25.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/317

tal-11 ta' Frar 2019

li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iskema ta' prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 jenħtieġ li ttejjeb il-prestazzjoni ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerk fl-ajru uniku Ewropew.

(2)

L-iskema ta' imposti għal servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 hija strumentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-iskema ta' prestazzjoni u għalhekk jenħtieġ li tikkomplementaha. L-iskema ta' imposti jenħtieġ li tikkontribwixxi għal aktar trasparenza fid-determinazzjoni, l-impożizzjoni u l-infurzar ta' imposti fuq utenti tal-ispazju tal-ajru, u jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-kosteffiċjenza biex tipprovdi servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u effiċjenza ta' titjiriet filwaqt li żżomm l-aħjar livell ta' sikurezza. L-iskema ta' imposti jenħtieġ li tkun konsistenti mas-sistema ta' imposti tal-Eurocontrol għall-imposti en route u mal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Chicago tal-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta' Chicago”).

(3)

Fl-interess taċ-ċarezza, u sabiex jiġi pprovdut qafas regolatorju adattat għat-tielet perjodu referenzjarju tal-iskema ta' prestazzjoni, hemm bżonn li jiġu riveduti r-regoli implimentattivi li jirregolaw l-iskemi ta' prestazzjoni u imposti li jinsabu fir-Regolament Implimentattiv tal-Kummissjoni Nru 390/2013 (3) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 (4) u li jiġu kkonsolidati dawn id-dispożizzjonijiet f'Regolament ta' Implimentazzjoni wieħed.

(4)

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, l-iskema ta' prestazzjoni jenħtieġ li tkopri servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u funzjonijiet tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-Maniġer tan-Netwerk stabbilit skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (6).

(5)

L-iskemi ta' prestazzjoni u ta' imposti jenħtieġ li jsaħħu l-prestazzjoni ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru permezz ta' metodu gate-to-gate li jkopri kemm servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route kif ukoll fit-terminal. Jenħtieġ li jħeġġu titjib fit-tul fil-prestazzjoni ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, kif rifless fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM (7), filwaqt li jqisu kif jixraq l-objettivi prevalenti tas-sikurezza. L-iskema ta' prestazzjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi għal tnaqqis ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni u jenħtieġ li tippermetti l-aħjar użu tal-ispazju tal-ajru, filwaqt li tqis il-flussi tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew.

(6)

Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni fuq talba tal-Kummissjoni jista' jagħti parir indipendenti lill-Kummissjoni fl-oqsma kollha li jaffettwaw il-prestazzjoni ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerk fl-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu jistgħu jiksbu mill-partijiet rilevanti kollha, inklużi l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru taħt is-superviżjoni tagħhom, data rilevanti meħtieġa biex tiġi żgurata implimentazzjoni u sorveljanza xierqa ta' dan ir-Regolament f'livell lokali. Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jiffaċilitaw spezzjonijiet u stħarriġ imwettqa mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali bil-għan li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-iskemi ta' prestazzjoni u ta' imposti.

(8)

Il-Maniġer tan-Netwerk jenħtieġ li jipprovdi inputs rilevanti għall-iffissar tal-miri f'livelli tal-Unjoni, nazzjonali u tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, u jenħtieġ li jappoġġja l-kisba ta' miri ta' prestazzjoni permezz ta' miżuri u proċessi pprovduti fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk.

(9)

Fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkoordinaw mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex jiżguraw li l-aspetti tas-sikurezza jiġu indirizzati kif suppost, f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti tas-sikurezza li joħorġu mir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(10)

It-tul ta' perjodu referenzjarju għall-iskema ta' prestazzjoni jenħtieġ li jkun tali li jipprovdi ċ-ċertezza meħtieġa biex jiġu implimentati programmi ta' nefqa kapitali multiannwali sabiex jinkiseb ir-redditu mistenni fuq investimenti fil-forma ta' titjib fil-prestazzjoni, filwaqt li jippermetti preċiżjoni fit-tbassir.

(11)

L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jenħtieġ li jkunu definiti fl-oqsma ewlenin ta' prestazzjoni tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza. Dawn l-indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin jenħtieġ li jintużaw sabiex jistabbilixxu miri ta' prestazzjoni li jistgħu jintlaħqu, sostenibbli, realistiċi u marbuta fiż-żmien fil-livell tal-Unjoni, fil-livell nazzjonali jew f'dak tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jenħtieġ li jkopru kemm servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route kif ukoll fit-terminal, kif ukoll funzjonijiet tan-netwerk, sabiex itejbu l-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk.

(12)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha, filwaqt li jqisu l-livell ta' prestazzjoni miksub fil-perjodu jew perjodi referenzjarji preċedenti u ta' inputs rilevanti pprovduti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, mill-Maniġer tan-Netwerk u mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. L-inputs mill-awtoritajiet superviżjori nazzjonali jenħtieġ li jinkludu, b'mod partikulari, il-kost inizjali u informazzjoni dwar it-tbassir tat-traffiku għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissostanzja miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha b'deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet sottostanti u razzjonali. L-abbozzar tal-miri ta' prestazzjoni fl-Unjoni kollha jenħtieġ li jkun soġġett għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

(13)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar jekk il-pjanijiet ta' prestazzjoni rispettivi tagħhom humiex stabbiliti fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi lokali.

(14)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu responsabbli għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, inkluż miri vinkolanti ta' prestazzjoni, ibbażati fuq indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin applikati fuq livell nazzjonali jew fuq il-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. Il-pjanijiet ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jenħtieġ li jinkludu inizjattivi li jappoġġjaw il-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, irrispettivament mill-ambitu ġeografiku tagħhom.

(15)

Il-pjanijiet ta' prestazzjoni jenħtieġ li jipprovdu trasparenza sħiħa dwar il-kostijiet iddeterminati ta' investimenti ġodda u eżistenti fir-rigward tax-xiri, żvilupp jew kiri ta' assi fissi. L-investimenti l-kbar jenħtieġ li jkunu ddettaljati u ġġustifikati, kif ukoll konsisteni mal-implimentazzjoni tas-SESAR u mal-kisbiet mistennija fil-prestazzjoni.

(16)

Il-konsultazzjonijiet jenħtieġ li jsiru fil-livell nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali sabiex jiġi żgurat li l-fehmiet tal-partijiet interessati jitqiesu fit-twaqqif ta' pjanijiet ta' prestazzjoni u miri li jinsabu fih.

(17)

Minħabba r-rabtiet mill-qrib bejn iż-żoni ta' prestazzjoni ewlenin differenti, l-interdipendenzi bejn il-miri ta' prestazzjoni jenħtieġ li jitqiesu kif jixraq, għall-finijiet tal-istipular tal-miri, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet imperattivi ta' sikurezza.

(18)

Il-miri ta' prestazzjoni jenħtieġ li jkunu soġġetti għal inċentivi bil-għan li jinkoraġġixxu prestazzjoni aħjar, inkluż l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku fir-rigward tal-qasam ewlieni ta' prestazzjoni ta' kosteffiċjenza. Jenħtieġ li l-iskemi ta' inċentivi jkunu effettivi, u li jiġu stabbiliti parametri b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, bl-iskop li jippremjaw jew jippenalizzaw il-prestazzjoni reali f'relazzjoni mal-miri ta' prestazzjoni adottati. Iż-żona tal-prestazzjoni ewlenija tas-sikurezza jenħtieġ li ma tkunx soġġetta għal xi inċentivi minħabba n-natura imperattiva tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni ta' skemi ta' inċentivi ma tolqotx ħażin l-investimenti ppjanati u kontinwi mmirati biex iwasslu l-kapaċità adegwata u l-effiċjenza tat-titjira għall-utenti.

(19)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw abbozz ta' pjanijiet ta' prestazzjoni u jibagħtuhom lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni l-ewwel tivverifika jekk il-pjanijiet ta' prestazzjoni humiex kompluti. Jekk il-pjanijiet ikunu kompluti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miri ta' prestazzjoni proposti inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni humiex konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni fl-Unjoni kollha. Jekk il-konsistenza meħtieġa ma tkunx tista' tiġi stabbilita, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jirrevedu l-pjanijiet u l-miri tal-prestazzjoni tagħhom, jew biex jieħdu miżuri korrettivi.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-verżjonijiet finali tal-pjanijiet ta' prestazzjoni rispettivi tagħhom biss wara li l-Kummissjoni tkun sabet li l-miri ta' prestazzjoni nazzjonali stabbiliti fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali (“miri ta' prestazzjoni FAB”) inklużi fihom ikunu konsistenti mal-miri tal-Unjoni kollha.

(21)

Il-miri stabbiliti fl-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni jenħtieġ li japplikaw matul il-proċeduri għall-evalwazzjoni mill-bidu tal-perjodu referenzjarju u fejn xieraq matul ir-reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni ffissati f'livell nazzjonali jew f'dak tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali. Mal-adozzjoni tal-pjanijiet ta' prestazzjoni finali, il-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni ta' effiċjenza f'termini ta' kostijiet jenħtieġ li japplikaw retroattivament permezz ta' aġġustament ta' rati unitarji sabiex jiġi żgurat li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jibbenefikaw mit-titjib tal-prestazzjoni sa mill-bidu tal-perjodu referenzjarju.

(22)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jitolbu permess mill-Kummissjoni jekk iridu jirrevedu wieħed jew diversi miri ta' prestazzjoni matul perjodu referenzjarju. Talba bħal din tista' ssir fejn jintlaħqu l-limiti ta' twissija, jew fejn l-Istat Membru juri li d-data, is-suppożizzjonijiet u r-raġunijiet inizjali, inkluż dwar investimenti, li jirfdu l-miri ta' prestazzjoni ma għadhomx preċiżi, b'mod sinifikanti u dejjiemi, minħabba ċirkustanzi li ma kinux imbassra fi żmien l-adozzjoni tal-pjan ta' prestazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat biex jipproċedi bir-reviżjoni maħsuba biss jekk ikun meħtieġ u proporzjonat fid-dawl taċ-ċirkostanzi msemmija qabel, u fejn il-miri ta' prestazzjoni riveduti jiżguraw li tinżamm il-konsistenza mal-miri ta' prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

(23)

L-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u mudelli tan-negozju biex jistimulaw il-forniment tas-servizz integrat jenħtieġ li twassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kost għall-benefiċċju tal-utenti matul iż-żmien, iżda tista' twassal għal kostijiet inizjali ta' ristrutturar. Jekk Stat Membru juri li l-miżuri ta' ristrutturar iġibu benefiċċju nett għall-utenti, jenħtieġ li jkun jista' jitlob ukoll reviżjoni tal-miri lokali ta' kosteffiċjenza sabiex jiġu rkuprati l-kostijiet assoċjati ta' ristrutturar permezz ta' reviżjoni tal-kostijiet iddeterminati li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni tagħhom, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

(24)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha matul il-perjodu referenzjarju biex tiddetermina jekk dawn jibqgħux adegwati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha fejn jintwera matul perjodu referenzjarju li dawn il-miri m'għadhomx adegwati fid-dawl ta' ċirkostanzi mibdula, u li r-reviżjoni tal-miri hija meħtieġa u proporzjonata. Reviżjoni tal-miri mifruxa mal-Unjoni kollha matul perjodu referenzjarju jenħtieġ li twassal għall-bidu ta' perjodu referenzjarju ġdid, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' prestazzjoni assoċjati u miri ta' prestazzjoni stabbiliti f'livell nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

(25)

Il-funzjonijiet tan-netwerk jenħtieġ li jkunu wkoll soġġetti għal miri ta' prestazzjoni, u jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Maniġer tan-Netwerk iħejji l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk, li jenħtieġ li jiġi verifikat u adottat mill-Kummissjoni.

(26)

Sħubija operattiva effettiva u teħid ta' deċiżjonijiet kooperattivi bejn il-partijiet interessati prinċipali, bħal fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, ajruporti, utenti ċivili u militari tal-ispazju tal-ajru u Maniġer tan-Netwerk huma ta' importanza ewlenija biex jinkisbu l-miri ta' prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk.

(27)

Il-kostijiet iddeterminati ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn tariffi imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru. Dawn l-imposti jenħtieġ li jinġabru f'żoni tal-imposti stabbiliti għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ambitu ġeografiku ta' dawn iż-żoni tal-imposti jkun definit b'mod ċar u li ż-żoni tal-imposti jkunu konsistenti mal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Jista' jkun meħtieġ li tiġi mmodifikata żona tal-imposti fit-terminal matul perjodu referenzjarju minħabba bidliet fl-operazzjoni ta' ajruporti.

(28)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita bażi tal-kost għall-imposti, li tinkludi l-kostijiet iddeterminati ta' servizzi u faċilitajiet tan-navigazzjoni bl-ajru eliġibbli għal kull żona tal-imposti. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jitħallew jinkludu f'dawn il-bażijiet tal-kost il-kostijiet iddeterminati mġarrba mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom, kif ukoll kostijiet oħra tal-Istat relatati mal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

(29)

Il-kostijiet iddeterminati għall-imposti en route u fit-terminal jenħtieġ li jiġu stabbiliti qabel il-bidu ta' kull perjodu referenzjarju, bħala parti mill-pjanijiet ta' prestazzjoni. Dawn il-kostijiet iddeterminati għandhom jiġu speċifikati għal kull sena kalendarja tal-perjodu referenzjarju kkonċernat. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jivverifikaw li l-kostijiet iddeterminati stabbiliti jinkludu biss elementi tal-kost li huma eliġibbli skont l-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti.

(30)

Il-kostijiet iddeterminati inklużi f'bażi tal-kost għal servizzi tan-navigazzjoni fl-ajru en route jew fit-terminal jenħtieġ li jinkludu kostijiet tal-persunal, kostijiet operattivi minbarra kostijiet tal-persunal, kostijiet ta' deprezzament, il-kost tal-kapital, u kostijiet eċċezzjonali. Il-kostijiet reali mġarrba jenħtieġ li jiġu rrappurtati kull sena skont l-istess kategorizzazzjoni sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u t-trasparenza.

(31)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, qabel il-bidu ta' kull perjodu referenzjarju, jiddefinixxu l-kriterji użati biex jallokaw il-kostijiet bejn servizzi en route u fit-terminal, u jinfurmaw lill-Kummissjoni kif xieraq. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jiżguraw l-iffissar trasparenti ta' kostijiet iddeterminati u jiggarantixxu li ma jkunx hemm sussidji inkroċjati bejn servizzi en route u fit-terminal.

(32)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkalkulaw kull sena r-rati unitarji għaż-żoni tal-imposti tagħhom en route u fit-terminal. Fil-kalkolu tar-rata unitarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li servizzi jew faċilitajiet iffinanzjati permezz ta' fondi pubbliċi, inklużi programmi ta' assistenza tal-Unjoni bħalma huma n-netwerk tat-trasport Trans-Ewropew, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond ta' Koeżjoni, mhumiex imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru. Fil-kalkolu tar-rati unitarji, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jaġġustaw il-kostijiet iddeterminati tagħhom għall-inflazzjoni.

(33)

L-iskema ta' prestazzjoni u imposti jenħtieġ li tipprovdi għal mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku biex tinċentiva l-provvista ta' servizzi. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jenħtieġ li jitħallew jaġġustaw il-valuri tal-parametri tal-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku kif iddefiniti f'dan ir-Regolament sabiex iqisu ċ-ċirkostanzi lokali u biex jinċentivaw aħjar il-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Dak l-aġġustament jenħtieġ li jsir wara konsultazzjoni mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u mal-utenti tal-ispazju tal-ajru. Madankollu, jenħtieġ li dawk l-aġġustamenti ma jnaqqsux l-esponiment għar-riskju tal-fornitur jew tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru meta mqabbel mal-mekkaniżmu ta' inadempjenza stabbilit f'dan ir-Regolament.

(34)

Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jġorru r-riskju tal-kostijiet fir-rigward tad-differenzi bejn il-kostijiet iddeterminati u dawk reali, ħlief għal numru limitat ta' oġġetti tal-kostijiet soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi.

(35)

Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li ma jitħallewx jiġġeneraw bilanċi favorevoli finanzjarji bħala riżultat tal-kanċellazzjoni jew il-posponiment ta' investimenti ġodda u eżistenti matul perjodu referenzjarju. Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jkunu jistgħu jaġġustaw kull sena l-investimenti ewlenin ippjanati matul perjodu referenzjarju, soġġett għal ġustifikazzjoni dettaljata u sakemm il-bidliet mitluba jkunu approvati mill-awtorità superviżorja nazzjonali kkonċernata. Fejn il-kostijiet reali ta' investimenti ġodda u eżistenti jaqbżu l-kostijiet iddeterminati korrispondenti fuq perjodu referenzjarju, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jenħtieġ li jkunu responsabbli biex jivverifikaw il-ġustifikazzjonijiet dettaljati pprovduti minn fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u biex jawtorizzaw kull irkupru sussegwenti ta' kostijiet addizzjonali minn utenti tal-ispazju tal-ajru. Kwalunkwe differenza materjali f'dawk il-kostijiet jenħtieġ li ma tiġix iddebitata lill-utenti, sakemm l-awtorità superviżorja nazzjonali ma tkunx stabbiliet li l-kostijiet addizzjonali kienu esklussivament minħabba investimenti ġodda u eżistenti meħtieġa għal bidliet operattivi konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM u b'mod partikolari proġetti komuni SESAR.

(36)

Bidliet imprevedibbli fid-dispożizzjonijiet legali jew kundizzjonijiet finanzjarji applikabbli jistgħu jwasslu, matul perjodu referenzjarju, għal devjazzjonijiet sinifikanti tal-kostijiet tal-pensjoni reali mill-kostijiet iddeterminati tal-pensjoni stabbiliti fil-pjanijiet ta' prestazzjoni. Soġġett għal skrutinju mill-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali, dawk id-differenzi fil-kostijiet jenħtieġ li jiġu mgħoddija lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' aġġustamenti tar-rata unitarja.

(37)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffissaw kull sena rata unitarja għal kull żona tal-imposti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu r-rati unitarji tagħhom kollettivament, b'mod partikolari meta ż-żoni tal-imposti jestendu fuq l-ispazju tal-ajru ta' aktar minn Stat Membru wieħed jew meta jkunu parti għal sistema konġunta ta' imposti fuq ir-rotot. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li r-rati unitarji sottomessi mill-Istati Membri huma konformi mad-dispożizzjonijiet fuq il-kalkolu tar-rati unitarji ta' dan ir-Regolament.

(38)

L-iskema ta' imposti jenħtieġ li tiżgura informazzjoni sħiħa u trasparenti dwar bażijiet tal-kostijiet għall-imposti, il-kostijiet reali u r-rati unitarji. Qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkonsultaw mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn rilevanti, l-operaturi tal-ajruport u l-koordinaturi tal-ajruporti dwar il-kostijiet iddeterminati ppjanati, investimenti ppjanati, tbassir tal-unitajiet ta' servizz u l-politika tal-imposti għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Matul il-perjodu referenzjarju, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn il-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati annwalment dwar ir-rati unitarji maħsuba u dwar il-kostijiet reali li jiġġarrbu f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli informazzjoni kompleta u adegwata għall-entitajiet kollha kkonsultati għall-fini tal-konsultazzjonijiet.

(39)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jimmodulaw l-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru li jservu bħala inċentiv sabiex l-inġenji tal-ajru jiġu attrezzati bis-sistemi inklużi fil-proġetti komuni tas-SESAR. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmodulaw aktar l-imposti, filwaqt li jqisu l-livell ta' konġestjoni tan-netwerk f'żona speċifika jew fuq rotta speċifika f'ħinijiet speċifiċi, biex iżidu l-effiċjenza tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u jippromwovu l-użu ottimizzat tagħhom.

(40)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru imposti en route kollettivament permezz ta' imposta waħda għal kull titjira f'sistema ta' imposti ta' rotta konġunta, sabiex itejbu l-effiċjenza tal-iskema tal-imposti u biex inaqqsu l-ammont ta' xogħol amministrattiv u ta' kontabbiltà.

(41)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri ta' infurzar sabiex jiġi żgurat il-ħlas fil-pront u sħiħ tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru mill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

(42)

L-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru għal kwalunkwe titjira speċifika jenħtieġ li jiġu kkalkulati, fir-rigward ta' kull żona tal-imposti, bħala prodott tar-rati unitarji applikabbli u n-numru ta' unitajiet ta' servizz. Il-livell ta' imposti b'mod partikolari fuq l-inġenji tal-ajru ħfief jenħtieġ li ma jiskoraġġix l-użu ta' faċilitajiet u ta' servizzi meħtieġa għas-sikurezza jew l-introduzzjoni ta' tekniki u proċeduri ġodda. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkopru l-kostijiet għas-servizzi li l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru pprovdew għal titjiriet eżentati mill-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru.

(43)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà, fejn ma jkun hemm l-ebda evidenza storika ta' kwistjonijiet operattivi, li tapplika skema ssimplifikata ta' imposti sabiex tinċentiva lill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv għall-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati.

(44)

Fejn servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal jew servizzi ta' komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza, servizzi meteoroloġiċi għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u informazzjoni ajrunawtika (“CNS, MET u AIS”) jew servizzi ta' data tal-ATM ikunu pprovduti taħt kundizzjonijiet tas-suq, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw dawk is-servizzi minn ċerti dispożizzjonijiet li jappartienu għall-iskema ta' imposti u mill-iffissar tal-miri dwar il-kosteffiċjenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu tali kundizzjonijiet tas-suq waqt perjodu referenzjarju.

(45)

Il-forniment ta' data u informazzjoni adegwata minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali, fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni bl-ajru, operaturi ta' ajruporti, koordinaturi tal-ajruporti, utenti tal-ispazju tal-ajru u Maniġer tan-Netwerk, huwa essenzjali għall-iskop tal-iffissar u l-monitoraġġ tal-miri tal-prestazzjoni fil-livell tal-Unjoni kollha u fil-livell nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

(46)

L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jenħtieġ li jimmonitorjaw regolarment il-progress li jkun sar biex jinkisbu l-miri ta' prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni. Meta l-miri ma jintlaħqux, l-Istat Membru jew l-awtorità superviżorja nazzjonali kkonċernata jenħtieġ li japplikaw il-miżuri xierqa li huma ddefinew sabiex jindirizzaw is-sitwazzjoni.

(47)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerk, u tevalwa regolarment il-kisba tal-miri ta' prestazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati ta' dak il-monitoraġġ kull sena lill-Kumitat tal-Ajru Uniku.

(48)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità relatati mal-kundizzjonijiet tas-suq, l-informazzjoni essenzjali u r-rapporti finali meħtieġa skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi garantita trasparenza adegwata u jippermettu konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati.

(49)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jenħtieġ li jitħassru b'effett mill-1 ta' Jannar 2020, iżda għandhom ikomplu japplikaw wara dik id-data fir-rigward ta' obbligi relatati mat-tieni perjodu referenzjarju.

(50)

Jenħtieġ li r-Regolament japplika fir-rispett tat-tielet perjodu referenzjarju u għall-perjodi referenzjarji sussegwenti. Sabiex tippermetti l-adozzjoni ta' miri għall-Unjoni kollha u t-tħejjija u l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' prestazzjoni qabel il-bidu tat-tielet perjodu referenzjarju, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika b'effett immedjat mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ.

(51)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-miżuri għall-funzjonament tal-iskemi tal-prestazzjoni u tal-imposti għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerk.

2.   Dan ir-Regolament japplika għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk għat-traffiku tal-ajru ġenerali fi ħdan ir-reġjun Ewropew (“EUR”) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) fejn l-Istati Membri huma responsabbli għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)

il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru msemmija fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004;

(b)

il-korp innominat mill-Kummissjoni biex iwettaq il-kompiti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk (il-“Maniġer tan-Netwerk”) skont l-Artikolu 6(2) tar- Regolament (KE) Nru 551/2004 u maħtur skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

Dan ir-Regolament japplika wkoll, għall-iskop tal-iffissar tal-miri u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni fuq effiċjenza f'termini ta' kostijiet, lill-awtoritajiet jew entitajiet li jħallsu kostijiet eliġibbli li għandhom jiġu rkuprati permezz ta' imposti tal-utent, kif speċifikat f'punt (b) tal-Artikolu 15(2) KE) Nru 550/2004 u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) ta' dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament japplika għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal ipprovduti f'ajruporti li jinsabu fit-territorji tal-Istati Membri b'80 000 moviment tat-trasport bl-ajru skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (“IFR”) jew aktar kull sena.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ukoll għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal ipprovduti f'ajruporti oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 3, li jinsabu fit-territorji rispettivi tagħhom.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ukoll għal:

(a)

servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk ipprovduti fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom f'reġjuni oħra tal-ICAO mir-reġjun tal-ICAO EUR, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u dmirijiet tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Chicago tal-1944 dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali;

(b)

fir-rigward tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru li rċevew il-permess biex jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mingħajr ċertifikazzjoni, skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

6.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 4 jew 5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul tal-effett ta' dawn id-deċiżjonijiet jikkorrispondi mat-tul tal-perjodu referenzjarju. Ma għandhomx jemendaw jew jirtiraw dawn id-deċiżjonijiet waqt perjodu referenzjarju.

7.   Ir-Regolament għandu japplika għat-tielet perjodu referenzjarju kif stipulat fl-Artikolu 7 u għall-perjodi referenzjarji sussegwenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kost reali” tfisser kost realment imġarrab f'sena kalendarja għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li huma soġġetti għal kontijiet iċċertifikati jew, fin-nuqqas ta' dawn il-kontijiet iċċertifikati, soġġetti għal verifika finali;

(2)

“unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru” jew “unità ATS” tfisser unità, ċivili jew militari, responsabbli biex tipprovdi servizzi tat-traffiku tal-ajru f'arja tal-ajru partikolari;

(3)

“koordinatur tal-ajruport” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika maħtura minn Stat Membru biex twettaq id-dmirijiet ta' koordinazzjoni f'ajruporti koordinati stabbiliti bl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (9);

(4)

“operatur ta' ajruport” tfisser kwalunkwe persuna legali jew naturali li topera ajrudrom wieħed jew aktar;

(5)

“utent tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru” tfisser l-operatur tal-inġenju tal-ajru fil-ħin li t-titjira kienet imwettqa jew, jekk l-identità tal-operatur ma tkunx magħrufa, is-sid tal-inġenju tal-ajru, sakemm ma jipprovax li persuna oħra kienet l-operatur f'dak il-ħin;

(6)

“rappreżentant tal-utenti tal-ispazju tal-ajru” tfisser kwalunkwe persuna legali jew entità li tirrappreżenta l-interessi ta' kategorija waħda jew aktar tal-utenti tal-ispazju tal-ajru;

(7)

“ċentru ta' kontroll taż-żona” tfisser unità li tipprovdi servizzi tat-traffiku tal-ajru għal titjiriet ikkontrollati fiż-żona ta' responsabbiltà tagħha.

(8)

“żona tal-imposti en route” tfisser volum tal-ispazju tal-ajru li jestendi mill-art sal-ispazju tal-ajru ta' fuq b'dan inkluż, fejn hemm provduti servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u li għalihom jiġu stabbiliti bażi tal-kost unika u rata unitarja unika;

(9)

“avveniment eċċezzjonali” tfisser ċirkostanzi li fihom il-kapaċità tal-ATM titnaqqas b'mod anormali sabiex il-livell ta' dewmien fl-immaniġġjar tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM) ikun anormalment għoli, bħala riżultat ta' limitazzjoni ppjanata kkaġunata minn tibdil operattiv jew tekniku, in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' partijiet kbar tal-ispazju tal-ajru jew permezz ta' raġunijiet naturali jew politiċi, jew azzjoni industrijali, u l-attivazzjoni taċ-Ċellula Ewropea ta' Koordinazzjoni tal-Kriżi tal-Avjazzjoni (“EACCC”) mill-Maniġer tan-Netwerk;

(10)

“movimenti tat-trasport bl-ajru IFR kull sena” tfisser in-numru tat-tlugħ u nżul imwettqa skont l-IFR, ikkalkulata bħala l-medja annwali matul it-tliet snin kalendarji qabel is-sena li fiha l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni kellu jiġi sottomess skont l-Artikolu 12;

(11)

“indiċi ta' inflazzjoni previst” tfisser l-indiċi ta' inflazzjoni annwali bbażat fuq it-tielet sena qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju u kkalkulat bl-użu tal-aħħar tbassir disponibbli dwar l-inflazzjoni tal-bidla medja tal-perċentwali tal-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Konsumatur ippubblikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali għall-Istat ikkonċernat fil-ħin tal-abbozzar tal-pjan ta' prestazzjoni. F'każ li l-bidla perċentwali ppubblikata mill-Fond Monetarju Internazzjonali għal sena partikolari tkun negattiva, għandu jintuża valur żero.

