, dak l-istokk għandu jiġi ġestit skont l-Artikolu 5 sa meta meded ta' FMSY ikunu disponibbli skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

7.   Fi kwalunkwe każ, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati b'mod li jiżgura probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa riproduttiva ta' stokk jinżel inqas mill-Blim.

Artikolu 5

Ġestjoni tal-qabdiet aċċessorji

1.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) inklużi, fejn xieraq, l-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqies l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   L-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) għandhom jiġu ġestiti skont l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd kif iddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta ma tkunx disponibbli informazzjoni xjentifika adegwata u skont l-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament.

3.   Bi qbil mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-ġestjoni tas-sajd imħallat għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament għandha tqis id-diffikultà biex jinstadu l-istokkijiet kollha fil-livell MSY fl-istess ħin, speċjalment f'sitwazzjonijiet meta dan iwassal għall-għeluq qabel il-waqt tas-sajd.

Artikolu 6

Limitazzjoni tal-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal stokk

Kunsill Konsultattiv rilevanti jista' jirrakkomanda lill-Kummissjoni approċċ ta' ġestjoni li jfittex li jillimita l-varjazzjonijiet li jseħħu minn sena għal sena fl-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari elenkat fl-Artikolu 1(1).

Il-Kunsill jista' jqis kwalunkwe tali rakkomandazzjoni meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd sakemm dawn l-opportunitajiet tas-sajd jikkonformaw mal-Artikoli 4 u 8.

KAPITOLU IV

SALVAGWARDJI

Artikolu 7

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni għas-salvagwardja tal-kapaċità riproduttiva kollha tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) li ġejjin għandhom, abbażi tal-pjan, jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES, jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali:

(a)

L-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(b)

Il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 8

Salvagwardji

1.   Meta l-parir xjentifiku jindika li għal sena partikolari l-bijomassa riproduttiva tal-istokk, u fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza, ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell tal-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju kollha biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk jew tal-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset aktar mill-ogħla medda tal-FMSY, meta jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.   Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk jew tal-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu, minkejja l-Artikolu 4(3), is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk jew għall-unità funzjonali kkonċernati u t-tnaqqis xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.   Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a)

miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

miżuri skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament.

4.   L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul fiż-żmien u kemm tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni li fiha l-bijomassa riproduttiva tal-istokk u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza jkunu inqas mil-livelli msemmijin fl-Artikolu 7.

KAPITOLU V

MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 9

Miżuri tekniċi

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati bi qbil mal-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament fejn għandu x'jaqsam mal-miżuri tekniċi li ġejjin:

(a)

l-ispeċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkapti tas-sajd u tar-regoli għall-użu tagħhom biex tiġi żgurata jew tittejjeb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet ta' modifiki jew apparat addizzjonali mal-irkapti tas-sajd biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jiġi jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(c)

il-limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u fuq l-attivitajiet tas-sajd f'ċerti żoni jew perjodi biex jipproteġu l-ħut li jbid, il-ħut li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew il-ħut ta' speċijiet li ma jkunux fil-mira, jew biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; kif ukoll

(d)

l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kull stokk li għalih japplika dan ir-Regolament, biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3.

KAPITOLU VI

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 10

Opportunitajiet tas-sajd

1.   Huma u jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kompożizzjoni probabbli tal-qbid tal-bastimenti tas-sajd li jieħdu sehem fis-sajd imħallat.

2.   Wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom, jew parti minnhom, skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, it-TAC għall-istokkijiet tal-iskampu fl-Ilmijiet tal-Punent tista' tiġi stabbilita għaż-żoni ta' ġestjoni li jikkorrispondu għal kull waħda miż-żoni definiti taħt il-punti 22 sa 25 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1). F'każijiet bħal dawn, it-TAC għal żona ta' ġestjoni tista' tkun is-somma tal-limiti tal-qbid ta' dawk l-unitajiet funzjonali u tal-limiti tal-qbid tar-rettangoli statistiċi 'l barra mill-unitajiet funzjonali.

Artikolu 11

Sajd rikreattiv

1.   Meta l-parir xjentifiku jindika li s-sajd rikreattiv qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd ta' xi stokk imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-Kunsill jista' jistabbilixxi limiti mhux diskriminatorju għas-sajjieda rikreattivi.

2.   Meta jkun qed jiffissa limiti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-kriterji użati jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-impatt fuq l-ambjent tas-sajd rikreattiv, l-importanza soċjali ta' dik l-attività u l-kontribut tagħha għall-ekonomija tat-territorji kostali.

3.   Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir tad-dejta għal stima affidabbli tal-livelli effettivi tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv.

