18.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/29


DIRETTIVA (UE) 2019/2162TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2019

dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprovdi għal rekwiżiti ġenerali ħafna b’rabta mal-elementi strutturali ta’ bonds koperti. Dawk ir-rekwiżiti huma limitati għall-ħtieġa li l-bonds koperti jinħarġu minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, u li jkunu soġġetti għal superviżjoni pubblika speċjali u għal mekkaniżmu ta’ rikors doppju. L-oqfsa nazzjonali ta’ bonds koperti jindirizzaw dawk il-kwistjonijiet filwaqt li jirregolawhom f’ħafna aktar dettall. Dawk l-oqfsa nazzjonali fihom ukoll dispożizzjonijiet strutturali oħrajn, b’mod partikolari regoli li jirrigwardaw il-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-assi, il-possibbiltà li l-assi jiġu aggregati, obbligi tat-trasparenza u tar-rappurtar, u regoli dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-likwidità. L-approċċi tal-Istati Membri għar-regolamentazzjoni jvarjaw ukoll fir-rigward tas-sustanza. F’bosta Stati Membri ma hemm l-ebda qafas nazzjonali ddedikat għall-bonds koperti. Bħala konsegwenza, l-elementi strutturali ewlenin li magħhom għandhom jikkonformaw bonds koperti maħruġin fl-Unjoni għadhom ma ġewx stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) iżid kundizzjonijiet ulterjuri għal dawk li jissemmew fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE għall-kisba tat-trattament preferenzjali fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ kapital li jippermettu lil istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu qed jinvestu f’bonds koperti jżommu inqas kapital minn meta jkunu qed jinvestu f’assi oħra. Filwaqt li dawk ir-rekwiżiti addizzjonali jżidu l-livell ta’ armonizzazzjoni ta’ bonds koperti fi ħdan l-Unjoni, huma jaqdu l-iskop speċifiku li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex l-investituri ta’ bonds koperti jirċievu tali trattament preferenzjali, u mhumiex applikabbli barra mill-qafas tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(3)

Atti legali oħra tal-Unjoni, bħar-Regolamenti ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (5) u (UE) 2015/61 (6) u d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), ukoll jirreferu għad-definizzjoni stipulata fid-Direttiva 2009/65/KE bħala referenza sabiex jiġu identifikati l-bonds koperti li jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali għal investituri fil-bonds koperti taħt dawk l-atti. Madankollu, it-test ta’ dawk l-atti jvarja skont l-għan u s-suġġett tagħhom, u b’hekk it-terminu “bonds koperti” mhuwiex użat b’mod konsistenti.

(4)

B’mod ġenerali, it-trattament ta’ bonds koperti jista’ jitqies armonizzat fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal investiment f’bonds koperti. Madankollu, hemm nuqqas ta’ armonizzazzjoni madwar l-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ bonds koperti u dak għandu diversi konsegwenzi. L-ewwelnett, jingħata trattament preferenzjali b’mod ugwali lil strumenti li jvarjaw fin-natura kif ukoll fil-livell tar-riskju u fil-protezzjoni tal-investituri tagħhom. It-tieni, id-differenzi bejn l-oqfsa nazzjonali jew in-nuqqas ta’ tali qafas u n-nuqqas ta’ definizzjoni miftiehma b’mod komuni tat-terminu ’bond kopert’ jistgħu joħolqu ostakli għall-iżvilupp ta’ suq uniku verament integrat għall-bonds koperti. It-tielet, id-differenzi fis-salvagwardji li jingħataw mir-regoli nazzjonali jistgħu joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja għaliex bonds koperti b’livelli differenti ta’ protezzjoni tal-investituri jistgħu jinxtraw madwar l-Unjoni kollha u jibbenefikaw minn trattament preferenzjali taħt ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u taħt atti legali oħra tal-Unjoni.

(5)

L-armonizzazzjoni ta’ xi aspetti ta’ oqfsa nazzjonali bbażati fuq xi wħud mill-aħjar prattiki jenħtieġ għalhekk li tiżgura l-iżvilupp kontinwu u mingħajr xkiel tas-swieq ta’ bonds koperti li jaħdmu tajjeb fl-Unjoni u li tillimita r-riskji u n-nuqqasijiet potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja. Tali armonizzazzjoni bbażata fuq il-prinċipji jenħtieġ li tistabbilixxi bażi komuni għall-ħruġ ta’ bonds koperti kollha fl-Unjoni. L-armonizzazzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu oqfsa ta’ bonds koperti, li jenħtieġ li tiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ swieq ta’ bonds koperti f’dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx. Tali suq jipprovdi sors ta’ finanzjament stabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li, fuq dik il-bażi, ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jipprovdu self ipotekarju affordabbli għall-konsumaturi u għan-negozji u jagħmlu investimenti siguri alternattivi disponibbli għall-investituri.

(6)

Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (8), il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (’BERS’) stieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (“EBA”) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) biex jidentifikaw l-aħjar prattiki rigward il-bonds koperti u jħeġġu l-armonizzazzjoni tal-oqfsa nazzjonali. Irrakkomanda wkoll li l-EBA tikkoordina l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità u s-segregazzjoni tal-aggregazzjonijiet ta’ kopertura, il-protezzjoni mill-falliment ta’ bonds koperti, ir-riskji tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li jaffettwaw l-aggregazzjonijiet ta’ kopertura u l-iżvelar tal-kompożizzjoni tal-aggregazzjonijiet ta’ kopertura. Ir-rakkomandazzjoni kompliet biex tistieden lill-EBA sabiex timmonitorja l-funzjonament tas-swieq tal-bonds koperti b’referenza għall-aħjar prattiki identifikati mill-EBA għal perjodu ta’ sentejn, sabiex tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva u sabiex tirrapporta lill-BERS u lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

(7)

F’Diċembru 2013, il-Kummissjoni talbet parir mill-EBA skont l-Artikolu 503(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(8)

Fir-rapport li jakkumpanja l-opinjoni tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014, b’risposta kemm għar-rakkomandazzjoni tal-BERS tal-20 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll għat-talba tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2013, l-EBA rrakkomandat konverġenza akbar tal-oqfsa nazzjonali legali, regolatorji u superviżorji ta’ bonds koperti, sabiex jiġi appoġġat trattament preferenzjali uniku tal-piż tar-riskju għall-bonds koperti fl-Unjoni.

(9)

Kif previst mill-BERS, l-EBA mmonitorjat il-funzjonament tas-suq ta’ bonds koperti b’referenza għall-aħjar prattiki stabbiliti f’dik ir-rakkomandazzjoni għal sentejn. Abbażi ta’ dak il-monitoraġġ, l-EBA ħarġet it-tieni opinjoni u rapport dwar bonds koperti lill-BERS, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2016 (10). Dak ir-rapport ikkonkluda li hija meħtieġa armonizzazzjoni ulterjuri sabiex tkun żgurata aktar konsistenza fir-rigward ta’ definizzjonijiet u trattament regolatorju ta’ bonds koperti fl-Unjoni. Ir-rapport kompla jikkonkludi li l-armonizzazzjoni jenħtieġ li tibni fuq swieq eżistenti li jaħdmu tajjeb f’ċerti Stati Membri.

(10)

Il-bonds koperti jinħarġu tradizzjonalment minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-fini inerenti ta’ bonds koperti huwa li jipprovdu finanzjament għal self, u waħda mill-attivitajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija li jagħtu self fuq skala kbira. Għaldaqstant, sabiex il-bonds koperti jibbenifikaw minn trattament preferenzjali taħt il-liġi tal-Unjoni, huma meħtieġa li jinħarġu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(11)

Ir-riżerva tal-ħruġ ta’ bonds koperti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiżgura li l-emittent ikollu l-għarfien meħtieġ biex jimmaniġġa r-riskju tal-kreditu li jirrigwarda s-self fl-aggregazzjoni ta’ kopertura. Hija tiżgura wkoll li l-emittent ikun soġġett għal rekwiżiti ta’ kapital li jipproteġu lill-investituri taħt il-mekkaniżmu b’rikors doppju, li jiggarantixxi lill-investitur, kif ukoll lill-kontroparti ta’ kuntratt tad-derivattivi, pretensjoni kemm kontra l-emittent ta’ bonds koperti kif ukoll fir-rigward tal-assi ta’ kopertura. Għalhekk, ir-riżerva tal-ħruġ ta’ bonds koperti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiżgura li l-bonds koperti jibqgħu għodda ta’ finanzjament sigura u effiċjenti, u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-investituri u għall-istabbiltà finanzjarja, li huma objettivi ta’ politika pubblika importanti fl-interess ġenerali. Dak ikun ukoll konformi mal-approċċ tal-funzjonament tajjeb tas-swieq nazzjonali fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biss huma permessi joħorġu bonds koperti.

(12)

Huwa għalhekk xieraq li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biss kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġu permessi joħorġu bonds koperti taħt il-liġi tal-Unjoni. L-istituzzjonijiet speċjalizzati ta’ kreditu ipotekarju huma karatterizzati mill-fatt li ma jieħdux depożiti, iżda pjuttost jieħdu fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku, u bħala tali jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ ’istituzzjoni ta’ kreditu’ kif stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Mingħajr preġudizzju għal attivitajiet anċillari permessi taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, l-istituzzjonijiet speċjalizzati ta’ kreditu ipotekarju huma istituzzjonijiet li l-attività tagħhom hija biss li jagħtu self ipotekarju u lis-settur pubbliku, inkluż il-finanzjament ta’ self mixtri minn istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn. L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu joħorġu bonds koperti bħala għodda ta’ finanzjament, billi tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prodotti u tistabbilixxi superviżjoni tal-prodotti speċifiċi li għalihom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma soġġetti, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur.

(13)

L-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ rikors doppju hija kunċett u element essenzjali ta’ ħafna oqfsa nazzjonali eżistenti ta’ bonds koperti. Hija wkoll element kruċjali ta’ bonds koperti kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat dan il-kunċett sabiex jiġi żgurat li l-investituri u l-kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi madwar l-Unjoni jkollhom pretensjoni kemm kontra l-emittent ta’ bonds koperti kif ukoll fir-rigward tal-assi ta’ kopertura taħt kundizzjonijiet armonizzati.

(14)

Jenħtieġ li l-protezzjoni mill-falliment tkun ukoll karatteristika essenzjali ta’ bonds koperti sabiex jiġi żgurat li l-investituri fil-bonds koperti jitħallsu lura malli jimmatura l-bond. L-aċċellerazzjoni awtomatika tal-ħlas lura f’każ ta’ inadempjenza jew riżoluzzjoni tal-emittent tista’ xxekkel il-klassifikazzjoni ta’ investituri fil-bonds koperti. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-investituri fil-bonds koperti jitħallsu lura f’konformità mal-iskeda kuntrattwali, anki fil-każ ta’ inadempjenza jew riżoluzzjoni. Il-protezzjoni mill-falliment hija konsegwentement direttament marbuta mal-mekkaniżmu tar-rikors doppju u għaldaqstant jenħtieġ li tkun karatteristika ewlenija tal-qafas ta’ bonds koperti.

(15)

Karatteristika ewlenija oħra tal-oqfsa nazzjonali eżistenti ta’ bonds koperti hija r-rekwiżit li l-assi ta’ kopertura jkunu ta’ kwalità għolja ħafna sabiex tiġi żgurata s- solidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura. L-assi ta’ kopertura huma kkaratterizzati minn karatteristiċi speċifiċi li jirrelataw ma’ pretensjonijiet għall-ħlas u l-assi kollaterali li jiggarantixxu tali assi ta’ kopertura. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi ġenerali ta’ kwalità tal-assi ta’ kopertura eliġibbli.

