24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/6


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1258

tat-23 ta' Lulju 2019

li temenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku, l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' unitajiet SI bażi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-kejl kif ukoll għall-metodi ta' kontroll metroloġiku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE (2) tiddefinixxi l-unitajiet ta' kejl li għandhom jintużaw fl-Unjoni biex il-kejl u l-indikazzjonijiet ta' kwantitajiet ikunu jistgħu jiġu espressi f'konformità mas-Sistema Internazzjonali tal-Unitajiet (SI), adottata mill-Konferenza Ġenerali dwar l-Piżijiet u l-Kejl (CGPM) stabbilita mill-Konvenzjoni tal-Metru li ġiet iffirmata f'Pariġi fl-20 ta' Mejju 1875.

(2)

Id-Direttiva 2009/34/KE tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-adozzjoni ta' Direttivi separati dwar, fost l-oħrajn, l-istrumenti tal-kejl u r-rekwiżiti tekniċi tagħhom, l-unitajiet ta' kejl u l-armonizzazzjoni ta' metodi ta' kejl u ta' kontroll metroloġiku. L-Artikolu 16 ta' dik id-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni tista' temenda l-annessi tad-Direttivi separati msemmija fl-Artikolu 1 tagħha għall-għan ta' adattament għall-progress tekniku, inkluż il-Kapitolu I tal-Anness tad-Direttiva 80/181/KEE.

(3)

Waqt l-24 laqgħa tagħha fl-2011, is-CGPM iddeċiediet dwar mod ġdid kif tiddefinixxi l-SI abbażi ta' sett ta' seba' kostanti ta' definizzjoni derivati mill-kostanti fundamentali tal-fiżika u minn kostanti oħrajn tan-natura. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fil-25 laqgħa tas-CGPM fl-2014.

(4)

Fis-26 laqgħa tas-CGPM fl-2018 ġew adottati definizzjonijiet ġodda tal-unitajiet SI bażi. Id-definizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju l-ġdid ta' valuri numeriċi fissi tal-kostanti ta' definizzjoni u se jkunu effettivi mill-20 ta' Mejju 2019. Id-definizzjonijiet il-ġodda huma mistennija li jtejbu l-istabbiltà u l-affidabbiltà fit-tul tal-unitajiet SI bażi, kif ukoll l-akkuratezza u ċ-ċarezza tal-kejl.

(5)

Id-definizzjonijiet il-ġodda adottati mis-CGPM jirriflettu l-aktar żviluppi reċenti fix-xjenza u fl-istandards tal-kejl. Sabiex id-definizzjonijiet tal-unitajiet SI bażi stabbiliti fid-Direttiva 80/181/KEE jiġu adattati għall-progress tekniku u b'hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi tal-SI, jeħtieġ li dawn jiġu allinjati mad-definizzjonijiet il-ġodda.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 80/181/KEE tiġi emendata skont dan.

(7)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika mill-istess data għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-data tat-traspożizzjoni, sabiex ikun hemm fis-seħħ implimentazzjoni uniformi tad-Direttiva 80/181/KEE.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġġustament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/34/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda

L-Anness tad-Direttiva 80/181/KEE huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   Sa mhux aktar tard mit-13 ta' Mejju 2020, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-13 ta' Ġunju 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 106, 28.4.2009, p. 7.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE tal-20 ta' Diċembru 1979 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl u dwar l-irrevokar tad-Direttiva 71/354/KEE (ĠU L 39, 15.2.1980, p. 40).