Artikolu 12

Limitazzjoni tal-isforz għal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent

1.   It-TACs għal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent (diviżjoni 7e tal-ICES) taħt il-pjan għandhom ikunu kkumplementati b'limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd.

2.   Meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd, il-Kunsill għandu jiddeċiedi ta' kull sena dwar in-numru massimu ta' ġranet fuq il-baħar għall-bastimenti preżenti fil-Fliegu tal-Punent u li jużaw xbieki tat-tkarkir bit-travu b'malji li fihom daqs ta' 80 mm jew aktar u għall-bastimenti fil-Fliegu tal-Punent li jużaw xbieki statiċi b'malji li fihom daqs ta' 220 mm jew anqas.

3.   In-numru massimu tal-ġranet fuq il-baħar imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi aġġustat bl-istess proporzjon bħall-aġġustament fir-rata tal-mortalità mis-sajd li tikkorrispondi għall-varjazzjoni fit-TACS.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TA' ĦATT L-ART

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Punent

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fl-Ilmijiet tal-Punent li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji ta' dak l-obbligu kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti skont l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU VIII

AĊĊESS GĦALL-ILMIJIET U R-RIŻORSI

Artikolu 14

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-limiti massimi tal-kapaċità

1.   Għal kull waħda miż-żoni tal-ICES imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu joħroġ l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jistadu f'dik iż-żona. F'dawn l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd, l-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw il-kapaċità totali ta' dawn il-bastimenti li jużaw irkaptu speċifiku.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi limiti fuq il-kapaċità totali tal-flotot tal-Istati Membri kkonċernati ħalli tiffaċilita l-ilħuq tal-għanijiet spjegati fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

3.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista ta' bastimenti li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmijin fil-paragrafu 1 u jagħmilha disponibbli fuq is-sit web uffiċjali tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra.

KAPITOLU IX

ĠESTJONI TA' STOKKIJIET TA' INTERESS KOMUNI

Artikolu 15

Prinċipji u objettivi tal-ġestjoni ta' stokkijiet ta' interess komuni għall-Unjoni u pajjiżi terzi

1.   Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni jiġu sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Meta ma jintlaħaqx ftehim formali l-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex tikseb arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-għan li jinkiseb stat ta' ġestjoni sostenibbli, u b'hekk ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.

2.   Fil-kuntest tal-ġestjoni ta' stokkijiet kondiviża ma' pajjiżi terzi, l-Unjoni tista' tiskambja l-opportunitajiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU X

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 16

Kooperazzjoni reġjonali

1.   L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 9 u 13 u fl-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett fl-ilmijiet tal-Majjistral jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-Ilmijiet tal-Majjistral u l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett fl-Ilmijiet tal-Lbiċ jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-Ilmijiet tal-Lbiċ. Dawk l-Istati Membri jistgħu wkoll flimkien jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għal dawk l-ilmijiet kollha f'daqqa. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ewwel darba mhux aktar tard mis-27 ta' Marzu 2020 u mbagħad 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri kkonċernati jistgħu wkoll jissottomettu tali rakkomandazzjonijiet meta jkun meħtieġ, b'mod partikolari fil-każ ta' xi bidla fis-sitwazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, jew biex jindirizzaw b'mod determinat sitwazzjonijiet ta' emerġenza identifikati mill-parir xjentifiku l-aktar riċenti. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.

3.   Is-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 9 u 13 u l-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, fosthom skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU XI

EVALWAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 17

Evalwazzjoni tal-pjan

Sas-27 ta' Marzu 2024, u wara dan, kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u dwar is-sajd li jisfrutta lil dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta'adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(1), fl-Artikoli 9 u 13 u fl-Artikolu 14(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-26 ta' Marzu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(1), fl-Artikoli 9 u 13 u fl-Artikolu 14(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 1(1), l-Artikoli 9 u 13 u l-Artikolu 14(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel tmiem dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU XII

APPOĠĠ MILL-FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD

Artikolu 19

Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

KAPITOLU XIII

EMENDI TAR-REGOLAMENTI (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973

Artikolu 20

Emendi tar-Regolament (UE) 2016/1139

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 japplikaw. Barra minn hekk japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“stokkijiet pelaġiċi” tfisser l-istokkijiet elenkati fil-punti (c) sa (h) tal-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u kull kombinazzjoni tagħhom;

(2)

“il-medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li jingħataw fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal- ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li fiha l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd jagħtu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq żmien twil ibbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u f'kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, mingħajr ma taffettwa b'xi mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat. Hija dderivata b'tali mod li r-rendiment fit-tul ma jitnaqqasx b'aktar minn 5 % meta mqabbel mal-MSY. Din għandha limitu massimu biex il-probabbiltà li l-istokk jinżel għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

(3)

“MSY Flower” tfisser l-iżgħar valur fil-medda tal-FMSY;