(16)

Jenħtieġ li l-assi elenkati fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jkunu assi ta’ kopertura eliġibbli fi ħdan qafas ta’ bonds koperti. L-assi ta’ kopertura li ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 129(1) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jkomplu jkunu assi ta’ kopertura eliġibbli taħt il-punt (b) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Assi oħra ta’ kopertura ta’ kwalità għolja simili jistgħu wkoll ikunu eliġibbli taħt din id-Direttiva, sakemm tali assi ta’ kopertura jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inklużi dawk relattivi għall-assi kollaterali li jassiguraw il-pretensjoni għall-ħlas. Għal assi kollaterali fiżiċi, is-sjieda jenħtieġ li tiġi rreġistrata f’reġistru pubbliku biex tiġi żgurata l-infurzabbiltà. Fejn ma jeżisti l-ebda reġistru pubbliku, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu għal forma alternattiva ta’ ċertifikazzjoni tas-sjieda u ta’ pretensjonijiet li tkun komparabbli ma’ dik ipprovduta mir-reġistrazzjoni pubblika tal-assi fiżiċi vinkolati. Fejn l-Istati Membri jagħmlu użu minn tali forma alternattiva ta’ ċertifikazzjoni, jenħtieġ li jipprevedu wkoll proċedura għall-introduzzjoni ta’ bidliet fir-reġistrazzjoni tas-sjieda u tal-pretensjonijiet. Jenħtieġ li l-iskoperturi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu assi ta’ kopertura eliġibbli taħt il-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva, skont jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li l-iskoperturi għall-impriżi tal-assigurazzjoni jkunu wkoll assi ta’ kopertura eliġibbli taħt il-punt (b) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva. Il-kuntratti ta’ self lil, jew ta’ self garantit minn, impriżi pubbliċi kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (11) jistgħu jkunu assi ta’ kopertura eliġibbli, sakemm l-impriżi pubbliċi jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali għaż-żamma ta’ attivitajiet soċjetali kritiċi.

Barra minn hekk, tali impriżi pubbliċi jenħtieġ li jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt konċessjoni jew awtorizzazzjoni minn awtorità pubblika, ikunu soġġetti għal superviżjoni pubblika u jkollhom biżżejjed setgħat ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul biex jiżguraw is-solvenza tagħhom. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jippermettu assi fil-forma ta’ self lil, jew garantiti minn, impriżi pubbliċi fil-qafas nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li jikkunsidraw kif xieraq l-impatt possibbli fuq il-kompetizzjoni tal-permess ta’ tali assi. Indipendentement mis-sjieda tagħhom, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ assigurazzjoni jenħtieġ li ma jitqisux bħala impriżi pubbliċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jipprovdu fl-oqfsa nazzjonali tagħhom sabiex ċerti assi jkunu esklużi milli jkunu eliġibbli għall-inklużjoni fl-aggregazzjoni tal-kopertura. Sabiex l-investituri fil-bonds koperti jkunu jistgħu jivvalutaw aħjar ir-riskju ta’ programm ta’ bonds koperti, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu wkoll għal regoli dwar id-diversifikazzjoni tar-riskju relattivament għall-granularità u l-konċentrazzjoni materjali, dwar in-numru ta’ kuntratti ta’ self jew ta’ skoperturi fl-aggregazzjoni tal-kopertura u dwar in-numru ta’ kontropartijiet. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-livell xieraq ta’ granularità u konċentrazzjoni materjali meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali tagħhom.

(17)

Il-bonds koperti għandhom karatteristiċi strutturali speċifiċi li l-għan tagħhom hu li jipproteġu lill-investituri f’kull ħin. Dawk il-karatteristiċi jinkludu r-rekwiżit li l-investituri f’bonds koperti jkollhom pretensjoni mhux biss kontra l-emittent iżda wkoll kontra l-assi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura. Dawk ir-rekwiżiti strutturali relatati mal-prodotti jvarjaw mir-rekwiżiti prudenzjali li japplikaw għal istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti. Jenħtieġ li dawn tal-ewwel ma jiffokawx fuq li jiżguraw is-saħħa prudenzjali tal-istituzzjoni emittenti, iżda pjuttost jenħtieġ li jimmiraw li jipproteġu lill-investituri billi jimponu rekwiżiti speċifiċi fuq il-bond kopert innifsu. Minbarra r-rekwiżit speċifiku li jintużaw assi ta’ kopertura ta’ kwalità għolja, huwa wkoll xieraq li r-rekwiżiti ġenerali jkunu regolati fir-rigward tal-karatteristiċi tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, sabiex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu regoli speċifiċi mmirati li jipproteġu l-aggregazzjoni ta’ kopertura, bħal regoli dwar is-segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura. Is-segregazzjoni tista’ tinkiseb b’modi differenti, bħal fil-karta tal-bilanċ, permezz ta’ veikolu bi skop speċjali jew b’mezzi oħra. Madankollu, l-iskop tas-segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura huwa li dawn jitqiegħdu legalment lil hinn mil-portata tal-kredituri għajr l-investituri fil-bonds koperti.

(18)

Il-post tal-assi kollaterali jenħtieġ ukoll li jkun regolat sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-investitur jiġu nfurzati. Huwa wkoll importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta’ kopertura. Barra minn hekk, jenħtieġ li f’din id-Direttiva jkunu speċifikati rekwiżiti għall-kopertura, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jippermettu mezzi differenti ta’ mitigazzjoni ta’ riskji bħal fir-rigward ta’ muniti u rati tal-imgħax. Jenħtieġ li l-kalkolu ta’ kopertura u l-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi jistgħu jiġu inklużi fl-aggregazzjonijiet ta’ kopertura jiġu definiti wkoll biex ikun żgurat li l-aggregazzjonijiet ta’ kopertura jkunu soġġetti għal standards komuni ta’ kwalità għolja madwar l-Unjoni. Il-kalkolu tal-kopertura jenħtieġ li jsegwi l-prinċipju nominali għall-prinċipal. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw metodu ta’ kalkolu għajr il-prinċipju nominali, sakemm il-metodu l-ieħor ikun aktar prudenti, jiġifieri li ma jirriżultax fi proporzjon ta’ kopertura ogħla, fejn l-assi ta’ kopertura huma n-numeratur u l-obbligazzjonijiet ta’ bonds koperti huma d-denominatur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu livell ta’ sovrakollateralizzazzjoni għal bonds koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat li jkun ogħla mir-rekwiżit ta’ kopertura stabbilit f’din id-Direttiva.

(19)

Hemm numru ta’ Stati Membri li diġà jirrikjedu l-eżistenza ta’ monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura li jwettaq kompiti speċifiċi li jirrigwardaw il-kwalità tal-assi eliġibbli u jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti nazzjonali ta’ kopertura. Huwa għalhekk importanti, sabiex jiġi armonizzat it-trattament ta’ bonds koperti madwar l-Unjoni, li l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, fejn ikun meħtieġ wieħed mill-qafas nazzjonali, jkunu definiti b’mod ċar. L-eżistenza ta’ monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura ma jneħħix ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tas-superviżjoni pubblika tal-bonds koperti, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(20)

L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti minn bonds koperti kollateralizzati minn entitajiet ta’ titolizzazzjoni. Waħda minn dawk il-kundizzjonijiet tikkonċerna l-limitu sa fejn dak it-tip ta’ assi ta’ kopertura jista’ jintuża u tillimita l-użu ta’ tali strutturi sa 10 tal-ammont ta’ bonds koperti pendenti. Dik il-kundizzjoni tista’ tiġi rrinunzjata mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-rieżami mill-Kummissjoni tal-adegwatezza ta’ dik ir-rinunzja kkonkludiet li l-possibbiltà li jintużaw strumenti ta’ titolizzazzjoni jew bonds koperti bħala assi ta’ kopertura għall-ħruġ ta’ bonds koperti jenħtieġ li tkun permessa biss fir-rigward ta’ bonds koperti oħra (“strutturi ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp”), u jenħtieġ li tkun permessa mingħajr limitu b’referenza għall-ammont ta’ bonds koperti pendenti. Biex ikun garantit livell ottimali ta’ trasparenza, l-aggregazzjonijiet ta’ kopertura għal bonds koperti maħruġin esternament jenħtieġ li ma jinkludux bonds koperti maħruġin internament minn istituzzjonijiet ta’ kreditu differenti fi ħdan l-istess grupp. Barra minn hekk, billi l-użu ta’ strutturi ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp jipprovdi eżenzjoni mil-limiti fuq l-iskoperturi ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li huma stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-bonds koperti maħruġin internament jew esternamentjenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkwalifikaw għall-iskala 1 tal-kwalità kreditizja fil-mument tal-ħruġ jew, f’każ ta’ bidla sussegwenti fl-iskala tal-kwalità kreditizja u soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, l-iskala 2 tal-kwalità kreditizja. Fejn il-bonds koperti maħruġin internament jew esternament ma jibqgħux jissodisfaw dak ir-rekwiżit, il-bonds koperti maħruġin internament ma jibqgħux jikkwalifikaw bħala assi eliġibbli taħt l-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u, bħala konsegwenza, il-bonds koperti maħruġin esternament mill-aggregazzjoni ta’ kopertura rilevanti ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni fl-Artikolu 129(1b) ta’ dak ir-Regolament.

Fejn dawk il-bonds koperti maħruġin internament ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ skala tal-kwalità kreditizja rilevanti, għandhom, madankollu, jkunu assi ta’ kopertura eliġibbli għall-fini ta’ din id-Direttiva, sakemm ikunu konformi mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva, u l-bonds koperti maħruġin esternament kollateralizzati minn dawk il-bonds koperti maħruġin internament jew assi oħrajn li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva jenħtieġ għalhekk li jkunu wkoll jistgħu jużaw it-tikketta ’Bond Kopert Ewropew’. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jippermettu l-użu ta’ tali strutturi. Minn dan isegwi li, biex dik l-għażla tkun effettivament disponibbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jappartjenu għal grupp li jinsab fi Stati Membri differenti, l-Istati Membri rilevanti kollha jenħtieġ li jkunu eżerċitaw dik l-għażla u ttrasponew id-dispożizzjoni rilevanti fil-liġi tagħhom.

(21)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar jiffaċċjaw diffikultajiet meta joħorġu bonds koperti peress li l-istabbiliment ta’ programmi ta’ bonds koperti spiss jimplika kostijiet inizjali għoljin. Il-likwidità wkoll għandha importanza partikolari fis-swieq ta’ bonds koperti, u fil-parti l-kbira tagħha tiġi ddeterminata mill-volum ta’ bonds pendenti. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi permess finanzjament konġunt minn żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew aktar sabiex ikunu jistgħu jinħarġu bonds koperti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu iżgħar. Dak jipprevedi l-aggregazzjoni ta’ assi ta’ kopertura minn diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu bħala assi ta’ kopertura għal bonds koperti maħruġin minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda u jiffaċilita l-ħruġ ta’ bonds koperti f’dawk l-Istati Membri fejn kurrentement ma jkun hemm l-ebda suq żviluppat sew ta’ bonds koperti. Jenħtieġ li r-rekwiżiti għall-użu ta’ ftehimiet ta’ finanzjament konġunt jiżguraw li l-assi ta’ kopertura li jinbiegħu jew, fejn Stat Membru jkun ippermetta dik l-għażla, trasferiti permezz ta’ arranġament kollaterali finanzjarju skont id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu emittenti jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u ta’ segregazzjoni għall-assi ta’ kopertura taħt il-liġi tal-Unjoni.

(22)

It-trasparenza tal-aggregazzjoni ta’ kopertura li tiggarantixxi l-bond kopert hija parti essenzjali ta’ dak it-tip ta’ strument finanzjarju, billi din issaħħaħ il-komparabbiltà u tippermetti lill-investituri jwettqu l-evalwazzjoni meħtieġa tar-riskju. Il-liġi tal-Unjoni tinkludi regoli dwar it-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew jopera fi Stat Membru. Diversi inizjattivi li jirrigwardaw l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata lil investituri f’bonds koperti li huma supplimentari għal tali liġi tal-Unjoni ġew żviluppati matul iż-żmien minn leġiżlaturi nazzjonali u parteċipanti fis-suq. Madankollu, huwa meħtieġ li fil-liġi tal-Unjoni jiġi speċifikat il-livell komuni minimu ta’ informazzjoni li għalih jenħtieġ li l-investituri jkollhom aċċess qabel ma jixtru jew meta jixtru bonds koperti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jissupplimentaw dawk ir-rekwiżiti minimi b’dispożizzjonijiet addizzjonali.

