26.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/56


DIRETTIVA (UE) 2019/1024 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata b'mod sostanzjali. Peress li jridu jsiru aktar emendi, minħabba ċ-ċarezza jenħtieġ li ssir riformulazzjoni ta' dik id-Direttiva.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/98/KE u ħames snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li emendat id-Direttiva 2003/98/KE, wara li kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-Kummissjoni evalwat u rieżamat il-funzjonament tad-Direttiva 2003/98/KE fil-qafas ta' programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni.

(3)

Wara l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u fid-dawl tar-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset li kienet meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-ostakli emerġenti u li kien għad fadal b'rabta mal-użu wiesa' tal-informazzjoni tas-settur pubbliku u l-informazzjoni ffinanzjata mill-pubbliku fl-Unjoni kollha, sabiex il-qafas leġislattiv taġġornah mal-avvanzi fit-teknoloġiji diġitali, u sabiex tkompli tistimula l-innovazzjoni diġitali, speċjalment fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali.

(4)

Il-bidliet sostantivi li ddaħħlu fit-test ġuridiku biex jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropej, jenħtieġ li jiffokaw fuq dawn l-oqsma li ġejjin: l-għoti ta' aċċess f'ħin reali għal data dinamika b'mezzi tekniċi xierqa, iż-żieda fil-forniment ta' data pubblika ta' valur għall-użu mill-ġdid, inkluż mill-impriżi pubbliċi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka, l-indirizzar ta' kull bidu ta' forma ġdida ta' arranġamenti esklussivi, l-użu tal-eżenzjonijiet għall-prinċipju tat-tariffar tal-ispiża marġinali u r-relazzjoni bejn din id-Direttiva u ċerti strumenti legali relatati, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttivi 96/9/KE (6), 2003/4/KE (7) u 2007/2/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)

L-aċċess għall-informazzjoni huwa dritt fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta) tipprovdi li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż il-libertà li wieħed ikollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika irrispettivament mill-fruntieri.

(6)

L-Artikolu 8 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt tal-protezzjoni ta' data personali u jipprovdi li din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet speċifikati, abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq xi bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi, u soġġett għall-kontroll ta' awtorità indipendenti.

(7)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-istabbiliment ta' suq intern u ta' sistema li tassigura li ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern. L-armonizzazzjoni tar-regoli u l-prattiki fl-Istati Membri b'rabta mal-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(8)

Is-settur pubbliku fl-Istati Membri jiġbor, jiġġenera, jirriġenera u jxerred firxa wiesgħa ta' informazzjoni f'diversi oqsma ta' attività, fosthom oqsma soċjali, politiċi, ekonomiċi, legali, ġeografiċi, ambjentali, meteoroloġiċi, ta' sismiċità, turistiċi, kummerċjali, dwar il-privattivi u edukattivi. Id-dokumenti ġġenerati mill-korpi tas-settur pubbliku tal-eżekuttiv, tal-leġislattiv jew tal-ġudikatura jikkostitwixxu ġabra vasta, diversa u prezzjuża ta' riżorsi li minnhom tista' tibbenefika s-soċjetà. L-għoti ta' dik l-informazzjoni, li tinkludi data dinamika, f'format elettroniku użat b'mod komuni jippermetti liċ-ċittadini u l-entitajiet ġuridiċi jsibu modi ġodda kif jużawha u joħolqu prodotti u servizzi ġodda u innovattivi. L-Istati Membri u l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jibbenefikaw minn u jirċievu appoġġ finanzjarju adegwat minn fondi u programmi rilevanti tal-Unjoni, u b'hekk jiżguraw użu wiesa' ta' teknoloġiji diġitali jew it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi, fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu d-data disponibbli faċilment għall-użu mill-ġdid.

(9)

L-informazzjoni tas-settur pubbliku tirrappreżenta sors straordinarja ta' data li tista' tikkontribwixxi għat-titjib tas-suq intern u għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ġodda għall-konsumaturi u l-entitajiet ġuridiċi. L-użu tad-data intelliġenti, inkluż l-ipproċessar tagħha permezz ta' applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali, jista' jkollu effett trasformattiv fuq is-setturi kollha tal-ekonomija.

