14.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/1


REGOLAMENT (UE) 2019/2 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu ftehimiet ta' kiri għal inġenji tal-ajru li jkunu rreġistrati f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari ftehimiet ta' kiri bl-ekwipaġġ.

(2)

Dawk il-ftehimiet huma permessi f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal fil-każ ta' nuqqas ta' inġenji tal-ajru adegwati fis-suq tal-Unjoni. Huma għandhom ikunu limitati strettament biż-żmien u jenħtieġ li jissodisfaw standards ta' sikurezza li jkunu ekwivalenti għar-regoli tas-sikurezza pprovduti fil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali.

(3)

Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (4) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (FTA) ġie iffirmat fil-25 ta' April 2007 u emendat sussegwentement permezz ta' Protokoll fl-24 ta' Ġunju 2010. L-FTA jirrifletti l-impenn tal-partijiet tiegħu lejn l-għan reċiproku li jibqgħu jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq biex jiġu massimizzati l-vantaġġi għall-konsumaturi, għal-linji tal-ajru, għall-ħaddiema u għall-komunitajiet fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

(4)

L-FTA jipprovdi għal reġim miftuħ ta' kiri bl-ekwipaġġ bejn il-partijiet tiegħu. Id-dispożizzjonijiet rilevanti li hemm fl-Artikolu 10 tal-FTA jippermettu ftehimiet ta' kiri bl-ekwipaġġ għat-trasport bl-ajru internazzjonali, dment li l-partijiet kollha għal tali ftehim ikollhom l-awtorità adatta u jissodisfaw il-kundizzjonijiet preskritti skont il-liġijiet u r-regolamenti li l-partijiet għall-FTA japplikaw normalment.

(5)

Żviluppi rilevanti u diskussjonijiet passati fil-Kumitat Konġunt stabbilit fl-ambitu tal-FTA wrew li l-partijiet għall-FTA jibbenefikaw minn ftehim apposta dwar il-kiri bl-ekwipaġġ li jipprovdi preċiżjoni lid-dispożizzjonijiet rilevanti fl-FTA.

(6)

Peress li tali ftehim ta' kiri bl-ekwipaġġ ikun jinvolvi li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-limiti taż-żmien eżistenti, huwa ser joħloq sensiela ta' effetti fuq ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, fejn hemm ipprovduti l-limiti taż-żmien f'każijiet meta t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jikru l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ minn trasportaturi ta' pajjiż terz.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 għalhekk jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jippermetti aktar flessibilità tal-limiti taż-żmien dwar kiri bl-ekwipaġġ li jiġu miftiehma fi ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

(8)

Meta jitqies il-fatt li l-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza r-Regolament (KE) Nru 1008/2008, inklużi d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kiri bl-ekwipaġġ u l-impatt possibbli tagħhom fuq l-impjegati u l-konsumaturi, u li l-analiżi tal-Kummissjoni tista' twassal għal reviżjoni ġenerali tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, dan ir-Regolament huwa limitat għall-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 mal-obbligi internazzjonali rilevanti. Il-ftehim internazzjonali dwar il-kiri bl-ekwipaġġ jenħtieġ li jinkludi drittijiet u obbligi reċiproki għaż-żewġ partijiet u jenħtieġ li jkun ibbażat fuq Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru eżistenti.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt (b) tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali dwar il-kiri bl-ekwipaġġ iffirmat mill-Unjoni li jkun ibbażat fuq Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru li l-Unjoni hija parti għalih, u li ġie ffirmat qabel l-1 ta' Jannar 2008, tkun issodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Diċembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 126.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2018.

(3)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(4)  ĠU L 134, 25.5.2007, p. 4.