22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/460

tat-30 ta' Jannar 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-lista tal-entitajiet eżenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(2)

Il-ftehim dwar il-ħruġ kif maqbul bejn in-negozjaturi fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih, lil hinn mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit. Jekk dan il-ftehim jidħol is-seħħ, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 1(4)(A) ta' dan ir-Regolament, se japplika għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim, u se jieqaf japplika fi tmiem dak il-perjodu.

(3)

L-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, fin-nuqqas ta' xi dispożizzjonijiet speċjali, ikollu l-effett li l-eżenzjoni għall-membri tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u korpi oħra ta' Stati Membri li jwettqu funzjonijiet simili u korpi pubbliċi oħra tal-Unjoni inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha fl-Artikolu 1(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma tibqax tapplika għall-bank ċentrali jew għal korpi pubbliċi oħrajn tar-Renju Unit inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tat-trattament internazzjonali tal-banek ċentrali u tal-korpi pubbliċi inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha skont il-liġijiet li għandhom ikunu applikabbli fir-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni u ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. B'mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet analiżi komparattiva tat-trattament kif ukoll tal-istandards ta' ġestjoni tar-riskju applikabbli għat-tranżazzjonijiet ta' derivati li jkunu saru minn dawk il-korpi u minn banek ċentrali fir-Renju Unit.

(5)

Fl-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-bank ċentrali tar-Renju Unit u l-korpi pubbliċi inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha jenħtieġ li jkunu eżentati mir-rekwiżiti tal-ikklerjar u tar-rappurtar u mir-rekwiżit li japplikaw tekniki għal-mitigazzjoni tar-riskju għal tranżazzjonijiet mhux ikklerjati stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit taw assigurazzjonijiet dwar l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tas-SEBĊ, inkluż l-intenzjoni tagħhom li jagħtu lill-membri tas-SEBĊ u lil korpi oħra ta' Stati Membri li jwettqu funzjonijiet simili u lil korpi pubbliċi oħra tal-Unjoni inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha eżenzjoni komparabbli ma' dik prevista fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(7)

Konsegwentement, il-bank ċentrali tar-Renju Unit u l-korpi pubbliċi inkarigati bl-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku fir-Renju Unit, jew li jintervjenu fiha, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta' entitajiet eżentati stipulata fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ li jkun emendat skont dan.

(9)

Il-Kummissjoni tkompli timmonitorja fuq bażi regolari it-trattament ta' dawk il-banek ċentrali u korpi pubbliċi eżentati mill-ikklerjar u r-rekwiżiti ta' rappurtar stipulati fil-lista fl-Artikolu 1(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Din il-lista tista' tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżvilupp ta' arranġamenti regolatorji f'dawk il-pajjiżi terzi u b'kont meħud ta' kwalunkwe sorsi ġodda ta' informazzjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għat-tneħħija ta' ċerti pajjiżi terzi mil-lista ta' entitajiet eżentati.

(10)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012/UE, il-punt (ix) li ġej huwa miżjud:

“(ix)

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.