(10)

Id-Direttiva 2003/98/KE stabbiliet sett ta' regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid ta' dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri, inkluż il-korpi eżekuttivi, leġislattivi jew ġudizzjarji. Minn mindu ġie adottat l-ewwel sett ta' regoli dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, l-ammont ta' data fid-dinja, inkluż id-data pubblika, żdied b'mod esponenzjali u qed jiġu ġġenerati u jinġabru tipi ġodda ta' data. B'mod parallel, hemm evoluzzjoni kontinwa fit-teknoloġiji għall-analiżi, l-isfruttar u l-ipproċessar tad-data, bħat-tagħlim awtomatiku, l-intelliġenza artifiċjali, u l-Internet tal-oġġetti. Dik l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla tippermetti l-ħolqien ta' servizzi u applikazzjonijiet ġodda, mibnija fuq l-użu, l-aggregazzjoni u l-kombinazzjoni tad-data. Ir-regoli li oriġinarjament ġew adottati fl-2003, u emendati fl-2013, ma għadhomx jimxu paripassu ma' dawk il-bidliet mgħaġġla, u minħabba f'hekk, jeżisti r-riskju li jintilfu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali li joffri l-użu mill-ġdid tad-data pubblika.

(11)

L-evoluzzjoni lejn soċjetà bbażata fuq id-data, fejn tintuża data minn sferi u attivitajiet differenti, tinfluwenza l-ħajja ta' kull ċittadin fl-Unjoni, inter alia għax tippermettilhom jiksbu mezzi ġodda għall-aċċess u l-kisba tal-għarfien.

(12)

Il-kontenut diġitali għandu rwol importanti f'dik l-evoluzzjoni. Il-produzzjoni tal-kontenut tat lok għall-ħolqien mgħaġġel ta' impjiegi fis-snin reċenti u tkompli tagħmel dan. Il-parti l-kbira ta' dawk l-impjiegi jinħolqu minn negozji ġodda innovattivi u intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

(13)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istabbiliment ta' suq intern hu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta' servizzi u prodotti fl-Unjoni kollha u fl-Istati Membri. L-informazzjoni tas-settur pubbliku jew informazzjoni miġbura, ġġenerata, riġenerata, u mxerda fi ħdan l-eżerċizzju ta' kompitu pubbliku jew servizz ta' interess ġenerali, hi materjal primarju importanti għall-prodotti u s-servizzi b'kontenut diġitali u ser issir riżors ta' kontenut ferm aktar importanti bl-iżvilupp ta' teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-intelliġenza artifiċjali, teknoloġiji tar-reġistru distribwit u l-Internet tal-oġġetti. Anki l-kopertura ġeografika transfruntiera wiesgħa ser tkun essenzjali f'dak il-kuntest. Possibbiltajiet miżjuda għall-użu mill-ġdid ta' informazzjoni bħal din, huma mistennija li, inter alia, jippermettu lin-negozji tal-Unjoni kollha, inklużi l-mikrointrapriżi u l-SMEs, kif ukoll is-soċjetà ċivili, li jisfruttaw il-potenzjal tagħha u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien u l-protezzjoni ta' impjiegi ta' kwalità għolja, speċjalment għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, u għal għanijiet soċjetali importanti bħalma huma r-responsabbiltà u t-trasparenza.

(14)

L-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn korp tas-settur pubbliku żżid il-valur għall-benefiċċju tal-utenti li jużaw mill-ġdid l-informazzjoni, għall-utenti aħħarija u għas-soċjetà b'mod ġenerali, u ħafna drabi, għall-benefiċċju tal-korp tas-settur pubbliku nnifsu, billi tippromwovi t-trasparenza u l-kontabbiltà, u billi tipprovdi r-rispons tal-utenti li jużaw mill-ġdid u tal-utenti aħħarija, li jippermetti lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat li jtejjeb il-kwalità tal-informazzjoni miġbura u l-prestazzjoni tal-kompiti tagħha.

(15)

Hemm differenzi konsiderevoli fir-regoli u l-prattiki tal-Istati Membri b'rabta mal-isfruttar tar-riżorsi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, li joħolqu ostakli għal kisba sħiħa tal-potenzjal ekonomiku ta' dak ir-riżors ta' dokument ewlieni. Il-fatt li l-prattika tal-korpi tas-settur pubbliku fl-isfruttar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għadha tvarja fost l-Istati Membri jenħtieġ li jiġi kkunsidrat. L-armonizzazzjoni minima tar-regoli u l-prattiki nazzjonali dwar l-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku għalhekk jenħtieġ li titwettaq, fil-każijiet meta d-differenzi fir-regolamenti u l-prattiki nazzjonali jew in-nuqqas ta' ċarezza jxekklu l-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Unjoni.