(4)

“MSY Fupper” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(5)

“il-punt ta' valur tal-FMSY” huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmat li bbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt il-kundizzjonijiet ambjentali medji attwali jagħti r-rendiment massimu fuq terminu ta' żmien twil;

(6)

“l-aktar medda baxxa tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri minn MSY Flower sal-punt ta' valur tal-FMSY;

(7)

“l-ogħla medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri mill-punt ta' valur tal-FMSY sal-MSY Fupper;

(8)

“Blim” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu tista' titnaqqas il-kapaċità riproduttiva;

(9)

“MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu għandha tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa biex jiġi żgurat li r-rati tal-isfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jirripristinaw l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY fuq terminu ta' żmien twil;

(10)

“L-Istati Membri kkonċernati” tfisser l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.”;

(2)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Miri

1.   Il-mortalità mis-sajd fil-mira bi qbil mal-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tinkiseb kemm jista' jkun malajr, u fuq bażi progressivament inkrementali sal-2020 rigward l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u minn dik is-sena 'l quddiem għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY bi qbil ma' dan l-Artikolu.

2.   Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali.

3.   Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fil-medda l-iktar baxxa tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.

4.   Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.   Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont l-ogħla medda tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, dejjem jekk l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun ikbar mill MSY Btrigger:

(a)

jekk, abbażi tal-parir jew tal-evidenza xjentifiċi jkun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b)

jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja lil stokk ikkawżata mid-dinamika tal-istokkijiet fost speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew

(c)

biex ikun hemm limitazzjoni fil-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal mhux inqas minn 20 % minn sena għal sena konsekuttivi.

6.   Fi kwalunkwe każ, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati b'mod li jiżgura probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa riproduttiva ta' stokk jinżel inqas mill-Blim.”;

3.

Fil-Kapitolu III, l-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 4:

“Artikolu 4a

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni li ġejjin għas-salvagwardja tal-kapaċità riproduttiva kollha tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) għandhom, abbażi tal-pjan, jintalbu mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali:

(a)

L-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(b)

Il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).”;

4.

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Salvagwardji

1.   Meta l-parir xjentifiku jindika li għal sena partikolari l-bijomassa riproduttiva ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell tal-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju kollha biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset għal inqas mill-ogħla medda tal-FMSY, meta jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.   Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu, minkejja l-Artikolu 4(3), is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.   Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a)

miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

miżuri skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

4.   L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul fiż-żmien u kemm tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni li fiha l-bijomassa riproduttiva tal-istokk tkun inqas mil-livelli msemmijin fl-Artikolu 4a.”;

(5)

Fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti għas-sajjieda rikreattivi.”;

(6)

Jitħassru l-Annessi I u II.

Artikolu 21

Emendi tar-Regolament (UE) 2018/973

Ir-Regolament (UE) 2018/973 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   B'deroga mill-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-iskampu (Nephrops norvegicus) fid-diviżjoni 3a tal-ICES huwa stabbilit għal 105 mm.

Dan il-paragrafu għandu japplika sad-data li fiha l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98 ma jibqax japplika.”;

2.

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana

1.   Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fil-Baħar tat-Tramuntana li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sabiex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji ta' dak l-obbligu kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti fuq is-sajd rikreattiv skont l-Artikolu 10(4) ta' dan ir-Regolament.”.

KAPITOLU XIV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Tħassir

1.   Jitħassru r-Regolamenti li ġejjin:

(a)

ir-Regolament (KE) Nru 811/2004;

(b)

ir-Regolament (KE) Nru 2166/2005;

(c)

ir-Regolament (KE) Nru 388/2006;

(d)

ir-Regolament (KE) Nru 509/2007;

(e)

ir-Regolament (KE) Nru 1300/2008.

2.   Ir-referenzi li jsiru għal dawn ir-Regolamenti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 171.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2019 ... (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(4)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004 tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi l-miżuri għall-irkupru tal-ħażna ta' marlozz tat-Tramuntana (ĠU L 150, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2166/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokkijiet tal-merluzz tan-Nofsinhar u l-awwista Norveġiża fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' speċijiet żgħar ta' ħlejjaq tal-baħar (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 5).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 388/2006 tat-23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli ta' stokkijiet tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2007 tas-7 ta' Mejju 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-ħażniet tal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent (ĠU L 122, 11.5.2007, p. 7).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1300/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokk ta' aringi li jinsab fil-Punent tal-Iskozja u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 6).

(10)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ambjent naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(12)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom l-intenzjoni li jirrevokaw l-għoti tas-setgħat għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament meta jadottaw regolament ġdid dwar miżuri tekniċi li jinkludi għoti ta' setgħa li jkopri l-istess miżuri.