(23)

Element ewlieni fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-investituri f’bonds koperti hija l-mitigazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-istrument. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet marbutin mal-bond kopert jitħallsu lura fil-ħin. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi introdotta riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura sabiex jiġu indirizzati r-riskji ta’ nuqqas ta’ likwidità, bħal diskrepanzi fil-maturitajiet u fir-rati tal-imgħax, interruzzjonijiet fil-pagamenti, riskji ta’ taħlit, obbligi ta’ ħlas marbuta ma’ kuntratti ta’ derivattivi u obbligazzjonijiet operattivi oħra li jaqgħu fi ħdan il-programm ta’ bonds koperti. L-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tgħaddi mill-esperjenza ta’ sitwazzjonijiet fejn isir diffiċli li tikkonforma mar-rekwiżit tar-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, pereżempju fi żminijiet ta’ stress fejn ir-riżerva tintuża biex tkopri flussi ta’ ħruġ. L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont din id-Direttiva jenħtieġ li jimmonitorjaw il-konformità mar-rekwiżit tar-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, u, jekk meħtieġ, jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-istituzzjoni ta’ kreditu tikkonforma mar-rekwiżit tar-riżerva. Ir-riżerva ta’ likwidità għall-aggregazzjoni ta’ kopertura tvarja mir-rekwiżiti ġenerali tal-likwidità imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità ma’ atti legali oħra tal-Unjoni, peress li tal-ewwel hija direttament relatata mal-aggregazzjoni ta’ kopertura u tfittex li timmitiga r-riskji tal-likwidità speċifiċi għaliha. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu interazzjoni xierqa mar-rekwiżiti tal-likwidità stabbiliti minn atti legali oħra tal-Unjoni li jservu skopijiet differenti mir-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li, sad-data meta jiġu emendati dawk l-atti legali tal-Unjoni, ir-rekwiżit tar-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura tkun applikabbli biss jekk ma jiġi impost l-ebda rekwiżit ieħor ta’ likwidità fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu taħt il-liġi tal-Unjoni matul il-perjodu kopert minn tali rekwiżiti oħra.

Tali deċiżjonijiet jenħtieġ li jevitaw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu soġġetti għal obbligu li jkopru l-istess flussi ta’ ħruġ b’assi likwidi differenti għall-istess perjodu. Jenħtieġ li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddeċiedu li r-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni tal-kopertura ma tapplikax tiġi vvalutata mill-ġdid fil-kuntest ta’ bidliet futuri fir-rekwiżiti ta’ likwidità għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż ir-regolament ta’ delega applikabbli adottat skont l-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-riskji ta’ likwidità jistgħu jiġu indirizzati b’mezzi oħra minbarra l-forniment ta’ assi likwidi, pereżempju billi jinħarġu bonds koperti soġġetti għal strutturi ta’ maturità estendibbli fejn l-iskattaturi jindirizzaw in-nuqqas ta’ likwidità jew l-istress. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu li l-kalkolu tar-riżerva ta’ likwidità jkun ibbażat fuq id-data tal-maturità finali tal-bond kopert, filwaqt li jitqiesu l-estensjonijiet possibbli tal-maturità, fejn l-iskattaturi jindirizzaw ir-riskji ta’ likwidità. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu li r-rekwiżiti ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura ma japplikawx għal bonds koperti li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ finanzjament simetriku fejn il-pagamenti li jidħlu kuntrattwalment isiru dovuti qabel il-pagamenti li joħorġu u sadanittant jitqiegħdu f’assi likwidi ħafna.

(24)

F’għadd ta’ Stati Membri, ġew żviluppati strutturi innovattivi għal profili tal-maturità sabiex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali ta’ likwidità, inklużi diskrepanzi fil-maturità. Dawk l-istrutturi jinkludu l-possibbiltà li l-maturità skedata tal-bond kopert tiġi estiża għal ċertu perjodu ta’ żmien jew li l-flussi tal-flus mill-assi ta’ kopertura jitħallew jgħaddu direttament lill-investituri fil-bonds koperti. Sabiex jiġu armonizzati l-istrutturi ta’ maturità estendibbli madwar l-Unjoni, huwa importanti li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu tali strutturi sabiex jiġi żgurat li dawn ma jkunux kumplessi wisq u li l-investituri ma jiġux esposti għal żieda fir-riskji. Element importanti ta’ dawk il-kundizzjonijiet huwa li jiġi żgurat li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx tista’ testendi l-maturità fid-diskrezzjoni tagħha. Il-maturità jenħtieġ li tkun permessa tiġi estiża biss meta jseħħu, jew ikunu mistennija li jseħħu fil-futur qrib, avvenimenti ta’ skattar oġġettivi u definiti b’mod ċar stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali. Tali skattaturi jenħtieġ li jimmiraw li jipprevjenu l-inadempjenza, pereżempju billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ likwidità, il-falliment tas-suq jew it-tfixkil tas-suq. L-estensjonijiet jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-istralċ ordnat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti, filwaqt li jippermettu estensjonijiet fil-każ ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni sabiex jiġi evitat li l-assi jinbiegħu wisq bl-irħis u rapidament.

(25)

L-eżistenza ta’ qafas ta’ superviżjoni pubbliku speċjali hija element li jiddefinixxi l-bonds koperti skont l-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE. Madankollu, dik id-Direttiva ma tispeċifikax in-natura u l-kontenut ta’ tali superviżjoni jew l-awtoritajiet li jenħtieġ li jkunu responsabbli sabiex iwettqu tali superviżjoni. Għalhekk, huwa essenzjali li l-elementi kostituttivi ta’ tali superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti jkunu armonizzati u li l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jwettquha jkunu stabbiliti b’mod ċar.

(26)

Peress li s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti hija distinta mis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtru awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkunu inkarigati li jeżerċitaw superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti li jkunu differenti minn mill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni ġenerali tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Madankollu, sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-applikazzjoni ta’ superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti jkunu obbligati jikkooperaw mill-qrib ma’ dawk li jwettqu s-superviżjoni ġenerali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, fejn applikabbli.

(27)

Is-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti jenħtieġ li tinkludi l-għoti ta’ permess lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex joħorġu l-bonds koperti. Peress li huma biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jenħtieġ li jitħallew joħorġu bonds koperti, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex jaġixxu bħala istituzzjoni ta’ kreditu tkun prerekwiżit biex jingħataw dak il-permess. Filwaqt li fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu l-kompitu li jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (13), huma biss l-awtoritajiet maħtura skont din id-Direttiva li jenħtieġ li jkunu kompetenti biex jagħtu permess li jinħarġu bonds koperti u biex jeżerċitaw superviżjoni pubblika fuq bonds koperti. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati taħt il-liġi tal-Unjoni jistgħu jiksbu l-permess li jwettqu l-attività ta’ ħruġ ta’ bonds koperti.

(28)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-permess jenħtieġ li jkun relatat mal-programm ta’ bonds koperti. Dak il-programm jenħtieġ li jkun suġġett għal superviżjoni taħt din id-Direttiva. Istituzzjoni ta’ kreditu jista’ jkollha aktar minn programm wieħed ta’ bonds koperti. F’dak il-każ, jenħtieġ li jkun meħtieġ permess separat għal kull programm. Programm ta’ bonds koperti jista’ jinkludi aggregazzjoni ta’ kopertura waħda jew aktar. L-aggregazzjonijiet ta’ kopertura multipli jew il-ħruġ differenti (Numri Internazzjonali ta’ Identifikazzjoni ta’ Titoli (ISINs) differenti) taħt l-istess programm ta’ bonds koperti mhux neċessarjament jindikaw l-eżistenza ta’ multipliċità ta’ programmi separati ta’ bonds koperti.

(29)

Għall-programmi eżistenti ta’ bonds koperti jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ jinkiseb permess ġdid ladarba d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jsiru applikabbli. Fir-rigward ta’ bonds koperti maħruġin taħt programmi eżistenti ta’ bonds koperti wara d-data ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, madankollu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti minn din id-Direttiva. Tali konformità jenħtieġ li tkun issorveljata mill-awtoritajiet kompetenti maħtura taħt din id-Direttiva bħala parti mis-superviżjoni pubblika tal-bonds koperti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu gwida taħt il-liġi nazzjonali dwar kif għandha titmexxa l-valutazzjoni tal-konformità wara d-data li minnha l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrevedu programm ta’ bonds koperti u jivvalutaw il-ħtieġa għal bidla fil-permess għal dak il-programm. Tali ħtieġa għal bidla tista’ tkun minħabba bidliet sostanzjali fil-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti, pereżempju wara bidla fil-qafas ta’ bonds koperti nazzjonali jew wara deċiżjonijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu. Tali bidliet jistgħu jitqiesu bħala sostanzjali fejn jeħtieġu rivalutazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom ingħata l-permess għall-ħruġ ta’ bonds koperti.

(30)

Fejn Stat Membru jipprovdi għall-ħatra ta’ amministratur speċjali, jenħtieġ li jkun jista’ jistabbilixxi regoli dwar il-kompetenzi u r-rekwiżiti operattivi għal tali amministraturi speċjali. Dawk ir-regoli jistgħu jeskludu l-possibbiltà li l-amministratur speċjali jiġbor depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand konsumaturi u investituri fil-livell tal-konsumatur, iżda jkunu jippermettu l-ġbir ta’ depożiti jew ta’ fondi ripagabbli oħrajn biss minn investituri professjonali.

(31)

Sabiex tiġi żgurata konformità mal-obbligi imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu bonds koperti u sabiex jiġu żgurati trattament u konformità simili madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jipprevedu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċi wkoll jipprovdu għal pieni kriminali minflok penali amministrattivi. L-Istati Membri li jagħżlu li jipprovdu għal pieni kriminali jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.

(32)

Il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħra previsti mill-Istati Membri jenħtieġ li jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali fir-rigward ta’ dawk indirizzati minn dawk il-penali jew miżuri, il-kriterji li jridu jitqiesu fl-applikazzjoni tagħhom, l-obbligi tal-pubblikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti, is-setgħa li jiġu imposti l-penali u l-livell ta’ penali pekunarji amministrattivi li jistgħu jiġu imposti. Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra, l-indirizzat jenħtieġ li jingħata l-opportunità li jinstema’. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet għad-dritt li wieħed jinstema’ fir-rigward ta’ miżuri amministrattivi għajr penali amministrattivi. Kwalunkwe tali eċċezzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet ta’ periklu imminenti fejn tkun meħtieġa azzjoni urġenti sabiex jiġi evitat telf sinifikanti għal partijiet terzi bħal investituri fil-bonds koperti jew biex tiġi evitata jew rimedjata ħsara sinifikanti lis-sistema finanzjarja. F’tali każijiet, l-indirizzat jenħtieġ li jingħata l-opportunità li jinstema’ wara li tkun ġiet imposta l-miżura.

(33)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha sabiex jiżguraw applikazzjoni konsistenti tal-penali amministrattivi jew ta’ miżuri amministrattivi oħra madwar l-Unjoni kollha, meta jkunu qed jiddeterminaw it-tip ta’ penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra u l-livell ta’ dawk il-penali. L-Istati Membri jistgħu jinkludu miżuri amministrattivi fir-rigward tal-estensjoni tal-maturità taħt strutturi ta’ maturità estendibbli. Fejn l-Istati Membri jipprovdu għal tali miżuri, dawk il-miżuri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jinvalidaw estensjoni ta’ maturità u jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet għal tali invalidazzjoni biex jindirizzaw is-sitwazzjoni fejn istituzzjoni ta’ kreditu testendi l-maturità bi ksur tal-iskattaturi oġġettivi stabbiliti fil-liġi nazzjonali, jew sabiex ikunu żgurati l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investitur.

(34)

Sabiex jidentifikaw każijiet ta’ ksur potenzjali tar-rekwiżiti għall-ħruġ u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ bonds koperti, l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti jenħtieġ li jkollhom is-setgħat investigattivi neċessarji u mekkaniżmi effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rapportar ta’ każijiet ta’ ksur potenzjali jew reali. Dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull persuna jew entità affettwata ħażin mill-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat u mekkaniżmi.

(35)

L-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti jenħtieġ li jkollhom ukoll is-setgħa li jimponu penali amministrattivi u jadottaw miżuri amministrattivi oħra sabiex jiżguraw l-akbar ambitu possibbli għall-azzjoni wara ksur u sabiex jgħinu jipprevjenu każijiet ta’ ksur ulterjuri, irrispettivament minn jekk tali miżuri jkunux ikkwalifikati bħala penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra taħt il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu penali addizzjonalment għal dawk previsti f’din id-Direttiva.

(36)

Il-liġijiet nazzjonali eżistenti dwar il-bonds koperti huma kkaratterizzati mill-fatt li huma soġġetti għal regolamentazzjoni dettaljata fil-livell nazzjonali u għal superviżjoni tal-ħruġ u l-programmi ta’ bonds koperti sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-investituri f’bonds koperti jiġu rispettati l-ħin kollu. Dik is-superviżjoni tinkludi l-monitoraġġ kontinwu tal-karatteristiċi tal-programm, ir-rekwiżiti ta’ kopertura u l-kwalità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura. Livell adegwat ta’ informazzjoni għall-investituri dwar il-qafas regolatorju li jirregola l-ħruġ ta’ bonds koperti huwa element essenzjali tal-protezzjoni tal-investituri. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw informazzjoni regolari li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u dwar il-mod li bih huma jwettqu s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti.

