13.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/15


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/397

tad-19 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċediuri ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn CCP

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019 sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(2)

Ir-rekwiżit għal skambju ta' kollateral stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward ta' kuntratti ta' derivattivi barra l-borża (over-the-counter, “OTC”) mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (centra; counterpart, “CCP”) ma jqisx l-eventwalità li Stat Membru joħroġ mill-Unjoni. L-isfidi ffaċċjati minn dawn il-partijiet ta' kuntratt ta' derivattivi OTC li l-kontropartijiet tiegħu huma stabbiliti fir-Renju Unit, huma konsegwenza diretta ta' avveniment li huwa lil hinn mill-kontroll tagħhom u jista' jpoġġihom fi żvantaġġ meta mqabbel ma' kontropartijiet oħra fl-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (2) jispeċifika dati differenti ta' applikazzjoni tal-proċeduri għall-iskambju ta' kollateral għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment, skont il-kategorija tal-kontroparti għal dawn il-kuntratti.

(4)

Il-kontropartijiet ma jistgħux jipprevedu x'jista' jkun l-istatus ta' kontroparti stabbilita fir-Renju Unit jew sa liema punt din il-kontroparti tkun tista' tkompli tipprovdi ċerti servizzi lil kontrapartijiet stabbiliti fl-Unjoni. Biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni, il-kontropartijiet jistgħu jkunu jridu jissostitwixxu l-kuntratt billi kontroparti stabbilita fi Stat Membru tieħu post il-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit.

(5)

Qabel bdew japplikaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, il-kontropartijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment ma kinux meħtieġa li jiskambjaw il-kollateral, u għalhekk in-negozji bilaterali ma kinux kollateralizzati jew kienu kollateralizzati fuq bażi volontarja. Jekk il-kontropartijiet kienu meħtieġa jiskambjaw il-kollateral bħala riżultat tas-sostituzzjoni tal-kuntratti tagħhom biex jindirizzaw l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-kontroparti l-oħra tista' ma taqbilx mas-sostituzzjoni.

(6)

Biex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq u kundizzjonijiet ekwi bejn il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni, il-kontropartijiet jenħtieġ li jkunu jistgħu jissostitwixxu l-kontropartijiet stabbiliti fir-Renju Unit ma' kontropartijiet fi Stat Membru mingħajr ma jkun meħtieġ l-iskambju ta' kollateral fir-rigward ta' dawn il-kuntratti sostitwiti. Id-data minn meta jenħtieġ li dawn ikunu meħtieġa jiskambjaw il-kollateral għas-sostituzzjoni ta' dawn il-kuntratti jenħtieġ li tkun 12-il xahar wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament emendatorju.

(7)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(9)

Huwa meħtieġ li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet effiċjenti minn parteċipanti fis-suq malajr kemm jista' jkun. Għalhekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq analizzaw l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali iżda ma wettqu ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għall-istess raġunijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(10)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza u jenħtieġ li japplika biss mill-jum ta' wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data jew il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ikun ġie estiż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251

L-Artikolu 35 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 35

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jista' jkompli japplika l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkunu daħlu fihom bejn is-16 ta' Awwissu 2012 u d-dati rilevanti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fi tal-14 ta' Marzu 2019 fir-rigward ta' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment daħlu fis-seħħ jew ġew sostitwiti qabel id-dati rilevanti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif stabbilit fl-Artikoli 36, 37 u 38 ta' dan ir-Regolament jew tal-14 ta' Marzu 2019, skont liema data tiġi l-ewwel;

(b)

il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment jiġu sostitwiti għall-iskop uniku li l-kontroparti stabbilita fi Stat Membru tieħu post il-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit.

(c)

il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment jiġu sostitwiti bejn id-data ta' wara dik li fiha l-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u waħda minn dawn li ġejjin, skont liema tiġi l-aħħar:

(i)

id-dati rilevanti ta' applikazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 36, 37 u 38 ta' dan ir-Regolament; jew

(ii)

12-il xahar mid-data ta' wara dik li fiha l-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika f'xi waħda mill-każijiet li ġejjin:

(a)

ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ sa din id-data;

(b)

tkun ittieħdet deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).