(12)

“indiċi tal-inflazzjoni reali” tfisser l-indiċi annwali tal-inflazzjoni bbażat fuq it-tielet sena qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju u kkalkulat bl-użu tar-rata reali ta' inflazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fl-Indiċi Armonizzat tal-Eurostat dwar il-Prezz tal-Konsumatur għall-Istat ikkonċernat f'April tas-sena n+1. F'każ li l-bidla perċentwali ppubblikata mill-Kummissjoni għal sena partikolari tkun negattiva, għandu jintuża valur żero.

(13)

“investiment maġġuri” tfisser l-akkwist, l-iżvilupp, is-sostituzzjoni, l-aġġornament jew il-kiri ta' assi fissi li jirrappreżentaw valur totali tul il-ħajja kollha tal-assi ta' iktar minn EUR 5 miljun f'termini reali;

(14)

“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità regolatorja jew superviżorja stabbilita minn Stat Membru wieħed jew aktar fil-livell nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(15)

“investiment ġdid u eżistenti” tfisser l-akkwist, l-iżvilupp, is-sostituzzjoni, l-aġġornament jew il-kiri ta' assi fissi fejn jintefqu kostijiet ta' deprezzament, il-kost tal-kapital, jew fil-każ ta' kiri, kostijiet operattivi għal dak l-investiment matul il-perjodu referenzjarju kopert mill-pjan ta' prestazzjoni;

(16)

“perjodu referenzjarju” tfisser il-perjodu ta' validità u applikazzjoni tal-miri ta' prestazzjoni mifruxin mal-Unjoni kollha, kif stipulat f'punt (d) tal-Artikolu 11(3) tar- Regolament (KE) Nru 549/2004 u l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament;

(17)

“valur referenzjarju” tfisser il-valur maħdum mill-Maniġer tan-Netwerk tad-dewmien ATFM en route għal kull Stat Membru u għal kull blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq il-mira tad-dewmien tal-ATFM en route tal-Unjoni kollha;

(18)

“kostijiet ta' ristrutturar” tfisser kostijiet sinifikanti ta' darba magħmula mill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru fil-proċess ta' ristrutturar sabiex jintroduċu teknoloġiji, proċeduri jew mudelli tan-negozju ġodda biex jistimulaw forniment ta' servizz integrat, jikkumpensaw lill-impjegati, jagħlqu ċentri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru, jittrasferixxu attivitajiet f'postijiet ġodda, jibbilanċjaw l-assi jew jakkwistaw parteċipazzjonijiet strateġiċi f'impriżi oħra ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru.

(19)

“inkursjoni fir-runway” tfisser kwalunkwe okkorrenza mhux korretta f'ajrudrom li tinvolvi l-preżenza ta' inġenju tal-ajru, ta' vettura jew ta' persuna fiż-żona protetta ta' superfiċje allokata għall-inżul u għat-tlugħ ta' inġenji tal-ajru;

(20)

“ksur tas-separazzjoni minima” tfisser sitwazzjoni li fiha ma ġewx irrispettati l-valuri minimi ta' separazzjoni preskritti bejn l-ajruplani;

(21)

“żona tal-imposti fit-terminal” tfisser ajruport jew grupp ta' ajruporti, li jinsabu fit-territorji ta' Stat Membru, fejn jiġu pprovduti servizzi fit-terminal ta' navigazzjoni bl-ajru u li għalihom hemm stabbiliti bażi tal-kost unika u rata unitarja unika.

KAPITOLU II

KOMPITI U RESPONSABBILTAJIET

Artikolu 3

Assistenza mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni

Meta jkollha bżonn twettaq il-kompiti tal-Kummissjoni relatati mal-funzjonament dettaljat tal-iskema tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tista' titlob għajnuna mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni fir-rigward ta' dan li ġej:

(a)

il-ġbir, l-eżami, il-validazzjoni u t-tixrid ta' data rilevanti għat-twettiq ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk;

(b)

l-għażla jew l-adattament ta' oqsma ewlenin ta' prestazzjoni;

(c)

id-definizzjoni ta' indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin u indikaturi għall-monitoraġġ;

(d)

l-iffissar ta' firxiet ta' mira ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha, u t-twaqqif u r-reviżjoni ta' miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha;

(e)

l-istabbiliment tal-valuri bażiċi, il-limiti ta' twissija, u l-gruppi ta' tqabbil imsemmija fl-Artikolu 9(4);

(f)

valutazzjoni tal-konsistenza ta' abbozzi ta' miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew miri ta' prestazzjoni stabbiliti fil-livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali (“miri ta' prestazzjoni FAB”) mal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha skont l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15 u r-reviżjoni ta' abbozz ta' pjanijiet ta' prestazzjoni skont l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 15(1);

(g)

il-verifika tal-kompletezza tal-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni skont l-Artikolu 13;

(h)

il-verifika, skont l-Artikolu 19, tal-abbozz tal-Pjan ta' Rendiment tan-Netwerk kif imsemmi fl-Artikolu 10(5) ta' dan ir-Regolament;

(i)

l-evalwazzjoni tal-miri ta' prestazzjoni riveduti u tal-miżuri korrettivi adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15(5);

(j)

monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inklużi n-nefqa tal-investiment u tal-kapital, fil-livell tal-Unjoni, f'livell nazzjonali u fil-livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(k)

il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk skont l-Artikolu 37(2);

(l)

il-valutazzjoni, skont l-Artikolu 37(3), tal-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali fir-rigward tal-pjanijiet ta' prestazzjoni, bil-għan li timmonitorja l-prestazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-ATM;

(m)

l-evalwazzjoni tal-kisba tal-miri ta' prestazzjoni matul il-perjodu referenzjarju;

(n)

il-manutenzjoni u l-appoġġ fil-koordinazzjoni ta' kalendarju tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar il-pjanijiet tal-prestazzjoni u r-rekwiżiti ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) (3) u fl-Artikolu 30.

Artikolu 4

Forniment ta' informazzjoni u faċilitazzjoni tal-monitoraġġ minn fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru

1.   Meta jkun meħtieġ biex iwettaq il-kompiti tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali relatati mal-funzjonament dettaljat tal-iskema ta' prestazzjoni, il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet dan li ġej:

(a)

informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet lokali rilevanti għall-iffissar ta' miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew miri ta' prestazzjoni stabbiliti fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(b)

data għall-istabbiliment tar-redditu fuq ir-rata ta' ekwità għal imposti tan-navigazzjoni bl-ajru;

(c)

informazzjoni dwar investimenti ppjanati fil-ħames snin wara d-data tat-talba, li turi l-profil tan-nefqa ppjanata għal investimenti ġodda u eżistenti matul u lil hinn mill-perjodu referenzjarju u kif l-investimenti ewlenin jikkontribwixxu għall-prestazzjoni f'kull qasam ta' prestazzjoni ewlieni;

(d)

il-pjan tan-negozju tagħhom imsemmi fil-punt ATM/ANS.OR.D.005 tal-Anness III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (10);

(e)

informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(3);

(f)

data dwar bażijiet tal-kost u informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta' kostijiet bejn servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal, kif ukoll data dwar dħul minn attivitajiet kummerċjali u d-data dwar fondi pubbliċi riċevuti.

2.   Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jiffaċilitaw l-attivitajiet meħtieġa għall-finijiet tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 37(1) imwettaq minn jew f'isem l-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-awtorità kkonċernata, b'mod partikolari billi tipprovdi dokumenti, data, informazzjoni u spjegazzjonijiet orali rilevanti fuq talba u, fejn il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru hekk tippermetti u skont dik il-liġi nazzjonali, billi tagħti aċċess għal postijiet, art jew vetturi rilevanti.

Artikolu 5

Assistenza mill-Maniġer tan-Netwerk

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin relatati mal-funzjonament dettaljat tal-iskema ta' prestazzjoni:

(a)

jappoġġja lill-Kummissjoni billi jipprovdi kontribut rilevanti għall-istabbiliment ta' miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju u għall-monitoraġġ tal-kisba ta' dawk il-miri matul il-perjodu referenzjarju, inkluż billi jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr dewmien inutli, għal kwalunkwe ċirkostanza fejn il-miri tal-prestazzjoni ma jintlaħqux jew hemm riskju li mhux se jintleħqu jew fejn jiġi osservat tnaqqis persistenti fil-prestazzjoni operattiva;

(b)

fuq rikjesta tal-Kummissjoni, jappoġġja lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali billi jipprovdi kontribut rilevanti għat-tħejjija tal-pjanijiet ta' prestazzjoni u billi jinforma lill-awtorità superviżorja nazzjonali konċernata, mingħajr dewmien inutli, dwar kwalunkwe ċirkostanza fejn il-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni FAB ma jintlaħqux jew hemm riskju li mhux se jintleħqu jew fejn jiġi osservat tnaqqis sinifikanti u persistenti fil-prestazzjoni operattiva;

(c)

jappoġġja lill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru biex jilħqu l-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni FAB, b'mod partikulari permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123.

Artikolu 6

Kooperazzjoni mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Skont l-Artikolu 13a tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u skont il-punt (h) tal-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 93(b) tar-Regolament (UE) 2018/1139, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex jiżguraw li:

(a)

aspetti ta' sikurezza jiġu indirizzati kif xieraq, inkluż l-istabbiliment, ir-reviżjoni u l-implimentazzjoni ta' indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin u miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tas-sikurezza;

(b)

l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tas-sikurezza huma konsistenti mal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/1139.

KAPITOLU III

IFFISSAR TAL-MIRA TA' PRESTAZZJONI

Artikolu 7

Tul tal-perjodi referenzjarji

1.   It-tielet perjodu referenzjarju għandu jkopri s-snin kalendarji 2020 sa 2024 inklużivi.

2.   Kull perjodu referenzjarju sussegwenti għandu jkopri ħames snin kalendarji.

3.   It-tul tal-perjodi referenzjarji speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(6).

Artikolu 8

Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u indikaturi għall-monitoraġġ

1.   L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fil-livell tal-Unjoni għal kull qasam ta' prestazzjoni ewlieni għandhom ikunu dawk stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I.

2.   L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali għandhom ikunu dawk stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I.

3.   L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk għandhom ikunu dawk stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness I.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni u indikaturi għall-monitoraġġ flimkien ma' dawk imsemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward, b'mod partikolari, ta' aspetti ċivili-militari jew meteoroloġiċi.

Artikolu 9

Miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha

1.   Sa mhux aktar tard minn 19-il xahar qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni data dwar l-kostijiet inizjali u informazzjoni dwar tbassir tat-traffiku msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 10(2) relatati mal-perjodu referenzjarju li jkun ġej, bħala inputs għall-iffissar ta 'miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha.

2.   Sa mhux aktar tard minn 15-il xahar qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju, il-Kummissjoni għandha tippubblika firxiet indikattivi ta' mira għal miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, li tikkonsisti fil-valuri minimi u massimi annwali li fihom il-Kummissjoni beħsiebha tistabbilixxi miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, persuni u organizzazzjonijiet rilevanti oħra u, rigward aspetti ta' sikurezza, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni dwar dawk il-firxiet indikattivi.

3.   Sa mhux aktar tard minn seba' xhur qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju, il-Kummissjoni għandha tadotta skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 il-miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tqis l-inputs rilevanti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni, il-Maniġer tan-Netwerk u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

(b)

tbassir tat-traffiku en route, espress f'termini ta' movimenti IFR u f'unitajiet ta' servizz u bbażat fuq l-iktar tbassir disponibbli riċenti tal-bażi tal-Istatistika tal-Eurocontrol u t-Tbassir (“STATFOR”);

(c)

tissostanzja kull mira ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha b'deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet sottostanti u r-raġunament għal dak il-għan, inkluż l-użu magħmul minn inputs imsemmija f'punt (a) ta' dan il-paragrafu, ir-riżultat tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u data fattwali rilevanti.

4.   Flimkien mal-adozzjoni tal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

“valur bażi għal kostijiet iddeterminati” għall-Unjoni kollha, u “valur bażi għall-kostijiet iddeterminati tal-unità” għall-iskop li jiġu stabbiliti miri fil-qasam tal-prestazzjoni ewlenija ta' effiċjenza f'termini ta' kostijiet għall-indikatur tal-prestazzjoni ewlenija msemmija fil-punt 4.1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I. Dawk il-valuri bażi għandhom jiġu kkalkulati fir-rigward tas-sena ta' qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju.

Il-valur bażi għal kostijiet iddeterminati għandu jiġi stmat bl-użu tal-kostijiet reali disponibbli għall-perjodu referenzjarju preċedenti u aġġustat biex iqis l-iktar stima riċenti disponibbli tal-kostijiet, il-varjazzjonijiet tat-traffiku u r-relazzjoni tagħhom mal-kostijiet.

Il-valur bażi għall-kost iddeterminat tal-unità għandu jiġi derivat billi jiġi diviż il-valur bażi għall-kostijiet iddeterminati bit-tbassir tat-traffiku espress f'unitajiet ta' servizz għas-sena ta' qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju.

(b)

limiti ta' twissija li lil hinn minnhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni, skont il-punt (a)(i) tal-Artikolu 18(1). Dawk il-limiti ta' twissija għandhom ikunu bbażati fuq il-parametri li ġejjin:

(i)

id-devjazzjoni tat-traffiku reali mit-tbassir tat-traffiku fuq sena kalendarja partikolari, espressa bħala perċentwal tal-movimenti IFR;

(ii)

id-devjazzjoni tat-traffiku reali mit-tbassir tat-traffiku fuq sena kalendarja partikulari, espressa bħala perċentwal tal-unitajiet ta' servizz;

(iii)

il-varjazzjoni tal-valuri referenzjarji bħala riżultat tal-aġġornamenti staġonali tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 9(8) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, meta mqabbel mal-valuri referenzjarji mill-aħħar verżjoni tal-Pjan ta' Operazzjonijiet tan-Netwerk disponibbli fi żmien it-tfassil tal-pjan ta' prestazzjoni. Din il-varjazzjoni għandha tiġi espressa bħala perċentwal ta' varjazzjoni jew bħala frazzjoni ta' minuti tad-dewmien ATFM en route, skont il-kobor tal-valuri referenzjarji.

(c)

il-gruppi ta' paragun tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru b'ambjent operattiv u ekonomiku simili, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Artikolu 10

Pjanijiet ta' prestazzjoni

1.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom ifasslu pjanijiet ta' prestazzjoni, f'livell nazzjonali jew fil-livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

2.   Il-pjanijiet ta' prestazzjoni għandhom jitfasslu skont il-mudell stabbilit fl-Anness II u għandhom jinkludu:

(a)

miri ta' prestazzjoni nazzjonali vinkolanti jew miri vinkolanti ta' prestazzjoni tal-FAB, stabbiliti fuq il-bażi tal-indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin imsemmija fl-Artikolu 8(2), inklużi “valur bażi għal kostijiet iddeterminati” u “valur bażi għall-kostijiet iddeterminati tal-unità” għal kull żona tal-imposti, bil-għan li jiġu stabbiliti miri fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni ta' kosteffiċjenza. Dawk il-valuri bażi għandhom jinħadmu fir-rigward tas-sena ta' qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju.

Il-valur bażi għal kostijiet iddeterminati għandu jiġi stmat bl-użu tal-kostijiet reali disponibbli għall-perjodu referenzjarju preċedenti, u għandu jiġi aġġustat biex iqis l-iktar stima riċenti disponibbli tal-kostijiet, il-varjazzjonijiet tat-traffiku u r-relazzjoni tagħhom mal-kostijiet.

Il-valur bażi għall-kostijiet iddeterminati tal-unità għandu jinkiseb billi l-valur bażi tal-kostijiet iddeterminati jiġi diviż bl-iktar tbassir tat-traffiku riċenti disponibbli, espressa f'unitajiet ta' servizz għas-sena ta' qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju.

(b)

kostijiet iddeterminati għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal stabbiliti skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u b'dan ir-Regolament;

(c)

skemi ta' inċentivi stabbiliti skont l-Artikolu 11, li jispeċifikaw il-parametri tal-iskemi ta' inċentivi, il-valuri ta' pern tal-mekkaniżmu ta' modulazzjoni imsemmija fl-Artikolu 11(3) fejn applikabbli, kif ukoll miżuri mmirati biex jilħqu l-għanijiet ta' dawk l-iskemi ta' inċentivi;

(d)

deskrizzjoni tal-miżuri ewlenin immirati biex jinkisbu miri ta' prestazzjoni;

(e)

konferma li hija konsistenti mal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004;

(f)

tbassir tat-traffiku en route, espress f'termini ta' movimenti IFR u f'unitajiet ta' servizz, ibbażat fuq it-tbassir bażi ta' STATFOR tal-Eurocontrol;

(g)

tbassir tat-traffiku fit-terminal, espress f'termini ta' movimenti IFR u f'unitajiet ta' servizz, ibbażat fuq it-tbassir bażi ta' STATFOR tal-Eurocontrol;

(h)

deskrizzjoni ta' inizjattivi biex tappoġġja l-koordinazzjoni transkonfinali u l-forniment ta' servizzi transkonfinali li huma ta' benefiċċju għall-prestazzjoni operattiva jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn;

(i)

informazzjoni dwar:

(i)

investimenti ewlenin;

(ii)

pjanijiet ta' ġestjoni tal-bidliet għad-dħul fis-servizz ta' bidliet kbar fl-ispazju tal-ajru jew għat-titjib tas-sistema tal-ATM, immirati biex jimminimizzaw kwalunkwe impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tan-netwerk.

Madankollu, fir-rigward tal-punti (f) u (g), l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jużaw tbassir tat-traffiku en route u fit-terminal oħra flok dawk imsejsa fuq it-tbassir bażi ta' STATFOR tal-Eurocontrol. F'dak il-każ, għandhom jikkonsultaw mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati, u jfissru r-raġunijiet għall-użu ta' tbassir ieħor fil-pjan ta' prestazzjoni. Kull differenza mit-tbassir bażi ta' STATFOR tal-Eurocontrol għandha tkun relatata ma' fatturi lokali speċifiċi li għadhom ma ġewx indirizzati biżżejjed mit-tbassir bażi ta' STATFOR tal-Eurocontrol. L-istess tbassir għandu jintuża għall-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin kollha.

3.   Il-pjanijiet ta' prestazzjoni jista' jkun fihom miri ta' prestazzjoni addizzjonali stabbiliti abbażi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4). Dawk il-miri għandhom jappoġġaw il-kisba tal-miri ta' prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) u fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

4.   Skont l-Artikolu 10(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jikkonsultaw mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn rilevanti, operaturi tal-ajurporti u koordinaturi tal-ajruporti dwar l-abbozz ta' pjanijiet ta' prestazzjoni, inkluż dwar il-miri ta' prestazzjoni u l-iskemi ta' inċentivi li hemm fihom.

5.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jfassal il-Pjan ta' Rendiment tan-Netwerk. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jfassal Pjan ta' Rendiment tan-Netwerk Il-Pjan ta' Rendiment tan-Netwerk għandu jitfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness III u għandu jistabbilixxi:

(a)

il-valur miżjud tal-Maniġer tan-Netwerk b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Istati Membri, blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u utenti tal-ispazju tal-ajru ċivili u militari lejn il-kisba tal-miri tal-kapaċità u l-ambjent, u jistabbilixxi l-kontribut tal-funzjonijiet tan-netwerk biex jintlaħqu l-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha;

(b)

il-miri u l-għanijiet ta' prestazzjoni għall-Maniġer tan-Netwerk u għal kull funzjoni tan-netwerk u l-miżuri mmirati biex jintlaħqu dawk il-miri.

6.   Fejn kif provdut fir-raba' subparagrafu tal-punt (c) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 il-Kummissjoni rrevediet il-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jirrevedu l-pjanijiet ta' prestazzjoni tagħhom u jinkludu miri ta' prestazzjoni riveduti skont dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Skemi ta' inċentivi

1.   L-iskemi ta' inċentivi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni kif adottati mill-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu inċentivi ta' natura finanzjarja għall-kisba tal-miri ta' prestazzjoni fl-oqsma ewlenin ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza u l-kapaċità b'mod effettiv u proporzjonali;

(b)

japplikaw waqt il-perjodu kollu kopert mill-pjan ta' prestazzjoni;

(c)

ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u effettivi;

(d)

japplikaw għal servizzi tan-navigazzjoni kemm en route kif ukoll fit-terminal.

2.   L-iskemi ta' inċentivi fuq il-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza għandhom ikunu rregolati mill-Artikoli 27 u 28.

3.   L-iskemi ta' inċentivi fuq il-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità għandhom flimkien mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, jilħqu l-prinċipji li ġejjin:

(a)

dawn għandhom ikunu proporzjonati mal-livell tad-dewmien tal-ATFM u jikkonsistu f'vantaġġi finanzjarji u fi żvantaġġi finanzjarji li jkollhom impatt materjali fuq id-dħul f'riskju;

(b)

għandhom jiġi stabbiliti b'mod li l-iżvantaġġi finanzjarji massimi jkunu tal-anqas ekwivalenti għall-vantaġġi finanzjarji massimi;

L-awtorità superviżorja nazzjonali għandha tiddefinixxi l-perċentwali fissi massimi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punti 2.1(a) u 2.2(a) tal-Anness XIII, kif ukoll fit-tieni subparagrafu tal-punti 2.1(b) u 2.2.(b) tal-Annexx XIII għall-kalkolu tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi finanzjarji, soġġetti għall-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati.

Fir-rigward tal-perċentwali fissi massimi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punti 2.1(a) u 2.2(a) tal-Anness XIII għall-kalkolu tal-vantaġġi finanzjarji, dawk il-perċentwali ma għandhom jaqbżu t-2 %.

(c)

biex jiġu kkalkulati l-vantaġġi jew l-iżvantaġġi finanzjarji, għandhom jintużaw valuri ta' pern;

L-awtorità superviżorja nazzjonali għandha tiddeċiedi, qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju, jekk dawk il-valuri ta' pern għandhomx ikunu bbażati:

(i)

fuq il-miri ta' prestazzjoni fil-livell nazzjonali, imqassma fil-livell ta' kull fornitur individwali ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru; jew

(ii)

fuq miri ta' prestazzjoni modulati fil-livell nazzjonali, imqassma fil-livell ta' kull fornitur individwali ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, stabbiliti kull sena mill-awtorità superviżorja nazzjonali għas-sena ta' wara skont il-punt 1 tal-Anness XIII u soġġett għall-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati. Il-mekkaniżmu ta' modulazzjoni għandu jiġi definit fil-pjan ta' prestazzjoni u għandu japplika għal kull sena tal-perjodu referenzjarju u m'għandux jinbidel matul il-perjodu referenzjarju;

L-awtorità superviżorja nazzjonali għandha tinforma annwalment lill-Kummissjoni dwar il-valuri ta' pern;

(d)

Għandu jkun hemm firxa simmetrika madwar il-valur ta' pern stipulat mill-awtorità superviżorja nazzjonali, soġġett għall-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati, biex jiġi żgurat li varjazzjonijiet minimi fid-dewmien tal-ATFM ma jwasslu għal ebda vantaġġ jew żvantaġġ finanzjarju.

(e)

meta d-dewmien medju reali tal-ATFM għal kull titjira fis-sena n ikun inqas mill-valur ta' pern stabbilit għas-sena n u lil hinn mill-firxa msemmija fil-punt (d), dan għandu jirriżulta f'vantaġġ finanzjarju permezz ta' żieda fir-rata unitarja fis-sena n+2 skont il-punt 2 tal-Anness XIII;

(f)

meta d-dewmien medju reali tal-ATFM għal kull titjira fis-sena n ikun ogħla mill-valur ta' pern stabbilit għas-sena n u lil hinn mill-firxa msemmija fil-punt (d), dan għandu jirriżulta fi żvantaġġ finanzjarju permezz ta' tnaqqis fir-rata unitarja fis-sena n+2 skont il-punt 2 tal-Anness XIII;

(g)

għall-miri en route fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità u fejn il-pjan ta' prestazzjoni ikun stabbilit fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin, flimkien mal-prinċipji msemmija f'punti (a) sa (f):

(i)

l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati għandhom iqassmu l-mira tal-prestazzjoni FAB imsemmija fil-punt 3.1(a) tat-Taqsima 2 tal-Anness I fil-livell ta' kull fornitur individwali ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat, bl-għan li jiġu stabbiliti inċentivi f'livell nazzjonali. Il-valuri li jirriżultaw għandhom jiffurmaw il-bażi għall-valuri ta' pern imsemmija fil-punt (c);

(ii)

l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati għandhom japplikaw l-istess skema ta' inċentivi, b'mod konsistenti għall-fornituri kollha ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati;

(iii)

il-valuri ta' pern għall-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali għandhom jintużaw ukoll fil-livell ta' kull fornitur individwali ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru msemmi fil-punt (i), u għandhom ikunu bbażati jew:

fuq il-miri ta' prestazzjoni fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali; jew

fuq miri ta' prestazzjoni modulati fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali skont il-punt 1 tal-Anness XIII u soġġett għal konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u mal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati;

(iv)

b'deroga mill-punt (c), l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kollha kkonċernati għandhom jiddeċiedu flimkien dwar jekk il-valuri ta' pern fil-livell ta' kull fornitur individwali ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali humiex se jiġu modulati jew le. Din id-deċiżjoni għandha tapplika b'mod uniformi għall-valuri kollha ta' pern fil-livell ta' kull fornitur individwali ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, għat-tul kollu tal-perjodu referenzjarju;

(v)

fejn il-miri ta' prestazzjoni fil-livell nazzjonali u f'dak tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jkunu se jiġu modulati, l-istess mekkaniżmu ta' modulazzjoni għandu japplika għall-miri ta' prestazzjoni fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali;

(vi)

fenj it-total tad-dewmien ATFM en route għal kull titjira matul is-sena n fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jkun ogħla mill-valur tal-pern stabbilit għas-sena n imsemmi fil-punt (iii) u lil hinn mill-firxa msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, il-punt (e) tal-paragrafu 3 ma għandux japplika, u l-punt (f) tal-paragrafu 3 għandu japplika biss għal dawk il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni bl-ajru li d-dewmien reali ATFM tagħhom għal kull titjira fis-sena n huwa ogħla mill-valur ta' pern stabbilit għas-sena n u lil hinn mill-firxa msemmija fil-punt (d);

(vii)

meta t-total tad-dewmien ATFM en route matul is-sena n fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jkun inqas mill-valur tal-pern stabbilit għas-sena n imsemmi fil-punt (iii) u lil hinn mill-firxa msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, il-punt (f) tal-paragrafu 3 ma għandux japplika, u l-punt (e) tal-paragrafu 3 għandu japplika biss għal dawk il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni bl-ajru li d-dewmien reali ATFM tagħhom għal kull titjira fis-sena n huwa inqas mill-valur ta' pern stabbilit għas-sena n u lil hinn mill-firxa msemmija fil-punt (d).