(37)

Il-bonds koperti bħalissa jiġu kkumerċjalizzati fl-Unjoni taħt denominazzjonijiet u tikketti nazzjonali, li xi wħud minnhom huma stabbiliti sew filwaqt li oħrajn mhumiex. Għalhekk, jidher xieraq li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu bonds koperti fl-Unjoni jitħallew jużaw tikketta speċifika, “Bond Kopert Ewropew”, meta jkunu qed ibigħu bonds koperti kemm lil investituri tal-Unjoni kif ukoll lil investituri ta’ pajjiżi terzi bil-kundizzjoni li dawk il-bonds koperti jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva. Jekk tali bonds koperti jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu permessi jużaw it-tikketta “Bond Kopert Ewropew (Premium)”. Dik it-tikketta, li tindika li ġew sodisfatti rekwiżiti speċifiċi addizzjonali li jirriżultaw fi kwalità msaħħa u mifhuma sew, tista’ tkun attraenti anki fi Stati Membri li jkollhom tikketti nazzjonali stabbiliti sew. Il-mira tat-tikketti “Bonds Koperti Ewropej” u “Bonds Koperti Ewropej (Premium)” hija li jagħmluha aktar faċli għall-investituri biex jivvalutaw il-kwalità ta’ bonds koperti u li b’hekk dawn isiru aktar attraenti bħala veikolu ta’ investiment kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni. Jenħtieġ, madankollu, li l-użu ta’ dawk iż-żewġ tikketti jkun volontarju, u jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-oqfsa nazzjonali tagħhom stess ta’ denominazzjonijiet u tikkettar b’mod parallel ma’ dawk iż-żewġ tikketti.

(38)

Sabiex tiġi vvalutata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, timmonitorja l-iżvilupp ta’ bonds koperti fl-Unjoni u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-livell ta’ protezzjoni tal-investituri u l-iżvilupp tas-swieq ta’ bonds koperti. Ir-rapport jenħtieġ li jiffoka wkoll fuq l-iżviluppi li jirrigwardaw l-assi li jikkollateralizzaw il-ħruġ ta’ bonds koperti. Billi l-użu ta’ strutturi ta’ maturità estendibbli kien qed jiżdied, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli u r-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ tali bonds koperti.

(39)

Klassi ġdida ta’ strumenti finanzjarji taħt l-isem Noti Garantiti Ewropej (ESNs, European Secured Notes), koperta minn assi li huma aktar riskjużi minn skoperturi pubbliċi u minn self ipotekarju u li mhumiex assi ta’ kopertura eliġibbli taħt din id-Direttiva, ġiet proposta minn parteċipanti fis-suq u oħrajn bħala strument addizzjonali għall-banek biex jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-EBA fit-3 ta’ Ottubru 2017 għal valutazzjoni ta’ kemm l-ESNs setgħu jużaw l-aħjar prattiki definiti mill-EBA għall-bonds koperti tradizzjonali, it-trattament xieraq tar-riskju tal-ESNs u l-effett possibbli ta’ ħruġ ta’ ESNs fuq il-livelli tal-gravami fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Bi tweġiba, l-EBA ħarġet rapport fl-24 ta’ Lulju 2018. B’mod parallel mar-rapport tal-EBA, il-Kummissjoni ppubblikat studju fit-12 ta’ Ottubru 2018. L-istudju tal-Kummissjoni u r-rapport tal-EBA kkonkludew li kienet meħtieġa valutazzjoni ulterjuri dwar, pereżempju, it-trattament regolatorju. Il-Kummissjoni jenħtieġ għalhekk li tkompli tivvaluta jekk qafas leġiżlattiv għall-ESNs ikunx xieraq u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjonijiet tagħha, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq.

(40)

Bħalissa ma hemm l-ebda reġim ta’ ekwivalenza għar-rikonoxximent mill-Unjoni ta’ bonds koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu f’pajjiżi terzi, ħlief f’kuntest prudenzjali fejn trattament preferenzjali li jirrigwarda l-likwidità jingħata lil xi bonds ta’ pajjiżi terzi taħt ċerti kundizzjonijiet. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, tivvaluta l-ħtieġa u r-rilevanza tal-introduzzjoni ta’ reġim ta’ ekwivalenza għal emittenti ta’ pajjiżi terzi ta’ bonds koperti u għal investituri f’bonds koperti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, mhux aktar minn sentejn wara d-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq.

(41)

Il-bonds koperti huma kkaratterizzati mill-fatt li jkollhom maturità skedata ta’ diversi snin. Huwa għalhekk meħtieġ li jiddaħħlu miżuri tranżizzjonali biex jiżguraw li bonds koperti maħruġin qabel it-8 ta’ Lulju 2022 ma jkunux affettwati. Jenħtieġ għalhekk li l-bonds koperti maħruġin qabel dik id-data jibqgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE fuq bażi kurrenti u jenħtieġ li jkunu eżentati mill-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’din id-Direttiva. Tali bonds koperti jenħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu jiġu riferuti bħala bonds koperti, sakemm il-konformità tagħhom mal-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, kif applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, u mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li huma applikabbli għalihom, tkun soġġetta għal superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont din id-Direttiva. Tali sorveljanza ma għandhiex testendi għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva li minnhom tali bonds koperti jkunu eżentati. F’xi Stati Membri, l-ISINs huma miftuħa għal perjodu itwal, li jippermetti li bonds koperti jinħarġu f’kontinwazzjoni taħt dak il-kodiċi bil-għan li jiżdied il-volum (id-daqs tal-ħruġ) ta’ dik il-bond koperta (ħruġ ’tap’). Jenħtieġ li l-miżuri tranżizzjonali jkopru l-ħruġ ’tap’ ta’ bonds koperti taħt l-ISINs miftuħa qabel it-8 ta’ Lulju 2022 soġġett għal numru ta’ limitazzjonijiet.

(42)

Bħala konsegwenza tal-istabbiliment ta’ qafas uniformi għall-bonds koperti, jenħtieġ li d-deskrizzjoni ta’ bonds koperti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tiġi emendata. Id-Direttiva 2014/59/UE tiddefinixxi bonds koperti billi tirreferi għall-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE. Billi jenħtieġ li dik id-definizzjoni tiġi emendata, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/59/UE tiġi emendata wkoll. Barra minn hekk, sabiex ikun evitat li jkunu affettwati bonds koperti maħruġin f’konformità mal-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE qabel it-8 ta’ Lulju 2022, jenħtieġ li dawk il-bonds koperti jkomplu jiġu riferuti bħala bonds koperti sal-maturità tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE jiġu emendati kif meħtieġ.

(43)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (14), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(44)

Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi qafas komuni għal bonds koperti li jiżgura li l-karatteristiċi strutturali tal-bonds koperti madwar l-Unjoni jikkorrispondu ghall-profil ta’ riskju aktar baxx li jiġġustifika trattament preferenzjali fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-ħtieġa ta’ żvilupp ulterjuri tas-suq tal-bonds koperti u ta’ appoġġ għall-investimenti transfruntieri fl-Unjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(45)

Il-Parlament Ewropew ġie kkonsultat u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta’ Awwissu 2018.

(46)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u ta opinjoni fit-12 ta’ Ottubru 2018.

(47)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu bonds koperti jipproċessaw ammonti sinifikanti ta’ data personali. Jenħtieġ li tali pproċessar f’kull ħin ikun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Bl-istess mod, jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali mill-EBA meta, kif ikun meħtieġ minn din id-Direttiva, din iżżomm bażi ta’ data ċentrali ta’ penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li jiġu kkomunikati lilha mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, isir f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li ġejjin dwar il-protezzjoni tal-investituri li jikkonċernaw:

(1)

rekwiżiti għall-ħruġ ta’ bonds koperti;

(2)

il-karatteristiċi strutturali ta’ bonds koperti;

(3)

superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti;

(4)

rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni fir-rigward ta’ bonds koperti.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għal bonds koperti maħruġin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bond kopert” tfisser obbligu ta’ dejn li jkun maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li tittrasponi r-rekwiżiti mandatorji ta’ din id-Direttiva u li jkun garantit minn assi ta’ kopertura li għalihom ikollhom rikors dirett investituri fil-bonds koperti bħala kredituri ppreferuti;

(2)

“programm ta’ bonds koperti” tfisser il-karatteristiċi strutturali ta’ ħruġ ta’ bonds koperti li jkunu determinati b’regoli statutorji u b’termini u kundizzjonijiet kuntrattwali, f’konformità mal-permess mogħti lill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(3)

“aggregazzjoni ta’ kopertura” tfisser sett, iddefinit b’mod ċar, ta’ assi li jassiguraw l-obbligi ta’ ħlas marbuta ma’ bonds koperti u li jkunu segregati minn assi oħra miżmuma mill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(4)

“assi ta’ kopertura” tfisser assi inklużi f’aggregazzjoni ta’ kopertura;

(5)

“assi kollaterali” tfisser assi fiżiċi u assi fil-forma ta’ skoperturi li jassiguraw assi ta’ kopertura;

(6)

“segregazzjoni” tfisser l-azzjonijiet imwettqa minn istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti biex tidentifika assi ta’ kopertura u legalment tqegħedhom lil hinn mill-portata tal-kredituri għajr l-investituri fil-bonds koperti u l-kontropartijiet ta’ kuntratti ta’ derivattivi;

(7)

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(8)

“istituzzjoni speċjalizzata ta’ kreditu ipotekarju” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu li tiffinanzja self biss jew primarjament permezz tal-ħruġ ta’ bonds koperti, li tkun permessa bil-liġi biss biex tagħti self ipotekarju u self fis-settur pubbliku u li ma tkunx permessa tieħu depożiti, iżda li tieħu fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku;

(9)

“aċċellerazzjoni awtomatika” tfisser sitwazzjoni li fiha bond kopert awtomatikament isir immedjatament dovut u pagabbli fuq l-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni tal-emittent u li fir-rigward tiegħu l-investituri tal-bonds koperti jkollhom pretensjoni infurzabbli għal ripagament fi żmien qabel id-data oriġinali ta’ maturità;

(10)

“valur tas-suq” tfisser, għall-finijiet ta’ proprjetà immobbli, valur tas-suq kif definit fil-punt (76) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(11)

“valur tas-self ipotekarju” tfisser, għall-finijiet ta’ proprjetà immobbli, il-valur tas-self ipotekarju kif definit fil-punt (74) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(12)

“assi primarji” tfisser assi dominanti ta’ kopertura li jiddeterminaw in-natura tal-aggregazzjoni ta’ kopertura;

(13)

“assi ta’ sostituzzjoni” tfisser assi li jikkontribwixxi għar-rekwiżiti ta’ kopertura, għajr assi primarji;

(14)

“sovrakollateralizzazzjoni” tfisser, fl-intier tiegħu, il-livell statutorju, kuntrattwali jew volontarju ta’ kollateral li jeċċedi ir-rekwiżit ta’ kopertura stabbilit fl-Artikolu 15;

(15)

“rekwiżiti ta’ finanzjament simetriku” tfisser regoli li jirrikjedu li l-flussi ta’ flus bejn l-obbligazzjonijiet u l-assi li jsiru dovuti jkunu bbilanċjati billi jiġi żgurat f’termini, u taħt kundizzjonijiet, kuntrattwali li l-pagamenti minn mutwatarji u kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi jsiru dovuti qabel ma jsiru pagamenti lil investituri f’bonds koperti u lill-kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi, li l-ammonti riċevuti jkunu għall-inqas tal-istess valur għall-pagamenti li għandhom isiru lill-investituri f’bonds koperti u lill-kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi, u li l-ammonti riċevuti minn mutwatarji u kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi jiġu inklużi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura f’konformità mal-Artikolu 16(3) sa meta l-pagamenti jsiru dovuti lill-investituri f’bonds koperti u lill-kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi;

(16)

“flus ta’ ħruġ nett ta’ likwidità” tfisser il-fluss ta’ ħruġ tal-pagamenti kollha li jsiru dovuti f’jum wieħed, inklużi l-pagamenti prinċipali u tal-imgħax u l-pagamenti taħt kuntratti ta’ derivattivi tal-programm ta’ bonds koperti, netti mill-flussi ta’ pagamenti kollha ta’ dħul li jsiru dovuti fl-istess jum għal pretensjonijiet relatati mal-assi ta’ kopertura;

(17)

“struttura ta’ maturità estendibbli” tfisser mekkaniżmu li jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi estiża l-maturità skedata ta’ bonds koperti għal perjodu ta’ żmien predeterminat u fil-każ li jseħħ avveniment skattatur speċifiku;

(18)

“superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti” tfisser is-superviżjoni ta’ programmi ta’ bonds koperti li tiżgura l-konformità ma’, u l-infurzar ta’, ir-rekwiżiti applikabbli għall-ħruġ ta’ bonds koperti;

(19)

“amministratur speċjali” tfisser il-persuna jew l-entità maħtura biex tamministra programm ta’ bonds koperti fil-każ tal-insolvenza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti taħt dak il-programm, jew meta jkun ġie stabbilit li tali istituzzjoni ta’ kreditu qed tfalli jew aktarx li tfalli skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jew, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn l-awtorità kompetenti rilevanti tiddetermina li l-funzjonament xieraq ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu jkun f’riskju serju;

(20)

“riżoluzzjoni” tfisser riżoluzzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(21)

’’grupp’’ tfisser grupp kif definit fil-punt (138) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(22)

“impriżi pubbliċi” tfisser impriżi pubbliċi kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE.

