11.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/237

tat-8 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 28

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti interpretazzjonijiet u standards internazzjonali li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' Ottubru 2017, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika Interessi fuq Terminu Twil f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti (Emendi għal IAS 28), fil-qafas tal-proċess tat-titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards. L-objettiv tal-emendi huwa li jiċċaraw li r-rekwiżiti ta' indeboliment tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 9 Strumenti Finanzjarji japplikaw għall-Interessi fuq Terminu Twil f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti.

(3)

Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mid-data li fiha tibda l-ewwel sena finanzjarja tagħha, fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Interessi fuq żmien twil f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti

(Emendi għall-IAS 28)

Emendi għall-IAS 28 Investimenti f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti

Il-paragrafi 14A u 45G–45K huma emendati u l-paragrafu 41 jitħassar.

METODU TAL-EKWITÀ

14A

Entità għandha tapplika wkoll l-IFRS 9 għal strumenti finanzjarji oħra f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta fejn il-metodu tal-ekwità mhuwiex applikat. Dawn jinkludu interessi fit-tul li, fis-sustanza, jiffurmaw parti mill-investiment nett tal-entità f'kumpanija assoċjata jew impriża konġunta (ara l-paragrafu 38). Entità tapplika l-IFRS 9 għal tali interessi fuq terminu twil qabel ma japplika l-paragrafu 38 u l-paragrafi 40–43 ta' dan l-Istandard. Fl-applikazzjoni tal-IFRS 9, l-entità ma tikkunsidrax kwalunkwe aġġustamenti fl-ammont miżmum ta' interessi fuq terminu twil li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan l-Istandard.

APPLIKAZZJONI TAL-METODU TAL-EKWITÀ

41

[Imħassar]

DATA U TRANŻIZZJONI EFFETTIVI

45G

Interessi fuq Terminu Twil f'Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti, maħruġa f'Ottubru 2017, bil-paragrafu 14A miżjud u l-paragrafu 41 imħassar. Entità għandha tapplika dawk l-emendi b'mod retrospettiv skont l-IAS 8 għall-perjodi ta' rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 45H-45K. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

45H

Entità li tapplika għall-ewwel darba l-emendi skont il-paragrafu 45G fejn fl-istess ħin tapplika għall-ewwel darba l-IFRS 9 għandha tapplika r-rekwiżiti ta' tranżizzjoni fl-IFRS 9 u għall-interessi fuq terminu deskritti fil-paragrafu 14A.

45I

Entità li tapplika għall-ewwel darba l-emendi fil-paragrafu 45G fejn fl-istess ħin tapplika għall-ewwel darba l-IFRS 9 għandha tapplika r-rekwiżiti ta' tranżizzjoni fl-IFRS 9 meħtieġa għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 14A għall-interessi fuq terminu twil. Għal dak il-għan, kull referenza għad-data tal-applikazzjoni inizjali fl-IFRS 9 għandha tinqara' bħala li tirreferi għall-bidu tal-perjodu ta' rapportar li fih entità tapplika l-ewwel darba dawn l-emendi (id-data tal-applikazzjoni inizjali ta' dawn l-emendi). L-entità mhijiex meħtieġa li tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti biex tirrifletti l-applikazzjoni tal-emendi. L-entità tista' terġa' tiddikjara perjodi preċedenti biss jekk dan ikun possibbli mingħajr l-użu ta' dak li sar magħruf wara.

45J

Meta tapplika għall-ewwel darba l-emendi fil-paragrafu 45G, entità li tapplika l-eżenzjoni temporanja minn IFRS 9 f'konformità ma' IFRS 4 Kuntratti ta' Assigurazzjoni mhux meħtieġa li tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti biex tirrifletti l-applikazzjoni tal-emendi. L-entità tista' terġa' tiddikjara perjodi preċedenti biss jekk dan ikun possibbli mingħajr l-użu ta' dak li sar magħruf wara.

45K

Jekk entità ma terġax tiddikjara perjodi preċedenti fl-applikazzjoni tal-paragrafu 45I jew il-paragrafu 45J, fid-data tal-applikazzjoni inizjali tal-emendi hija għandha tirrikonoxxi fil-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq) kwalunkwe differenza bejn:

(a)

l-ammont riportat preċedenti ta' interessi fit-tul deskritti fil-paragrafu 14A f'dik id-data; u

(b)

l-ammont riportat f'dawk l-interessi fuq terminu twil f'dik id-data.