4.   L-iskemi ta' inċentivi li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni kif adottati mill-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu inċentivi ta' natura finanzjarja għall-kisba tal-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent jew għall-kisba tal-miri ta' prestazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 10(3) f'konformità mal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, sakemm dawn ikunu effettivi u proporzjonati. Dawk l-iskemi ta' inċentivi għandhom jiġu applikati flimkien ma' u indipendentement mill-iskemi ta' inċentivi msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Il-vantaġġ finanzjarju jew l-iżvantaġġ finanzjarju aggregati minn dawk l-iskemi ta' inċentivi ma għandux jaqbeż 2 % u 4 % tal-kostijiet iddeterminati tas-sena n, rispettivament.

KAPITOLU IV

ADOZZJONI, VALUTAZZJONI U REVIŻJONI TAL-PJANIJIET TA' PRESTAZZJONI

Artikolu 12

Adozzjoni u sottomissjoni ta' abbozzi tal-pjanijiet ta' prestazzjoni

Kull Stat Membru għandu jadotta abbozz ta' pjan ta' prestazzjoni, kif imfassal mill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza jew l-awtoritajiet ikkonċernati fuq livell nazzjonali jew fuq livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, u jissottomettih lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju li għalih tirrelata. Fejn l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni jitfassal fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, wara li l-Istati Membri kollha kkonċernati jkunu adottaw dak il-pjan, għandu jitressaq lill-Kummissjoni.

Artikolu 13

Verifika tal-kompletezza ta' abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni mressqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12 ikunx fihom l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 10(2) u 10(4) u fejn applikabbli, l-Artiklolu 10(3) u 10(5).

2.   Meta l-Kummissjoni ssib, wara li tkun wettqet il-verifika msemmija fil-paragrafu 1, li hemm element wieħed jew aktar neqsin, għandha fi żmien xahar mid-data li tirċievi l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni titlob lill-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati biex jipprovdi abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni aġġornat, li jkun fih dawk l-element jew l-elementi li huma nieqsa.

F'dak il-każ, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jissottomettu l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni aġġornat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet ġimgħat mid-data tat-talba tal-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibda l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni, wara li tkun wettqet il-verifika msemmija fil-paragrafu 1, li l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni jkun fih l-elementi kollha meħtieġa, jew meta tirċievi l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni aġġornat imsemmi fil-paragrafu 2, kif applikabbli.

Artikolu 14

Evalwazzjoni u reviżjoni ta' abbozzi tal-pjanijiet u l-miri ta' prestazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni FAB li jinsabu fl-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni mal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi lokali. Il-Kummissjoni tista' tikkomplementa l-evalwazzjoni billi tirrevedi l-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni fir-rigward tal-elementi speċifikati fil-punt 2 tal-Anness IV.

2.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni ssib li l-miri ta' prestazzjoni li jinsabu f'abbozz ta' pjan ta' prestazzjoni huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames xhur mid-data tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni jew, fejn applikabbli, tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni aġġornat imsemmi fl-Artikolu 13(2), tadotta deċiżjoni li tinnotifika lill-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati.

3.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni ssib li wieħed jew aktar miri ta' prestazzjoni li jinsabu f'abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni mhumiex konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames xhur mid-data tal-wasla tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni jew, fejn applikabbli, tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni aġġornat imsemmi fl-Artikolu 13(2), tadotta deċiżjoni li tistipula r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt (c) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

F'dak il-każ, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jirrevedu l-miri ta' prestazzjoni u jieħdu miżuri xierqa biex jirrevedu l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni kif xieraq, filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, u jissottomettu l-abbozz ta' pjan ta' prestazzjoni rivedut lill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Valutazzjoni tal-pjanijiet u tal-miri ta' prestazzjoni riveduti u adozzjoni ta' miżuri korrettivi

1.   Meta tirċievi l-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni rivedut ippreżentat lilha skont l-Artikolu 14(3), il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-abbozz rivedut tal-pjan ta' prestazzjoni u l-konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni riveduti li jinsabu fih mal-miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi lokali. Il-Kummissjoni tista' tikkomplementa l-evalwazzjoni billi tirrevedi l-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni fir-rigward tal-elementi speċifikati fil-punt 2 tal-Anness IV.

2.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni ssib li l-miri ta' prestazzjoni riveduti li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta' prestazzjoni huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames xhur mid-data meta tirċievi l-abbozz rivedut tal-pjan ta' prestazzjoni, tadotta deċiżjoni li tinnotifika lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan.

3.   Fejn, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni ssib li hemm dubji dwar il-konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni riveduti li jinsabu fl-abbozz ta' pjan ta' prestazzjoni rivedut mal-miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames xhur mid-data meta tirċievi l-abbozz rivedut tal-pjan ta' prestazzjoni, tibda eżami dettaljat ta' dawk il-miri ta' prestazzjoni u ċ-ċirkostanzi lokali rilevanti, billi titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jekk meħtieġ, u tinforma lill-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati dwar dan.

4.   Fejn, wara li tkun għamlet l-eżami dettaljat imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni ssib li l-miri ta' prestazzjoni riveduti li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan ta' prestazzjoni huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames xhur mid-data mill-bidu tal-eżami dettaljat, tadotta deċiżjoni li tinnotifika lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan.

5.   Fejn, wara li għamlet l-eżami dettaljat imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni ssib li l-miri ta' prestazzjoni riveduti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni rivedut mhumiex konsistenti mal-miri tal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames xhur mid-data tal-bidu tal-eżami dettaljat, tadotta deċiżjoni li tistipula l-miżuri korrettivi li l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati għandhom jieħdu, skont it-tielet subparagrafu tal-punt (c) L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

6.   Meta l-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta' dik id-deċiżjoni, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri li jkunu ħadu skont dik id-deċiżjoni, kif ukoll informazzjoni li turi li dawk il-miżuri jikkonformaw ma' dik id-deċiżjoni.

7.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata lilha skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri meħuda mill-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati humiex biżżejjed biex jiżguraw konformità mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5, skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u ta' dan ir-Regolament.

Jekk il-Kummissjoni ssib li dawk il-miżuri huma biżżejjed biex jiżguraw konformità mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5, għandha tinnotifika lill-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati dwar dan.

Fejn il-Kummissjoni ssib li dawk il-miżuri mhumiex biżżejjed biex jiżguraw il-konformità mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5, għandha tinnotifika lill-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati b'dan u għandha tieħu, fejn xieraq, azzjoni biex tindirizza n-nuqqas ta' konformità, inkluż permezz ta' azzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Adozzjoni tal-pjanijiet ta' prestazzjoni

Kull Stat Membru għandu jadotta u jippubblika l-pjan ta' prestazzjoni tiegħu f'wieħed miċ-ċirkostanzi li ġejjin, kif applikabbli:

(a)

wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2) jew l-Artikolu 15(4);

(b)

wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(7);

(c)

wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni wara talba minn Stat Membru jew Stati Membri kkonċernati biex tirrevedi matul il-perjodu referenzjarju miri ta' prestazzjoni skont l-Artikolu 18(1), sakemm il-pjan ta' prestazzjoni jiġi aġġustat mill-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-miri ta' prestazzjoni riveduti.

Artikolu 17

Miri ta' prestazzjoni jew miżuri korrettivi adottati wara l-bidu tal-perjodu referenzjarju

1.   Fejn, bħala konsegwenza taż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 14 u 15, l-Istati Membri ma setgħux jadottaw pjanijiet ta' prestazzjoni qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju skont l-Artikolu 16, il-miri tal-aktar verżjoni reċenti tal-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni għandha tapplika fuq bażi proviżorja, sakemm il-pjanijiet ta' prestazzjoni jiġu adottati.

2.   Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, meta jiġu adottati l-pjanijiet ta' prestazzjoni, il-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni ta' kosteffiċjenza għandhom japplikaw retroattivament permezz ta' aġġustament tar-rati unitarji skont l-Artikolu 29(5).

Artikolu 18

Reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni matul perjodu referenzjarju

1.   Matul il-perjodu referenzjarju, l-Istati Membri jistgħu jirrevedu wieħed jew aktar mill-miri ta' prestazzjoni li jinsabu fil-pjanijiet ta' prestazzjoni u jadottaw pjanijiet ta' prestazzjoni li huma emendati skont dan, biss fejn jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati jqisu li r-reviżjoni maħsuba hija meħtieġa u proporzjonata fid-dawl tal-okkorrenza ta' waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(i)

mill-inqas wieħed mil-limiti ta' twissija msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(4) jintlaħaq u l-awtorità jew awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati evalwaw is-sitwazzjoni u wrew li l-effetti li jirriżultaw milli jilħqu l-limitu jew il-limiti minimi ta' twissija ma jistgħux jiġu mitigati biżżejjed sakemm il-miri ta' prestazzjoni ma jkunux riveduti;

(ii)

id-data, is-suppożizzjonijiet u r-raġunijiet inizjali, inkluż fuq investimenti, li abbażi tagħhom il-miri ta' prestazzjoni kkonċernati ġew stabbiliti, ikunu b'mod sinifikanti u dejjiema mhux aktar preċiżi minħabba ċirkostanzi imprevedibbli meta ġie adottat il-pjan ta' prestazzjoni, u l-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati jkunu evalwaw is-sitwazzjoni u wrew li l-effetti li jirriżultaw ma jistgħux ikunu mtaffija biżżejjed sakemm il-miri ta' prestazzjoni ma jiġux riveduti.

(b)

il-Kummissjoni tkun, fuq bażi ta' talba raġjonata mill-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati, iddeċidiet li:

(i)

taqbel li r-reviżjoni maħsuba hija meħtieġa u proporzjonata fid-dawl tal-okkorrenza ta' waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet li ġejjin imsemmija fil-punt (a);

(ii)

il-miri ta' prestazzjoni riveduti maħsuba huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha, wara li tkun evalwat dawk il-miri fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV.

Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni msemmija fil-punt (b) fi żmien seba' xhur mid-data tal-preżentazzjoni tat-talba kompluta mressqa mill-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati.

2.   Kull reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni adottata fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu m'għandhiex tapplika retroattivament.

Artikolu 19

Approvazzjoni tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jissottometti l-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk lill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni tiegħu mill-Bord tat-Tmexxija tan-Netwerk kif imsemmi fil-punt (o) tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju.

2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk jilħaqx il-kriterji stabbiliti fl-Anness V.

Il-Kummissjoni tista' tirrikjedi lill-Maniġer tan-Netwerk biex jissottometti reviżjoni tal-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk, fejn dan ikun meħtieġ biex tiżgura l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness V.

3.   Jekk il-Kummissjoni ssib li l-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk jilħaq il-kriterji stabbiliti fl-Anness V, hija tadotta l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk.

4.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jippubblika u jimplimenta l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3.

5.   Fejn, bħala konsegwenza taż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 2 u 3, il-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk ma jkunx ġiex adottat mill-Kummissjoni qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju, l-iktar verżjoni reċenti tal-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk approvat mill-Bord Maniġerjali tan-Netwerk għandu japplika fuq bażi proviżorja, sakemm il-Kummissjoni tadotta l-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk.

KAPITOLU V

FINANZJAMENT TAS-SERVIZZI TA' NAVIGAZZJONI BL-AJRU, IT-TWAQQIF TA' ŻONI TAL-IMPOSTI, IT-TWAQQIF TA' BAŻIJIET TAL-KOST GĦAL IMPOSTI U TRASPARENZA

Artikolu 20

Prinċipji għall-iffinanzjar ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

1.   Il-kostijiet iddeterminati tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route għandhom ikunu ffinanzjati minn imposti en route fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru, u fejn japplika l-Artikolu 25(3), minn dħul ieħor kif imsemmi f'dak l-Artikolu.

2.   Il-kostijiet iddeterminati tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal għandhom ikunu ffinanzjati minn imposti fit-terminal imposti fuq l-utenti tal-ispazju tal-ajru u fejn japplika Artikolu 25(3), minn dħul ieħor imsemmi f'dak l-Artikolu.

3.   Id-dħul derivat minn imposti en route jew imposti fit-terminal ma għandux jintuża biex jiffinanzja attivitajiet kummerċjali ta' fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru.

Artikolu 21

Stabbiliment taż-żoni tal-imposti

1.   L-Istati Membri għandhom, fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom fejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jiġu pprovduti lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, jistabbilixxu żona tal-imposti waħda jew aktar għall-iskopijiet li jġorru imposti en route (“żona tal- imposti en route”) u żona tal-imposti waħda jew aktar għal skopijiet ta' imposti fit-terminal (“żona tal-imposti fit-terminal”).

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru kkonċernati qabel ma jistabbilixxu jew jimmodifikaw dawk iż-żoni.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, u l-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotta (“CRCO”) tal-Eurocontrol fejn applikabbli, dwar it-twaqqif jew il-modifika ta' dawk iż-żoni tal-imposti, mill-inqas seba' xhur qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ambitu ġeografiku taż-żoni tal-imposti huwa ddefinit biċ-ċar. Iż-żoni tal-imposti għandhom ikunu konsistenti mal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, u jistgħu jinkludu servizzi fornuti minn fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru stabbilit fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-ispazju tal-ajru transfruntiera.

3.   Meta s-servizzi tat-traffiku tal-ajru relatati mal-wasla u t-tluq tal-inġenji tal-ajru jkunu pprovduti b'mod konġunt għal grupp ta' ajruporti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu żona speċifika ta' imposti fit-terminal fiż-żona fit-terminal kkonċernata.

4.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu żoni tal- imposti en route jew żoni tal-imposti fit-terminal li jestendu madwar l-ispazju tal-ajru li għalih huma responsabbli aktar minn Stat Membru wieħed, jew meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu żona tal-imposti komuni, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw applikazzjoni konsistenti u uniformi ta' dan ir-Regolament għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-ispazju tal-ajru kkonċernat.

L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-CRCO tal-Eurocontrol dwar kwalunkwe deċiżjoni ta' din ix-xorta.

5.   L-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw jew jistabbilixxu żona tal-imposti fit-terminal ġdida matul perjodu referenzjarju, sakemm:

(a)

jikkonsultaw ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni kkonċernati qabel il-modifika;

(b)

jinnotifikaw, mingħajr dewmien żejjed, lill-Kummissjoni u lis-CRCO tal-Eurocontrol dwar il-modifika;

(c)

jipprovdu lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed, b'dan kollu li ġej:

(i)

id-data tat-traffiku u l-kost rilevanti li jirriflettu b'mod adegwat is-sitwazzjoni qabel u wara l-modifika;

(ii)

il-kummenti tar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, u tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonsultati skont il-punt (a);

(iii)

valutazzjoni tal-impatt mistenni tal-modifika fuq il-kisba tal-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri tal-prestazzjoni tal-FAB fil-qasam tal-prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza, kif ukoll fuq il-monitoraġġ tal-prestazzjoni;

(iv)

aġġornament tal-pjan ta' prestazzjoni mad-data rilevanti.

6.   L-Istati Membri ma għandhomx jimmodifikaw iż-żona tal-imposti en route waqt perjodu referenzjarju.

Artikolu 22

Stabbiliment tal-bażi tal-kost għall-imposti

1.   Il-bażi tal-kost ta' imposti en route u fit-terminal għandha tikkonsisti fil-kostijiet iddeterminati relatati mal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fiż-żona tal-imposti kkonċernata.

Kostijiet iddeterminati li jirriżultaw minn sistemi ATM ġodda u minn titjib maġġuri tas-sistemi ATM eżistenti għandhom jiġu inklużi biss fil-bażi tal-kost fejn dawk is-sistemi jkunu konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, kif ukoll b'mod partikulari mal-proġetti komuni msemmija fl-Artikolu 15a(3) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinkludu fil-bażi tal-kost il-kostijiet iddeterminati li ġejjin, imġarrba b'rabta mal-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, skont it-tieni sentenza tal-punt (b) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004:

(a)

kostijiet iddeterminati mġarrba minn awtoritajiet kompetenti;

(b)

kostijiet imġarrba mill-entitajiet ikkwalifikati msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(c)

kostijiet iddeterminati li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Internazzjonali EUROCONTROL dwar il-kooperazzjoni għas-sikurezza tan-navigazzjoni bl-ajru tat-13 ta' Diċembru 1960 kif emendata l-aħħar.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 18, il-kostijiet iddeterminati inklużi fil-bażijiet tal-kost għal imposti en route u fit-terminal għandhom jiġu stabbiliti qabel il-bidu ta' kull perjodu referenzjarju bħala parti mill-pjan ta' prestazzjoni f'termini reali u speċifikati għal kull sena kalendarja ta' dak il-perjodu termini reali u f'termini nominali, bl-eċċezzjoni tal-kostijiet iddeterminati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 u l-kostijiet iddeterminati msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 4, li għandhom jiġu stabbiliti f'termini nominali fejn tiġi applikata l-kontabbiltà tal-kost storiku.

3.   Il-kostijiet iddeterminati inklużi fil-bażijiet tal-kostijiet għal imposti en route u fit-terminal għandhom jiġu kkalkulati fil-munita nazzjonali. Fejn tkun ġiet stabbilita żona komuni ta' imposti b'rata unitarja waħda, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw il-konverżjoni tal-kostijiet iddeterminati f'munita waħda, li tista' tkun euro jew munita nazzjonali oħra ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, biex jiġi żgurat kalkolu trasparenti tar-rata unitarja waħda fl-applikazzjoni tal-Artikolu 25(4).

4.   Il-kostijiet iddeterminati inklużi fil-bażijiet tal-kost għal imposti en route u fit-terminal għandhom jikkonsistu fi:

(a)

kostijiet relatati mal-persunal;

(b)

kostijiet operazzjonali apparti l-kostijiet relatati mal-persunal;

(c)

kostijiet ta' deprezzament;

(d)

kostijiet tal-kapital;

(e)

kostijiet eċċezzjonali;

Rigward il-punt (a), il-kostijiet tal-persunal għandhom jinkludu r-rimunerazzjoni gross, il-ħlasijiet ta' sahra u l-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem għal skemi ta' sigurtà soċjali, kif ukoll kositjiet tal-pensjonijiet u l-kostijiet ta' benefiċċji oħra. Il-kostijiet tal-pensjonijiet jistgħu jiġu kkalkulati billi jintużaw suppożizzjonijiet prudenti bbażati fuq l-iskema tal-pensjoni jew fuq il-liġi nazzjonali, skont il-każ. Dawk is-suppożizzjonijiet għandhom ikunu speċifikati fil-pjan ta' prestazzjoni.

Fir-rigward tal-punt (b), kostijiet operattivi apparti l-kostijiet tal-persunal għandhom jinkludu kostijiet magħmula għal xiri ta' oġġetti u servizzi użati biex jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inklużi servizzi esternalizzati, materjal, enerġija, utilitajiet, kiri ta' bini, tagħmir u faċilitajiet, manutenzjoni, kostijiet ta' assigurazzjoni u kostijiet ta' vjaġġar.

Fir-rigward tal-punt (c), il-kostijiet ta' deprezzament għandhom jinkludu kostijiet relatati mal-assi fissi totali fl-operazzjoni għall-iskop li jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Il-valur tal-assi fissi għandu jiġi deprezzat skont il-ħajja operattiva mistennija tagħhom, bl-użu tal-metodu ta' linja dritta applikata għall-kostijiet tal-assi deprezzati. Għandha tiġi applikata kontabbiltà tal-kost storiku jew kurrenti għall-kalkolu tad-deprezzament. Il-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati l-kostijiet ta' deprezzament m'għandhiex tinbidel matul id-dewmien tad-deprezzament u għandha tkun konsistenti mal-kost tal-kapital applikat, jiġifieri l-kost nominali tal-kapital għall-kontabbiltà tal-kost storiku u l-kost reali tal-kapital għall-kontabbiltà tal-kostijiet kurrenti. Fejn tiġi applikata l-kontabbiltà tal-kost kurrenti, il-kost tal-kapital m'għandux jinkludi l-inflazzjoni, u ċ-ċifri tal-kontabbiltà tal-kost storiku ekwivalenti għandhom ukoll jiġu pprovduti biex jippermettu paragun u valutazzjoni.

Fir-rigward tal-punt (d), il-kost tal-kapital għandu jkun daqs il-prodott tal-elementi li ġejjin:

(i)

is-somma tal-valur medju nett kontabbli tal-assi fissi u l-aġġustamenti potenzjali tal-assi totali ddeterminati mill-awtorità superviżorja nazzjonali u użati mill-fornitur ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li jkunu qed jitħaddmu jew li jkunu fil-proċess ta' konstruzzjoni, u l-valur medju tal-assi netti kurrenti, eskluż il-kontijiet li fuqhom hemm l-imgħax, li huma meħtieġa għall-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

(ii)

il-medja ppeżata tar-rata tal-imgħax fuq id-djun u tar-redditu fuq l-ekwità (ROE). Għall-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru mingħajr ebda kapital ta' ekwità, il-medja ppeżata għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' redditu applikat għad-differenza bejn it-total tal-assi msemmija fil-punt (i) u d-djun.

Għall-iskop li jiġi stabbilit il-kost tal-kapital, il-fatturi li għandhom jingħataw piż għandhom ikunu bbażati fuq il-proporzjon ta' finanzjament permezz ta' dejn jew ekwità. Ir-rata tal-imgħax fuq id-djun għandha tkun daqs ir-rata tal-imgħax medja ppeżata fuq id-djun tal-fornitur ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Id-dħul fuq l-ekwità għandu jkun dak ipprovdut fil-pjan ta' prestazzjoni għall-perjodu referenzjarju u għandu jkun ibbażat fuq ir-riskju finanzjarju mġarrab mill-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru.

Meta l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jkollhom kostijiet mill-kiri ta' assi fissi, dawk il-kostijiet m'għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-kost tal-kapital.

Fir-rigward tal-punt (e), kostijiet eċċezzjonali għandhom jikkonsistu f'kostijiet mhux rikorrenti relatati mal-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, inkluż kwalunkwe taxxa u dazji doganali li ma jistgħux jiġu rkuprati.

5.   Il-kostijiet iddeterminati għandhom jiġu allokati b'mod trasparenti għaż-żoni tal-imposti fejn ikunu ġġarbu. Kostijiet iddeterminati li jsiru fir-rigward ta' diversi żoni tal-imposti għandhom jiġu allokati b'mod proporzjonali, fuq il-bażi ta' metodoloġija trasparenti.

Għal dan il-għan, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jistabbilixxu, qabel il-bidu ta' kull perjodu referenzjarju, il-kriterji użati biex jiġu allokati kostijiet iddeterminati għaż-żoni tal-imposti, inkluż fir-rigward tal-punti (b) u (c) ta' dan il-paragrafu, u l-kriterji biex jiġu allokati l-kostijiet iddeterminati bejn servizzi en route u fit-terminal, u għandhom jinkludu din l-informazzjoni fil-pjan ta' prestazzjoni skont il-punt 3.3(d) tal-Anness II.

Il-kostijiet iddeterminati inklużi fil-bażijiet tal-kostijiet għaż-żoni tal-imposti fit-terminal għandhom ikopru l-kost tas-servizzi li ġejjin:

(a)

is-servizzi tal-kontroll tal-ajrudromi, is-servizzi tal-informazzjoni fuq it-titjira tal-ajrudromi inklużi servizzi ta' konsulenza dwar it-traffiku tal-ajru, u servizzi ta' twissija;

(b)

is-servizzi tat-traffiku tal-ajru relatati mal-wasla u t-tluq tal-inġenji tal-ajru f'ċertu distanza minn ajruport li għandhom jiġu definiti fuq il-bażi ta' rekwiżiti operattivi;

(c)

il-parti proporzjonali tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru komuni għal servizzi en route u fit-terminal.

6.   Il-kostijiet iddeterminati magħmula għal titjiriet eżentati skont l-Artikolu 31(3) sa (5) għandhom ikunu magħmula minn:

(a)

il-kostijiet iddeterminati ta' titjiriet VFR eżentati, ikkalkulati permezz ta' metodoloġija ta' kost marġinali;

(b)

il-kostijiet iddeterminati ta' titjiriet IFR eżentati, ikkalkulati bħala l-prodott tal-elementi li ġejjin:

(i)

il-kostijiet iddeterminati magħmula għal titjiriet IFR, li għandhom jikkonsistu mill-kostijiet totali ddeterminati nieqes il-kostijiet iddeterminati tat-titjiriet VFR;

(ii)

il-proporzjon tan-numru ta' unitajiet ta' servizz eżentati għan-numru totali ta' unitajiet ta' servizz li għandhom jikkonsistu f'unitajiet ta' servizz fir-rigward ta' titjiriet IFR u, fejn mhumiex eżentati, ta' titjiriet VFR.

Il-kostijiet iddeterminati ta' titjiriet VFR eżentati għandhom ikunu separati mill-kostijiet iddeterminati magħmula għal titjiriet IFR għall-iskop tal-kalkolu tar-rata unitarja.

7.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jivverifikaw, fir-rigward ta' kull żona tal-imposti, li l-bażijiet tal-kost għal imposti en route u fit-terminal jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u ma' dan l-Artikolu. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jeżaminaw id-dokumenti tal-kontabbiltà rilevanti, inkluż kwalunkwe ktieb tal-assi u materjal ieħor rilevanti għall-istabbiliment tal-bażi tal-kost għall-imposti.

Artikolu 23

Kostijiet reali

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-istabbiliment ta' kostijiet reali.

Artikolu 24

It-trasparenza tal-kostijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu bażijiet tal-kost għal imposti għal kull żona tal-imposti b'mod trasparenti.

2.   Sa mhux aktar tard minn erba” xhur qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju, l-Istati Membri għandhom, b'mod ikkoordinat, jikkonsultaw fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn rilevanti, l-operaturi tal-ajruport u l-koordinaturi tal-ajruporti dwar l-istabbiliment maħsub tal-kostijiet iddeterminati inklużi fil-bażi tal-kost għal imposti en route u fit-terminal, investimenti ġodda u eżistenti, tbassir ta' unità ta' servizz u politika tal-imposti għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu dan matul perjodu referenzjarju, fejn biħsiebhom jitolbu reviżjoni tal-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ta' prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza skont l-Artikolu 18(1).

L-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tabelli ta' rappurtar u l-informazzjoni meħtieġa fl-Annessi VII u IX lill-entitajiet mistiedna għall-konsultazzjoni mill-inqas tliet ġimgħat qabel il-konsultazzjoni.

3.   Matul il-perjodu referenzjarju, l-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali, b'mod koordinat u skont il-punt 1 tal-Anness XII, jikkonsultaw fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn rilevanti, l-operaturi tal-ajruport u l-koordinaturi tal-ajruporti dwar il-kostijiet reali mġarrba matul is-sena ta' qabel u d-differenza bejn il-kostijiet reali u l-kostijiet iddeterminati fil-pjan ta' prestazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tabella ta' rappurtar u l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness VII għall-entitajiet mistiedna għall-konsultazzjoni mill-inqas tliet ġimgħat qabel il-konsultazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-aħħar subparagrafu tal-paragrafi 2 u 3 lill-Kummissjoni fid-data meta tingħata lill-partijiet ikkonsultati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu wkoll lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni.

KAPITOLU VI

KALKOLAZZJONI TAL-IMPOSTI U R-RATI UNITARJI

Artikolu 25

Kalkolu tar-rata unitarja

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw ir-rati unitarji en route u fit-terminal qabel il-bidu ta' kull sena tal-perjodu referenzjarju.