TITOLU II

KARATTERISTIĊI STRUTTURALI TA’ BONDS KOPERTI

KAPITOLU 1

Rikors doppju u protezzjoni mill-falliment

Artikolu 4

Rikors doppju

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jintitolaw lill-investituri f’bonds koperti u lill-kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi li jikkonformaw mal-Artikolu 11 għall-pretensjonijiet li ġejjin:

(a)

pretensjoni kontra l-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(b)

fil-każ tal-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti, pretensjoni ta’ prijorità kontra l-imgħax prinċipali u kull imgħax dovut u futur fuq assi ta’ kopertura;

(c)

fil-każ tal-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti u fil-każ li l-pretensjoni ta’ prijorità, kif imsemmi fil-punt (b), ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata b’mod sħiħ, pretensjoni kontra l-proprjetà ta’ insolvenza ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, li tikklassifika pari passu mal-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mhux iggarantiti tal-istituzzjoni ta’ kreditu ddeterminati f’konformità mal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-klassifikazzjoni fi proċedimenti normali ta’ insolvenza.

2.   Il-pretensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għall-obbligi ta’ pagament sħiħ marbutin mal-bonds koperti.

3.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fil-każ tal-insolvenza ta’ istituzzjoni speċjalizzata ta’ kreditu ipotekarju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jagħtu lill-investituri ta’ bonds tal-kreditu u kontropartijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi li jikkonformaw mal-Artikolu 11 pretensjoni li tikklassifika bħala superjuri għall-pretensjoni tal-kredituri ordinarji mhux iggarantiti ta’ dik l-istituzzjoni speċjalizzata ta’ kreditu ipotekarju, iddeterminata f’konformità mal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-kredituri fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, iżda inferjuri għal kull kreditur ippreferut ieħor.

Artikolu 5

Protezzjoni mill-falliment ta’ bonds koperti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi tal-pagament marbutin ma’ bonds koperti ma jkunux soġġetti għal aċċellerazzjoni awtomatika f’każ ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti.

KAPITOLU 2

Aggregazzjoni ta’ kopertura u kopertura

Taqsima I

Assi eliġibbli

Artikolu 6

Assi ta’ kopertura eliġibbli

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-bonds koperti f’kull ħin ikunu ggarantiti:

(a)

b’assi li huma eliġibbli skont l-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dment li l-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 1a sa 3 tal-Artikolu 129 ta’ dak ir-Regolament;

(b)

b’assi ta’ kopertura ta’ kwalità għolja li jiżguraw li l-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed toħroġ il-bonds koperti jkollha pretensjoni għall-pagament kif stabbilit fil-paragrafu 2 u li jkunu ggarantiti b’assi kollaterali kif stabbilit fil-paragrafu 3; jew

(c)

b’assi fil-forma ta’ self lil impriżi pubbliċi jew garantiti minnhom, soġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-pretensjoni għall-pagament imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti legali li ġejjin:

(a)

l-assi jirrappreżentaw pretensjoni għall-pagament ta’ flejjes li jkollha valur minimu li jista’ jiġi ddeterminat f’kull ħin, li tkun legalment valida u infurzabbli, li ma tkunx soġġetta għal kundizzjonijiet għajr il-kundizzjoni li l-pretensjoni timmatura f’data futura, u li tkun garantita b’ipoteka, obbligu, rahan jew garanzija oħra;

(b)

is-self ipotekarju, l-obbligu, ir-rahan jew garanzija oħra li jiggarantixxu l-pretensjoni għall-pagament ikunu infurzabbli;

(c)

ir-rekwiżiti legali kollha għall-istabbiliment tas-self ipotekarju, l-obbligu, ir-rahan jew il-garanzija li jiggarantixxu l-pretensjoni għall-pagament jkunu ġew issodisfati;

(d)

is-self ipotekarju, l-obbligu, ir-rahan jew garanzija oħra li jiggarantixxu l-pretensjoni għall-pagament jippermettu lill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti li tirkupra l-valur tal-pretensjoni mingħajr dewmien żejjed.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jivvalutaw l-eżekutorjetà tal-pretensjonijiet għall-pagament u l-kapaċità ta’ realizzazzjoni ta’ assi kollaterali qabel ma jinkluduhom fl-aggregazzjoni ta’ kopertura.

3.   L-assi kollaterali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għal assi kollaterali fiżiċi, jeżistu standards ta’ valutazzjoni li huma ġeneralment aċċettati fost l-esperti u li huma xierqa għall-assi kollaterali fiżiċi kkonċernati u jeżisti reġistru pubbliku li jirreġistra s-sjieda ta’, u l-pretensjonijiet fuq, dawk l-assi kollaterali fiżiċi; jew

(b)

għal assi fil-forma ta’ skoperturi, is-sikurezza u s-solidità tal-kontroparti tal-iskopertura hija implikata b’setgħat ta’ ġbir tat-taxxa jew billi tiġi soġġetta għal superviżjoni pubblika kontinwa tas-sodezza operazzjonali u s-solvenza finanzjarja tal-kontroparti.

L-assi kollaterali fiżiċi msemmijin fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jikkontribwixxu għall-kopertura ta’ obbligazzjonijiet marbuta mal-bond kopert sal-inqas ammont tal-ammont prinċipali tar-rhuna li jkunu kkombinati ma’ kwalunkwe rahan preċedenti u 70 % tal-valur ta’ dawk l-assi kollaterali fiżiċi. L-assi kollaterali fiżiċi msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li jiggarantixxu assi kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma għandhomx jenħtieġu li jikkonformaw mal-limitu ta’ 70 % jew mal-limiti tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Fejn, għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma jeżisti l-ebda reġistru pubbliku għal assi kollaterali fiżiku partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal forma alternattiva ta’ ċertifikazzjoni tas-sjieda ta’, u pretensjonijiet fuq, dak l-assi kollaterali fiżiku, sa fejn dik il-forma ta’ ċertifikazzjoni tipprovdi protezzjoni li tkun komparabbli mal-protezzjoni pprovduta minn reġistru pubbliku fis-sens li jippermetti lill-partijiet terzi interessati, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, jaċċessaw informazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-assi kollaterali fiżiku gravat, l-attribuzzjoni ta’ sjieda, id-dokumentazzjoni u l-attribuzzjoni ta’ gravami u l-infurzabbiltà ta’ interessi ta’ garanzija.

4.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, il-bonds koperti ggarantiti minn self lill-impriżi pubbliċi jew garantiti minnhom bħala assi primarji għandhom ikunu soġġetti għal livell minimu ta’ 10 % ta’ sovrakollateralizzazzjoni u għall-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-impriżi pubbliċi jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali fuq il-bażi ta’ liċenzja, kuntratt ta’ konċessjoni jew forma oħra ta’ inkarigu mogħti minn awtorità pubblika;

(b)

l-impriżi pubbliċi jkunu suġġetti għal superviżjoni pubblika;

(c)

l-impriżi pubbliċi jkollhom biżżejjed setgħat ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul, li jkunu żgurati mill-fatt li tali impriżi pubbliċi:

(i)

jkollhom flessibbiltà adegwata biex jiġbru u jżidu miżati, tariffi u pagamenti riċevibbli għas-servizz ipprovdut sabiex jiżguraw is- solidità finanzjarja u s-solvenza tagħhom,

(ii)

jirċievu biżżejjed għotjiet fuq bażi statutorja sabiex jiżguraw is-solidità finanzjarja u s-solvenza tagħhom bi skambju għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi essenzjali, jew

(iii)

jkunu daħlu fi ftehim ta’ trasferiment ta’ qligħ u telf ma’ awtorità pubblika.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-metodoloġija u l-proċess għall-valutazzjoni tal-assi kollaterali fiżiċi li jiggarantixxu assi kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1. Dawk ir-regoli għandhom tal-anqas jiżguraw dan li ġej:

(a)

għal kull assi kollaterali fiżiku, li tkun teżisti valutazzjoni kurrenti fil-valur, jew anqas, tas-suq jew fil-valur, jew anqas, tas-self ipotekarju fil-mument tal-inklużjoni tal-assi tal-kopertura fl-aggregazzjoni ta’ kopertura;

(b)

li l-valutazzjoni ssir minn valutatur li jkollu l-kwalifiki, il-kapaċità u l-esperjenza meħtieġa; u

(c)

li l-valutatur ikun indipendenti mill-proċess ta’ deċiżjoni ta’ kreditu, ma jikkunsidrax l-elementi spekulattivi fil-valutazzjoni tal-valur tal-assi kollaterali fiżiku, u jiddokumenta l-valur tal-assi kollaterali fiżiku b’mod trasparenti u ċar.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jimmonitorjaw li l-assi kollaterali fiżiċi jiggarantixxu assi kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu assigurati b’mod adegwat kontra r-riskju ta’ ħsara u li l-pretensjoni tal-assigurazzjoni tiġi segregata f’konformità mal-Artikolu 12.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jiddokumentaw l-assi ta’ kopertura msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 u l-konformità tal-politiki tagħhom tas-self mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan l-Artikolu.

8.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jiżguraw id-diversifikazzjoni tar-riskju fl-aggregazzjoni tal-kopertura fir-rigward tal-granularità u l-konċentrazzjoni materjali għal assi li mhumiex eliġibbli taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1.

Artikolu 7

Assi kollaterali li jinsabu barra mill-Unjoni

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu bonds koperti biex jinkludu assi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura li jkunu ggarantiti minn assi kollaterali li jinsabu barra l-Unjoni.

2.   Fejn l-Istati Membri jippermettu l-inklużjoni ta’ assi kif msemmi fil-paragrafu 1, huma għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jivverifikaw li dawk l-assi kollaterali jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-assi kollaterali joffru livell ta’ sigurtà simili għal dawk tal-assi kollaterali li jinsabu fl-Unjoni u għandhom jiżguraw li r-realizzazzjoni ta’ dawk l-assi kollaterali tkun legalment infurzabbli b’tali mod li fil-fatt tkun ekwivalenti għar-realizzazzjoni ta’ assi kollaterali li jinsabu fl-Unjoni.

Artikolu 8

Strutturi ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fir-rigward tal-użu ta’ strutturi ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp li taħthom bonds koperti maħruġin minn istituzzjoni ta’ kreditu li tappartjeni għal grupp (“bonds koperti maħruġin internament”) jintużaw bħala assi ta’ kopertura għall-ħruġ estern ta’ bonds koperti minn istituzzjoni ta’ kreditu oħra li tappartjeni għall-istess grupp (“bonds koperti maħruġin esternament”). Dawk ir-regoli għandhom jinkludu għall-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-bonds koperti maħruġin internament jinbiegħu lill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti maħruġin esternament;

(b)

il-bonds koperti maħruġin internament jintużaw bħala assi ta’ kopertura fl-aggregazzjoni ta’ kopertura għall-bonds koperti maħruġin esternament u jkunu reġistrati fuq il-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti maħruġin esternament;

(c)

l-aggregazzjoni ta’ kopertura għal bonds koperti maħruġin esternament tikkontjeni biss bonds koperti maħruġin internament maħruġin minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda fi ħdan il-grupp;

(d)

l-istituzzjoni ta’ kreditu li ħarġet esternament bonds koperti għandha l-intenzjoni li tbigħhom lill-investituri f’bonds koperti barra mill-grupp;

(e)

kemm il-bonds koperti maħruġin internament kif ukoll dawk maħruġin esternament jikkwalifikaw għall-iskala 1 tal-kwalità kreditizja, kif imsemmi fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-ħin tal-ħruġ u huma garantiti permezz ta’ assi ta’ kopertura eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva;

(f)

fil-każ ta’ strutturi transfruntieri ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp, l-assi ta’ kopertura tal-bonds koperti maħruġin internament jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u ta’ kopertura tal-bonds koperti maħruġin esternament.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jistgħu jippermettu l-bonds koperti li jikkwalifikaw għall-iskala 2 tal-kwalità kreditizja wara bidla li tirriżulta fi skala iktar baxxa tal-kwalità kreditizja tal-bonds koperti biex ikomplu jkunu parti minn struttura ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp, dment li dawk l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li l-bidla fl-iskala tal-kwalità kreditizja ma tkunx dovuta għal ksur tar-rekwiżiti għall-permess kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 19(2). L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom sussegwentement jinnotifikaw lill-EBA dwar kwalunkwe deċiżjoni skont dan is-subparagrafu.