ANNESS

Fl-Anness, it-Taqsima 1.1 tal-Kapitolu I hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.1.   Unitajiet SI bażi

Kwantità

Unità

Isem

Simbolu

Ħin

sekonda

s

Tul

metru

m

Massa

kilogramm

kg

Kurrent elettriku

ampere

A

Temperatura termodinamika

kelvin

K

L-ammont tas-sustanza

mole

mol

Intensità luminuża

candela

cd

Definizzjonijiet tal-unitajiet SI bażi:

 

Unità tal-ħin

Is-sekonda, bis-simbolu s, hija l-unità SI tal-ħin. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-frekwenza taċ-ċesju ΔνCs, il-frekwenza tat-tranżizzjoni iperfina tal-atomu taċ-ċesju mhux perturbat tal-atomu taċ-ċesju 133, jittieħed bħala 9 192 631 770 meta jiġi espress fl-unità Hz, li hu ugwali għal s-1.

 

Unità tat-tul

Il-metru, bis-simbolu m, huwa l-unità SI tat-tul. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-veloċità tad-dawl f'vakwu c jittieħed bħala 299 792 458 meta jiġi espress fl-unità m/s, fejn is-sekonda hija definita f'termini ta' ΔνCs.

 

Unità tal-massa

Il-kilogramm, bis-simbolu kg, huwa l-unità SI tal-massa. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-Planck constant h jittieħed bħala 6,626 070 15 × 10– 34 meta jiġi espress fl-unità J s, li hu ugwali għal kg m2 s– 1, fejn il-metru u s-sekonda huma definiti f'termini ta' c u Δν Cs.

 

Unità tal-kurrent elettriku

L-ampere, bis-simbolu A, hija l-unità SI tal-kurrent elettriku. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss taċ-ċarġ elementari e jittieħed bħala 1,602 176 634 × 10– 19 meta jiġi espress fl-unità C, li hu ugwali għal A s, fejn is-sekonda hija definita f'termini ta' ΔνCs.

 

Unità tat-temperatura termodinamika

Il-kelvin, bis-simbolu K, hija l-unità SI tat-temperatura termodinamika. huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-Boltzmann constant k jittieħed bħala 1,380 649 × 10– 23 meta jiġi espress fl-unità J K– 1, li hu ugwali għal kg m2 s-2 K– 1, fejn il-kilogramm, il-metru u s-sekonda huma definiti f'termini ta' h, c u ΔνCs.

 

Unità ta' ammont ta' sustanza

Il-mole, bis-simbolu mol, huwa l-unità SI tal-ammont ta' sustanza. Mole wieħed fih eżattament 6,022 140 76 × 1023 entità elementari. Dan in-numru huwa l-valur numeriku fiss tal-Avogadro constant, NA, meta jiġi espress fl-unità mol-1 u jissejjaħ in-numru Avogadro.

L-ammont ta' sustanza, bis-simbolu n, ta' sistema, hija l-kejl tal-għadd ta' entitajiet elementari speċifikati. Entità elementari tista' tkun atomu, molekula, jon, elettron jew partiċella oħra, jew grupp speċifikat ta' partiċelli.

 

Unità tal-intensità luminuża

Il-candela, bis-simbolu cd, hija l-unità SI tal-intensità luminuża f'direzzjoni partikolari. Hija definita billi l-valur numeriku fiss tal-effikaċja luminuża tar-radjazzjoni monokromatika tal-frekwenza 540 × 1012 Hz, K cd, jittieħed bħala 683 meta jiġi espress fl-unità W– 1, li hu ugwali għal cd sr W– 1, jew cd sr kg– 1 m– 2 s3, fejn il-kilogramm, il-metru u s-sekonda huma definiti f'termini ta' h, c u Δν Cs.

1.1.1.   Isem speċjali u simbolu tal-unità SI imnissla tat-temperatura għall-espressjoni tat-temperatura f'Celsius

Kwantità

Unità

Isem

Simbolu

Temperatura f'Celsius

grad Celsius

°C

It-temperatura Celsius t hija definita bħala d-differenza t = T – T0 bejn iż-żewġ temperaturi termodinamiċi T u T0 fejn T0 = 273,15 K. Intervall jew differenza fit-temperatura jistgħu jiġu espressi f'kelvins jew fi gradi Celsius. L-unità ‘grad Celsius’ hija ugwali għall-unità ‘kelvin’.”