2.   Dawk ir-rati għandhom jiġu kkalkolati billi jiġi diviż in-numru mbassar tal-ammont totali ta' unitajiet ta' servizz en route jew fit-terminal għas-sena rilevanti, kkalkolat skont il-punti 1 u 2 tal-Anness VIII rispettivament, fis-somma alġebrajka ta' dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

il-kostijiet iddeterminati, espressi f'termini nominali, tas-sena rilevanti kif stipulat fil-pjan ta' prestazzjoni;

(b)

l-aġġustamenti għall-inflazzjoni skont l-Artikolu 26;

(c)

l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku skont l-Artikolu 27(2) sa (5);

(d)

l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet skont l-Artikolu 28(4) sa (6);

(e)

l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-iskemi ta' inċentivi finanzjarji skont l-Artikolu 11(3) u (4);

(f)

l-aġġustamenti li jirriżultaw mill-modulazzjoni tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru skont l-Artikolu 32;

(g)

l-aġġustamenti li jirriżultaw minn varjazzjonijiet tat-traffiku skont l-Artikolu 27(8);

(h)

l-aġġustamenti li jirriżultaw minn varjazzjonijiet tat-traffiku skont l-Artikolu 27(9);

(i)

tnaqqis ta' dħul ieħor, skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu;

(j)

finanzjament reċiproku bejn żoni tal-imposti en route, jew bejn żoni tal-imposti fit-terminal, skont il-punt (e) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 550/2004;

(k)

aġġustamenti għad-differenzi fid-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni temporanja tar-rata unitarja skont l-Artikolu 29(5);

(l)

aġġustamenti relatati ma' perjodi referenzjarji ta' qabel.

3.   Għall-fini tal-punt (i) tal-paragrafu 2, id-dħul li ġej tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru miksub fis-sena n għandu jitnaqqas mill-kostijiet iddeterminati bħala “dħul ieħor”:

(a)

fondi pubbliċi miksuba minn awtoritajiet pubbliċi, inkluż appoġġ finanzjarju minn programmi ta' assistenza tal-Unjoni;

(b)

dħul miksub minn attivitajiet kummerċjali, fejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati ddeċidew li dak id-dħul għandu jitnaqqas;

(c)

rigward is-servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, dħul miksub minn kuntratti jew ftehimiet konklużi bejn fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u operaturi ta' ajruporti, fejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati ddeċidew li dak id-dħul għandu jitnaqqas.

Fir-rigward tal-punt (a), il-fondi pubbliċi li jkopru l-kostijiet tal-persunal u kostijiet operattivi oħra għandhom jitnaqqsu mill-kostijiet iddeterminati mhux aktar tard mis-sena n+2. Il-fondi pubbliċi li jkopru l-kostijiet ta' deprezzament għandhom jitnaqqsu mill-kostijiet iddeterminati skont l-iskeda ta' deprezzament tal-assi ffinanzjat (tul u annwalità). Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma jnaqqasx minn kostijiet iddeterminati ammont relatat mal-kostijiet amministrattivi mġarrba għar-rappurtar fuq il-ftehim ta' finanzjament jekk dawn il-kostijiet amministrattivi mhumiex inklużi fil-bażi tal-kostijiet għall-imposti. Bl-istess mod, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma jnaqqasx mill-kostijiet iddeterminati fondi pubbliċi riċevuti biex ikopru kostijiet li ma kinux magħrufa fi żmien it-tfassil tal-pjan ta' prestazzjoni u li għalhekk mhumiex inklużi fil-bażi tal-kost għall-imposti. L-utenti tal-ispazju tal-ajru ma għandhomx jeħlu imposti għal kostijiet koperti minn fondi pubbliċi.

Fir-rigward ta' punti (b) u (c), id-dhul imsemmi f'dawk il-punti għandu jitnaqqas mill-kostijiet iddeterminati mhux aktar tard mis-sena n+2.

4.   Ir-rati unitarji għandhom jiġu kkalkolati fil-munita nazzjonali.

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu żona komuni ta' imposti skont l-Artikolu 21(4), ir-rata unitarja għandha tiġi kkalkulata f'munita waħda, li tista' tkun l-euro jew munita nazzjonali oħra ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lis-CRCO ta' Eurocontrol bil-munita applikabbli.

Artikolu 26

Aġġustament tal-inflazzjoni

Għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, il-kostijiet iddeterminati inklużi fil-bażijiet tal-kost għal imposti en route u fit-terminal tas-sena n espressi f'termini nominali għandhom jiġu aġġustati fuq il-bażi tad-differenza fil-perċentwali bejn l-indiċi ta' inflazzjoni reali u l-indiċi ta' inflazzjoni previst għal dik is-sena n u inkluża bħala aġġustament għall-kalkolu tar-rata unitarja għas-sena n+2.

Il-kostijiet iddeterminati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1), u l-kostijiet iddeterminati msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 22(4), fejn tiġi applikata l-kontabbiltà tal-kost storiku, ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi aġġustament ta' inflazzjoni.

Artikolu 27

Mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku

1.   Fir-rigward tal-iskemi ta' inċentivi msemmija fl-Artikolu 11(2), għandu jiġi applikat mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku. Taħt dak il-mekkaniżmu, ir-riskju ta' bidliet fid-dħul minħabba devjazzjonijiet mit-tbassir tal-unitajiet tas-servizzi stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni għandu jinqasam bejn il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u l-utenti tal-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Fejn, matul sena partikolari n, in-numru reali ta' unitajiet tas-servizz jiddevja mit-tbassir inkluż fil-pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena n b'mhux aktar minn 2 %, id-dħul addizzjonali li jirriżulta jew it-telf tad-dħul li jirriżulta għandu jitħallas kollu mill-fornitur jew fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati.

3.   Fejn, matul sena partikolari n, in-numru reali ta' unitajiet ta' servizz jeċċedi t-tbassir tal-unità tas-servizz inkluż fil-pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena n b'aktar minn 2 %, 70 % tad-dħul addizzjonali li jirriżulta miksub mill-fornitur jew fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati f'eċċess ta' 2 % tad-differenza bejn l-unitajiet tas-servizz reali u dak it-tbassir għandhom jiġu mgħoddija lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' aġġustamenti tar-rati unitarji fis-sena n+2.

Fejn, matul sena partikolari n, in-numru reali ta' unitajiet ta' servizz jaqa' taħt it-tbassir tal-unità tas-servizz inkluż fil-pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena n b'aktar minn 2 %, 70 % tat-telf li jirriżulta mit-telf imġarrab mill-fornitur jew fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati f'eċċess ta' 2 % tad-differenza bejn l-unitajiet tas-servizz reali u dak it-tbassir għandhom jiġu rkuprati mingħand l-utenti tal-ispazju tal-ajru, permezz ta' aġġustamenti tar-rati unitarji fis-sena n+2.

4.   Fejn, f'numru partikolari n, in-numru reali ta' unitajiet ta' servizz ikun inqas minn 90 % tat-tbassir tal-unità ta' servizz inkluż fil-pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena n, l-ammont tat-telf mid-dħul imġarrab mill-fornitur jew fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati f'eċċess ta' 10 % tad-differenza bejn l-unitajiet ta' servizz reali u dak it-tbassir għandha tiġi rkuprata kollha, mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, permezz ta' aġġustamenti tar-rati unitarji fis-sena n+2.

Fejn, matul sena partikolari n, in-numru reali ta' unitajiet ta' servizz jeċċedi 110 % tat-tbassir tal-unità ta' servizz inkluż fil-pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena n, id-dħul addizzjonali miksub mill-fornitur jew fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni bl-ajru kkonċernati f'eċċess ta' 10 % tad-differenza bejn l-unitajiet tas-servizz reali u dak it-tbassir għandha tiġi mgħoddija kollha, lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, permezz ta' aġġustamenti tar-rati unitarji fis-sena n+2.

5.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jistgħu jadattaw il-valuri tal-parametri tal-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku stabbilit fil-paragrafi 2 u 3. Meta jadattaw dawn il-valuri, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom:

(a)

jikkonsultaw dwar il-valuri maħsuba mir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati;

(b)

jiżguraw li l-espożizzjoni tar-riskju li tirriżulta għall-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru ma tkunx inqas mid-dħul massimu f'riskju taħt il-mekkaniżmu stabbilit fil-paragrafi 2 u 3;

(c)

iqisu l-varjazzjoni tal-kostijiet tal-forniment tal-kapaċità mill-fornitur ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat minħabba varjazzjoni fit-traffiku.

6.   Il-kostijiet iddeterminati li ġejjin ma għandhomx ikunu suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 5:

(a)

il-kostijiet iddeterminati stabbiliti skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1);

(b)

il-kostijiet iddeterminati għal servizzi meteoroloġiċi.

7.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tal-paragrafi 2 sa 5 l-kostijiet iddeterminati tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru li rċevew permess biex jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mingħajr ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

8.   Fir-rigward tal-kostijiet iddeterminati msemmija fil-paragrafu 6 u, jekk applikabbli, fil-paragrafu 7, kwalunkwe dħul addizzjonali fis-sena n minħabba differenzi bejn unitajiet tas-servizz reali u t-tbassir tal-unità ta' servizz inklużi fil- pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena għandhom jiġu mgħoddija lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, u kwalunkwe telf fid-dħul għandu jiġi rkuprat minn utenti tal-ispazju tal-ajru, permezz ta' aġġustament tar-rata unitarja fis-sena n+2.

9.   L-aġġustamenti għar-rati unitarji msemmija fil-punti (b), (c), (d), (e), (f), (g), (h), (i), (j), (k) u (l) tal-Artikolu 25(2) ma għandhomx ikunu soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 5. Fir-rigward tal-aġġustamenti msemmija fil-punti (b), (c), (d), (e), (f), (g), (i), (j) u (k) tal-Artikolu 25(2), kwalunkwe dħul addizzjonali fis-sena n minħabba d-differenzi bejn l-unitajiet tas-servizz reali u t-tbassir tal-unità tas-servizz inkluż fil-pjan ta' prestazzjoni għal dik is-sena għandu jiġi mgħoddi lil utenti tal-ispazju tal-ajru, u kwalunkwe telf fid-dħul għandu jiġi rkuprat mill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' aġġustament tar-rata unitarja fis-sena n+2.

Artikolu 28

Mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tal-kost

1.   Fir-rigward tal-iskemi ta' inċentivi msemmija fl-Artikolu 11(2), għandu jiġi applikat mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tal-kost. Taħt dak il-mekkaniżmu, differenzi bejn kostijiet iddeterminati inklużi fil-pjan ta' prestazzjoni u l-kostijiet reali għandhom jinqasmu bejn il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u l-utenti tal-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Id-differenzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu kif ġej:

(a)

fejn, matul il-perjodu referenzjarju kollu, il-kostijiet reali ikunu inqas mill-kostijiet iddeterminati, il-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jew l-Istat Membru kkonċernat għandhom iżommu bis-sħiħ id-differenza li tirriżulta;

(b)

fejn, matul il-perjodu referenzjarju kollu, il-kostijiet reali jaqbżu l-kostijiet iddeterminati, il-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jew l-Istat Membru kkonċernat għandu jkopri b'mod sħiħ id-differenza li tirriżulta.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax jekk id-differenzi bejn il-kostijiet iddeterminati u l-kostijiet reali jirriżultaw minn tal-inqas waħda minn dawn il-bidliet li ġejjin:

(a)

tibdil mhux previst fil-kostijiet ta' investimenti ġodda u eżistenti;

(b)

tibdil mhux previst fil-kostijiet għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1);

(c)

tibdil sinifikanti u mhux previst fil-kostijiet tal-pensjoni stabbiliti skont l-Artikolu 22(4) li jirriżultaw minn bidliet imprevedibbli fil-liġi nazzjonali tal-pensjonijiet, liġi tal-kontabbiltà tal-pensjonijiet jew bidliet imprevedibbli f'kundizzjonijiet tas-suq finanzjarju, bil-kundizzjoni li tali bidliet fil-kostijiet tal-pensjoni jkunu barra l-kontroll tal-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u, fil-każ ta' żidiet fil-kostijiet, li l-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru ħa miżuri raġonevoli biex jimmaniġġja ż-żidiet fil-kostijiet matul il-perjodu referenzjarju;

(d)

tibdil sinifikanti u mhux previst fil-kostijiet li jirriżultaw minn bidliet imprevedibbli fir-rati tal-imgħax fuq self li jiffinanzjaw kostijiet li jirriżultaw mill-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bil-kundizzjoni li dawn il-bidliet fil-kostijiet ikunu barra mill-kontroll tal-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u, fil-każ ta' żidiet fil-kost, li l-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru ħa miżuri raġonevoli biex jimmaniġġja ż-żidiet fil-kostijiet matul il-perjodu referenzjarju;

(e)

tibdil mhux previst u sinifikanti fil-kostijiet li jirriżultaw minn tibdil mhux previst fil-liġi fiskali nazzjonali jew elementi tal-kost ġodda oħra mhux previsti u mhux koperti fil-pjan ta' prestazzjoni iżda meħtieġa bil-liġi;

Il-kostijiet iddeterminati marbutin mal-kostijiet imsemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu identifikati u kategorizzati fil-pjan ta' prestazzjoni, skont il-punt 3.3(h) tal-Anness II.

Id-differenzi bejn il-kostijiet iddeterminati u reali msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu identifikati u spjegati kull sena skont l-Anness VII u l-Anness IX.

4.   Fir-rigward tal-bidliet mhux previsti fil-kostijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3, id-differenzi bejn il-kostijiet iddeterminati u l-kostijiet reali għandhom jinqasmu kif ġej:

(a)

fejn, matul sena kalendarja jew il-perjodu referenzjarju kollu, il-kostijiet reali jkunu inqas mill-kostijiet iddeterminati, il-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jew l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrimborża d-differenza li tirriżulta għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, permezz ta' tnaqqis tar-rata unitarja fis-sena n+2 jew fil-perjodu referenzjarju li ġej, sakemm ma tkunx ibbażata fuq ġustifikazzjoni dettaljata tal-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, l-awtorità superviżorja nazzjonali tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, li l-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru ma għandux iħallas lura parti mid-differenza li tirriżulta;

(b)

fejn, matul sena kalendarju jew il-perjodu referenzjarju kollu, il-kostijiet reali jaqbżu l-kostijiet iddeterminati b'mhux aktar minn 5 %, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-differenza li tirriżulta tiġi rkuprata mingħand l-utenti tal-ispazju tal-ajru mill-fornitur ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jew mill-Istat Membru kkonċernat, permezz ta' żieda fir-rata unitarja fis-sena n+2 jew fil-perjodu referenzjarju li ġej, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità superviżorja nazzjonali ta' ġustifikazzjoni dettaljata pprovduta mill-fornitur ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità, u wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

Fejn, matul il-perjodu referenzjarju, il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jkunu beħsiebhom iżidu, iħassru jew jissostitwixxu investiment kbar fir-rigward ta' informazzjoni dwar investimenti kbar identifikati fil-pjan ta' prestazzjoni skont il-punt 2.2(b) tal-Anness II, dawn it-tibdiliet għandhom jiġu approvati mill-awtorità superviżorja nazzjonali, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

5.   Fir-rigward tal-bidliet mhux previsti fil-kostijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, id-differenzi bejn il-kostijiet iddeterminati u l-kostijiet reali għandhom jinqasmu kif ġej:

(a)

meta, matul sena kalendarja, il-kostijiet reali jkunu inqas mill-kostijiet iddeterminati stabbiliti għal dik is-sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom iħallsu lura d-differenza li tirriżulta lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' tnaqqis fir-rata unitarja fis-sena n+2;

(b)

meta, matul sena kalendarja, il-kostijiet reali jaqbżu l-kostijiet iddeterminati stabbiliti għal dik is-sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom jirkupraw id-differenza li tirriżulta mingħand l-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' żieda fir-rata unitarja fis-sena n+2.

6.   Fir-rigward tal-bidliet mhux previsti fil-kostijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 3, id-differenzi bejn kostijiet iddeterminati u kostijiet reali għandhom jinqasmu kif ġej:

(a)

fejn, matul sena kalendarja jew il-perjodu referenzjarju kollu, il-kostijiet reali jaqgħu taħt il-kostijiet iddeterminati, il-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jew l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrimborża d-differenza li tirriżulta lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' tnaqqis fir-rata unitarja fis-sena n+2, fil-perjodu referenzjarju li ġej jew fiż-żewġ perjodi referenzjarji li ġejjin jekk l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jħallu impatt fuq ir-rata unitarja b'mod sproporzjonat;

(b)

fejn, matul sena kalendarja jew il-perjodu referenzjarju kollu, il-kostijiet reali jaqbżu l-kostijiet iddeterminati, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-differenza li tirriżulta tiġi rkuprata mingħand l-utenti tal-ispazju tal-ajru mill-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jew mill-Istat Membru kkonċernat, permezz ta' żieda fir-rata unitarja fis-sena n+2, fil-perjodu referenzjarju li ġej jew fiż-żewġ perjodi referenzjarji li ġejjin jekk l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jħallu impatt fuq ir-rata unitarja b'mod sproporzjonat.

7.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jivverifikaw kull sena jekk il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru japplikawx b'mod korrett id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom ifasslu rapport sal-1 ta' Settembru tas-sena n+1 dwar il-bidliet fil-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 3 li seħħew fis-sena n. Ir-rapport għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom ukoll jinkludu fir-rapport li għandu jasal sal-1 ta' Settembru tas-sena wara l-aħħar sena tal-perjodu referenzjarju l-bilanċ fuq il-perjodu referenzjarju kollu fir-rigward tal-bidliet mhux previsti fil-kostijiet imsemmija fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-paragrafu 3.

Artikolu 29

Stabbiliment ta' rati unitarji għaż-żoni tal-imposti

1.   L-Istati Membri għandhom jiffissaw rata unitarja għal kull żona tal-imposti fuq bażi annwali skont l-Artikolu 25. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, ir-rati unitarji ma għandhomx jiġu mmodifikati matul is-sena.

2.   L-Istati Membri għandhom jiffissaw rata unitarja għas-sena n għal kull żona tal-imposti skont ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jissottomettu, f'isem l-Istat Membru rispettiv tagħhom, ir-rata unitarja kkalkulata lill-Kummissjoni u lis-CRCO tal-Eurocontrol sal-1 ta' Ġunju tas-sena n-1. Din is-sottomissjoni għandha tinkludi t-tabelli ta' rappurtar u informazzjoni addizzjonali stabbiliti fl-Anness VII u l-Anness IX;

(b)

qabel l-1 ta' Novembru tas-sena n-1, jekk ikun hemm bżonn, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jaġġornaw ir-rata unitarja kkalkulata msemmija fil-punt (a), wara konsultazzjoni mal-utenti tal-ispazju tal-ajru. Huma għandhom jissottomettu din ir-rata unitarja aġġornata kkalkulata, f'isem l-Istat Membru rispettiv tagħhom, lill-Kummissjoni u lis-CRCO tal-Eurocontrol, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru tas-sena n-1;

(c)

L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-rata unitarja għas-sena n sa mhux aktar tard mill-20 ta' Diċembru tas-sena n-1 u jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-CRCO tal-Eurocontrol dwar dik ir-rata.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika li r-rati unitarja msemmija fil-paragrafu 2 huma kkalkolati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(2).

Meta l-Kummissjoni ssib li rata unitarja ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(2), għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat u tistiednu biex jissottometti rata unitarja riveduta.

Meta l-Kummissjoni ssib li r-rata unitarja riveduta hija kkalkulata f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25(2), għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat kif xieraq.

4.   Meta, bħala konsegwenza taż-żmien meħtieġ biex titlesta l-proċedura msemmija fil-paragrafu 3, rata unitarja għas-sena n tiġi riveduta wara l-bidu tas-sena li għaliha tirrelata u tali reviżjoni tikkawża differenza fid-dħul, ir-rata unitarja għandha tiġi aġġustata kif ġej:

(a)

l-ewwel aġġustament tar-rata unitarja fis-sena wara r-reviżjoni tar-rata unitarja, u;

(b)

aġġustament finali tar-rata unitarja sentejn wara dik is-sena.

5.   Jekk l-Istati Membri ma adottawx pjan ta' prestazzjoni qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju, jew fejn il-pjan ta' prestazzjoni jiġi rivedut skont l-Artikolu 18 matul il-perjodu referenzjarju, ir-rati unitarji għandhom, fejn meħtieġ, jiġu kkalkulati mill-ġdid u applikati malajr kemm jista' jkun abbażi l-pjan ta' prestazzjoni adottat jew l-pjan ta' prestazzjoni adottat rivedut.

Meta pjan ta' prestazzjoni jiġi adottat wara l-bidu tal-perjodu referenzjarju, kull differenza fid-dħul minħabba l-applikazzjoni tar-rata unitarja jew rati ta' unità kkalkulata abbażi tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni, minflok ir-rata unitarja jew rati unitarji kkalkulati abbażi tal-pjan ta' prestazzjoni adottat, għandha tirriżulta fl-ewwel aġġustament tar-rata unitarja fis-sena wara l-adozzjoni tal-pjan ta' prestazzjoni u aġġustament finali tar-rata unitarja sentejn wara dik is-sena. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 għandhom jiġu applikati fuq il-bażi tal-pjan ta' prestazzjoni adottat u għandhom japplikaw b'mod retroattiv mill-ewwel jum tal-perjodu referenzjarju.

Meta pjan ta' prestazzjoni jiġi rivedut matul il-perjodu referenzjarju skont l-Artikolu 18, kull differenza fid-dħul minħabba l-applikazzjoni tar-rata unitarja jew ir-rati unitarji kkalkulata abbażi tal-pjan ta' prestazzjoni adottat, minflok ir-rata unitarja jew ir-rati unitarji kkalkulati abbażi tal-pjan ta' prestazzjoni rivedut adottat, għandu jirriżulta fl-ewwel aġġustament tar-rata unitarja fis-sena wara l-adozzjoni tal-pjan ta' prestazzjoni rivedut u aġġustament finali tar-rata unitarja sentejn wara dik is-sena. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 għandhom jiġu applikati abbażi tal-pjan ta' prestazzjoni rivedut adottat u għandhom japplikaw b'mod retroattiv mill-ewwel jum tas-sena li għalih japplika l-pjan ta' prestazzjoni rivedut.

6.   B'deroga mill-Artikolu 25(2), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiffissaw ir-rata unitarja msemmija fil-paragrafu 1 f'livell inqas mir-rata unitarja kkalkulata skont l-Artikolu 25(2). F'dak il-każ, għandhom jinkludu dik ir-rata unitarja aktar baxxa fit-tabelli ta' rappurtar dwar il-kalkolu tar-rati unitarji skont il-mudell tat-Tabella 2 tal-Anness IX. Id-differenza li tirriżulta fid-dħul ma għandhiex tiġi irkuprata mill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

Artikolu 30

Trasparenza tar-rati unitarji

1.   L-Istati Membri għandhom, sal-1 ta' Awwissu ta' kull sena, b'mod koordinat, jikkonsultaw lill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u, fejn rilevanti, l-operaturi tal-ajruport u koordinaturi tal-ajruporti dwar elementi essenzjali relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament kif stipulat fil-punt 2 tal-Anness XII. Din il-konsultazzjoni tista' ssir flimkien mal-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3).

L-Istati Membri għandhom jipprovdu t-tabelli ta' rappurtar u l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness IX lill-partijiet ikkonsultati mill-inqas tliet ġimgħat qabel il-konsultazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 lill-Kummissjoni fl-istess jum meta din tkun provduta lill-partijiet ikkonsultati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-eżitu tal-konsultazzjoni.

Artikolu 31

Kalkolu tal-imposti

1.   L-imposti en route għal titjira speċifika f'żona tal-imposti en route speċifika għandhom ikunu daqs il-prodott tar-rata unitarja stabbilita għal din iż-żona tal-imposti en route u l-unitajiet ta' servizz en route għal dik it-titjira.

2.   L-imposti fit-terminal għal titjira speċifika f'żona tal-imposti fit-terminal speċifika għandhom ikunu daqs il-prodott tar-rata unitarja stabbilita għal din iż-żona tal-imposti fit-terminal u l-unitajiet ta' servizz fit-terminal għal din it-titjira.

Għall-fini tal-kalkolu tat-tariffa fit-terminal, il-wasla u t-tluq ta' titjira għandhom jgħoddu bħala titjira waħda. L-unità li għandha tingħadd għandha tkun jew it-titjira tal-wasla jew it-titjira tat-tluq.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-titjiriet li ġejjin minn imposti en route:

(a)

it-titjiriet imwettqa permezz ta' inġenji tal-ajru b'piż tat-tlugħ massimu awtorizzat tiegħu li huwa inqas minn żewġ tunnellati metriċi;

(b)

it-titjiriet VFR/IFR imħallta fiż-żoni tal-imposti fejn jitwettqu esklussivament skont il-VFR u fejn ma jiġux miġbura imposti en route għal titjiriet VFR;

(c)

titjiriet imwettqa esklussivament għall-iskop ta' trasport, fuq missjoni uffiċjali, ta' Monarki li jirrisjedu u l-familji immedjati tagħhom, kapijiet ta' stat, kapijiet tal-gvern u Ministri tal-gvern, fejn ikun issostanzjat mill-indikatur tal-istatus adattat jew rimarka dwar il-pjan tat-titjira li t-titjira isir esklussivament għal dak il-għan;

(d)

it-titjiriet ta' tfittxija u salvataġġ awtorizzati mill-korp kompetenti xieraq.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw it-titjiriet li ġejjin minn imposti en route:

(a)

titjiriet militari mwettqa minn ajruplani ta' Stat Membru jew kwalunkwe pajjiż terz;

(b)

titjiriet ta' taħriġ imwettqa biss fi ħdan l-ispazju tal-ajru tal-Istat Membru kkonċernat u esklussivament bil-għan li tinkiseb liċenzja, jew klassifikazzjoni fil-każ tal-ekwipaġġ tat-titjira tal-kabina tal-pilota, fejn tkun issostanzjata b'avviż xieraq fuq il-pjan tat-titjira li t-titjira qed titwettaq esklussivament għal dak il-għan;

(c)

it-titjiriet imwettqa esklussivament għall-iskop ta' ċċekkjar jew ta' ttestjar ta' tagħmir użat jew intenzjonat li jiġi użat bħala appoġġ tekniku mill-art għan-navigazzjoni bl-ajru, esklużi titjiriet għall-ippożizzjonar mill-inġenju tal-ajru kkonċernat;

(d)

it-titjiriet li jispiċċaw fl-ajruport mnejn l-inġenju tal-ajru jkun telaq u li matulhom ma jkun sar l-ebda nżul intermedju;

(e)

it-titjiriet VFR;

(f)

it-titjiriet umanitarji awtorizzati mill-korp kompetenti xieraq;

(g)

it-titjiriet tad-dwana u tal-pulizija.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-imposti fit-terminal t-titjiriet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4.

6.   L-Istati Membri għandhom ikopru l-kostijiet għas-servizzi li l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jkunu pprovdew lil titjiriet eżentati minn imposti en route jew imposti fit-terminal skont il-paragrafu 3, 4 jew 5.

Artikolu 32

Modulazzjoni tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru

1.   L-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja, jimmodulaw imposti tan-navigazzjoni bl-ajru għall-utenti tal-ispazju tal-ajru biex:

(a)

jottimizzaw l-użu ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

(b)

inaqqsu l-impatt ambjentali tat-titjiriet;

(c)

inaqqsu l-livell ta' konġestjoni tan-netwerk f'żona speċifika jew fuq rotta speċifika f'ħinijiet speċifiċi.

(d)

jaċċelleraw l-iskjerament tal-kapaċitajiet tal-ATM SESAR b'antiċipazzjoni tal-perjodu ta' żmien stipulat fil-proġetti komuni msemmija fl-Artikolu 15a(3) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, b'mod partikolari bil-ħsieb li jingħataw inċentivi biex jarmaw l-inġenji tal-ajru b'sistemi inklużi f'dawk il-proġetti komuni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modulazzjoni tal-imposti fir-rigward tal-punti (a) sa (c) ta' dan il-paragrafu ma tirriżultax f'bidla globali fid-dħul annwali għall-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru meta mqabbla mas-sitwazzjoni fejn l-imposti ma jkunux ġew modulati. L-irkupri żejda jew inqas għandhom jirriżultaw f'aġġustament tar-rata unitarja fis-sena n+2.

2.   Il-modulazzjoni ta' imposti tan-navigazzjoni bl-ajru għandha tkun applikata fir-rigward ta' imposti en route jew imposti fit-terminal, jew it-tnejn.

Qabel l-applikazzjoni tal-modulazzjoni tal-imposti, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ir-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati dwar tali modulazzjoni maħsuba.