Artikolu 9

Finanzjament konġunt

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu assi ta’ kopertura eliġibbli li kienu oriġinati minn istituzzjoni ta’ kreditu u li nxtraw minn istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti biex jintużaw bħala assi ta’ kopertura għall-ħruġ ta’ bonds koperti.

L-Istati Membri għandhom jirregolaw tali xirjiet sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 u 12 jiġu ssodisfati.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu trasferimenti permezz ta’ arranġament kollaterali finanzjarju skont id-Direttiva 2002/47/KE.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li assi li kienu oriġinati minn impriża li mhijiex istituzzjoni ta’ kreditu biex jintużaw bħala assi ta’ kopertura. Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw dik l-għażla, huma għandhom jirrikjedu li l-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tivvaluta l-istandards tal-għoti ta’ kreditu tal-impriża li oriġinat l-assi ta’ kopertura jew hija stess twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju.

Artikolu 10

Kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta’ kopertura

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jistabbilixxu regoli dwar il-kompożizzjoni tal-aggregazzjonijiet ta’ kopertura. Dawk ir-regoli għandhom, fejn rilevanti, jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu bonds koperti ta’ assi primarji li jkollhom karatteristiċi differenti f’termini ta’ karatteristiċi strutturali, tal-ħajja jew tal-profil tar-riskju fl-aggregazzjoni ta’ kopertura.

Artikolu 11

Kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jippermettu l-inklużjoni ta’ kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura biss meta jiġu ssodisfati mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-kuntratti tad-derivattivi jkunu inklużi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura esklussivament għal finijiet ta’ hedging kontra r-riskju, il-volum tagħhom jiġi aġġustat fil-każ ta’ tnaqqis fir-riskju iħħeġġjat u jitneħħew meta r-riskju ħħeġġjat ma jibqax jeżisti;

(b)

il-kuntratti tad-derivattivi jkunu dokumentati biżżejjed;

(c)

il-kuntratti tad-derivattivi jkunu ssegregati f’konformità mal-Artikolu 12;

(d)

il-kuntratti tad-derivattivi ma jkunux jistgħu jiġu terminati f’każ ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li ħarġet il-bonds koperti;

(e)

il-kuntratti tad-derivattivi jikkonformaw mar-regoli stabbiliti f’konformità mal-paragrafu 2.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għal kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw:

(a)

il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-kontropartijiet tal-hedging;

(b)

id-dokumentazzjoni meħtieġa li għandha tingħata relattivament għall-kuntratti tad-derivattivi.

Artikolu 12

Segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jirregolaw is-segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu mill-anqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-assi kollha ta’ kopertura jkunu identifikabbli mill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti f’kull ħin;

(b)

l-assi kollha ta’ kopertura jkunu soġġetti għal segregazzjoni legalment vinkolanti u ġuridikament eżegwibbli mill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(c)

l-assi kollha ta’ kopertura jkunu protetti minn kull pretensjoni ta’ partijiet terzi u l-ebda assi ta’ kopertura ma jifforma parti mill-proprjetà ta’ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds ta’ kopertura sa ma tiġi ssodisfata l-pretensjoni ta’ prijorità msemmija fil-punt b tal-Artikolu 4(1).

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-assi ta’ kopertura għandhom jinkludu kwalunkwe kollateral riċevut f’rabta ma’ pożizzjonijiet ta’ kuntratti tad-derivattivi.

2.   Is-segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll fil-każ ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti.

Artikolu 13

Monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jaħtru monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura sabiex jagħmel monitoraġġ kontinwu tal-aggregazzjoni ta’ kopertura fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 u l-Artikoli 14 sa 17.

2.   Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, huma għandhom jistabbilixxu regoli tal-inqas dwar l-aspetti li ġejjin:

(a)

il-ħatra u t-tneħħija tal-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura;

(b)

kwalunkwe kriterju ta’ eliġibbiltà għall-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura;

(c)

ir-rwol u d-dmirijiet tal-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, inkluż fil-każ tal-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(d)

l-obbligu li jsir rapport lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2);

(e)

id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tal-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura.

3.   Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, il-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura għandu jkun separat u indipendenti mill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti u mill-awditur ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jippermettu monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura li ma jkunx separat mill-istituzzjoni ta’ kreditu (’monitor intern tal-aggregazzjoni ta’ kopertura’) fejn:

(a)

il-monitor intern tal-aggregazzjoni ta’ kopertura jkun indipendenti mill-proċess ta’ deċiżjoni ta’ kreditu tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(b)

mingħajr preġudizzju għall-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jiżguraw li l-monitor intern tal-aggregazzjoni ta’ kopertura ma jistax jitneħħa minn dik il-funzjoni bħala monitor tal-aggregazzjoni tal-kopertura mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali, fil-funzjoni superviżorja tiegħu, tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti; u

(c)

fejn meħtieġ, il-monitor intern tal-aggregazzjoni ta’ kopertura jkollu aċċess dirett għall-korp maniġerjali, fil-funzjoni superviżorja tiegħu.

4.   Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1, huma għandhom jinnotifikaw lill-EBA.

Artikolu 14

Informazzjoni għall-investitur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jipprovdu informazzjoni dwar il-programmi tagħhom ta’ bonds koperti li tkun dettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-investituri jivvalutaw il-profil u r-riskji ta’ dak il-programm u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tingħata lill-investituri mill-inqas fuq bażi trimestrali u tinkludi l-informazzjoni minima li ġejja dwar il-portafoll:

(a)

il-valur tal-aggregazzjoni ta’ kopertura u l-bonds koperti pendenti;

(b)

lista tan-Numri Internazzjonali ta’ Identifikazzjoni ta’ Titoli (ISINs) għall-ħruġ ta’ bonds koperti kollha taħt dak il-programm, li lilhom ikun ġie attribwit ISIN;

(c)

id-distribuzzjoni ġeografika u t-tip ta’ assi ta’ kopertura, id-daqs tas-self tagħhom u l-metodu ta’ evalwazzjoni;

(d)

dettalji relattivi għar-riskju tas-suq, inklużi r-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u r-riskju fil-munita, u riskji ta’ kreditu u likwidità;

(e)

l-istruttura tal-maturità tal-assi ta’ kopertura u ta’ bonds koperti, inkluża, jekk applikabbli, ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti li jiskattaw l-estensjoni tal-maturità;

(f)

il-livelli ta’ kopertura meħtieġa u disponibbli, u l-livelli tas-sovrakollateralizzazzjoni statutorja, kuntrattwali u volontarja;

(g)

il-perċentwal ta’ self fejn inadempjenza titqies li tkun seħħet skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fi kwalunkwe każ fejn ikun ilu aktar minn 90 jum li skadiet id-data dovuta tas-self.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal bonds koperti maħruġin esternament fi strutturi ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp kif imsemmi fl-Artikolu 8, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jew konnessjoni għaliha, tiġi pprovduta lill-investituri fir-rigward tal-bonds koperti kollha maħruġin internament tal-grupp. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tingħata lill-investituri għall-inqas fuq bażi aggregata.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom l-informazzjoni li ssir disponibbli għall-investituri f’konformità mal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq il-karta.

Taqsima II

Rekwiżiti ta’ kopertura u ta’ likwidità

Artikolu 15

Rekwiżiti ta’ kopertura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-programmi ta’ bonds koperti jikkonformaw il-ħin kollu tal-inqas mar-rekwiżiti ta’ kopertura stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8.

2.   L-obbligazzjonijiet kollha tal-bonds koperti għandhom ikunu koperti minn pretensjonijiet għall-pagament marbuta mal-assi ta’ kopertura.

3.   L-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu:

(a)

l-obbligi għall-pagament tal-ammont prinċipali ta’ bonds koperti pendenti;

(b)

l-obbligi għall-pagament ta’ kwalunkwe imgħax fuq bonds koperti pendenti;

(c)

l-obbligi għall-pagament marbuta ma’ kuntratti tad-derivattivi miżmuma f’konformità mal-Artikolu 11; u

(d)

il-kostijiet mistennija relatati mal-manutenzjoni u l-amministrazzjoni għat-terminazzjoni tal-programm ta’ bonds koperti.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu kalkolu ta’ somma f’daqqa.

4.   L-assi ta’ kopertura li ġejjin għandhom jikkontribwixxu għar-rekwiżit ta’ kopertura:

(a)

assi primarji;

(b)

assi ta’ sostituzzjoni;

(c)

assi likwidi miżmuma f’konformità mal-Artikolu 16; u

(d)

pretensjonijiet għall-pagament marbuta ma’ kuntratti tad-derivattivi miżmuma f’konformità mal-Artikolu 11.

Il-pretensjonijiet mhux kollateralizzati fejn jitqies li tkun seħħet inadempjenza skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jikkontribwux għall-kopertura.

5.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għall-valutazzjoni ta’ kuntratti tad-derivattivi.

6.   Il-kalkolu tal-kopertura meħtieġa għandu jiżgura li l-ammont prinċipali aggregat tal-assi kollha ta’ kopertura jkun indaqs jew jeċċedi l-ammont prinċipali aggregat ta’ bonds koperti pendenti (“prinċipju nominali”).

L-Istati Membri jistgħu jippermettu prinċipji oħra ta’ kalkolu, sakemm dawn ma jirriżultawx f’proporzjon ta’ kopertura ogħla minn dak ikkalkolat taħt il-prinċipju nominali.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-kalkolu ta’ kwalunkwe imgħax pagabbli fir-rigward ta’ bonds koperti pendenti u imgħax riċevibbli fir-rigward ta’ assi koperti, li għandhom jirriflettu prinċipji prudenzjali sodi f’konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli.

7.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6, l-Istati Membri jistgħu, b’mod li jirrifletti prinċipji prudenzjali sodi u f’konformità ma’ standards kontabilistiċi applikabbli, jippermettu imgħax futur riċevibbli fuq l-assi ta’ kopertura nett minn mgħax futur pagabbli fuq il-bond kopert korrispondenti li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi bbilanċjat kwalunkwe nuqqas fil-kopertura tal-obbligu tal-pagament prinċipali marbut mal-bond kopert fejn ikun hemm korrispondenza mill-qrib kif definita fir-regolament ta’ delega applikabbli adottat skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-pagamenti riċevuti matul il-ħajja tal-assi ta’ kopertura u meħtieġa biex jiġi kopert l-obbligu tal-pagament marbut mal-bond kopert korrispondenti jkunu segregati f’konformità mal-Artikolu 12 jew ikunu inklużi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura fil-forma ta’ assi ta’ kopertura msemmija fl-Artikolu 6 sa meta l-pagamenti jsiru dovuti; u

(b)

il-pagament minn qabel tal-assi ta’ kopertura jkun possibbli biss permezz tal-eżerċizzju tal-opzjoni ta’ konsenja, kif definita fir-regolament ta’ delega applikabbli adottat skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew, fil-każ ta’ bonds koperti redimibbli b’parità mill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti, billi l-mutwatarju tal-assi ta’ kopertura jħallas mill-inqas l-ammont b’parità tal-bond kopert imsarraf.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkolu ta’ assi ta’ kopertura u l-obbligazzjonijiet ikunu bbażati fuq l-istess metodoloġija. L-Istati Membri jistgħu jippermettu metodoloġiji ta’ kalkolu differenti għall-kalkolu tal-assi ta’ kopertura minn naħa waħda u tal-obbligazzjonijiet min-naħa l-oħra, sakemm l-użu ta’ tali metodoloġiji ma jirriżultawx fi proporzjon ogħla ta’ kopertura minn dak ikkalkulat bl-użu tal-istess metodoloġija għall-kalkolu kemm tal-assi ta’ koperta kif ukoll tal-obbligazzjonijiet.

Artikolu 16

Rekwiżit għal riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-aggregazzjoni ta’ kopertura tinkludi dejjem riżerva ta’ likwidità magħmula minn assi likwidi disponibbli sabiex jiġi kopert il-fluss ta’ ħruġ nett tal-likwidità tal-programm ta’ bonds koperti.