(16)

Id-data miftuħa bħala kunċett hija ġeneralment mifhuma li tfisser data f'format miftuħ li tista' tintuża, terġa' tintuża, u tiġi kondiviża b'mod liberu minn kulħadd għal kwalunkwe għan. Il-politiki tad-data miftuħa li jinkoraġġixxu d-disponibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid mifrux tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għal finijiet privati jew kummerċjali, bl-ebda restrizzjoni legali, teknika jew finanzjarja, u li jippromwovu ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni mhux biss għall-operaturi ekonomiċi iżda primarjament għall-pubbliku, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-involviment soċjali, u l-għoti ta' bidu u l-promozzjoni tal-iżvilupp ta' servizzi ġodda msejsa fuq mezzi ġodda biex tiġi kkombinata u użata l-informazzjoni msemmija. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-ħolqien ta' data bbażata fuq il-prinċipju ta' “ftuħ sa mill-fażi tad-disinn u b'mod awtomatiku”, fir-rigward tad-dokumenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. B'hekk jiżguraw livell konsistenti ta' protezzjoni tal-objettivi tal-interess pubbliku, bħas-sigurtà pubblika, inkluż fejn hija kkonċernata informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll il-protezzjoni tad-data personali, inkluż fejn l-informazzjoni f'sett ta' data individwali ma tippreżentax riskju ta' identifikazzjoni jew singolarizzazzjoni ta' persuna fiżika, imma meta dik l-informazzjoni tiġi kkombinata ma' informazzjoni disponibbli oħra, tista' tinvolvi dan ir-riskju.

(17)

Barra minn hekk, mingħajr l-armonizzazzjoni minima fil-livell tal-Unjoni, l-attività leġislattiva fil-livell nazzjonali, li diġà nbdiet f'għadd ta' Stati Membri biex twieġeb għall-isfidi teknoloġiċi, tista' twassal għal aktar diverġenzi sinifikattivi. L-impatt ta' dik id-diverġenza leġislattiva u l-inċertezzi ser isiru aktar sinifikanti b'aktar żvilupp fis-soċjetà tal-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttar transfruntier tal-informazzjoni.

(18)

L-Istati Membri stabbilew politiki dwar l-użu mill-ġdid skont id-Direttiva 2003/98/KE, u wħud minnhom ilhom jadottaw approċċi ambizzjużi tad-data miftuħa, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid tad-data pubblika aċċessibbli għaċ-ċittadini u għall-entitajiet ġuridiċi, lil hinn mil-livell minimu stabbilit f'dik id-Direttiva. Hemm riskju li regoli diverġenti fl-Istati Membri jaġixxu bħala ostaklu għall-offerta transfruntiera ta' prodotti u servizzi u jipprevjenu settijiet tad-data pubblika komparabbli milli jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal applikazzjonijiet pan-Unjoni imsejsa fuqhom. Għalhekk, hija meħtieġa armonizzazzjoni minima biex jiġi determinat x'data pubblika tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid fis-suq intern tal-informazzjoni, li tkun konsistenti ma' u li ma taffettwax ir-reġimi rilevanti ta' aċċess, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, bħal dak definit fid-Direttiva 2003/4/KE. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali li jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti minimi, b'mod partikolari fil-każijiet tal-liġi settorjali, jenħtieġ li jibqgħu japplikaw. L-eżempji ta' dispożizzjonijiet li jaqbżu l-livell minimu ta' armonizzazzjoni ta' din id-Direttiva jinkludu limiti tat-tariffi permissibbli tal-użu mill-ġdid li jkunu inqas mil-limiti previsti f'din id-Direttiva jew termini tal-liċenzjar inqas restrittivi minn dawk imsemmija f'din id-Direttiva. B'mod partikolari, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jaqbżu l-livell minimu ta' armonizzazzjoni ta' din id-Direttiva kif stabbilit f'Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni adottati skont id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(19)

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti f'din id-Direttiva billi japplikaw ir-rekwiżiti tagħha għal dokumenti miżmuma minn impriżi pubbliċi, li huma relatati ma' attivitajiet li jkunu nstabu, skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li huma direttament esposti għall-kompetizzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva għal impriżi privati, b'mod partikolari dawk li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali.