3.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni xierqa tal-modulazzjoni tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru minn fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u jirrapportaw skont l-Artikolu 37(1).

Artikolu 33

Ġbir tal-imposti

1.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru l-imposti permezz ta' imposta unika kull titjira. Fejn l-imposti jiġu ffatturati u jinġabru fuq bażi reġjonali, il-munita tal-ħlas tista' tkun l-euro, u rata amministrattiva għal kull unità għall-kostijiet tal-ħlas u tal-fatturazzjoni tista' tiżdied mar-rata unitarja kkonċernata.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammonti miġbura għan-nom tagħhom jintużaw biex jiffinanzjaw il-kostijiet iddeterminati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   L-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom iħallsu minnufih u bis-sħiħ l-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru kollha mġarrba skont dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati miżuri ta' infurzar effettivi u proporzjonati għall-ġbir ta' imposti għan-navigazzjoni bl-ajru fejn meħtieġ. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu ċ-ċaħda tas-servizzi, id-detenzjoni ta' inġenji tal-ajru jew miżuri oħra ta' infurzar skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI

Artikolu 34

Skema ta' imposti simplifikata

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu u japplikaw skema simplifikata ta' imposti għat-tul ta' perjodu referenzjarju sħiħ fir-rigward ta':

(a)

żona tal-imposti waħda jew aktar en route u waħda jew aktar fit-terminal;

(b)

wieħed jew aktar fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru li jipprovdu servizzi fiż-żona jew fiż-żoni tal-imposti msemmija fil-punt (a).

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw skema ta' imposti simplifikata msemmija fil-paragrafu 1 biss jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfati:

(a)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2) jew l-Artikolu 15(4) tikkonferma li l-miri ta' prestazzjoni stabbiliti mill-Istat Membru fl- abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 12 huma konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni tal-Unjoni kollha;

(b)

il-miri ta' prestazzjoni fl-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, il-kapaċità, u l-ambjent ikunu ntleħqu fit-tliet snin qabel l-adozzjoni tal-abbozz tal-pjan ta' prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 12;

(c)

il-pjan ta' prestazzjoni jinkludi skema ta' inċentiv dwar il-miri ta' kapaċità kif meħtieġ fl-Artikolu 11;

(d)

il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati u l-utenti tal-ispazju tal-ajru kkonċernati ikunu ġew ikkonsultati dwar id-deċiżjoni maħsuba u l-utenti tal-ispazju tal-ajru li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tat-titjiriet IFR operati fl-ispazju tal-ajru fejn l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati huma responsabbli għas-servizzi jaqblu mad-deċiżjoni maħsuba.

3.   Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jistabilixxi u japplika skema ta' imposti simplifikata skont il-paragrafu 2, ma għandhomx japplikaw:

(a)

il-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku msemmi fl-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 27. Billi ma jkunx applikat il-mekkaniżmu ta' riskju tat-traffiku, ir-riskju ta' traffiku jkun kompletament fir-responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

(b)

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(4) sa (6) relatati mal-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskju tal-kostijiet;

(c)

l-irkupri żejda jew nieqsa li jirriżultaw mill-modulazzjoni ta' imposti tan-navigazzjoni bl-ajru skont l-Artikolu 32.

Kwalunkwe trasferimenti mis-snin ta' qabel il-perjodu referenzjarju li għalih tiġi applikata l-iskema simplifikata ta' imposti, xorta għandhom jitqiesu fil-kalkolu tar-rati unitarji.

4.   Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu u japplikaw skema ta' imposti simplifikata skont il-paragrafu 2, għandhom jispeċifikaw u jissostanzjaw id-deċiżjoni tagħhom fil-pjan ta' prestazzjoni, skont il-punt 1.7 tal-Anness II.

Artikolu 35

Servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal u s-servizzi CNS, MET u AIS u servizzi tad-data tal-ATM soġġetti għall-kundizzjonijiet tas-suq

1.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, jew qabel jew matul perjodu referenzjarju, li l-forniment ta' xi servizzi jew servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, servizzi CNS, MET, AIS jew servizzi tad-data tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) provduti fiż-żoni tal-imposti tagħhom stabbiliti skont l-Artikolu 21 huma soġġetti għall-kundizzjonijiet tas-suq.

2.   Meta Stat Membru jew Stati Membri jiddeċiedu li japplikaw il-paragrafu 1, għall-perjodu ta' referenzi li jkun ġej jew, skont il-każ, għat-tul ta' żmien li jkun fadal mill-perjodu referenzjarju u fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, huma ma għandhomx:

(a)

japplikaw miri ta' kosteffiċjenza, inklużi l-istipular ta' kostijiet iddeterminati, għall-indikaturi ta' prestazzjoni ewlenin msemmija fil-punt 4.1 tat-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)

japplikaw mekkaniżmi għall-kondiviżjoni tar-riskju tat-traffiku u għall-kondiviżjoni tal-kostijiet skont l-Artikoli 27 u 28;

(c)

jistabbilixxu inċentivi finanzjarji fl-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tal-kapaċità u l-ambjent skont l-Artikolu 11;

(d)

jikkalkolaw imposti fit-terminal skont l-Artikolu 31(2);

(e)

jistabbilixxu rati unitarji fit-terminal skont l-Artikolu 29;

(f)

ikunu soġġett għal konsultazzjoni pubblika speċifikat fl-Artikolu 24(3).

Il-punti (d) u (f) japplikaw biss għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal.

Meta, matul perjodu referenzjarju, Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-paragrafu 1, għandu wkoll jirrevedi l-pjan ta' prestazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 18(1) fir-rigward tas-servizzi kkonċernati.

3.   Stat Membru għandu jiddeċiedi li japplika l-paragrafu 1 biss wara li jkun lesta l-passi kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità superviżorja nazzjonali tiegħu sabet, fuq il-bażi ta' valutazzjoni dettaljata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X, li l-forniment tas-servizzi kkonċernati huwa soġġett għall-kundizzjonijiet tas-suq;

(b)

huwa kkonsulta r-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru kkonċernati dwar id-deċiżjoni maħsuba u dwar dik l-istima, u qies il-kummenti tagħhom fejn xieraq;

(c)

huwa għamel id-deċiżjoni maħsuba tiegħu u dik il-valutazzjoni disponibbli għall-pubbliku;

(d)

huwa ssottometta d-deċiżjoni maħsuba tiegħu u dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni u rċieva l-qbil tal-Kummissjoni.

Rigward il-punt (d), l-Istat Membru għandu jissottometti l-evalwazzjoni mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju jew, fil-każ ta' valutazzjoni matul il-perjodu referenzjarju, mingħajr dewmien żejjed wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat jekk taqbilx li l-valutazzjoni twettqet skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dan mingħajr dewmien żejjed. Fejn ikun neċessarju, il-Kummissjoni għandha titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istat Membru kkonċernat, li l-Istat Membru għandu jipprovdi mingħajr dewmien żejjed.

4.   Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja nazzjonali tiegħu għandha tivvaluta regolarment jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness X ikomplux jintleħqu.

Jekk l-awtorità superviżorja nazzjonali tiskopri li dawn il-kundizzjonijiet ma għadhomx qed jintleħqu, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien żejjed, jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu, wara li jkun lesta l-passi stipulati fil-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 3.

Malli ssir dik ir-revoka, l-Istat Membru, għall-perjodu referenzjarju li jkun ġej jew, skont il-każ, għat-tul ta' żmien li jifdal tal-perjodu referenzjarju, ma għandux japplika l-eżenzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 fir-rigward tas-servizzi kkonċernati. Jekk ir-revoka ssir waqt perjodu referenzjarju, l-Istat Membru kkonċernat għandu wkoll jirrevedi l-pjan ta' prestazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 18(1).

5.   Jekk is-servizzi soġġetti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ikunu pprovduti f'żona tal-imposti komuni stabbilita skont l-Artikolu 21(4), l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu li l-forniment ta' wħud mis-servizzi jew is-servizzi kollha huma soġġett għall-kundizzjonijiet tas-suq b'mod konġunt biss. F'dak il-każ, għandhom jiżguraw b'mod konġunt li r-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu jiġu rispettati.

6.   Jekk Stat Membru jiddeċiedi japplika l-paragrafu 1, huwa għandu jissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni speċifikata fl-Anness XI fl-ewwel sena tal-perjodu referenzjarju. Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli pubblikament.

KAPITOLU VIII

PROVVISTA TA' INFORMAZZJONI, MONITORAĠĠ U L-PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI

Artikolu 36

Provvista ta' informazzjoni

1.   Għall-iskop ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 37, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, operaturi tal-ajruporti, koordinaturi tal-ajruporti, utenti tal-ispazju tal-ajru u l-Maniġer tan-Netwerk għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-data msemmija fl-Anness VI skont ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għal kull parti stabbilita f'dak l-Anness. Id-data għandha tiġi pprovduta b'xejn f'furmat elettroniku.

Fir-rigward tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, dan l-Artikolu għandu japplika biss għal dawk l-utenti li joperaw iktar minn 35 000 titjira fis-sena fl-ispazju tal-ajru Ewropew, ikkalkulat bħala l-medja matul it-tliet snin preċedenti.

2.   Meta l-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu diġà pprovdew xi informazzjoni jew parti minnha lil Eurocontrol jew lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, m'għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu d-data kkonċernata lill-Kummissjoni, sakemm jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar data li diġà pprovdew, meta pprovdewha u jekk ipprovdewhiex lil Eurocontrol jew lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

3.   Il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità, il-validazzjoni u t-trażmissjoni f'waqtha tad-data li għandhom jipprovdu skont il-paragrafu 1. Huma għandhom, fuq talba mill-Kummissjoni, jipprovdu informazzjoni dwar il-verifiki tal-kwalità u l-proċessi ta' validazzjoni tagħhom fir-rigward ta' dik id-data.

Artikolu 37

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw il-prestazzjoni ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru pprovduti fl-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom, bil-għan li jevalwaw jekk il-miri ta' prestazzjoni inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni ġewx sodisfatti.

Jekk awtorità superviżjorja nazzjonali ssib li dawk il-miri ma ntlaħqux, jew li hemm riskju li ma jintlaħqux, minnufih għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b'dan. Mingħajr dewmien żejjed, l-Istati Membri jew l-awtorità superviżorja nazzjonali kkonċernata, sabiex jirrettifikaw is-sitwazzjoni u jiksbu l-miri stipulati fil-pjan ta' prestazzjoni, għandhom japplikaw il-miżuri xierqa li jkunu ddefiniti, filwaqt li jqisu l-miżuri ta' rimedju msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123. Għandhom jikkomunikaw dawn il-miżuri xierqa lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

Mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju ta' kull sena, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu tas-sena ta' qabel.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-prestazzjoni tal-funjonijiet tan-netwerk u tivvaluta jekk il-miri ta' prestazzjoni fil-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk intleħqux.

Jekk il-Kummissjoni tiskopri li l-miri ta' prestazzjoni fil-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk ma ntleħqux jew hemm riskju li mhux se jintleħqu, għandha titlob lill-Maniġer tan-Netwerk jiddefinixxi miżuri xierqa sabiex jirrettifika s-sitwazzjoni u jikseb dawk il-miri. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jikkomunika dawk il-miżuri lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   Abbażi tar-rapporti msemmija fl-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1, il-monitoraġġ tagħha msemmi fil-paragrafu 2, u l-analiżi tad-dejt riċevuta skont l-Artikolu 36(1), il- Kummissjoni għandha tissorvelja l-prestazzjoni tal-provvista ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-funzjonijiet tan-netwerk u twettaq valutazzjonijiet regolari tal-kisba tal-miri ta' prestazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma l-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ tagħha tal-inqas darba fis-sena.

Artikolu 38

Pubblikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, b'mod partikolara permezz ta' mezzi elettroniċi, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kull deċiżjoni li ħadu skont l-Artikolu 1(4) u (5);

(b)

kull deċiżjoni li ħadu skont il-punt (c) tal-Artikolu 35(3);

(c)

l-abbozz tal-pjanijiet ta' prestazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 12;

(d)

il-pjanijiet ta' prestazzjoni adottati tagħhom imsemmija fl-Artikolu 16;

(e)

it-tabelli ta' rappurtar tagħhom imsemmija fl-Artikoli 24, 29 u 30.

2.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jagħmel disponibbli pubblikament, b'mod partikolari permezz ta' mezzi elettroniċi, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk imsemmi fl-Artikolu 19(1);

(b)

il-Pjan ta' Rendiment tan-Netwerk adottat imsemmi fl-Artikolu 19(3).

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament, b'mod partikolari permezz ta' mezzi elettroniċi, ir-rapporti u l-materjal ta' appoġġ prodotti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni dwar l-assistenza pprovduta minn dan il-Korp skont l-Artikolu 3.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Raġunament u appell tad-deċiżjonijiet nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom skont dan ir-Regolament ikunu ġew raġjonati sew u li huma soġġett għal appell ġudizzjarju effettiv skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 40

Tħassir

Ir-Regolamenti ta' implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 jitħassru b'effett mill-1 ta' Jannar 2020. Madanakollu, dawk ir-Regolamenti għandhom ikomplu japplikaw għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-prestazzjoni u l-iskemi ta' imposti tat-tieni perjodu referenzjarju.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għal servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għal servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1).

(7)  Kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 dwar id-definizzjoni ta' proġetti komuni, it-twaqqif ta' governanza u l-identifikazzjoni ta' inċentivi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ĠU L 123, 4.5.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta' Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).

(10)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta' servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).


ANNESS I

INDIKATURI EWLENIN TAL-PRESTAZZJONI (KPIs) GĦALL-IFFISSAR TA' MIRI U INDIKATURI GĦALL-MONITORAĠĠ

TAQSIMA 1

KPIs għall-iffissar ta' miri għall-Unjoni kollha u għall-monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni

1.   IS-SIKUREZZA

1.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

Il-livell minimu tal-effettività tal-immaniġġjar tas-sikurezza li jrid jintlaħaq mill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru ċċertifikati li jipprovdu servizzi ta' traffiku tal-ajru. Dan il-KPI jkejjel il-livell tal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' ġestjoni li ġejjin:

(a)

politika u objettivi tas-sikurezza;

(b)

ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza;

(c)

assigurazzjoni tas-sikurezza;

(d)

promozzjoni tas-sikurezza;

(e)

kultura tas-sikurezza.

1.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

Ir-rata ta' inkursjonijiet tar-runway fil-livell tal-Unjoni b'impatt ta' sikurezza kkalkulat skont il-punt 1.2(a) tat-Taqsima 2;

(b)

Ir-rata ta' ksur minimu ta' separazzjoni fil-livell tal-Unjoni b'impatt ta' sikurezza kkalkulat skont il-punt 1.2(b) tat-Taqsima 2.

2.   L-AMBJENT

2.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

Dan il-KPI jkejjel l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, ikkalkolata kif ġej:

(a)

l-indikatur huwa t-tqabbil bejn it-tul tal-parti en route tat-trajettorja reali derivata mid-data ta' sorveljanza u d-distanza milħuqa, magħduda għat-titjiriet IFR ġewwa l-ispazju tal-ajru jew li jaqsmuh kif definit fl-Artikolu 1, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “spazju tal-ajru Ewropew”;

(b)

“parti en route” tirreferi għad-distanza li l-inġenju tal-ajru jkun tar barra minn ċirku ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti;

(c)

meta titjira titlaq minn jew tasal f'ajruport barra mill-ispazju tal-ajru Ewropew, il-punti tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ispazju tal-ajru Ewropew jintużaw għall-kalkolu ta' dan l-indikatur bħala l-oriġini jew destinazzjoni rispettivament, minflok l-ajruport tat-tluq jew tad-destinazzjoni;

(d)

meta titjira titlaq minn u tasal f'ajruport ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew u taqsam spazju tal-ajru mhux Ewropew, hija użata biss il-parti ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(e)

“distanza milħuqa” hija funzjoni tal-pożizzjoni tal-punti tad-dħul u tal-ħruġ tat-titjira lejn u 'l barra minn kull porzjon tal-ispazju tal-ajru għal kull parti tat-trajettorja. Id-distanza milħuqa tirrappreżenta l-kontribuzzjoni li dawk il-punti jagħmlu għad-distanza taċ-ċirku l-kbir bejn l-oriġini u d-destinazzjoni tat-titjira;

(f)

l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, bħala medja. Meta tiġi kkalkolata din il-medja, l-ogħla għaxar valuri ta' kuljum u l-għaxar valuri l-iktar baxxi ta' kuljum huma esklużi mill-kalkolu.

2.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

L-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja tal-aħħar pjan tat-titjira ddepożitat, ikkalkolata kif ġej:

(i)

id-differenza bejn it-tul tal-parti en route tat-trajettorja tal-aħħar pjan tat-titjira ddepożitat u l-porzjon korrispondenti tad-distanza taċ-ċirku l-kbir, magħduda għat-titjiriet kollha bl-IFR ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew jew li jaqsmuh;

(ii)

“parti en route” tirreferi għad-distanza li l-inġenju tal-ajru jkun tar barra minn ċirku ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti;

(iii)

meta titjira titlaq minn jew tasal f'ajruport barra mill-ispazju tal-ajru Ewropew, il-punti tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ispazju tal-ajru Ewropew jintużaw għall-kalkolu ta' dan l-indikatur bħala l-oriġini jew destinazzjoni rispettivament, minflok l-ajruport tat-tluq jew tad-destinazzjoni;

(iv)

meta titjira titlaq minn u tasal f'ajruport ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew u taqsam spazju tal-ajru mhux Ewropew, hija użata biss il-parti ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(v)

l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, bħala medja. Meta tiġi kkalkolata din il-medja, l-ogħla għaxar valuri ta' kuljum u l-għaxar valuri l-iktar baxxi ta' kuljum huma esklużi mill-kalkolu.

(b)

L-effiċjenza ta-titjir medja orizzontali en route tal-iqsar trajettorja kostretta, ikkalkulata kif ġej:

(i)

l-indikatur huwa d-differenza bejn it-tul tal-parti en route tal-iqsar rotta kostretta disponibbli għall-ippjanar tat-titjira, kif ikkalkulat mill-algoritmi li jsibu mogħdijiet u sistemi ta' validazzjoni ta' pjan ta' titjira tal-Maniġer tan-Netwerk, imkejla bejn il-punti ta' ħruġ u dħul ta' żewġ żoni ta' manuvrar tat-terminal, u l-porzjon korrispondenti tad-distanza taċ-ċirku l-kbir, magħduda mit-titjiriet IFR kollha ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew jew li jaqsmuh;

(ii)

dan l-indikatur jikkunsidra r-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru f'jiem b'attivitajiet militari u mingħajrhom, ippubblikati fid-Dokument ta' Disponibbiltà tar-Rotta maħruġ mill-Maniġer tan-Netwerk u l-istatus reali ta' rotot kundizzjonali fil-ħin tal-aħħar pjan ta' titjira ddepożitat;

(iii)

“parti en route” tirreferi għad-distanza 'l barra minn ċirku ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti;

(iv)

meta titjira titlaq minn jew tasal f'ajruport barra mill-ispazju tal-ajru Ewropew, il-punti tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ispazju tal-ajru Ewropew jintużaw għall-kalkolu ta' dan l-indikatur bħala l-oriġini jew destinazzjoni rispettivament, minflok l-ajruport tat-tluq jew tad-destinazzjoni;

(v)

meta titjira titlaq minn u tasal f'ajruport ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew u taqsam spazju tal-ajru mhux Ewropew, hija użata biss il-parti ġewwa l-ispazju tal-ajru Ewropew għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(vi)

l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, bħala medja. Meta tiġi kkalkolata din il-medja, l-ogħla għaxar valuri ta' kuljum u l-għaxar valuri l-iktar baxxi ta' kuljum huma esklużi mill-kalkolu.

(c)

L-użu effettiv tal-ispazju tal-ajru riżervat jew segregat ikkalkulat bħala l-proporzjon tal-ħin allokat inizjali mitlub għar-riservazzjoni jew segregazzjoni minn traffiku tal-ajru ġenerali, u l-ħin finali allokat użat għall-attività li teħtieġ tali segregazzjoni jew riżerva. L-indikatur jiġi kkalkulat għall-allokazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru kollha nnotifikati lill-Maniġer tan-Netwerk.

(d)

Ir-rata ta' ppjanar permezz ta' strutturi disponibbli tal-ispazju tal-ajru, inkluż spazju tal-ajru riżervat jew segregat u rotot kundizzjonali, għal traffiku tal-ajru ġenerali kkalkulat bħala l-proporzjon tal-pjanijiet tat-titjiriet tal-iddepożitar tal-inġenju tal-ajru permezz ta' tali strutturi tal-ispazju tal-ajru u n-numru ta' inġenji tal-ajru li seta' ppjana permezz ta' dawk l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru.

(e)

Ir-rata tal-użu ta' strutturi disponibbli tal-ispazju tal-ajru, inkluż spazju tal-ajru riżervat jew segregat, ir-rotot kundizzjonali, mit-traffiku tal-ajru ġenerali kkalkulat bħala l-proporzjon tal-inġenju tal-ajru li jtiru permezz ta' tali strutturi tal-ispazju tal-ajru u n-numru ta' inġenji tal-ajru li seta' ppjana permezz ta' dawn l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru.

3.   IL-KAPAĊITÀ

3.1.   Indikatur ewlieni ta' prestazzjoni

Il-medja ta' minuti ta' dewmien tal-ATFM en route għal kull titjira attribwibbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ikkalkulata kif ġej:

(a)

id-dewmien tal-ATFM en route huwa d-dewmien ikkalkulat mill-Maniġer tan-Netwerk, espress bħala d-differenza bejn il-ħin tat-tluq stmat u l-ħin ikkalkulat tat-tluq allokat mill-Maniġer tan-Netwerk;

(b)

għall-finijiet ta' dan l-indikatur:

 

“ħin tat-tluq stmat” tfisser it-tbassir tal-ħin meta l-inġenju tal-ajru se jkun fl-ajru kkalkulat mill-Maniġer tan-Netwerk u bbażat fuq l-aħħar ħin stmat tat-tluq, jew jimmira lejn il-ħin tat-tluq għal dawk l-ajruporti koperti minn teħid kollettiv ta' proċeduri, flimkien mal-ħin stimat tat-taxi-out ikkalkulat mill-Maniġer tan-Netwerk;

 

“ħin ikkalkulat għat-tlugħ” tfisser iż-żmien allokat mill-Maniġer tan-Netwerk fil-jum tal-operazzjoni, bħala riżultat ta' allokazzjoni ta' slot tattika, fejn titjira hija mistennija li ssir fl-ajru;

 

“ħin stmat tat-taxiing 'il barra” tfisser il-ħin stmat bejn il-ħin stmat tat-tluq u t-tluq. Din l-istima tinkludi kwalunkwe ħin ta' dewmien fil-punt ta' żamma jew tneħħija tas-silġ mill-bogħod qabel it-tluq;

(c)

dan l-indikatur ikopri t-titjiriet kollha bl-IFR u l-kawżi kollha tad-dewmien tal-AFTM, minbarra avvenimenti eċċezzjonali;

(d)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

3.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

Il-ħin medju, espress f'minuti għal kull titjira tad-dewmien tal-AFTM tal-wasla attribwibbli lis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal u fl-ajruport u kkawżat minn restrizzjonijiet fuq l-inżul fl-ajruport tad-destinazzjoni, ikkalkulat kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa l-medja tad-dewmien iġġenerat tal-AFTM tal-wasla għal kull titjira bl-IFR dieħla;

(ii)

l-indikatur jinkludi t-titjiriet kollha bl-IFR li jinżlu l-art fl-ajruport tad-destinazzjoni u jkopri l-kawżi kollha tad-dewmien tal-AFTM, minbarra avvenimenti eċċezzjonali;

(iii)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(b)

Il-perċentwal ta' titjiriet b'dewmien tal-ATFM en route ta' iktar minn 15-il minuta, ikkalkulat kif ġej:

(i)

dewmien tal-ATFM en route ikkalkulat skont il-punt 3.1(a);

(ii)

dan l-indikatur ikopri t-titjiriet kollha bl-IFR u l-kawżi kollha tad-dewmien tal-AFTM, minbarra avvenimenti eċċezzjonali;

(iii)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(c)

Il-ħin medju, espress f'minuti, tad-dewmien fit-tluq għal kull titjira, irrespettivament mill-kawża, ikkalkulat kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa l-medja tad-dewmien attribwibbli għal:

dewmien minħabba operazzjonijiet tal-linja tal-ajru;

dewmien tal-ATFM en route irrapportat mill-utenti tal-ispazju tal-ajru;

dewmien ta' reazzjoni (knock-on);

dewmien fl-operazzjonijiet tal-ajruport, inkluż dewmien tal-ajruport tal-ATFM irrappurtat mill-utenti tal-ispazju tal-ajru kkawżat minn regolament ibbażat fuq il-volum tat-traffiku li għandu post ta' referenza klassifikat bħala Żona Ajrudrom jew Ajrudrom;

(ii)

dan l-indikatur ikopri t-titjiriet IFR kollha u huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

4.   IL-KOSTEFFIĊJENZA

4.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

It-tibdil sena wara sena tal-“kost unitarju ddeterminat” (DUC) medju tal-Unjoni kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, ikkalkulat kif ġej:

(a)

dan l-indikatur huwa espress bħala perċentwal, li jirrifletti l-varjazzjoni sena wara sena tad-DUC medju tal-Unjoni kollu għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, li jibda mill-valur bażi msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(4);

(b)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(c)

id-DUC medju tal-Unjoni kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route huwa l-proporzjon bejn il-kostijiet iddeterminati en route u t-traffiku tat-tbassir en route, espress f'unitajiet ta' servizzi en route, mistenni matul kull sena tal-perjodu referenzjarju fil-livell tal-Unjoni, kif jinsab fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti l-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 9(3);

(d)

id-DUC medju tal-Unjoni kollha għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route huwa kkalkulat f'euro u f'termini reali.

4.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

Il-kost unitarju reali mġarrab mill-utenti separatament għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal fil-livell tal-Unjoni, ikkalkulat kif ġej:

(a)

dan l-indikatur jiġi kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju bħala l-medja ponderata tat-total tad-DUC għal kull Stat Membru għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-aġġustamenti skont l-Artikolu 25(2) li jirriżultaw minn dik is-sena;

(b)

dan l-indikatur huwa espress f'euro u f'termini nominali.

TAQSIMA 2

KPI għall-iffissar tal-miri fil-livell lokali u indikaturi għall-monitoraġġ fil-livell lokali

1.   IS-SIKUREZZA

1.1.   Indikatur ewlieni ta' prestazzjoni

Il-livell tal-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza skont il-punt 1.1 tat-Taqsima 1.

Għall-finijiet ta' dan l-indikatur, “lokali” tfisser fil-livell tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru.

1.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

Ir-rata ta' inkursjonijiet fuq ir-runway fl-ajruporti li jinsabu fi Stat Membru, ikkalkulata bħala n-numru totali ta' inkursjonijiet fuq ir-runway b'impatt fuq is-sikurezza li seħħ f'dawk l-ajruporti diviża bl-għadd totali ta' movimenti IFR u VFR f'dawk l-ajruporti.

(b)

Ir-rata ta' ksur tas-separazzjoni minima fl-ispazju tal-ajru ta' kull unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru li tikkontrolla fi Stat Membru, ikkalkulata bħala n-numru totali ta' ksur tas-separazzjoni minima b'impatt fuq is-sigurtà li seħħ f'dak l-ispazju tal-ajru diviż bl-għadd totali ta' sigħat ta' titjir ikkontrollati f'dak l-ispazju tal-ajru.

(c)

Ir-rata ta' inkursjonijiet fuq ir-runway f'ajruport ikkalkulata bħala n-numru totali ta' inkursjonijiet fuq ir-runway ma' kwalunkwe kontribuzzjoni mis-servizzi tat-traffiku tal-ajru jew mis-servizzi tas-CNS b'impatt ta' sikurezza li seħħ f'dak l-ajruport diviża bin-numru totali ta' movimenti IFR u VFR f'dak l-ajruport.