2.   Ir-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura għandha tkopri l-fluss ta’ ħruġ nett kumulattiv massimu tal-likwidità għall-180 jum segwenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun tikkonsisti fit-tipi ta’ assi li ġejjin, segregati f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva:

(a)

assi li jikkwalifikaw bħala assi ta’ livell 1, livell 2A jew livell 2B skont ir-regolament ta’ delega applikabbli adottat skont l-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jkunu vvalutati f’konformità ma’ dak ir-regolament ta’ delega, u ma jkunux maħruġa mill-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti hija stess, jew mill-impriża prinċipali tagħha, li tkun differenti minn entità tas-settur pubbliku li ma tkunx istituzzjoni ta’ kreditu, jew minn sussidjarja tagħha jew sussidjarja oħra tal-impriża prinċipali tagħha jew minn entità bi skop speċjali ta’ titolizzazzjoni li magħha l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha rabtiet mill-qrib;

(b)

skoperturi fuq terminu qasir għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkwalifikaw għall-iskala tal-kwalità kreditizja 1 jew 2, jew depożiti fuq terminu qasir għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkwalifikaw għall-iskala tal-kwalità kreditizja 1, 2 jew 3, f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw it-tipi ta’ assi likwidi li għandhom jintużaw għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet mhux kollateralizzati minn skoperturi kkunsidrati inadempjenti skont l-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jkunux jistgħu jikkontribwixxu għar-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura.

4.   Fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu bonds koperti jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ likwidità stabbiliti f’atti legali oħra tal-Unjoni li jirriżultaw f’koinċidenza dispositiva mar-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-paragrafi 1, 2 u 3 għall-perjodu previst f’dawk l-atti legali tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw dik l-għażla biss sad-data li fiha ssir applikabbli emenda għal dawk l-atti legali tal-Unjoni biex tiġi eliminata l-koinċidenza dispositiva u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-EBA fejn huma jeżerċitaw dik l-għażla.

5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kalkolu tal-ammont prinċipali għal strutturi ta’ maturità estendibbli jkun ibbażat fuq id-data tal-maturità finali f’konformità mat-termini kuntrattwali u l-kundizzjonijiet tal-bond kopert.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-paragrafu 1 ma japplikax għal bonds koperti li jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ finanzjament simetriku.

Artikolu 17

Kundizzjonijiet għal strutturi ta’ maturità estendibbli

1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-ħruġ ta’ bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli fejn il-protezzjoni tal-investituri tkun żgurata tal-inqas b’dan li ġej:

(a)

il-maturità tista’ tiġi estiża biss soġġett għal avvenimenti skattaturi oġġettivi li jkunu speċifikati fil-liġi nazzjonali, u mhux fid-diskrezzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(b)

l-avvenimenti skattaturi tal-estensjoni tal-maturità jkunu speċifikati fit-termini kuntrattwali u l-kundizzjonijiet tal-bond kopert;

(c)

l-informazzjoni li tingħata lill-investitur dwar l-istruttura tal-maturità tkun biżżejjed sabiex huma jkunu jistgħu jiddeterminaw ir-riskju tal-bond kopert, u tinkludi deskrizzjoni dettaljata ta’:

(i)

l-avvenimenti skattaturi tal-estensjonijiet tal-maturità;

(ii)

il-konsegwenzi għal estensjoni tal-maturità tal-insolvenza jew riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti;

(iii)

ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) u, fejn rilevanti, tal-amministratur speċjali fir-rigward tal-estensjoni tal-maturità;

(d)

id-data finali tal-maturità tal-bond kopert tkun tista’ tiġi determinata f’kull mument;

(e)

fil-każ tal-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti, l-estensjonijiet tal-maturità ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni tal-investituri tal-bonds koperti jew jinvertixxu s-sekwenzar tal-iskeda ta’ maturità oriġinali tal-programm tal-bonds koperti;

(f)

l-estensjoni tal-maturità ma tibdilx il-karatteristiċi strutturali tal-bonds koperti li jirrigwardaw ir-rikors doppju, kif imsemmi fl-Artikolu 4, u l-protezzjoni mill-falliment imsemmija fl-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri li jippermettu l-ħruġ ta’ bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli għandhom jinnotifikaw lill-EBA kif meħtieġ.

TITOLU III

SUPERVIŻJONI PUBBLIKA TA’ BONDS KOPERTI

Artikolu 18

Superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jipprevedu li l-ħruġ ta’ bonds koperti jkun suġġett għal superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti.

2.   Għall-finijiet tas-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-EBA dwar dawk l-awtoritajiet maħtura u għandhom jindikaw kull diviżjoni tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 2 jimmonitorjaw il-ħruġ ta’ bonds koperti sabiex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jirreġistraw it-tranżazzjonijiet kollha tagħhom relatati mal-programm ta’ bonds koperti u jkollhom fis-seħħ sistemi u proċessi ta’ dokumentazzjoni adegwati u xierqa.

5.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jiksbu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jinvestigaw każijiet ta’ ksur possibbli ta’ dawk ir-rekwiżiti, u jimponu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 23.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 2 ikollhom il-kompetenza, ir-riżorsi, il-kapaċità operattiva, is-setgħat u l-indipendenza meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet relatati mas-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti.

Artikolu 19

Permess għal programmi ta’ bonds koperti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li jinkiseb permess għal programm ta’ bonds koperti qabel jinħarġu l-bonds koperti taħt dak il-programm. L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa biex jingħata tali permess lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-permess imsemmi fil-paragrafu 1, inklużi tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

programm adegwat ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxi l-ħruġ ta’ bonds koperti;

(b)

politiki, proċessi u metodoloġiji adegwati mmirati lejn il-protezzjoni tal-investituri għall-approvazzjoni, l-emendar, it-tiġdid u r-rifinanzjament ta’ self inkluż fl-aggregazzjoni ta’ kopertura;

(c)

maniġment u persunal iddedikati għall-programm ta’ bonds koperti li jkollhom kwalifiki u għarfien adegwat dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u l-amministrazzjoni tal-programm ta’ bonds koperti;

(d)

stabbiliment amministrattiv tal-aggregazzjoni ta’ kopertura u tal-monitoraġġ tagħha li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 20

Superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti fil-każ ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom jikkooperaw mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’każ ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti, sabiex jiżguraw li d-drittijiet u l-interessi tal-investituri f’bonds koperti jiġu ppreservati, inkluż, tal-inqas, billi jivverifikaw il-ġestjoni kontinwa u kompetenti tal-programm ta’ bonds koperti matul il-perjodu tal-proċess ta’ riżoluzzjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-ħatra ta’ amministratur speċjali sabiex jiżgura li d-drittijiet u l-interessi tal-investituri f’bonds koperti jiġu ppreservati, inkluż, mill-inqas, billi jivverifikaw il-ġestjoni kontinwa u kompetenti tal-programm ta’ bonds koperti matul il-perjodu neċessarju.

Fejn l-Istati Membri jeżerċitaw dik l-għażla, huma jistgħu jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom maħtura skont l-Artikolu 18(2) japprovaw il-ħatra u t-tneħħija tal-amministratur speċjali. L-Istati Membri li jeżerċitaw dik l-għażla għandhom tal-inqas jirrikjedu li dawk l-awtoritajiet kompetenti jiġu kkonsultati dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-amministratur speċjali.

3.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-ħatra ta’ amministratur speċjali f’konformità mal-paragrafu 2, huma għandhom jadottaw regoli li jistabbilixxu l-kompiti u r-responsabbiltajiet ta’ dak l-amministratur speċjali, tal-inqas fir-rigward ta’:

(a)

il-kwittanza tal-obbligazzjonijiet marbutin mal-bonds koperti;

(b)

il-ġestjoni u r-realizzazzjoni tal-assi ta’ kopertura, inkluż it-trasferiment tagħhom flimkien ma’ obbligazzjonijiet ta’ bonds koperti għal istituzzjoni ta’ kreditu oħra li toħroġ bonds koperti;

(c)

it-tranżazzjonijiet legali meħtieġa għall-amministrazzjoni xierqa tal-aggregazzjoni ta’ kopertura, għall-monitoraġġ kontinwu ta’ kopertura tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-bonds koperti, biex jingħata bidu għall-proċedimenti sabiex jerġgħu jiddaħħlu lura assi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura u għat-trasferiment tal-assi li jifdal għall-proprjetà tal-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu li ħarġet il-bonds koperti wara li jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet kollha ta’ bonds koperti.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-amministratur speċjali jopera, fil-każ ta’ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti, taħt l-awtorizzazzjoni miżmuma minn dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, soġġett għall-istess rekwiżiti operazzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-proċess ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2), l-amministratur speċjali, fejn tali amministratur ikun ġie maħtur, u, fil-każ ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 21

Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti jirrapportaw l-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 2 dwar il-programmi ta’ bonds koperti lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2). Dak ir-rapportar għandu jsir fuq bażi regolari kif ukoll fuq talba ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-frekwenza ta’ dak ir-rapportar regolari.

2.   L-obbligi tar-rapportar stabbiliti skont il-paragrafu 1 għandhom jirrikjedu li l-informazzjoni li għandha tingħata tinkludi mill-inqas informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-eliġibbiltà tar-rekwiżiti tal-assi u tal-aggregazzjoni ta’ kopertura f’konformità mal-Artikoli 6 sa 11;

(b)

is-segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura f’konformità mal-Artikolu 12;

(c)

fejn applikabbli, il-funzjonament tal-monitor tal-aggregazzjoni ta’ kopertura f’konformità mal-Artikolu 13;

(d)

ir-rekwiżiti ta’ kopertura f’konformità mal-Artikolu 15;

(e)

ir-riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura f’konformità mal-Artikolu 16;

(f)

fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet għal strutturi ta’ maturità estendibbli f’konformità mal-Artikolu 17.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi provduta taħt il-paragrafu 2 mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħorġu l-bonds koperti lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) fil-każ tal-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti.

Artikolu 22

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiettas-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri billi jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) is-setgħat kollha ta’ superviżjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni li jkunu meħtieġa biex jitwettaq il-kompitu tas-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti.

2.   Is-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom mill-anqas jinkludu dan li ġej:

(a)

is-setgħa li jingħata jew jiċċaħħad permess skont l-Artikolu 19;

(b)

is-setgħa tar-rieżami regolari tal-programm ta’ bonds koperti sabiex tiġi vvalutata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva;

(c)

is-setgħa li jsiru verifiki fuq il-post u verifiki mhux fuq il-post;

(d)

is-setgħa li jiġu imposti penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 23;

(e)

is-setgħa li jiġu adottati u implimentati linji gwida superviżorji relatati mal-ħruġ ta’ bonds koperti.

Artikolu 23

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal pieni kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jistabbilixxu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra adegwati li japplikaw mill-inqas fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

istituzzjoni ta’ kreditu tkun kisbet permess għal programm ta’ bonds koperti permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew mezzi irregolari oħra;

(b)

istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx baqgħet tissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom ingħata permess għal programm ta’ bonds koperti;

(c)

istituzzjoni ta’ kreditu toħroġ bonds koperti mingħajr ma tikseb il-permess f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 19;

(d)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 4;

(e)

istituzzjoni ta’ kreditu toħroġ bonds koperti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 5;

(f)

istituzzjoni ta’ kreditu toħroġ bonds koperti li ma jkunux kollateralizzati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6;

(g)

istituzzjoni ta’ kreditu toħroġ bonds koperti li jkunu kollateralizzati minn assi li jinsabu barra mill-Unjoni bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 7;

(h)

istituzzjoni ta’ kreditu tikkollateralizza bonds koperti fi struttura ta’ bonds koperti aggregati b’mod intragrupp bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 8;

(i)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal finanzjament konġunt stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 9;

(j)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta’ kopertura stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 10;

(k)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward ta’ kuntratti tad-derivattivi fl-aggregazzjoni ta’ kopertura stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 11;

(l)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tas-segregazzjoni tal-assi ta’ kopertura f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 12;

(m)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti tonqos milli tirrapporta informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux preċiża bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 14;

(n)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti b’mod ripetut jew persistenti tonqos milli żżomm riżerva ta’ likwidità tal-aggregazzjoni ta’ kopertura bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 16;

(o)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal strutturi ta’ maturità estendibbli li jkunu stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 17;

(p)

istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti tonqos milli tirrapporta informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux preċiża dwar l-obbligi tagħha bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 21(2).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jipprovdux għal penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra għal każijiet ta’ ksur li jkunu soġġetti għal pieni kriminali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali lill-Kummissjoni.