(20)

Qafas ġenerali għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku hu meħtieġ biex jiżgura kundizzjonijiet ġusti, proporzjonati u mhux diskriminatorji għall-użu mill-ġdid ta' dik l-informazzjoni. Il-korpi tas-settur pubbliku jiġbru, jiġġeneraw, jirriġeneraw u jxerrdu dokumenti biex iwettqu l-kompiti pubbliċi tagħhom. L-impriżi pubbliċi jiġbru, jiġġeneraw, jirriġeneraw u jxerrdu dokumenti biex jipprovdu servizzi fl-interess ġenerali. L-użu ta' dawk id-dokumenti għal raġunijiet oħra jikkostitwixxi użu mill-ġdid. Il-politika tal-Istati Membri tista' tmur lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti b'din id-Direttiva, u b'hekk tippermetti użu mill-ġdid aktar estensiv. Meta jittrasponu din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw termini oħra li mhumiex 'dokument', sakemm iżommu l-ambitu sħiħ tad-definizzjoni ta' “dokument” stabbilit f'din id-Direttiva.

(21)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għad-dokumenti li l-forniment tagħhom hu parti mill-kompiti pubbliċi tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati, kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra tal-Istati Membri. Fin-nuqqas ta' dawn ir-regoli, il-kompiti pubbliċi jenħtieġ jiġu ddefiniti skont il-prattika amministrattiva komuni tal-Istat Membru, sakemm l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami. Il-kompiti pubbliċi jistgħu jiġu ddefiniti b'mod ġenerali jew abbażi ta' każ b'każ lil korpi individwali tas-settur pubbliku.

(22)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għad-dokumenti li jsiru aċċessibbli għall-użu mill-ġdid meta l-korpi tas-settur pubbliku jilliċenzjaw, ibiegħu, ixerrdu, jiskambjaw jew jipprovdu l-informazzjoni. Biex ikunu evitati sussidji inkroċjati, l-użu mill-ġdid jenħtieġ jinkludi aktar użu ta' dokumenti fi ħdan l-organizzazzjoni nnifisha għall-attivitajiet li mhumiex fl-ambitu tal-kompiti pubbliċi tagħha. L-attivitajiet li mhumiex fl-ambitu tal-kompitu pubbliku tipikament jinkludu l-forniment ta' dokumenti li jiġu ġġenerati u tariffati esklużivament fuq bażi kummerċjali u f'kompetizzjoni ma' oħrajn fis-suq.

(23)

Din id-Direttiva ma tirrestrinġix jew ma tfixkilx il-prestazzjoni tal-kompiti statutorji tal-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi tas-settur pubbliku oħra. Din id-Direttiva tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex joffru d-dokumenti eżistenti kollha għall-użu mill-ġdid, sakemm l-aċċess ma jkunx ristrett jew eskluż skont ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti jew soġġett għall-eċċezzjonijiet l-oħra stipulati f'din id-Direttiva. Din id-Direttiva tibni fuq ir-reġimi eżistenti tal-aċċess fl-Istati Membri u ma tibdilx ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti. Din ma tapplikax għal każijiet meta ċ-ċittadini jew l-entitajiet ġuridiċi, bir-reġim rilevanti tal-aċċess, ikunu jistgħu jiksbu dokumenti biss diment li jagħtu prova ta' interess partikolari. Fil-livell tal-Unjoni, l-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 42 dwar id-dritt ta' aċċess għal dokumenti fil-Karta jirrikonoxxu d-dritt ta' kull ċittadin tal-Unjoni u ta' kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru li jkollha aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jitħeġġu jagħmlu disponibbli kull dokument miżmum minnhom għall-użu mill-ġdid. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jippromwovu u jħeġġu l-użu mill-ġdid ta' dokumenti, inkluż testi uffiċjali ta' natura leġislattiva u amministrattiva li l-korp tas-settur pubbliku jkollu dritt jawtorizza l-użu mill-ġdid tagħhom.

(24)

Ħafna drabi l-Istati Membri jafdaw il-forniment tas-servizzi ta' interess ġenerali f'idejn entitajiet barra mis-settur pubbliku, filwaqt li jżommu livell għoli ta' kontroll fuq dawn l-entitajiet. Fl-istess ħin, id-Direttiva 2003/98/KE tapplika biss għad-dokumenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku, u jeskludu lill-impriżi pubbliċi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Dan iwassal għal disponibbiltà fqira għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti ġġenerati waqt it-twettiq tas-servizzi ta' interess ġenerali f'għadd ta' oqsma, b'mod partikolari s-setturi tal-utilità. Minbarra dan, jonqos bil-kbir il-potenzjal għall-ħolqien ta' servizzi transfruntieri bbażati fuq id-dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali.