(d)

Ir-rata ta' ksur tas-separazzjoni minima fl-ispazju tal-ajru fejn il-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru jipprovdi servizzi tat-traffiku tal-ajru, ikkalkulat bħala n-numru totali ta' ksur tas-separazzjoni minima bi kwalunkwe kontribuzzjoni mis-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jew servizzi tas-CNS b'impatt ta' sigurtà diviż bl-għadd totali ta' sigħat ta' titjir ikkontrollati f'dak l-ispazju tal-ajru.

(e)

Fejn jiġu implimentati sistemi tar-reġistrazzjoni tad-data awtomatizzata tas-sikurezza, l-użu ta' dawn is-sistemi mill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala komponent tal-qafas tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza, għall-finijiet tal-ġbir, il-ħżin u l-analiżi f'ħin kważi reali tad-data relatata ma', bħala minimu, ksur tas-separazzjoni minima u inkursjonijiet fuq ir-runway.

L-indikaturi għall-monitoraġġ imsemmija f'dan il-punt għandhom jiġu kkalkulati għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

Għall-finijiet tal-indikaturi stabbiliti fil-punti (a) u (c), “lokali” tfisser fil-livell tal-ajruport. Għall-finijiet tal-indikatur stabbilit fil-punt (b), “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali. Għall-finijiet tal-indikatur stabbilit fil-punt (d), “lokali” tfisser il-livell tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru.

2.   L-AMBJENT

2.1.   Indikatur ewlieni ta' prestazzjoni

L-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, ikkalkulata kif ġej:

(a)

dan l-indikatur huwa l-paragun bejn it-tul tal-parti en route tat-trajettorja reali dderivat mid-data ta' sorveljanza u d-distanza milħuqa, magħdud għat-titjiriet bl-IFR kollha ġewwa l-ispazju tal-ajru lokali jew li jaqsmuh;

(b)

“parti en route” tirreferi għad-distanza li l-inġenju tal-ajru jkun tar 'il barra minn ċirku ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti tal-oriġini u tad-destinazzjoni;

(c)

meta titjira titlaq minn jew tasal f'ajruport barra mill-ispazju tal-ajru lokali, il-punti tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ispazju tal-ajru lokali jintużaw għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(d)

meta titjira titlaq minn u tasal f'ajruport fl-ispazju tal-ajru lokali u taqsam spazju tal-ajru mhux lokali, il-parti biss ġewwa l-ispazju tal-ajru lokali tintuża għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(e)

“distanza milħuqa” hija funzjoni tal-pożizzjoni tal-punti tad-dħul u tal-ħruġ tat-titjira lejn u 'l barra mill-ispazju tal-ajru lokali. Id-distanza milħuqa tirrappreżenta l-kontribuzzjoni li dawk il-punti jagħmlu għad-distanza taċ-ċirku l-kbir bejn l-oriġini u d-destinazzjoni tat-titjira;

(f)

għall-finijiet ta' dan l-indikatur, “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, skont il-livell li fih huwa stabbilit il-pjan ta' prestazzjoni;

(g)

l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, bħala medja. Meta tiġi kkalkolata din il-medja, l-ogħla għaxar valuri ta' kuljum u l-għaxar valuri l-iktar baxxi ta' kuljum huma esklużi mill-kalkolu.

2.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

L-effiċjenza tat-titjir medju orizzontali en route tat-trajettorja tal-aħħar pjan tat-titjira ddepożitat, ikkalkulata fil-livell lokali kif ġej:

(i)

id-differenza bejn it-tul tal-parti en route tat-trajettorja tal-aħħar pjan tat-titjira ddepożitat u l-porzjon korrispondenti tad-distanza taċ-ċirku l-kbir, magħduda għat-titjiriet kollha bl-IFR ġewwa l-ispazju tal-ajru lokali jew li jaqsmuh;

(ii)

“parti en route” tirreferi għad-distanza li l-inġenju tal-ajru jkun tar barra minn ċirku ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti;

(iii)

meta titjira titlaq minn jew tasal f'ajruport barra mill-ispazju tal-ajru lokali, il-punti tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ispazju tal-ajru lokali jintużaw għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(iv)

meta titjira titlaq minn u tasal f'ajruport fl-ispazju tal-ajru lokali u taqsam spazju tal-ajru mhux lokali, il-parti biss ġewwa l-ispazju tal-ajru lokali tintuża għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(v)

l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, bħala medja. Meta tiġi kkalkolata din il-medja, l-ogħla għaxar valuri ta' kuljum u l-għaxar valuri l-iktar baxxi ta' kuljum huma esklużi mill-kalkolu.

(b)

L-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tal-iqsar trajettorja kostretta, ikkalkolata fil-livell lokali kif ġej:

(i)

l-indikatur huwa d-differenza bejn it-tul tal-parti en route tal-iqsar rotta kostretta disponibbli għall-ippjanar tat-titjira, kif ikkalkulat mill-algoritmi li jsibu mogħdijiet u sistemi ta' validazzjoni ta' pjanijiet tat-titjira tal-Maniġer tan-Netwerk, u d-distanza milħuqa magħduda għat-titjiriet IFR kollha ġewwa l-ispazju tal-ajru lokali jew li jaqsmuh;

(ii)

dan l-indikatur jikkunsidra r-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru ppubblikati fid-Dokument ta' Disponibbiltà tar-Rotta maħruġ mill-Maniġer tan-Netwerk u l-istatus reali ta' rotot kundizzjonali fil-ħin tal-aħħar pjan ta' titjira ddepożitat;

(iii)

“parti en route” tirreferi għall-parti 'l barra minn ċirku ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruporti tal-oriġini u tad-destinazzjoni;

(iv)

meta titjira titlaq minn jew tasal f'ajruport barra mill-ispazju tal-ajru lokali, il-punti tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ispazju tal-ajru lokali jintużaw għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(v)

meta titjira titlaq minn u tasal f'ajruport fl-ispazju tal-ajru lokali u taqsam spazju tal-ajru mhux lokali, il-parti biss ġewwa l-ispazju tal-ajru lokali tintuża għall-kalkolu ta' dan l-indikatur;

(vi)

“distanza milħuqa” hija funzjoni tal-pożizzjoni tal-punti tad-dħul u tal-ħruġ tat-titjira lejn u 'l barra mill-ispazju tal-ajru lokali. Id-distanza milħuqa tirrappreżenta l-kontribuzzjoni li dawk il-punti jagħmlu għad-distanza taċ-ċirku l-kbir bejn l-oriġini u d-destinazzjoni tat-titjira.

(vii)

l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju, bħala medja. Meta tiġi kkalkolata din il-medja, l-ogħla għaxar valuri ta' kuljum u l-għaxar valuri l-iktar baxxi ta' kuljum huma esklużi mill-kalkolu.

(c)

Il-ħin addizzjonali fil-fażi taxi-out, ikkalkulat fil-livell lokali kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa d-differenza bejn il-ħin reali taxi-out u l-ħin bla xkiel taxi-out;

(ii)

il-ħin mingħajr xkiel ta' tassa-out huwa l-ħin ta' taxxa f'perjodi mhux konġestjonati ta' traffiku baxx f'ajruport;

(iii)

l-indikatur huwa espress f'minuti għal kull tluq, kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(d)

Il-ħin addizzjonali fl-ispazju tal-ajru tat-terminal, ikkalkulat fil-livell lokali kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa d-differenza bejn il-ħin ta' tranżitu taż-Żona ta' Sequencing u l-Metering (ASMA) u l-ħin mingħajr xkiel ibbażat fuq il-ħinijiet tat-tranżitu ASMA;

(ii)

il-ħin mingħajr xkiel ibbażat fuq il-ħinijiet ta' tranżitu tal-ASMA huwa ddeterminat għal kull grupp ta' titjiriet bl-istess parametri, li huma l-klassi tal-inġenji tal-ajru, is-settur tad-dħul tal-ASMA u r-runway tal-wasla, u jirrappreżenta l-ħin ta' tranżitu f'perjodi mhux konġestjonati ta' traffiku baxx;

(iii)

l-indikatur huwa espress f'minuti għal kull wasla, ikkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(iv)

l-ASMA hija definita bħala ċilindru b'raġġ ta' 40 mil nawtiku madwar l-ajruport tal-wasla.

(e)

Is-sehem tal-wasliet li japplikaw Operazzjoni ta' Nżul Kontinwu (CDO), ikkalkulat fuq livell lokali kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa l-proporzjon bejn l-għadd totali ta' wasliet li jwettqu CDO minn punt ta' referenza f'għoli 'l fuq mill-art, iddefinit mill-awtorità superviżorja nazzjonali, u n-numru totali ta' operazzjonijiet ta' wasla;

(ii)

dan l-indikatur huwa espress bħala perċentwal, ikkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(f)

L-użu effettiv ta' spazju tal-ajru lokali rriżervat jew segregat, ikkalkulat skont il-punt 2.2(c) tat-Taqsima 1.

(g)

Ir-rata ta' ppjanar permezz tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru lokali disponibbli, ikkalkulata skont il-punt 2.2(d) tat-Taqsima 1.

(h)

Ir-rata tal-użu tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru lokali disponibbli, ikkalkulata skont il-punt 2.2(e) tat-Taqsima 1.

(i)

Għall-finijiet tal-indikaturi stabbiliti fil-punti (a) u (b), “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta' blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali skont il-livell li fih il-pjan ta' prestazzjoni huwa stabbilit, inklużi każijiet ta' delega tar-responsabbiltà għall-għoti ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta' arranġamenti transkonfinali kollaborattivi. Għall-finijiet tal-indikaturi stabbiliti fil-punti (c) u (d), “lokali” tfisser fil-livell tal-ajruport b'minimu ta' 80 000 moviment tat-trasport bl-ajru bl-IFR fis-sena. Għall-finijiet tal-indikatur stabbilit fil-punt (e), “lokali” tfisser fil-livell tal-ajruport. Għall-finijiet tal-indikaturi stabbiliti fil-punti (f) sa (h), “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali b'analiżi dettaljata fil-livell taż-żona ta' responsabbiltà taċ-ċentri ta' kontroll, inklużi każijiet ta' delega tar-responsabbiltà għall-għoti ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta' arranġamenti transkonfinali kollaborattivi.

3.   IL-KAPAĊITÀ

3.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

(a)

Il-medja ta' minuti ta' dewmien tal-ATFM en route għal kull titjira attribwibbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ikkalkulata kif ġej:

(i)

id-dewmien tal-AFTM en route, ikkalkolat skont il-punt 3.1(a) tat-Taqsima 1;

(ii)

dan l-indikatur ikopri t-titjiriet kollha bl-IFR li jaqsmu l-ispazju tal-ajru lokali u l-kawżi tad-dewmien tal-ATFM kollha, minbarra avvenimenti eċċezzjonali; ikopri wkoll titjiriet IFR li jaqsmu spazji tal-ajru oħra, meta jiġu applikati korrezzjonijiet tad-dewmien bħala riżultat tal-proċess ta' aġġustament tad-dewmien ta' wara l-operazzjonijiet ikkoordinat mill-Maniġer tan-Netwerk li permezz tiegħu l-partijiet interessati operattivi jinfurmaw lill-Maniġer tan-Netwerk dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kejl, l-klassifikazzjoni u l-assenjazzjoni tad-dewmien tal-ATFM;

(iii)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(iv)

għall-finijiet ta' dan l-indikatur, “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, skont il-livell li fih il-pjan ta' prestazzjoni huwa stabbilit;

(v)

għall-monitoraġġ, il-valuri kkalkulati għal dan l-indikatur huma mqassma fil-livell nazzjonali f'każ li l-pjan ta' prestazzjoni jkun stabbilit fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, inkluż każijiet ta' delega tar-responsabbiltà għall-għoti ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta' arranġamenti transfruntiera kollaborattivi.

(b)

Il-ħin medju, espress f'minuti għal kull titjira tad-dewmien tal-AFTM tal-wasla attribwibbli lis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal u fl-ajruport, ikkalkulat kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa d-dewmien medju tal-wasla fl-ajruport tad-destinazzjoni kkawżat mir-regolamenti ATFM għal kull titjira IFR li tidħol;

(ii)

dan l-indikatur ikopri t-titjiriet kollha bl-IFR li jinżlu l-art fl-ajruport tad-destinazzjoni u l-kawżi tad-dewmien tal-AFTM kollha, minbarra avvenimenti eċċezzjonali;

(iii)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(iv)

għall-iskop ta' dan l-indikatur, “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali.

(v)

għall-monitoraġġ, il-valuri kkalkulati għal dan l-indikatur huma mqassma fil-livell tal-ajruporti.

3.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

Il-perċentwal ta' titjiriet IFR li jaderixxu mas-slots tat-tluq tal-ATFM tagħhom fil-livell lokali kkalkulati għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(b)

Il-medja tal-minuti ta' dewmien qabel it-tluq tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għal kull titjira kkawżata minn restrizzjonijiet tat-tluq fl-ajruport tat-tluq, ikkalkulata fil-livell lokali kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa l-medja tad-dewmien qabel it-tluq tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għal kull titjira IFR ta' tluq;

(ii)

dan l-indikatur jinkludi t-titjiriet kollha bl-IFR li jitilqu mill-ajruport tat-tluq u jkopri dewmien fit-tnedija, ikkawżat minn restrizzjonijiet fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru meta l-inġenju tal-ajru jkun lest li jitlaq mill-istand tat-tluq;

(iii)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(c)

Il-ħin medju, espress f'minuti, ta' dewmien tat-tluq minn kawżi kollha għal kull titjira, ikkalkulat fil-livell lokali skont il-punt 3.2(c) tat-Taqsima 1.

(d)

Għall-fini tal-indikatur stabbilit fil-punt (a), “lokali” tfisser fil-livell nazzjonali b'analiżi fil-livell tal-ajruport. Għall-finijiet tal-indikatur stabbilit fil-punti (b) u (c), “lokali” tfisser fil-livell tal-ajruport għall-ajruporti b' 80 000 moviment tat-trasport bl-ajru bl-IFR jew aktar fis-sena.

4.   IL-KOSTEFFIĊJENZA

4.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

(a)

Id-DUC għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, ikkalkulat kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa l-proporzjon bejn il-kostijiet iddeterminati en route u t-traffiku imbassar fiż-żona tal-imposti, espress f'unitajiet ta' servizzi en route, mistennija matul kull sena tal-perjodu referenzjarju fil-livell lokali, inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni;

(ii)

l-indikatur huwa espress f'termini reali u fil-munita nazzjonali;

(iii)

l-indikatur huwa pprovdut ikkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(b)

Id-DUC għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, ikkalkulati kif ġej:

(i)

dan l-indikatur huwa l-proporzjon bejn il-kostijiet iddeterminati u t-traffiku mbassar, espress f'unitajiet tas-servizzi tat-terminal, mistenni matul kull sena tal-perjodu referenzjarju fil-livell lokali, inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni;

(ii)

l-indikatur huwa espress f'termini reali u fil-munita nazzjonali;

(iii)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.

(c)

Għall-finijiet tal-indikaturi stabbiliti fil-punti (a) u (b), “lokali” tfisser fil-livell taż-żona tal-imposti.

4.2.   Indikatur għall-monitoraġġ

Il-kost unitarju reali mġarrab mill-utenti separatament għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal, ikkalkulat kif ġej:

(a)

dan l-indikatur jiġi kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju bħala s-somma tad-DUC għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-aġġustamenti skont l-Artikolu 25(2) li jirriżultaw minn dik is-sena;

(b)

dan l-indikatur huwa espress f'termini nominali u fil-munita nazzjonali.

TAQSIMA 3

KPIs għall-iffissar tal-miri u indikaturi għall-monitoraġġ tal-funzjonijiet tan-netwerk

1.   L-indikaturi kollha stabbiliti f'din it-taqsima għandhom japplikaw għaż-żona ġeografika fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   IS-SIKUREZZA

2.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

Il-livell tal-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-Maniġer tan-Netwerk skont il-punt 1.1 tat-Taqsima 1.

2.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

Il-konsenji tal-ATFM li jaqbżu l-limiti tal-kapaċità ta' settur iddikjarat mill-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru fejn huma imposti r-regolamenti ATFM, ikkalkulati kif ġej:

(a)

il-proporzjon bejn il-ħin li l-għadd ta' titjiriet jaqbeż b'aktar minn 10 % l-limiti tal-kapaċità ta' settur iddikjarat mill-fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru fejn jiġu imposti r-regolamenti ATFM, u l-ħin totali fejn jiġu imposti r-regolamenti ATFM, ikkalkolat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(b)

għall-finijiet ta' dan l-indikatur, il-ħin irregolat jinqasam f'meded ta' siegħa fuq xulxin f'kull intervall ta' 20 minuta.

3.   L-AMBJENT

3.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

It-titjib fl-effiċjenza tat-titjir en route iġġenerata mill-funzjoni tad-Disinn tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot huwa relatat mat-trajettorja tal-aħħar pjan ta' titjira ddepożitata, espress bħala punt perċentwali tal-varjazzjoni sena wara sena tal-effiċjenza tat-titjir en route tat-trajettorja tal-aħħar pjan ta' titjira ddepożitat, u kkalkulat skont il-punt 2.2(a) tat-Taqsima 1.

4.   IL-KAPAĊITÀ

4.1.   Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

(a)

Il-perċentwal ta' ffrankar tad-dewmien tal-AFTM en route mill-proċess tan-netwerk tat-Teħid ta' Deċiżjonijiet b'mod Kooperattiv u mill-azzjonijiet taċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Maniġer tan-Netwerk, fuq l-iffrankar totali minn sena għal sena fid-dewmien tal-ATFM en route, fejn id-dewmien tal-AFTM en route jiġi kkalkulat skont il-punt 3.1 tat-Taqsima 1.

(b)

Il-perċentwal ta' ffrankar tad-dewmien tal-wasliet AFTM mill-proċeduri tan-netwerk Koperattiv għat-Teħid ta' Deċiżjonijiet u mill-azzjonijiet taċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Maniġer tan-Netwerk, fuq l-iffrankar fid-dewmien tal-AFTM tal-wasla totali, fejn id-dewmien tal-AFTM tal-wasla jiġi kkalkulat skont il-punt 3.2(a) tat-Taqsima 1.

4.2.   Indikaturi għall-monitoraġġ

(a)

Il-perċentwal annwali ta' titjiriet IFR b'dewmien tal-AFTM ta' aktar minn 15 minuta.

(b)

Il-medja, fuq sena kalendarja, tal-għadd ta' regolamenti tal-ATFM ta' kuljum li kull wieħed minnhom jipproduċi inqas minn 200 minuta ta' dewmien.

(c)

Il-medja, fuq sena kalendarja, tad-dewmien tal-ATFM en route fi tmiem il-ġimgħa, espressa f'minuti ta' dewmien għal kull titjira.

(d)

Il-perċentwal annwali ta' dewmien fl-ewwel rotazzjoni minħabba l-kapaċità u l-persunal għal għażla minn qabel ta' ċentri ta' kontroll taż-żona/ajruporti bl-ikbar tnaqqis ta' dewmien potenzjali kif identifikat kull sena mill-Maniġer tan-Netwerk.

(e)

L-użu effettiv ta' spazju tal-ajru rriżervat jew segregat, ikkalkulat skont il-punt 2.2(c) tat-Taqsima 1.

(f)

Ir-rata ta' ppjanar permezz tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru disponibbli, ikkalkulata skont il-punt 2.2(d) tat-Taqsima 1.

(g)

Ir-rata tal-użu tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru disponibbli, ikkalkulata skont il-punt 2.2(e) tat-Taqsima 1.

5.   IL-KOSTEFFIĊJENZA

5.1.   Indikaturi għall-monitoraġġ

Il-kost unitarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk, ikkalkulat kif ġej:

(a)

dan l-indikatur huwa l-proporzjon bejn il-kostijiet reali għat-twettiq tal-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk u t-traffiku en route, espress f'unitajiet tas-servizz en route, matul il-perjodu referenzjarju, fil-livell taż-żona ġeografika fejn il-Maniġer tan-Netwerk iwettaq il-kompiti tiegħu meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tan-netwerk;

(b)

dan l-indikatur huwa espress f'euro u f'termini reali;

(c)

dan l-indikatur huwa kkalkulat għas-sena kalendarja kollha u għal kull sena tal-perjodu referenzjarju.


ANNESS II

MUDELL GĦALL-PJANIJIET TA' PRESTAZZJONI FIL-LIVELL NAZZJONALI JEW TAL-BLOKOK TAL-ISPAZJU TAL-AJRU FUNZJONALI MSEMMI FL-ARTIKOLU 10(1)

1.   DAĦLA

1.1.   Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, inkluż il-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan f'termini ta' kopertura ġeografika u servizzi, lista ta' fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru koperti u informazzjoni ġenerali oħra rilevanti għall-pjan ta' prestazzjoni.

1.2.   It-tbassir tat-traffiku msemmi fil-punti (f) u (g) tal-Artikolu 10(2) espress f'movimenti IFR u f'unitajiet tas-servizz li jirfed il-pjan ta' prestazzjoni bbażat fuq it-tbassir bażi tal-Istatistika u t-Tbassir tal-Istatistika (STATFOR) tal-Eurocontrol. Fejn it-tbassir ikun differenti mit-tbassiriet bażi STATFOR, għandhom jiġu ddokumentati r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-użu ta' tbassir differenti kif imsemmi fil-punti (f) u (g) tal-Artikolu 10(2) u ġustifikazzjoni għall-użu ta' dan it-tbassir.

1.3.   Deskrizzjoni tal-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz ta' pjan ta' prestazzjoni, inklużi l-punti ta' qbil u ta' nuqqas ta' qbil kif ukoll ir-raġunijiet għal kwalunkwe nuqqas ta' qbil bħal dan.

1.4.   Lista ta' ajruporti soġġetti għall-iskema ta' prestazzjoni u ta' ċċarġjar, bin-numru medju ta' movimenti tat-trasport bl-ajru bl-IFR fis-sena.

1.5.   Fejn applikabbli, lista ta' servizzi li l-forniment tagħhom ġie stabbilit li huwa soġġett għall-kundizzjonijiet tas-suq skont l-Artikolu 35.

1.6.   Fir-rigward tal-pjanijiet ta' prestazzjoni adottati fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, id-deskrizzjoni tal-proċess segwiet l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-pjan ta' prestazzjoni.

1.7.   Indikazzjoni dwar jekk tapplika l-iskema ta' imposti ssimplifikata msemmija fl-Artikolu 34, jew le, u jekk iva, indikazzjoni li l-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu ġew issodisfati kif ukoll deskrizzjoni tal-applikazzjoni tal-iskema ta' imposti ssimplifikata u tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha f'termini ta' żoni tal-imposti koperti.

2.   INVESTIMENTI

2.1.   Deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-kostijiet, in-natura u l-benefiċċji ta' investimenti ġodda u eżistenti f'assi fissi ppjanati matul il-perjodu referenzjarju.

2.2.   L-informazzjoni msemmija fil-punt 2.1 għandha tinkludi b'mod partikolari:

(a)

il-kostijiet iddeterminati ta' investimenti ġodda u eżistenti fir-rigward tad-deprezzament, il-kost tal-kapital u l-kost tal-kiri tul il-perjodu referenzjarju kollu u fir-rigward ta' kull sena kalendarja tagħhom, kif meħtieġ fl-Anness VII;

(b)

deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-investimenti ewlenin, inkluż fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

(i)

il-valur totali ta' kull investiment kbir;

(ii)

l-assi jew l-assi akkwistati jew żviluppati;

(iii)

informazzjoni dwar il-benefiċċju tal-investiment għall-utenti tal-ispazju tal-ajru u dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-utenti tal-ispazju tal-ajru;

(iv)

fir-rigward ta' investimenti kbar fis-sistemi tal-ATM:

differenzjazzjoni bejn investimenti f'sistemi ġodda, reviżjoni mill-qiegħ tas-sistemi eżistenti u investimenti ta' sostituzzjoni;

ġustifikazzjoni tar-rilevanza ta' kull investiment b'referenza għall-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, u l-proġetti komuni msemmija fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(c)

dettall tas-sinerġiji miksuba fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jew, permezz ta' inizjattivi oħra ta' kooperazzjoni transkonfinali kif xieraq, b'mod partikolari f'termini ta' infrastruttura komuni u akkwist komuni.

3.   MIRI TA' PRESTAZZJONI NAZZJONALI JEW MIRI TA' PRESTAZZJONI TA' FAB U MIŻURI GĦALL-KISBA TAGĦHOM

3.1.   Il-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni tal-FAB f'kull qasam ta' prestazzjoni ewlieni, stabbiliti b'referenza għal kull indikatur ta' prestazzjoni ewlieni stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness I, u li jkopru kull sena kalendarja tal-perjodu referenzjarju.

3.2.   Għall-oqsma ta' prestazzjoni ewlenin kollha, deskrizzjoni tal-miżuri ewlenin implimentati fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali biex jintlaħqu l-miri ta' prestazzjoni.

3.3.   Informazzjoni addizzjonali biex tissustanzja l-miri nazzjonali ta' prestazzjoni jew miri ta' prestazzjoni FAB fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza:

(a)

il-kostijiet iddeterminati għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal stabbiliti skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u skont dan ir-Regolament, għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(b)

it-tbassir tal-unitajiet tas-servizzi en route u fit-terminal, għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(c)

il-valuri bażi għal miri tal-kosteffiċjenza en route u tat-terminal imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 10(2) u d-deskrizzjoni u l-ġustifikazzjoni tal-metodoloġija użata biex jiġu stmati dawk il-valuri għal kull żona tal-imposti;

(d)

deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġija użati għall-allokazzjoni tal-kostijiet għaż-żoni tal-imposti u l-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u tat-terminal, skont l-Artikolu 22(5);

(e)

deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-qligħ fuq l-ekwità tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati, kif ukoll dwar il-proporzjon ta' ingranaġġ u dwar il-livell/il-kompożizzjoni tal-bażi tal-assi użata għall-kalkolu tal-kost tal-kapital inkluż fil-kostijiet iddeterminati;

(f)

deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi, inklużi:

is-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-kostijiet tal-pensjonijiet inklużi fil-kostijiet iddeterminati, inkluż deskrizzjoni tar-regolamenti nazzjonali rilevanti tal-pensjonijiet u r-regolamenti dwar il-kontabbiltà tal-pensjonijiet li fuqhom it-tali s-suppożizzjonijiet huma bbażati, kif ukoll informazzjoni dwar jekk humiex mistennija bidliet ta' dawk ir-regolamenti;

is-suppożizzjonijiet tar-rata tal-imgħax għal self li jiffinanzja l-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inklużi l-ammonti, it-tul ta' żmien u informazzjoni rilevanti oħra dwar is-self, u spjegazzjoni għall-imgħax medju ponderat fuq id-dejn użat għall-kalkolu tal-kost tar-rata qabel it-taxxa u l-kost tal-kapital inkluż fil-kostijiet iddeterminati;

għal skopijiet ta' informazzjoni biss, tbassir tal-inflazzjoni bbażat fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (CPI) tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI);

aġġustamenti li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju adottati mill-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (1);

(g)

deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-aġġustamenti li jirriżultaw mis-snin ta' qabel il-perjodu referenzjarju;

(h)

l-identifikazzjoni u l-kategorizzazzjoni tal-kostijiet iddeterminati relatati mal-elementi tal-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 28(3);

(i)

fejn applikabbli, deskrizzjoni ta' kwalunkwe ristrutturar sinifikanti ppjanat matul il-perjodu referenzjarju;

(j)

fejn applikabbli, il-kostijiet tar-ristrutturar approvati minn perjodi referenzjarji preċedenti li għandhom jiġu rkuprati;

(k)

it-tabelli ta' rappurtar u l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa fl-Annessi VII, IX u XI li għandhom jiġu mehmuża mal-pjan ta' prestazzjoni;

3.4.   Tqassim tal-miri ta' prestazzjoni stabbiliti skont il-punti 2.1 u 3.1(a) tat-Taqsima 2 tal-Anness I fil-livell ta' kull fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni bl-ajru individwali kopert mill-pjan ta' prestazzjoni u fir-rigward tal-pjanijiet ta' prestazzjoni stabbiliti fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, u li jirrifletti l-kontribuzzjonijiet ta' kull fornitur ikkonċernat għall-miri ta' prestazzjoni fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali.