2.   Il-penali u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, tal-inqas, għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

l-irtirar ta’ permess għal programm ta’ bonds koperti;

(b)

dikjarazzjoni pubblika, li tindika l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika u n-natura tal-ksur f’konformità mal-Artikolu 24;

(c)

ordni li titlob lill-persuna fiżika jew ġuridika biex tieqaf mill-imġiba u ma tirrepetihiex;

(d)

penali pekunarji amministrattivi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-penali u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jiġu implimentati b’mod effettiv.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip ta’ penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra u l-ammont tal-penali pekunarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jqisu ċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin, fejn ikun rilevanti:

(a)

il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, inkluż b’referenza għall-fatturat totali tal-persuna ġuridika jew l-introjtu annwali tal-persuna fiżika;

(d)

l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur, sa fejn dawk il-profitti jew it-telf ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e)

it-telf ikkawżat lil partijiet terzi mill-ksur, sa fejn dan it-telf ikun jista’ jiġi ddeterminat;

(f)

il-livell ta’ kooperazzjoni mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur mal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2);

(g)

kwalunkwe każ ta’ ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

(h)

kwalunkwe konsegwenza sistemika reali jew potenzjali tal-ksur.

5.   Fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għall-persuni ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) japplikaw il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal membri tal-korp maniġerjali u għal individwi oħrajn li taħt il-liġi nazzjonali jkunu responsabbli għall-ksur.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2), qabel ma jieħdu deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra kif stipulat fil-paragrafu 2, jagħtu lill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata l-opportunità li tinstema’. L-eċċezzjonijiet għad-dritt li wieħed jinstema’ jistgħu japplikaw għall-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri amministrattivi l-oħra fejn tkun meħtieġa azzjoni urġenti sabiex jiġi evitat telf sinifikanti għal partijiet terzi jew dannu sinifikanti lis-sistema finanzjarja. F’tali każijiet, il-persuna kkonċernata għandha tingħata l-opportunità li tinstema’ mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tal-miżura amministrattiva u, fejn meħtieġ, dik il-miżura għandha tiġi riveduta.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra kif stipulat fil-paragrafu 2 tkun motivata kif xieraq u tkun soġġetta għad-dritt tal-appell.

Artikolu 24

Pubblikazzjoni ta’ penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jinkludu regoli li jirrikjedu li l-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra jiġu ppubblikati mingħajr dewmien żejjed fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2). L-istess obbligi japplikaw fejn Stat Membru jiddeċiedi li jipprovdi għal pieni kriminali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1).

2.   Ir-regoli adottati skont il-paragrafu 1 għandhom mill-inqas jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata jew ma tistax iktar tiġi appellata, u li tkun imposta għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali pubblikazzjoni tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha tiġi imposta l-penali jew miżura. Soġġett għall-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li tali informazzjoni tiġi ppubblikata mingħajr dewmien żejjed wara li d-destinatarju jkun ġie infurmat dwar dik il-piena jew il-miżura kif ukoll dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-penali jew miżura fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2).

4.   Fejn l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi penali jew miżuri oħra li kontrihom ikun hemm appell pendenti, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jippubblikaw ukoll fuq is-siti web uffiċjali tagħhom, informazzjoni dwar l-istatus tal-appell u l-eżitu tiegħu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jippubblikaw id-deċiżjoni li timponi l-penali jew miżuri fuq bażi anonima u f’konformità mal-liġi nazzjonali, f’kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn il-penali jew miżura tkun ġiet imposta fuq persuna fiżika u l-pubblikazzjoni tad-data personali tinstab li tkun sproporzjonata;

(b)

fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;

(c)

fejn il-pubblikazzjoni tikkawża, sa fejn dan ikun jista’ jiġi ddeterminat, dannu sproporzjonat lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew lill-persuni fiżiċi involuti.

6.   Fejn Stat Membru jippubblika deċiżjoni li timponi penali jew miżura fuq bażi anonima, huwa jista’ jippermetti li l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tiġi posposta.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull deċiżjoni finali mill-qorti li tannulla deċiżjoni li timponi penali jew miżura tiġi ppubblikata wkoll.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafi minn 2 sa 6 tibqa’ fuq is-siti web uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għal tal-anqas ħames snin mid-data tal-pubblikazzjoni. Id-data personali li tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali għall-perjodu li jkun meħtieġ u f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Tali perjodu ta’ żamma għandu jiġi ddeterminat billi jitqiesu l-perjodi ta’ limitazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati iżda fl-ebda każ m’għandu jkun itwal minn għaxar snin.

9.   L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom jinfurmaw lill-EBA dwar kull penali amministrattiva u miżuri amministrattivi oħra imposti, inkluż, fejn rilevanti, kwalunkwe appell relattiv għalihom u l-eżitu ta’ dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u dettalji tas-sentenza finali relattivament għal kull piena kriminali imposta, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreżentaw ukoll lill-EBA.

10.   L-EBA għandha żżomm bażi ċentrali ta’ data tal-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra kkomunikati lilha. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli biss lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) u għandha tiġi aġġornata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn dawk l-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 25

Obbligi ta’ kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu s-superviżjoni ġenerali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni rilevanti applikabbli għal dawk l-istituzzjonijiet u mal-awtorità tar-riżoluzzjoni fil-każ ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ bonds koperti.

2.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin. Dik il-kooperazzjoni għandha tinkludi li dawn l-awtoritajiet jagħtu lil xulxin kull informazzjoni li tkun rilevanti għall-eżerċitar tal-kompiti ta’ superviżjoni tal-awtoritajiet l-oħra taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

3.   Għall-finijiet tat-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jikkomunikaw:

(a)

l-informazzjoni rilevanti kollha fuq talba ta’ awtorità kompetenti oħra maħtura skont l-Artikolu 18(2); u

(b)

fuq inizjattiva tagħhom stess, kull informazzjoni essenzjali lil awtoritajiet kompetenti oħra maħtura skont l-Artikolu 18(2) fi Stati Membri oħrajn.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) jikkooperaw mal-EBA, jew fejn rilevanti, mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni għandha titqies bħala essenzjali jekk tkun tista’ tinfluwenza b’mod materjali l-valutazzjoni tal-ħruġ ta’ bonds koperti fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 26

Rekwiżiti ta’ żvelar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata mill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) fuq is-siti web uffiċjali tagħhom:

(a)

it-testi tal-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti, ir-regoli amministrattivi u l-gwida ġenerali tagħhom adottati fir-rigward tal-ħruġ ta’ bonds koperti;

(b)

il-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom il-permess joħorġu bonds koperti;

(c)

il-lista ta’ bonds koperti li huma intitolati jużaw it-tikketta “Bond Kopert Ewropew” u l-lista ta’ bonds koperti li huma intitolati jużaw it-tikketta “Bond Kopert Ewropew (Premium)”.

2.   L-informazzjoni ppubblikata f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tkun suffiċjenti biex ikun jista’ jsir paragun sodisfaċenti rigward l-approċċi adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti maħtura skont l-Artikolu 18(2). Dik l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata biex tikkunsidra kull bidla.

3.   L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) għandhom jinnotifikaw lill-EBA fuq bażi annwali dwar il-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-listi ta’ bonds koperti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1.

TITOLU IV

TIKKETTAR

Artikolu 27

Tikkettar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tikketta “Bonds Koperti Ewropej” u t-traduzzjoni uffiċjali tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni jintużaw biss għal bonds koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tikketta “Bond Kopert Ewropew (Premium)” u t-traduzzjoni uffiċjali tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni jintużaw biss għal bonds koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/2160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

TITOLU V

EMENDI GĦAL DIRETTIVI OĦRA

Artikolu 28

Emenda għad-Direttiva 2009/65/KE

L-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu ta’ 5 % stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għal massimu ta’ 25 % għal bonds inħarġu qabel it-8 ta’ Lulju 2022 u ssodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan il-paragrafu kif applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, jew fejn bonds jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ bonds koperti fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Id-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE (ĠU L328, 18.12.2019, p. 1).”;"

(2)

it-tielet subparagrafu huwa mħassar.

Artikolu 29

Emenda għad-Direttiva 2014/59/UE

Fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/59/UE, il-punt 96 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(96)

“bond kopert” tfisser bond kopert kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew, fir-rigward ta’ strument li nħareġ qabel it-8 ta’ Lulju 2022, bond kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva (UE) 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), kif applikabbli fid-data tal-ħruġ tiegħu;

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bonds koperti maħruġin qabel it-8 ta’ Lulju 2022 li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, kif applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5 sa 12 u l-Artikoli 15, 16, 17 u 19 ta’ din id-Direttiva, iżda jistgħu jkomplu jissemmew bħala bonds koperti f’konformità ma’ din id-Direttiva sal-maturità tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18(2) ta’ din id-Direttiva jimmonitorjaw il-konformità ta’ bonds koperti maħruġin qabel it-8 ta’ Lulju 2022 mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE, kif applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, sa fejn dawn ikunu applikabbli f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-paragrafu 1 għal kontinwazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ bonds koperti li għalihom il-ftuħ tal-ISIN ikun qabel it-8 ta’ Lulju 2022 sa 24 xahar wara dik id-data, dment li dawk il-kontinwazzjonijiet ta’ ħruġ ikunu konformi mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

id-data tal-maturità tal-bond kopert tkun qabel it-8 ta’ Lulju 2027;

(b)

id-daqs tal-ħruġ totali tal-kontinwazzjonijiet ta’ ħruġ li jsiru wara t-8 ta’ Lulju 2022 ma jeċċedix id-doppju tad-daqs ta’ ħruġ totali tal-bonds koperti pendenti f’dik id-data;

(c)

id-daqs totali tal-ħruġ tal-bond kopert fil-maturità ma jeċċedix EUR 6 000 000 000 jew l-ammont ekwivalenti fil-munita domestika;

(d)

l-assi kollaterali jinsabu fl-Istat Membru li japplika l-paragrafu 1 għal kontinwazzjonijiet ta’ ħruġ ta’ bonds koperti.

Artikolu 31

Rieżami u rapporti

1.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk xieraq, dwar jekk, u jekk ikun il-każ, kif reġim ta’ ekwivalenza jista’ jiġi introdott għal istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ pajjiżi terzi li joħorġu l-bonds koperti u għal investituri f’dawk il-bonds koperti, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam ta’ bonds koperti, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-oqfsa leġiżlattivi fil-pajjiżi terzi.

2.   Sat-8 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-livell tal-protezzjoni tal-investituri u dwar l-iżviluppi li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ bonds koperti fl-Unjoni. Ir-rapport għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

l-iżviluppi li jirrigwardaw l-għadd ta’ permessi għall-ħruġ ta’ bonds koperti;

(b)

l-iżviluppi li jirrigwardaw l-għadd ta’ bonds koperti maħruġin f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u mal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

l-iżviluppi li jirrigwardaw l-assi li jikkollateralizzaw il-ħruġ ta’ bonds koperti;

(d)

l-iżviluppi li jirrigwardaw il-livell ta’ sovrakollateralizzazzjoni;

(e)

l-investimenti transfruntieri fil-bonds koperti, inkluż investiment ’il ġewwa minn, u investiment ’il barra lejn, pajjiżi terzi;

(f)

l-iżviluppi li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli;

(g)

l-iżviluppi rigward ir-riskji u l-benefiċċji tal-użu tal-iskoperturi kif imsemmija fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(h)

il-funzjonament tas-swieq ta’ bonds koperti.

3.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni.

4.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, wara li tikkummissjona u tirċievi studju li jivvaluta r-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw minn bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli u wara konsultazzjoni mal-EBA, il-Kummissjoni għandha tadotta rapport u għandha tissottometti dak l-istudju u dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk xieraq.

5.   Sat-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta rapport dwar il-possibbiltà li jiġi introdott strument ta’ rikors doppju bl-isem Noti Garantiti Ewropej. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk xieraq.

Artikolu 32

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-8 ta’ Lulju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mhux aktar tard mit-8 ta’ Lulju 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 34

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 56.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019.

(3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BERS/2012/2) (ĠU C 119, 25.4.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d- Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(10)  “EBA Report on covered bonds - Recommendations on harmonisation of covered bond frameworks in the EU (2016)” (Rapport dwar il-bonds koperti - Rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-oqfsa ta’ bonds koperti fl-UE) (2016), EBA-Op-2016-23.

(11)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17 ).

(12)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(14)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2019/2160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ skoperturi fil-forma ta’ bonds koperti (Ara paġna … ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).