(25)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/98/KE jenħtieġ li tiġi emendata biex ikun żgurat li tkun tista' tiġi applikata għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti ġġenerati waqt it-twettiq ta' servizzi ta' interess ġenerali mill-impriżi pubbliċi li jagħmlu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 tad-Direttiva 2014/25/UE, kif ukoll mill-impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala operaturi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala trasportaturi bl-ajru li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u l-impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala sidien tal-bastimenti tal-Unjoni li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (13).

(26)

Din id-Direttiva ma fihiex obbligu ġenerali li jippermetti l-użu mill-ġdid tad-dokumenti ġġenerati mill-impriżi pubbliċi. Id-deċiżjoni dwar jekk jiġix awtorizzat l-użu mill-ġdid jenħtieġ li tibqa' f'idejn l-impriża pubblika kkonċernata, ħlief fejn meħtieġ mod ieħor minn din id-Direttiva jew mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Huwa biss wara li l-impriża pubblika tkun għamlet dokument disponibbli għall-użu mill-ġdid li din għandha tosserva l-obbligi rilevanti stabbiliti fil-Kapitoli III u IV ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fejn jidħlu l-formati, it-tariffar, it-trasparenza, il-liċenzji, in-nondiskriminazzjoni u l-projbizzjoni ta' arranġamenti esklussivi. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-impriżi pubbliċi ma jkunux meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu II, bħalma huma r-regoli applikabbli għall-ipproċessar tat-talbiet. Meta l-użu mill-ġdid ta' dokumenti huwa permess, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (14) u għas-servizzi essenzjali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(27)

Il-volum tad-data tar-riċerka ġġenerat qed jikber b'mod esponenzjali u għandu l-potenzjal għal użu mill-ġdid barra mill-komunità xjentifika. Biex l-isfidi dejjem akbar tas-soċjetà jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod effiċjenti u b'mod olistiku, sar kruċjali u urġenti li d-data minn sorsi differenti, kif ukoll minn fost setturi u dixxiplini differenti, tkun tista' tiġi aċċessata, mħallta u użata mill-ġdid. Id-data tar-riċerka tinkludi l-istatistika, ir-riżultati tal-esperimenti, il-kejl, l-osservazzjonijiet ta' riċerki fuq il-post, ir-riżultati ta' stħarriġiet, irrekordjar ta' intervisti u stampi. Tinkludi wkoll metadata, speċifikazzjonijiet u oġġetti diġitali oħra. Id-data tar-riċerka hi differenti mir-rappurtar ta' artikli u minn kummenti dwar is-sejbiet tar-riċerka xjentifika tagħhom. Għal bosta snin, id-disponibbiltà miftuħa u l-użu mill-ġdid tad-data tar-riċerka xjentifika li toħroġ minn finanzjament pubbliku kienet soġġetta għal inizjattivi speċifiċi ta' politika. L-aċċess miftuħ jinftiehem bħala l-prassi li jingħata aċċess online għal riżultati ta' riċerki mingħajr ħlas għall-utent aħħari u mingħajr restrizzjonijiet fuq l-użu u l-użu mill-ġdid lil hinn mill-possibbiltà li jiġi rikjest li jiġi rikonoxxut l-awtur. Il-politiki tal-aċċess miftuħ għandhom l-għan b'mod partikolari li jipprovdu lir-riċerkaturi u lill-pubbliku ġenerali b'aċċess għad-data tar-riċerka minn kmieni kemm jista' jkun fil-proċess tad-disseminazzjoni u li jiffaċilitaw l-użu u l-użu mill-ġdid tagħha. L-aċċess miftuħ jgħin biex titjieb il-kwalità, jonqos il-bżonn ta' xogħol doppju tar-riċerka, iħaffef il-progress xjentifiku, jitħabat kontra l-frodi xjentifika, u jista' b'mod ġenerali jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni. Minbarra l-aċċess miftuħ, qed isiru sforzi notevoli biex jiġi żgurat li l-ippjanar tal-ġestjoni tad-data ssir prassi xjentifika standard u biex tiġi appoġġata d-disseminazzjoni ta' data tar-riċerka li tkun traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u li tkun tista' tintuża mill-ġdid (il-prinċipju FAIR).