3.5.   Meta ma jkun hemm l-ebda mira ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha, deskrizzjoni u spjegazzjoni ta' kif il-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni tal-FAB jikkontribwixxu għat-titjib tal-prestazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-ATM.

3.6.   Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-interdipendenzi u l-kompromessi bejn oqsma ta' prestazzjoni ewlenin, inklużi s-suppożizzjonijiet użati għall-valutazzjoni tal-kompromessi.

4.   INIZJATTIVI TRANSFRUNTIERA U L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SESAR

4.1.   Deskrizzjoni tal-inizjattivi ta' kooperazzjoni transfruntiera implimentati, jew ippjanati li jiġu implimentati, fil-livell tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru biex tittejjeb il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Identifikazzjoni tal-gwadanji ta' prestazzjoni possibbli minn dawk l-inizjattivi fid-diversi oqsma ta' prestazzjoni ewlenin.

4.2.   Deskrizzjoni tal-progress riċenti u mistenni fl-implimentazzjoni tal-proġetti komuni tas-SESAR imsemmija fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, kif ukoll il-prattiki ta' ġestjoni tal-bidliet fir-rigward tal-pjanijiet ta' tranżizzjoni sabiex jiġi mminimizzat kwalunkwe impatt negattiv tal-bidliet fuq il-prestazzjoni tan-netwerk.

5.   ARRANĠAMENTI TA' QSIM TAR-RISKJU TAT-TRAFFIKU U SKEMI TA' INĊENTIV

5.1.   Fir-rigward ta' kull żona tal-imposti kkonċernata, deskrizzjoni tal-valuri ddefiniti tal-parametri ta' qsim tar-riskju tat-traffiku applikabbli skont l-Artikolu 27:

(a)

identifikazzjoni tal-firxa applikabbli msemmija fl-Artikolu 27(2) u taċ-ċwievet tal-qsim tar-riskju tat-traffiku msemmija fl-Artikolu 27(3);

(b)

f'każ li l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza tadatta l-valuri tal-parametri tal-mekkaniżmu tal-qsim tar-riskju tat-traffiku msemmi fil-punt (a) skont l-Artikolu 27(5):

(i)

ġustifikazzjoni tal-valur ddefiniti tal-parametri tal-qsim tar-riskju tat-traffiku;

(ii)

deskrizzjoni tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-utenti tal-ispazju tal-ajru u tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru dwar l-istabbiliment tal-valuri tal-parametri tal-qsim tar-riskju tat-traffiku, kif ukoll tal-eżitu tal-konsultazzjoni.

5.2.   Fir-rigward ta' skemi ta' inċentivi applikabbli matul il-perjodu referenzjarju skont l-Artikolu 11:

(a)

deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-parametri tal-iskema ta' inċentivi kif iddefinit skont l-Artikolu 11(3), inkluż il-valuri ta' pern, u l-mekkaniżmu ta' modulazzjoni tal-valuri ta' pern fejn applikabbli;

(b)

identifikazzjoni tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u ż-żoni tal-imposti soġġetti għall-iskemi ta' inċentivi;

(c)

fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-iskemi ta' inċentivi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 11(4).

6.   L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA' PRESTAZZJONI

Deskrizzjoni tal-proċessi li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali se jimplimentaw, sabiex:

(a)

jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' prestazzjoni;

(b)

tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fejn il-miri ma jintlaħqux matul il-perjodu referenzjarju.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS III

MUDELL GĦALL-PJAN TA' PRESTAZZJONI TAN-NETWERK IMSEMMI FL-ARTIKOLU 10(5)

1.   DAĦLA

1.1.   Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, inkluż l-ambitu tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk, il-funzjonijiet tan-netwerk koperti, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet u informazzjoni ġenerali oħra rilevanti għall-pjan.

1.2.   Deskrizzjoni tat-tbassir tat-traffiku u x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk.

1.3.   Deskrizzjoni tal-konsistenza tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk mal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk.

1.4.   Deskrizzjoni tal-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk, inklużi l-punti ta' qbil u ta' nuqqas ta' qbil kif ukoll ir-raġunijiet għal kwalunkwe nuqqas ta' qbil bħal dan, u d-deskrizzjoni tal-eżitu tal-konsultazzjoni tal-Bord ta' Ġestjoni tan-Netwerk.

2.   IL-VALUR MIŻJUD TAL-MANIĠER TAN-NETWERK

L-oqsma ta' kooperazzjoni biex jiġu appoġġati l-kompiti u l-attivitajiet tal-Istati Membri, il-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, l-ajruporti, l-utenti tal-ispazju tal-ajru ċivili u militari.

Deskrizzjoni tal-ħidma tal-Maniġer tan-Netwerk dwar:

(a)

l-elaborazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' kunċetti operattivi tan-netwerk u reġjonali;

(b)

l-iżvilupp u l-armonizzazzjoni ta' proġetti tal-ispazju tal-ajru bbażati fuq prijoritajiet tan-netwerk inklużi inizjattivi ta' tfassil transkonfinali tal-ispazju tal-ajru;

(c)

tnaqqis fl-użu ineffiċjenti tan-netwerk tar-rotot u tal-ispazju tal-ajru disponibbli;

(d)

l-iżvilupp ta' ġestjoni mtejba tal-ispazju tal-ajru u proċessi ta' ġestjoni ta' traffiku tal-ajru u ta' kapaċità;

(e)

l-ippjanar tal-kapaċità armonizzat u l-kejl tal-prestazzjoni operazzjonali;

(f)

jappoġġja r-riżoluzzjoni ta' nuqqasijiet ta' kontrollur tat-traffiku tal-ajru fin-netwerk;

(g)

issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-qasam tekniku inkluż fil-livell tal-FAB u tindirizza l-interoperabbiltà teknika fost is-sistemi tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru u b'mod partikolari mas-sistemi tal-Maniġer tan-Netwerk;

(h)

l-appoġġ għas-Sikurezza tan-Netwerk u l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u t-titjib tal-prestazzjoni tas-sikurezza lokali.

3.   IL-MIRI, L-GĦANIJIET U L-MIŻURI TA' PRESTAZZJONI

3.1.   Il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-Maniġer tan-Netwerk

(a)

mira tal-prestazzjoni għall-Maniġer tan-Netwerk dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza.

(b)

deskrizzjoni tal-miżuri li l-Maniġer tan-Netwerk idaħħal fis-seħħ biex jilħaq din il-mira.

(c)

deskrizzjoni tal-miżuri li l-Maniġer tan-Netwerk jistabbilixxi li jindirizza lill-konsenji żejda tal-ATFM.

3.2.   Prestazzjoni tal-kosteffiċjenza tal-Maniġer tan-Netwerk

(a)

deskrizzjoni tal-miżuri li l-Maniġer tan-Netwerk idaħħal fis-seħħ biex itejjeb il-kosteffiċjenza tiegħu.

3.3.   Il-miri ta' prestazzjoni u l-għanijiet speċifiċi għal kull funzjoni ta' netwerk

(a)

Funzjoni tad-Disinn tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot (ERND):

(i)

il-miri ta' prestazzjoni għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni stabbilit fil-punt 3.1 fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

(ii)

deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-miżuri mmirati lejn il-kisba tal-miri ta' prestazzjoni għall-funzjoni tal-ERND:

miżuri relatati mad-disinn ta' struttura effiċjenti tal-ispazju tal-ajru;

miżuri relatati ma' użu aħjar tal-ispazju tal-ajru mill-partijiet ikkonċernati operazzjonali;

miżuri relatati mal-ottimizzazzjoni tat-titjiriet.

(iii)

inizjattivi oħra għall-effiċjenza tat-titjiriet.

(b)

Il-funzjoni tal-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (ATFM);

(i)

il-miri tal-prestazzjoni għal kull indikatur tal-prestazzjoni ewlieni rilevanti stabbilit fil-punt 4.1 fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

(ii)

deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-miżuri mmirati lejn il-kisba tal-miri ta' prestazzjoni għall-funzjoni tal-ATFM:

inizjattivi u azzjonijiet għat-tnaqqis tad-dewmien tal-AFTM inkluż id-dewmien fi tmiem il-ġimgħa, id-dewmien ikkaġunat mit-temp, il-minimizzazzjoni tal-penali individwali tat-titjira, l-effiċjenza tal-ATFM, id-dewmien ta' reazzjoni, fuq il-kunsinni;

id-dimensjoni militari tal-pjan.

(iii)

inizjattivi oħra ta' kapaċità.

(c)

Koordinazzjoni ta' funzjonijiet ta' riżorsi skarsi:

(i)

il-koordinazzjoni tal-funzjoni tal-frekwenzi tar-radju:

deskrizzjoni tal-appoġġ għall-kapaċità tan-netwerk;

deskrizzjoni ta' objettivi speċifiċi.

(ii)

koordinazzjoni tal-funzjoni tal-kodiċijiet tar-radar transponder:

deskrizzjoni tal-appoġġ għas-sikurezza tan-netwerk;

deskrizzjoni ta' objettivi speċifiċi.

4.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA' PRESTAZZJONI TAN-NETWERK

Deskrizzjoni tal-miżuri li l-Maniġer tan-Netwerk idaħħal fis-seħħ sabiex:

(a)

jassisti l-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk;

(b)

jindirizzata s-sitwazzjoni fejn il-miri ma jintlaħqux matul il-perjodu referenzjarju;

(c)

jikkomunika mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.


ANNESS IV

KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TA' PJANIJIET U MIRI TA' PRESTAZZJONI FIL-LIVELL NAZZJONALI JEW TAL-BLOKOK TAL-ISPAZJU TAL-AJRU FUNZJONALI

1.   VALUTAZZJONI TAL-KONSISTENZA TAL-MIRI TA' PRESTAZZJONI NAZZJONALI JEW IL-MIRI TA' PRESTAZZJONI TAL-FAB

1.1.   IS-SIKUREZZA

L-effikaċja tal-ġestjoni tas-sikurezza

Konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-miri ta' prestazzjoni FAB fil-livell tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha, li għalihom, għal kull sena kalendarja tal-perjodu referenzjarju, il-livell tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza huwa ugwali għal jew ogħla mill-miri ta' prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha.

1.2.   L-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

Konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-miri ta' prestazzjoni FAB mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha għal kull sena kalendarja tas-sena referenzjarja, billi l-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni FAB jitqabblu mal-valuri referenzjarji tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route, stabbiliti fl-aħħar verżjoni tal-Pjan ta' Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot disponibbli fi żmien l-adozzjoni tal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-“valur referenzjarju tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route” tfisser il-valur stmat mill-Maniġer tan-Netwerk tal-effiċjenza tat-titjir tat-trajettorja reali fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq il-mira għall-Unjoni kollha għall-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route tat-trajettorja reali.

1.3.   IL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route għal kull titjira

Konsistenza tal-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-miri ta' prestazzjoni FAB mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha għal kull sena kalendarja tas-sena referenzjarja, billi l-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew il-miri ta' prestazzjoni FAB jitqabblu mal-valuri referenzjarji stabbiliti fl-aħħar verżjoni tal-Pjan ta' Operazzjonijiet tan-Netwerk disponibbli fi żmien l-adozzjoni tal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

1.4.   IL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat en route

(a)

Konsistenza tax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fil-livell taż-żona tal-imposti matul il-perjodu referenzjarju max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat madwar l-Unjoni matul l-istess perjodu, fejn dawk ix-xejriet huma espressi bħala perċentwal.

Għall-fini tal-kalkolu ta' dawk ix-xejriet, għandhom jintużaw il-valuri ta' mira tal-prestazzjoni għall-Unjoni u lokali applikabbli u l-valuri bażi tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(4), u fil-punt (a) tal-Artikolu 10(2).

(b)

Konsistenza tax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fil-livell taż-żona tal-imposti matul perjodu li jkopri kemm il-perjodu referenzjarju kopert mill-pjan ta' prestazzjoni kif ukoll il-perjodu referenzjarju preċedenti (“xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-tul”) max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat għall-Unjoni kollha tul l-istess perjodu, fejn dawk ix-xejriet huma espressi bħala perċentwal.

Ix-xejra tal-kostijiet iddeterminati għal kull unità fit-tul fil-livell taż-żona tal-imposti għandha tiġi kkalkulata billi jintuża l-kost reali għal kull unità fil-livell taż-żona tal-imposti qabel il-bidu tal-perjodu referenzjarju kkonċernat.

(c)

Konsistenza tal-livell tal-kost unitarju ddeterminat: tqabbil tal-valur bażi għall-kost unitarju ddeterminat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 10(2) fil-livell taż-żona tal-imposti kkonċernata, mal-valur medju korrispondenti taż-żoni tal-imposti, fejn il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili, kif iddefinit fil-punt (c) tal-Artikolu 9(4).

(d)

Devjazzjoni mill-kriterji msemmija fil-punti minn (a) sa (c) tista' titqies meħtieġa u proporzjonata sabiex:

(i)

tippermetti l-kisba tal-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kapaċità stabbiliti fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, dejjem jekk id-devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat għall-Unjoni kollha hija dovuta esklussivament għal kostijiet iddeterminati addizzjonali marbutin ma' miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta' prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta' prestazzjoni tal-kapaċità; jew

(ii)

timplimenta miżuri ta' ristrutturar li jwasslu għal kostijiet ta' ristrutturar kif imsemmi fl-Artikolu 2(18), dejjem jekk id-devjazzjoni tkun dovuta esklussivament għal dawk il-kostjiet ta' ristrutturar, u dejjem jekk tingħata turija, fil-pjan ta' prestazzjoni, li l-miżuri ta' ristrutturar ikkonċernati se jwasslu għal benefiċċju finanzjarju nett għall-utenti tal-ispazju tal-ajru sa mhux aktar tard mill-perjodu referenzjarju li jmiss.

2.   REVIŻJONI TAL-ABBOZZI TAL-PJANIJIET TA' PRESTAZZJONI

2.1.   Elementi soġġetti għal rieżami:

(a)

miżuri għall-kisba tal-miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-FAB f'kull qasam ta' prestazzjoni ewlieni kif imsemmi fil-punt 3.2 tal-Anness II;

(b)

miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-FAB fuq il-medja tad-dewmien tal-AFTM tal-wasla għal kull titjira:

(i)

tqabbil mal-livell u t-tendenza tal-prestazzjoni reali matul il-perjodu referenzjarju li jippreċedi l-perjodu referenzjarju kopert mill-pjan ta' prestazzjoni;

(ii)

fil-livell tal-ajruport, tqabbil tal-prestazzjoni ma' ajruporti simili;

(c)

miri ta' prestazzjoni nazzjonali jew tal-FAB dwar id-DUC fit-terminal:

(i)

tqabbil max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route fil-livell lokali;

(ii)

tqabbil mal-livell u t-tendenza tal-prestazzjoni reali matul il-perjodu referenzjarju li jippreċedi l-perjodu referenzjarju kopert mill-pjan ta' prestazzjoni;

(iii)

fil-livell tal-ajruport, tqabbil tal-prestazzjoni ma' ajruporti simili;

(d)

il-fatturi u l-parametri ewlenin li fuqhom huma bbażati l-miri jew il-prestazzjoni tal-prestazzjoni nazzjonali jew tal-FAB fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza:

(i)

il-valuri tal-linja bażi u s-suppożizzjonijiet li jirfdu l-iffissar tal-kostijiet iddeterminati għall-ewwel sena tal-perjodu referenzjarju, meta mqabbla mal-aħħar kostijiet reali disponibbli;

(ii)

it-tbassiriet tat-traffiku użati fil-pjan ta' prestazzjoni u, fejn it-tbassir ikun differenti mit-tbassir bażi STATFOR, il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti;

(iii)

il-kost ippjanat tal-kapital fir-rigward tal-livell u l-kompożizzjoni tal-bażi tal-assi regolatorji, kif ukoll il-kost ippjanat tal-kapital tar-rata ta' qabel it-taxxa, inkluża r-rata tal-imgħax fuq id-dejn u r-redditu fuq l-ekwità;

(iv)

il-kostijiet iddeterminati ta' investimenti ġodda u eżistenti, u ġustifikazzjonijiet ipprovduti għal investimenti kbar;

(v)

il-kostijiet u s-suppożizzjonijiet tal-pensjoni ddeterminati li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tagħhom;

(vi)

is-suppożizzjonijiet dwar ir-rata ta' mgħax għas-self li jiffinanzja l-forniment ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, inkluż tagħrif rilevanti dwar is-self (ammonti, tul ta' żmien, eċċ.) u r-rikonċiljazzjoni b'medja ponderata tal-imgħax fuq id-dejn użata għall-kalkolu tal-kost tal-kapital qabel it-taxxa u l-kost tal-kapital inklużi fil-kostijiet iddeterminati;

(vii)

il-metodoloġija użata għall-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u s-servizzi fit-terminal, u l-ġustifikazzjonijiet ta' kull bidla fil-metodoloġija meta mqabbel mal-perjodu referenzjarju ta' qabel.

(e)

valuri tal-parametri ta' qsim tar-riskju tat-traffiku msemmija fl-Artikolu 27(2) u (3) u, fil-każ li l-awtorità superviżorja nazzjonali tkun adattat il-valuri għal dawn il-parametri skont l-Artikolu 27(5), il-ġustifikazzjonijiet ipprovduti għal dawk il-valuri;

(f)

skemi jew skemi ta' inċentivi, imsemmija fl-Artikolu 11;

(g)

il-benefiċċji u s-sinerġiji tal-prestazzjoni permessi minn inizjattivi ta' kollaborazzjoni transfruntiera, inkluża l-kooperazzjoni fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali jew permezz ta' alleanzi industrijali;

(h)

fir-rigward ta' applikazzjoni ta' skema ta' imposti ssimplifikata msemmija fl-Artikolu 34, il-verifika li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 34(2) huma ssodisfati.


ANNESS V

KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TAL-ABBOZZ TA' PJAN TA' PRESTAZZJONI TAN-NETWERK

(a)

il-kompletezza tal-abbozz tal-Pjan ta' Prestazzjoni tan-Netwerk f'termini tal-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 10(5) u fl-Anness III;

(b)

il-komprensività tal-azzjonijiet meħuda mill-Maniġer tan-Netwerk sabiex jikkontribwixxi għall-ottimizzazzjoni tan-netwerk li tkopri l-azzjonijiet elenkati fil-punt 2 tal-Anness III;

(c)

konsistenza tal-mira fil-livell tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-Maniġer tan-Netwerk mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha, li għalihom, għal kull sena kalendarja tal-perjodu referenzjarju, il-livell tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza jkun daqs, jew ogħla minn, il-miri ta' prestazzjoni korrispondenti għall-Unjoni kollha;

(d)

miżuri ta' titjib tal-effiċjenza tat-titjir iġġenerati mill-funzjoni tad-Disinn tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot;

(e)

iffrankar fid-dewmien tal-ATFM en route bis-saħħa tal-proċeduri tan-netwerk b'Teħid tad-Deċiżjonijiet b'mod Kooperattiv, kif ukoll permezz ta' azzjonijiet taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-Maniġer tan-Netwerk;

(f)

iffrankar fid-dewmien tal-ATFM fil-wasla bis-saħħa tal-proċeduri tan-netwerk b'Teħid tad-Deċiżjonijiet b'mod Kooperattiv, kif ukoll permezz ta' azzjonijiet taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-Maniġer tan-Netwerk;

(g)

l-adegwatezza tal-miżuri mmirati lejn il-kisba tal-miri ta' prestazzjoni għall-funzjonijiet tan-netwerk inkluża r-rilevanza tal-investimenti u n-nefqa kapitali fir-rigward tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, il-proġetti komuni msemmija fl-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u r-Regolament (UE) Nru 409/2013, u, fejn applikabbli, il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk.


ANNESS VI

LISTA TA' DATA RELATATA MAL-PRESTAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA LILL-KUMMISSJONI GĦALL-MONITORAĠĠ TAL-PRESTAZZJONI SKONT L-ARTIKOLU 36(1) U L-ARTIKOLU 37

1.   DATA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-AWTORITAJIET SUPERVIŻORJI NAZZJONALI

1.1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom jiżguraw li d-data li ġejja tiġi pprovduta darba fix-xahar:

(a)

id-data użata u kkalkulata mill-Maniġer tan-Netwerk kif definit fl-Anness I u l-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/123, inkluż il-pjanijiet tat-titjira għat-traffiku tal-ajru ġenerali skont ir-regoli tal-IFR, ir-rotot reali, id-data tas-sorveljanza bbażata fuq intervall ta' rappurtar ta' 30 sekonda, id-dewmien tal-AFTM en route u tal-wasla, l-eżenzjonijiet mir-regolamenti tal-ATFM, ir-rispett għas-slots tal-ATFM u l-frekwenza tal-użu kundizzjonali tar-rotot;

1.2.   L-awtoritajiet superviżjori nazzjonali għandhom jiżguraw li d-data li ġejja tiġi pprovduta darba fis-sena:

(a)

L-okkorrenzi tas-sikurrezza relatati mal-ATM;

(b)

informazzjoni dwar rakkomandazzjonijiet ta' sikurezza u azzjonijiet korrettivi meħuda abbażi ta' analiżi jew investigazzjoni tal-inċidenti relatati mal-ATM skont ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(c)

informazzjoni miġbura mill-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi tal-ajruporti u l-operaturi tat-trasport bl-ajru permezz ta' sistemi awtomatizzati ta' reġistrazzjoni tad-data tas-sikurezza, meta disponibbli, bħala minimu ta' inkursjonijiet fuq ir-runway u ksur tas-separazzjoni minima mis-separazzjoni;

(d)

ix-xejriet, bħala minimu, fi ksur tas-separazzjoni minima u inkursjonijiet fuq ir-runway fl-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru kollha;

2.   ID-DATA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-FORNITURI TA' SERVIZZ TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU

2.1.   Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jipprovdu dan li ġej kull sena:

(a)

id-data msemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Eurocontrol intitolata “EUROCONTROL Specification for Economic Information Disclosure”, Edizzjoni 2.6 tal-31 ta' Diċembru 2008 bir-referenza għall-EUROCONTROL-SPEC-0117 għall-forniment ta' data sa, u inkluż, is-sena 2013, u l-Edizzjoni 3.0 tal-4 ta' Diċembru 2012 mis-sena mill-2014 'il quddiem.

Din id-data għandha tiġi pprovduta qabel il-15 ta' Lulju tas-sena n + 1, ħlief għal data li tħares' il quddiem li għandha tiġi pprovduta sal-1 ta' Novembru tas-sena n + 1;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tal-monitoraġġ tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-indikaturi għall-monitoraġġ imsemmija fil-punti 1.1 u 1.2 tat-Taqsima 2 tal-Anness I;

Din l-informazzjoni għandha tingħata qabel l-1 ta' Frar ta' kull sena.

(c)

l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi tas-sikurezza miġbura permezz ta' sistemi awtomatizzati ta' reġistrazzjoni tad-data tas-sikurezza, fejn disponibbli;

(d)

ix-xejriet, bħala minimu, fil-ksur tas-separazzjoni minima, u fl-okkorrenzi ta' inkursjonijiet fir-runway fl-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru kollha kemm minn rapporti volontarji kif ukoll minn sistemi awtomatizzati ta' reġistrazzjoni tad-data dwar is-sikurezza fejn disponibbli.

2.2.   Il-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jipprovdu d-data msemmija fl-Artikolu 4 fuq talba.

3.   DATA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-OPERATURI TAL-AJRUPORTI GĦAL AJRUPORTI BI 80 000 MOVIMENT TAT-TRASPORT BL-AJRU TAL-IFR JEW AKTAR KULL SENA

L-operaturi tal-ajruport għandhom jipprovdu dan li ġej:

(a)

id-data msemmija fid-dokument tal-Ispeċifikazzjoni tal-EUROCONTROL, bit-titlu “Airport Operator Data Flow – L-Ispeċifikazzjoni tad-Data”, il-verżjoni 1.0, 2018;

Din id-data għandha tiġi pprovduta kull xahar.

(b)

l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi tas-sikurezza miġbura permezz ta' sistemi awtomatizzati ta' reġistrazzjoni tad-data tas-sikurezza, fejn disponibbli;

Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta kull sena.

4.   DATA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-KOORDINATURI TAL-AJRUPORTI

Il-koordinaturi tal-ajruporti għandhom jipprovdu d-data msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4(8) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 darbtejn fis-sena, skont l-intervalli msemmija fl-Artikolu 6 ta' dak ir-Regolament.

5.   DATA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-UTENTI TAL-ISPAZJU TAL-AJRU

L-utenti tal-ispazju tal-ajru għandhom jipprovdu dan li ġej:

(a)

id-data msemmija fid-dokument tal-Ispeċifikazzjoni tal-EUROCONTROL, bit-titlu “Air Transport Operator Data Flow – L-Ispeċifikazzjoni tad-Data”, il-verżjoni 1.0, 2018;

Din id-data għandha tiġi pprovduta kull xahar.

(b)

l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi tas-sikurezza miġbura permezz ta' sistemi awtomatizzati ta' reġistrazzjoni tad-data tas-sikurezza, fejn disponibbli;

Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta kull sena.

6.   DATA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-MANIĠER TAN-NETWERK

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jipprovdi, kull xahar, id-data meħtieġa għall-monitoraġġ tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-indikaturi għall-monitoraġġ imsemmija fil-punti 2 u 3 tat-Taqsima 1 tal-Anness I, il-punti 2 u 3 tat-Taqsima 2 tal-Anness I u fit-Taqsima 3 tal-Anness I.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295 12.11.2010, p. 35).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).


ANNESS VII

KOSTIJIET IDDETERMINATI U REALI

1.   TABELLA TA' RAPPORTAR DWAR IL-KOSTIJIET TOTALI U L-KOSTIJIET UNITARJI

1.1.   Tabella ta' rapportar dwar il-kostijiet totali u l-kostijiet unitarji għandha timtela b'mod separat għal kull entità rilevanti li ġġarrab kostijiet f'żona tal-imposti bl-użu tal-mudell tat-Tabella 1. Barra minn hekk, tabella ta' rapportar ikkonsolidata għandha timtela bil-mudell tat-Tabella 1 billi tintuża l-aggregazzjoni tad-data mill-entitajiet rilevanti għaż-żona tal-imposti.

Fir-rigward tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, għandha timtela tabella ta' rappurtar addizzjonali dwar il-kostijiet totali u l-kostijiet unitarji għal kull ajruport soġġett għal dan ir-Regolament bl-użu tal-mudell tat-Tabella 1. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għal ajruporti oħrajn imsemmija fl-Artikolu 1(4), il-kostijiet għal dawn l-ajruporti jistgħu jiġu ppreżentati f'tabella kkonsolidata bl-użu tal-mudell tat-Tabella 1, ħlief għall-kostijiet totali msemmija fil-linja 4.2 tal-formola tat-Tabella 1 li għandhom jiġu pprovduti separatament għal kull ajruport.

Meta żona tal-imposti tkun testendi fuq l-ispazju tal-ajru ta' aktar minn Stat Membru wieħed, tabella konġunta ta' rappurtar li tuża l-mudell tat-Tabella 1 għandha timtela skont ir-rekwiżiti ta' konsistenza u uniformità msemmija fl-Artikolu 21(4).

1.2.   It-tabelli ta' rappurtar dwar il-kostijiet totali u l-kostijiet għal kull unità msemmija fil-punt 1.1 għandhom jimtlew bħala parti mill-pjan ta' prestazzjoni għal kull sena kalendarja tal-perjodu referenzjarju u għandhom ukoll jimtlew kull sena biex jirrapportaw dwar il-kostijiet reali u l-unitajiet tas-servizzi reali. L-unitajiet tas-servizzi reali għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti mill-entità li qed tagħmel il-kontijiet għall-imposti u tiġborhom. Kwalunkwe varjazzjoni minn dawn iċ-ċifri għandha tkun debitament iġġustifikata fl-informazzjoni addizzjonali.

