20.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/56


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/442

tat-12 ta' Diċembru 2018

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2017/587 biex jispeċifika r-rekwiżit għall-prezzijiet biex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq u biex jaġġorna u jikkoreġi ċerti dispożizzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(6), l-Artikolu 14(7), l-Artikolu 22(4) u l-Artikolu 23(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 (2) jistabbilixxi rekwiżiti ta' trasparenza għaċ-ċentri tan-negozjar u għall-internalizzaturi sistematiċi fir-rigward tal-ishma, tar-riċevituri depożitarji, tal-fondi nnegozjati fil-boroż, taċ-ċertifikati u ta' strumenti finanzjarji oħra simili. B'mod partikolari, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/587 jispeċifika li l-prezzijiet ikkwotati mill-internalizzaturi sistematiċi jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq, kif mitlub mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, meta dawk il-prezzijiet ikunu qrib fil-prezz, fil-ħin tal-pubblikazzjoni, għal kwotazzjonijiet ta' daqsijiet ekwivalenti għall-istess strument finanzjarju fuq l-aktar suq rilevanti f'termini ta' likwidità. Għaldaqstant, l-internalizzaturi sistematiċi jistgħu jagħtu kwotazzjonijiet li mhumiex soġġetti għaż-żieda minima fil-prezzijiet (“daqs ta' funzjonament”) li magħhom għandhom jikkonformaw iċ-ċentri tan-negozjar.

(2)

Il-kapaċità tal-internalizzaturi sistematiċi li jagħtu kwotazzjonijiet billi jużaw żidiet fil-prezzijiet li jkunu iżgħar minn dawk disponibbli għaċ-ċentri tan-negozjar tista' tirriżulta fi prezzijiet marġinalment aħjar disponibbli għall-investituri. Madankollu, dawk il-kwotazzjonijiet jimminaw il-kwalità ġenerali tal-likwidità disponibbli, il-valwazzjoni u l-ipprezzar effiċjenti tal-istrumenti finanzjarji, u l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi. Dan huwa l-aktar rilevanti għall-ishma u għar-riċevuti depożitarji li huma soġġetti għal firxa usa' ta' daqsijiet ta' funzjonament minn strumenti finanzjari oħra.

(3)

Sabiex jiżguraw formazzjoni effettiva tal-prezzijiet, il-kwalità ġenerali tal-likwidità disponibbli u l-valwazzjoni effiċjenti tal-ishma u tar-riċevuti depożitarji, jenħtieġ li l-prezzijiet ikkwotati mill-internalizzaturi sistematiċi jitqiesu biss li jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq meta dawk il-prezzijiet ikunu soġġetti għal żidiet minimi fil-prezzijiet li jikkorrispondu għad-daqsijiet ta' funzjonament applikabbli għall-prezzijiet ippubblikati miċ-ċentri tan-negozjar.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/1033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ineħħi t-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' trasparenza għaċ-ċentri tan-negozjar u għal-internalizzaturi sistematiċi. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jitneħħew ir-referenzi għat-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli mir-Regolament Delegat (UE) 2017/587.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/587 jiġi emendat skont dan.

(6)

Għadd ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2017/587 jitbiegħdu mill-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament (4). Sa fejn dawk id-diverġenzi huma żbalji li jaffettwaw is-sustanza ta' dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li jiġu kkoreġuti.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) lill-Kummissjoni.

(8)

Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet għall-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/587

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/587 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (h) jitħassar;

(2)

fl-Artikolu 6, il-punt (h) jitħassar;

(3)

l-Artikolu 10 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Prezzijiet li jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq

(l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014)

Il-prezzijiet ippubblikati minn internalizzatur sistematiku għandhom jitqiesu li jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq meta dawn ikunu qrib fil-prezz, fil-ħin tal-pubblikazzjoni, għal kwotazzjonijiet ta' daqsijiet ekwivalenti għall-istess strument finanzjarju fuq l-aktar suq rilevanti f'termini ta' likwidità kif iddeterminat skont l-Artikolu 4 għal dak l-istrument finanzjarju.

Madankollu, il-prezzijiet ippubblikati minn internalizzatur sistematiku fir-rigward tal-ishma u r-riċevituri depożitarji għandhom jitqiesu li jirriflettu l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq biss meta dawk il-prezzijiet jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu u jirrispettaw iż-żidiet minimi fil-prezzijiet li jikkorrispondu għad-daqsijiet ta' funzjonament speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/588 (*1).

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/588 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-konvenzjoni għal daqs ta' funzjonament ta' ishma, riċevuti depożitarji u fondi negozjati fil-borża (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 411).”."

Artikolu 2

Korrezzjonijiet għar-Regolament Delegat (UE) 2017/587

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/587 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

it-tranżazzjoni hija parti minn negozjar tal-portafoll li jinkludi ħames ishma differenti jew aktar.”;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Ir-rekwiżiti ta' trasparenza msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għal kwalunkwe “indikazzjoni azzjonabbli tal-interessi” kif definit fl-Artikolu 2(1)(33) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u skont l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.”;

(3)

fl-Artikolu 11, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   Qabel ma sehem, riċevuta depożitarja, ETF, ċertifikat jew strument finanzjarju simili oħrajn jiġu nnegozjati għall-ewwel darba f'ċentru tan-negozjar fl-Unjoni, l-awtorità kompetenti għandha tagħti stima tal-valur medju tat-tranżazzjonijiet għal dak l-istrument finanzjarju filwaqt li titqies kwalunkwe storja preċedenti ta' negozjar ta' dak l-istrument finanzjarju u ta' strumenti finanzjarji oħrajn li jitqiesu li għandhom karatteristiċi simili, u jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' dik l-istima;

5.   Il-valur medju stmat tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 għandu jintuża bħala d-daqs standard tas-suq għal sehem, riċevuta depożitarja, ETF, ċertifikat jew strument finanzjarju simili ieħor matul perjodu ta' sitt ġimgħat wara d-data li fiha s-sehem, ir-riċevuta depożitarja, ETF, ċertifikat jew strument finanzjarju simili ieħor kienu ammessi għall-ewwel darba għal negozjar jew kienu nnegozjati għall-ewwel darba f'ċentru tan-negozjar.”;

(4)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi tas-suq u d-ditti tal-investiment, inklużi ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar, għandhom jużaw l-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 mill-1 ta' April tas-sena li fiha tiġi ppubblikata l-informazzjoni.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/587 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għaċ-ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward ta' ishma, irċevuti depożitarji, fondi nnegozjati fil-boroż, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħrajn u dwar obbligi ta' eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni fir-rigward ta' ċertu ishma f'ċentru tan-negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 387).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż tas-suq u r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (ĠU L 175, 30.6.2016, p. 1)

(4)  Ir-Rapport Finali “Draft Regulatory and Implementing Technical Standards MiFID II/MiFIR” tat-28 ta' Settembru 2015 (ESMA/2015/1464).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).