Image 1

2.   INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI GĦAT-TABELLI TA' RAPPURTAR DWAR IL-KOSTIJIET TOTALI U L-KOSTIJIET GĦAL KULL UNITÀ

2.1.   Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali li ġejja, flimkien mal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-tabelli tar-rappurtar dwar il-kostijiet totali u l-kostijiet unitarji msemmija fil-punt 1.1 qabel il-bidu ta' perjodu referenzjarju, bħala parti mill-pjan ta' prestazzjoni:

(a)

deskrizzjoni tal-metodoloġija użata biex jiġu allokati l-kostijiet tal-faċilitajiet jew tas-servizzi bejn servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru differenti fuq il-bażi tal-lista tal-faċilitajiet u tas-servizzi elenkati fil-Pjan Reġjonali tan-Navigazzjoni bl-ajru tal-ICAO, ir-Reġjun Ewropew (Dokument 7754) kif emendat l-aħħar, u deskrizzjoni tal-metodoloġija użata biex jiġu allokati dawk il-kostijiet bejn żoni tal-imposti differenti;

(b)

deskrizzjoni tal-metodoloġija u tas-suppożizzjonijiet użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru pprovduti għal titjiriet VFR, meta jingħataw eżenzjonijiet għal titjiriet VFR skont l-Artikolu 31(3), 31(4) u 31(5);

(c)

il-kriterji użati biex jiġu allokati l-kostijiet bejn is-servizzi tat-terminal u s-servizzi en route, skont l-Artikolu 22(5);

(d)

it-tqassim tal-kostijiet meteoroloġiċi bejn il-kostijiet diretti u l-kostijiet ta' sostenn għal faċilitajiet u servizzi meteoroloġiċi li jservu wkoll ir-rekwiżiti meteoroloġiċi b'mod ġenerali (“kostijiet ewlenin tal-MET”). Il-kostijiet ewlenin milħuqa jinkludu l-analiżi ġenerali u t-tbassir, in-netwerks ta' osservazzjoni tal-arja tal-wiċċ u tal-ajru ta' fuq, is-sistemi ta' komunikazzjoni meteoroloġika, iċ-ċentri tal-ipproċessar tad-data u l-appoġġ għar-riċerka, it-taħriġ u l-amministrazzjoni ewlenin;

(e)

deskrizzjoni tal-metodoloġija użata biex jiġu allokati l-kostijiet meteoroloġiċi totali u l-kostijiet bażiċi tal-MET imsemmija fil-punt (d) għall-avjazzjoni ċivili u bejn iż-żoni tal-imposti;

(f)

għal kull entità, deskrizzjoni tal-kompożizzjoni ta' kull element tal-kostijiet iddeterminati skont in-natura u skont is-servizz (il-punti 1 u 2 tat-Tabella 1), inkluż deskrizzjoni tal-fatturi ewlenin li jispjegaw il-varjazzjonijiet ippjanati matul il-perjodu referenzjarju;

(g)

għal kull entità, deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-metodu adottat għall-kalkolu tal-kostijiet ta' deprezzament (il-punt 1.3 tat-Tabella 1): il-kostijiet storiċi jew il-kostijiet kurrenti msemmija fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 22(4), u fejn tintuża l-kontabbiltà kurrenti tal-kostijiet, il-provvediment ta' data storika komparabbli dwar il-kostijiet;

(h)

għal kull entità, deskrizzjoni u suppożizzjoni sottostanti ta' kull element ta' informazzjoni komplementari (il-punt 3 tat-Tabella 1), inkluż deskrizzjoni tal-fatturi ewlenin li jispjegaw il-varjazzjonijiet matul il-perjodu referenzjarju;

(i)

għal kull entità, deskrizzjoni tas-suppożizzjonijiet użati biex jiġi kkalkolat il-kost tal-kapital (il-punt 1.4 tat-Tabella 1), inkluż il-kompożizzjoni tal-bażi tal-assi, ir-redditu fuq l-ekwità, l-imgħax medju fuq id-djun u l-ishma tal-finanzjament tal-bażi tal-assi permezz tad-dejn u l-ekwità;

(j)

deskrizzjoni tal-kostijiet iddeterminati tal-proġetti komuni (il-punt 3.9 tat-Tabella 1).

Kwalunkwe bidla fil-punti minn (a) sa (j) matul il-perjodu referenzjarju għandha tiġi rrapportata flimkien mal-informazzjoni pprovduta skont il-punt 2.2.

2.2.   Kull sena għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali li ġejja, flimkien mal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-tabelli tar-rappurtar dwar il-kostijiet totali u l-kostijiet unitarji msemmija fil-punt 1.1:

(a)

għal kull entità u għal kull element ta' kost, deskrizzjoni tal-kostijiet reali rrappurtati u d-differenza bejn dawk il-kostijiet u l-kostijiet iddeterminati, għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(b)

deskrizzjoni tal-unitajiet tas-servizzi reali rrappurtati u deskrizzjoni ta' kull differenza bejn dawk l-unitajiet u ċ-ċifri pprovduti mill-entità li tkun qed tagħmel il-kontijiet u l-imposti tal-ġbir kif ukoll kwalunkwe differenza bejn dawk l-unitajiet u t-tbassir stabbilit fil-pjan ta' prestazzjoni, għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(c)

tqassim tal-kostijiet reali tal-proġetti komuni għal kull proġett individwali;

(d)

ġustifikazzjoni tad-differenza bejn il-kostijiet iddeterminati u dawk reali ta' investimenti ġodda u eżistenti tal-fornituri ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, kif ukoll id-differenza bejn id-data ppjanata u d-data reali tad-dħul fis-seħħ tal-assi fissi ffinanzjati minn dawk l-investimenti għal kull sena tal-perjodu referenzjarju;

(e)

deskrizzjoni tal-proġetti ta' investiment miżjuda, imħassra jew sostitwiti matul il-perjodu referenzjarju fir-rigward tal-proġetti ta' investiment ewlenin identifikati fil-pjan ta' prestazzjoni, u approvati mill-awtorità superviżorja nazzjonali skont l-Artikolu 28(4).


ANNESS VIII

REKWIŻITI GĦALL-KALKOLU TAL-UNITAJIET TAS-SERVIZZI EN ROUTE U TAT-TERMINAL IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 25

1.   Kalkolu tal-unitajiet tas-servizzi en route

1.1.   L-unitajiet tas-servizzi en route għandhom jiġu kkalkulati billi jiġu mmultiplikati l-fattur tad-distanza u l-fattur tal-piż għat-titjira kkonċernata. It-total tal-unitajiet tas-servizzi en route għandu jikkonsisti fit-total tal-unitajiet tas-servizzi fir-rigward tat-titjiriet IFR, kif ukoll l-unitajiet tas-servizzi fir-rigward tat-titjiriet VFR, fejn it-titjiriet VFR mhumiex eżentati skont l-Artikolu 31(3), 31(4) u 31(5).

1.2.   Il-fattur tad-distanza fir-rigward ta' żona tal-imposti partikolari għandu jinkiseb billi jkun diviż b'mija n-numru ta' kilometri ta' titjir fid-distanza taċ-ċirku l-kbir bejn l-ajrudrom tat-tluq, jew il-punt tad-dħul, ġewwa ż-żona tal-imposti u l-ajrudrom tal-wasla fiż-żona tal-imposti, jew il-punt tal-ħruġ minnha, skont ir-rotta reali tat-titjira kif irreġistrata mill-Maniġer tan-Netwerk.

Id-distanza li għandha titqies għandha titnaqqas b'20 kilometri għal kull tluq minn u għal kull ħatt fiż-żona tal-imposti.

1.3.   Il-fattur tal-piż, espress bħala ċifra meħuda sa żewġ postijiet deċimali, għandu jkun l-għerq kwadrat tal-kwozjent miksub billi jiġi diviż b'ħamsin in-numru ta' tunnellati metriċi espress bħala ċifra meħuda sa deċimali f'piż tat-tlugħ massimu ċċertifikat tal-inġenju tal-ajru kif muri fil-Manwal tat-Titjir tal-Inġenji tal-Ajru.

1.4.   F'każ fejn inġenju tal-ajru jkollu piżijiet multipli tat-tlugħ massimu ċċertifikati, għandu jintuża l-akbar wieħed.

1.5.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jiddikjaraw il-kompożizzjoni tal-flotta tagħhom u l-piż tat-tluq massimu ċċertifikat ta' kull wieħed mill-ajruplani tagħhom lill-korp responsabbli għall-ġbir tal-ħlas kull meta jkun hemm modifika u mill-inqas darba fis-sena.

Meta l-fattur tal-piż ma jkunx magħruf, il-fattur tal-piż għandu jiġi kkalkulat billi jittieħed il-piż tal-itqal ajruplan tal-istess tip magħruf li jeżisti.

1.6.   Fejn jitħallsu imposti fuq bażi reġjonali, l-Istati Membri jistgħu jadottaw modalitajiet komuni ta' applikazzjoni.

2.   Il-kalkolu tal-unitajiet tas-servizzi tat-terminal

2.1.   L-unità tas-servizzi tat-terminal għandha tkun ugwali għall-fattur tal-piż għall-inġenju tal-ajru kkonċernat.

2.2.   Il-fattur tal-piż, espress bħala ċifra meħuda sa żewġ punti deċimali, għandu jkun il-kwozjent miksub billi jiġi diviż b'ħamsin in-numru ta' tunnellati metriċi fl-ogħla piż massimu ċċertifikat tat-tlugħ tal-inġenju tal-ajru, imsemmi fil-punti 1.3 sa 1.5 tal-Anness VIII, għas-setgħa ta' 0,7.


ANNESS IX

RATI UNITARJI

1.   TABELLI TAR-RAPPORTAR DWAR IL-KALKOLU TAR-RATA UNITARJA

Tabella ta' rapportar dwar il-kalkolu tar-rata unitarja għandha timtela annwalment u b'mod separat għal kull entità rilevanti li ġġarrab kostijiet f'żona tal-imposti bl-użu tal-mudell tat-Tabella 2. Barra minn hekk, tabella ta' rapportar ikkonsolidata għandha timtela kull sena bil-mudell tat-Tabella 2 billi tintuża l-aggregazzjoni tad-data mill-entitajiet rilevanti għaż-żona tal-imposti.

2.   TABELLI TA' RAPPURTAR DWAR INFORMAZZJONI KUMPLIMENTARI DWAR AĠĠUSTAMENTI

Tabella ta' rapportar ikkonsolidata għal kull żona tal-imposti fuq informazzjoni kumplimentari dwar l-aġġustamenti għandha timtela annwalment bl-użu tal-mudell tat-Tabella 3.

3.   TABELLI TA' RAPPURTAR DWAR INFORMAZZJONI KUMPLIMENTARI DWAR PROĠETTI KOMUNI U DWAR ID-DĦUL MINN PROGRAMMI TA' ASSISTENZA TAL-UNJONI

Tabella ta' rapportar ikkonsolidata għal kull żona tal-imposti fuq informazzjoni komplementari dwar proġetti komuni u fuq id-dħul mill-programmi ta' assistenza tal-Unjoni għandha timtela kull sena permezz tal-mudell tat-Tabella 4.

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

4.   INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI GĦAT-TABELLI TA' RAPPURTAR IMSEMMIJA FIL-PUNTI 1, 2 U 3

Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali li ġejja, flimkien mal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-tabelli tar-rappurtar dwar il-kalkolu tar-rata unitarja u dwar l-informazzjoni komplementari dwar l-aġġustamenti, imsemmija fil-punti 1 u 2:

(a)

deskrizzjoni u raġunament tal-istabbiliment taż-żoni tal-imposti differenti, b'mod partikulari fir-rigward taż-żoni tal-imposti tat-terminal u s-sussidji reċiproċi potenzjali bejn iż-żoni tal-imposti;

(b)

deskrizzjoni tal-politika dwar l-eżenzjonijiet u deskrizzjoni tal-mezzi ta' finanzjament biex ikopru l-kostijiet relatati;

(c)

deskrizzjoni tal-aġġustamenti li jirriżultaw mill-mekkaniżmu tal-qsim tar-riskju tat-traffiku skont l-Artikolu 27;

(d)

deskrizzjoni tad-differenzi bejn il-kostijiet iddeterminati u l-kostijiet reali tas-sena n bħala riżultat tal-bidliet fil-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 28(3) inkluż id-deskrizzjoni tal-bidliet imsemmija f'dak l-Artikolu;

(e)

deskrizzjoni tal-aġġustamenti li jirriżultaw minn bidliet mhux previsti fil-kostijiet skont l-Artikolu 28(3) sa (6).

(f)

deskrizzjoni tal-entrati l-oħra ta' dħul, jekk ikun hemm, imqassma bejn id-diversi kategoriji indikati fl-Artikolu 25(3);

(g)

deskrizzjoni tal-applikazzjoni tal-iskemi ta' inċentivi finanzjarji msemmija fl-Artikolu 11(3) u 11(4) fis-sena n u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi finanzjarji riżultanti; deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-modulazzjoni tal-imposti tan-navigazzjoni bl-ajru applikati fis-sena n skont l-Artikolu 32 fejn applikabbli, u l-aġġustamenti li jirriżultaw.

(h)

deskrizzjoni tal-aġġustamenti relatati mal-applikazzjoni temporanja ta' rata unitarja skont l-Artikolu 29(5);

(i)

deskrizzjoni tal-finanzjament reċiproku bejn iż-żoni tal-imposti en route, jew bejn iż-żoni tal-imposti tat-terminal, skont il-punt (e) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(j)

informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' rata unitarja aktar baxxa skont l-Artikolu 29(6) mir-rata unitarja kkalkulata skont l-Artikolu 25(2) u l-mezzi biex tiġi ffinanzjata d-differenza fid-dħul;

(k)

informazzjoni dettaljata u tqassim tal-aġġustamenti marbutin mal-perjodi referenzjarji preċedenti b'impatt fuq il-kalkolu tar-rata unitarja.

L-informazzjoni addizzjonali li ġejja għandha tiġi pprovduta flimkien mal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-tabelli ta' rappurtar dwar informazzjoni komplementari dwar proġetti komuni u dwar il-programm ta' assistenza tal-Unjoni msemmi fil-punt 3:

(l)

informazzjoni dwar il-kostijiet ta proġetti komuni u proġetti ffinanzjati oħrajn, imqassma għal kull proġett individwali, kif ukoll fondi pubbliċi miksuba minn awtoritajiet pubbliċi għal dawn il-proġetti.


ANNESS X

KRITERJI GĦALL-VALUTAZZJONI TA' JEKK IL-FORNIMENT TAS-SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 35(1) HUWIEX SOĠĠETT GĦALL-KUNDIZZJONIJIET TAS-SUQ

1.   Sa liema punt il-fornituri ta' servizz jistgħu liberament jagħżlu li jidħlu jew jirtiraw mill-forniment ta' dawk is-servizzi:

(a)

l-eżistenza ta' kwalunkwe ostaklu legali, ekonomiku jew ostaklu ieħor li jimpedixxi fornitur ta' servizz milli joffri li jipprovdi, jew ikompli jipprovdi dawk is-servizzi;

(b)

l-ambitu, it-tul ta' żmien u l-valur tal-kuntratti ta' servizz;

(c)

l-eżistenza ta' proċeduri li jippermettu li assi tanġibbli u intanġibbli, proprjetà intellettwali u persunal jiġu trasferiti jew b'xi mod ieħor ikunu disponibbli mingħand il-parti lil parti oħra.

2.   Il-punt sa fejn hemm għażla ħielsa fir-rigward tal-fornitur ta' servizz, inkluż, fil-każ tal-ajruporti, l-għażla ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru b'mod awtomatiku:

(a)

l-eżistenza ta' ostakli legali, kuntrattwali jew prattiċi għall-bidla fil-fornitur ta' servizz jew fil-każ ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, għall-bidla lejn l-awtoforniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mill-ajruporti;

(b)

l-eżistenza ta' proċess ta' konsultazzjoni biex jitqiesu l-fehmiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru meta jinbidlu l-arranġamenti tal-forniment ta' servizz.

3.   Il-punt sa fejn kompetizzjoni jew struttura tas-suq teżisti jew jeżisti prospett kredibbli ta' kompetizzjoni:

(a)

l-eżistenza ta' proċess ta' sejħa għall-offerti pubblika (mhux applikabbli fil-każ ta' self-supply);

(b)

evidenza ta' fornituri ta' servizzi alternattivi kredibbli li kapaċi jipparteċipaw fi proċess ta' offerti u li pprovdew servizzi fil-passat, inkluż l-għażla ta' awtoforniment għall-ajruport.

4.   Għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, safejn l-ajruporti huma soġġetti għal pressjonijiet tal-kost kummerċjali jew tar-regolamentazzjoni bbażata fuq inċentivi:

(a)

jekk l-ajruporti jikkompetux b'mod attiv għan-negozju tal-linji tal-ajru;

(b)

sa fejn l-ajruporti jħallsu l-imposta tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

(c)

jekk l-ajruporti joperawx f'ambjent kompetittiv jew skont inċentivi ekonomiċi maħsuba biex jillimitaw il-prezzijiet jew biex jinċentivaw it-tnaqqis fil-kostijiet.

5.   Il-punt sa fejn fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, jew ta' servizzi CNS, MET u AIS, jew servizzi tad-data tal-ATM, li jipprovdi wkoll servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route għandu kontabbiltà u rappurtar separati.

6.   Għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, il-valutazzjoni f'dan l-Anness għandha ssir f'kull ajruport individwali, jew fi gruppi ta' ajruporti.


ANNESS XI

TABELLI TA' RAPPURTAR LI JAPPOĠĠAW IL-BAŻI TAL-KOSTIJIET U R-RATI UNITARJI LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI LILL-KUMMISSJONI SKONT L-ARTIKOLU 35(6)

1.   IL-KOSTIJIET TAS-SERVIZZI TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU

1.1.   Tabelli ta' rappurtar

Għall-finijiet tar-rappurtar tad-data fit-Tabelli A u B, għandhom jiġu segwiti l-istruzzjonijiet li ġejjin;

(a)

għandhom jimtlew it-tabelli għal kull żona tal-imposti. Kostijiet u prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti fil-munita nazzjonali;

(b)

għat-Tabella A, iċ-ċifri għandhom ikunu ċ-ċifri reali għas-sena (n-5) sas-sena (n-1) u ċ-ċifri ppjanati għas-sena (n) 'il quddiem;

(c)

għat-Tabella B, il-prezz annwali għandu jirrifletti l-valur tal-kuntratt. L-unità ta' produzzjoni kkunsidrata sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-kuntratt għandha tiġi deskritta u rrappurtata fit-tabella mill-Istat Membru konċernat. Fir-rigward tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal, it-Tabella B għandha timtela b'mod separat għal kull ajruport fejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jiġu pprovduti skont il-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żona tal-imposti tat-terminal.

Tabella A

Image 6

Tabella B

Image 7

1.2.   Informazzjoni addizzjonali

L-informazzjoni addizzjonali li ġejja għandha tiġi pprovduta flimkien mal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-Tabelli A u B:

(a)

deskrizzjoni tal-unità ta' produzzjoni użata fit-Tabella B;

(b)

deskrizzjoni tal-kriterji użati biex jiġu allokati l-kostijiet tal-faċilitajiet jew tas-servizzi bejn is-servizzi differenti tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-lista tal-faċilitajiet u s-servizzi mniżżlin fil-Pjan Reġjonali tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO għar-Reġjun Ewropew (id-Dokument 7754);

(c)

deskrizzjoni u spjegazzjoni tad-differenzi bejn iċ-ċifri ppjanati u dawk reali għas-snin (n-5) sa (n-1) fir-rigward tad-data kollha pprovduta fit-tabelli A u B;

(d)

deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-kostijiet u l-investimenti ppjanati fuq ħames snin b'rabta mat-traffiku mistenni;

(e)

deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-metodu adottat biex jiġu kkalkulati l-kostijiet tad-deprezzament: il-kostijiet storiċi jew il-kostijiet reali;

(f)

ġustifikazzjoni għall-kost tal-kapital, inklużi l-komponenti tal-bażi tal-assi;

(g)

deskrizzjoni tas-sorsi tal-finanzjament tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati fir-rigward ta' kull żona tal-imposti fejn is-servizzi huma soġġetti għall-kundizzjonijiet tas-suq.


ANNESS XII

ELEMENTI ESSENZJALI GĦALL-KONSULTAZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 24(3) U L-ARTIKOLU 30(1)

1.   Il-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3) għandha tikkonċerna b'mod partikolari l-elementi essenzjali li ġejjin relatati mat-trasparenza tal-kostijiet:

(a)

il-kostijiet reali mġarrba matul is-sena ta' qabel u d-differenza bejn il-kostijiet reali u l-kostijiet iddeterminati li jinsabu fil-pjan ta' prestazzjoni;

(b)

evoluzzjoni tal-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 28(3).

2.   Il-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1) għandha tikkonċerna b'mod partikolari l-elementi essenzjali li ġejjin relatati mat-trasparenza tar-rati unitarji:

(a)

il-politika dwar l-imposti, inkluż, fost l-oħrajn, iż-żmien meta jsiru l-aġġustamenti għar-rati unitarji u l-finanzjament inkroċjat bejn iż-żoni tal-imposti tat-terminal;

(b)

l-evoluzzjoni tat-traffiku meta mqabbla mat-tbassir tat-traffiku stabbilit fil-pjan ta' prestazzjoni;

(c)

l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-qsim tar-riskju tat-traffiku msemmi fl-Artikolu 27 tal-iskema jew skemi ta' inċentivi implimentati abbażi tal-Artikolu 11;

(d)

jekk applikabbli, il-modifiki maħsuba taż-żoni tal-imposti tat-terminal skont il-punt (a) tal-Artikolu 21(5);

(e)

jekk applikabbli, is-servizzi previsti li jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet tas-suq skont il-punt (b) tal-Artikolu 35(3).


ANNESS XIII

REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR L-ISKEMI TA' INĊENTIVI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 11(3)

1.   MODULAZZJONI TAL-VALURI TAL-PERN

1.1.   Għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Fejn awtorità superviżjora nazzjonali tiddeċiedi li tapplika mekkaniżmu ta' modulazzjoni ta' valuri ta' pern en route skont il-punti (c)(ii), (g)(iii) u (v) tal-Artikolu 11(3), dan il-mekkaniżmu ta' modulazzjoni jista' jsegwi punt wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

jippermetti li jitqies it-tibdil sinifikanti u mhux previst fit-traffiku, f'liema każ il-valur ta' pern għas-sena n għandu jkun ibbażat fuq il-valur referenzjarju fil-livell ta' kull fornitur ta' servizz tan-navigazzjoni bl-ajru mir-rilaxx ta' Novembru tas-sena n-1 tal-Pjan ta' Operazzjonijiet tan-Netwerk;

(b)

jillimita l-ambitu tal-inċentivi jkopri biss il-kawżi tad-dewmien relatati mal-kapaċità tal-ATC, ir-routing ATC, il-persunal tal-ATC, it-tagħmir tal-ATC, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-avvenimenti speċjali bil-kodiċijiet C, R, S, T, M u P tal-manwal tal-utent tal-ATFCM.

1.2.   Għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

Fejn awtorità superviżjora nazzjonali tiddeċiedi li tapplika mekkaniżmu ta' modulazzjoni ta' valuri ta' pern fit-terminal skont il-punti (c)(ii), (g)(iii) u (v) tal-Artikolu 11(3), dan il-mekkaniżmu ta' modulazzjoni jista' jsegwi punt wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

jippermetti li jitqies tibdil sinifikanti u mhux previst fit-traffiku, f'liema każ il-valur tal-pern għas-sena n għandu jiġi mmodulat abbażi ta' prinċipji oġġettivi u trasparenti ddefiniti fil-pjan ta' prestazzjoni.

(b)

jillimita l-ambitu tal-inċentivi jkopri biss il-kawżi tad-dewmien relatati mal-kapaċità tal-ATC, ir-routing ATC, il-persunal tal-ATC, it-tagħmir tal-ATC, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u l-avvenimenti speċjali bil-kodiċijiet C, R, S, T, M u P tal-manwal tal-utent tal-ATFCM.

2.   KALKOLU TAL-VANTAĠĠI U L-IŻVANTAĠĠI FINANZJARJI

2.1.   Għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

(a)

Il-vantaġġ finanzjarju msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 11(3) għandu jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-kostijiet iddeterminati tas-sena n, u għandu jiġi rkuprat mill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' żieda tar-rata unitarja fis-sena n+2, fejn id-devjazzjoni tad-dewmien medju tal-ATFM għal kull titjira fis-sena n taħt il-valur ta' pern hija ikbar, bħala valur assolut, mil-livell inferjuri tal-firxa simmetrika kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 11(3).

Il-perċentwal tal-kostijiet iddeterminati, mil-livell inferjuri tal-firxa simmetrika sal-limitu ta' twissija kif imsemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 9(4), għandu jsegwi skala dixxendenti progressiva mal-perċentwal fiss massimu li għandu jiġi applikat, fejn id-devjazzjoni tad-dewmien medju tal-ATFM għal kull titjira fis-sena n taħt il-valur ta' pern tkun, bħala valur assolut, daqs jew ikbar mill-valur tal-limitu ta' twissija.

(b)

L-iżvantaġġ finanzjarju msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 11(3) għandu jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-kostijiet iddeterminati tas-sena n, u għandu jiġi rimborżat lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' tnaqqis tar-rata unitarja fis-sena n+2, fejn id-devjazzjoni tad-dewmien medju tal-ATFM għal kull titjira fis-sena n 'il fuq mill-valur ta' pern hija ikbar, bħala valur assolut, mil-livell inferjuri tal-firxa simmetrika kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 11(3).

Il-perċentwal tal-kostijiet iddeterminati, mil-livell superjuri tal-firxa simmetrika sal-limitu ta' twissija kif imsemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 9(4), għandu jsegwi skala dixxendenti progressiva mal-perċentwal fiss massimu li għandu jiġi applikat, fejn id-devjazzjoni tad-dewmien medju tal-ATFM għal kull titjira fis-sena n 'il fuq mill-valur ta' pern tkun, bħala valur assolut, daqs jew ikbar mill-valur tal-limitu ta' twissija.

2.2.   Għal servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(a)

Il-vantaġġ finanzjarju msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 11(3) għandu jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-kostijiet iddeterminati tas-sena n, u għandu jiġi rkuprat mill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' żieda tar-rata unitarja fis-sena n+2, fejn id-dewmien reali tal-ATFM fil-wasla għal kull titjira fis-sena n tkun inqas mil-livell inferjuri tal-firxa simmetrika kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 11(3).

Il-perċentwal tal-kostijiet iddeterminati, mil-livell inferjuri tal-firxa simmetrika sa 50 % tal-valur ta' pern, għandu jsegwi skala dixxendenti progressiva mal-perċentwal fiss massimu li għandu jiġi applikat, fejn id-dewmien reali tal-ATFM fil-wasla għal kull titjira fis-sena n tkun daqs jew inqas minn 50 % tal-valur ta' pern.

(b)

L-iżvantaġġ finanzjarju msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 11(3) għandu jiġi kkalkulat bħala perċentwal tal-kostijiet iddeterminati tas-sena n, u għandu jiġi rimborżat lill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz ta' tnaqqis tar-rata unitarja fis-sena n+2, fejn id-dewmien reali tal-ATFM fil-wasla għal kull titjira fis-sena n tkun ikbar mil-livell superjuri tal-firxa simmetrika kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 11(3).

Il-perċentwal tal-kostijiet iddeterminati, mil-livell superjuri tal-firxa simmetrika sa 150 % tal-valur ta' pern, għandu jsegwi skala dixxendenti progressiva mal-perċentwal fiss massimu li għandu jiġi applikat, fejn id-dewmien reali tal-ATFM fil-wasla għal kull titjira fis-sena n tkun daqs jew ikbar minn 150 % tal-valur ta' pern.