(28)

Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, jixraq li jiġi stabbilit obbligu għall-Istati Membri biex jadottaw politiki tal-aċċess miftuħ b'rabta ma' data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku u biex jiżguraw li tali politiki jiġu implimentati minn kull organizzazzjoni li twettaq ir-riċerka u minn kull organizzazzjoni li tiffinanzja r-riċerka. Organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jistgħu jiġu organizzati wkoll bħala korpi tas-settur pubbliku jew impriżi pubbliċi. Din id-Direttiva tapplika għal tali organizzazzjonijiet ibridi fil-kapaċità tagħhom biss bħala organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u għad-data tar-riċerka tagħhom. Tipikament il-politiki tal-aċċess miftuħ ikunu jippermettu firxa ta' eċċezzjonijiet biex ir-riżultati tar-riċerka xjentifika ma tkunx disponibbli b'mod miftuħ. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha li tiddeskrivi, fost oħrajn, elementi rilevanti tal-politiki tal-aċċess miftuħ. Barra minn hekk, jenħtieġ jitjiebu l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti data tar-riċerka tkun tista' terġa' tintuża. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li ċerti obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva jiġu estiżi għad-data tar-riċerka li tirriżulta minn attivitajiet tar-riċerka xjentifika ssussidjati minn finanzjament pubbliku jew kofinanzjati minn entitajiet tas-settur pubbliku u privat. Skont il-politiki tal-aċċess miftuħ nazzjonali, data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku jenħtieġ li ssir miftuħa bħala l-għażla prestabbilita. Iżda f'dan il-kuntest, jenħtieġ li jitqies kif xieraq it-tħassib b'rabta mal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità, is-sigurtà nazzjonali, l-interessi kummerċjali leġittimi, bħas-sigrieti kummerċjali, u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi, skont il-prinċipju “miftuħ kemm jista' jkun, magħluq kif meħtieġ”. Barra minn hekk, id-data tar-riċerka li tiġi eskluża mill-aċċess għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali, difiża jew sigurtà pubblika ma għandhiex tkun koperta minn din id-Direttiva. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv, jenħtieġ li l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva japplikaw biss għal tali data tar-riċerka li diġà tkun saret disponibbli pubblikament minn riċerkaturi, organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka jew organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka permezz ta' repożitorju istituzzjonali jew ibbażat fuq is-suġġetti u ma għandhomx jimponu kostijiet żejda għall-irkupru tas-settijiet tad-data jew jeħtieġu konservazzjoni addizzjonali tad-data. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal data ta' riċerka li tkun saret pubblikament disponibbli permezz ta' infrastrutturi tad-data oħra għajr repożitorji, permezz ta'pubblikazzjonijiet ta' aċċess miftuħ, bħala fajl mehmuż ma' artiklu, dokument ta' data jew dokument ippubblikat f'ġurnal ta' data. Id-dokumenti għajr data ta' riċerka jenħtieġ li jibqgħu jiġu eżentati mill-ambitu ta' din id-Direttiva.

(29)

Id-definizzjoni ta' “korp tas-settur pubbliku” hija bbażata fuq id-definizzjoni tal-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Id-definizzjoni ta' “korp irregolat mil-liġi pubblika” stabbilit f'dik id-Direttiva u d-definizzjoni ta' “impriża pubblika” stabbilita fid-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li japplikaw għal din id-Direttiva.

(30)

Din id-Direttiva tistabbilixxi d-definizzjoni tat-terminu “dokument” u jenħtieġ li dik id-definizzjoni tinkludi kwalunkwe parti minn dokument. Jenħtieġ li t-terminu “dokument” ikopri kull rappreżentazzjoni ta' atti, fatti jew informazzjoni – u kull kumpilazzjoni ta' tali atti, fatti jew informazzjoni – bi kwalunkwe mezz (karta, format elettroniku jew irrekordjat b'mod awdjo, viżiv jew awdjoviżiv). Id-definizzjoni ta' “dokument” mhix maħsuba li tkopri l-programmi tal-kompjuter. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal programmi tal-kompjuter.

(31)

Il-korpi tas-settur pubbliku qed kulma jmur jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli għall-użu mill-ġdid b'mod proattiv, billi jiżguraw skopribbiltà online u disponibbiltà effettiva tad-dokumenti u l-metadata assoċjata f'format miftuħ li jistgħu jinqraw mill-magni u li jiżguraw l-interoperabbiltà, l-użu mill-ġdid u l-aċċessibbiltà. Jenħtieġ li d-dokumenti jkunu disponibbli għall-użu mill-ġdid meta dan jintalab minn utent li juża mill-ġdid. F'dawk il-każijiet, il-limitu taż-żmien biex tingħata tweġiba għat-talbiet għall-użu mill-ġdid jenħtieġ li jkun raġonevoli u skont iż-żmien ekwivalenti għat-talbiet biex jiġi aċċessat id-dokument skont ir-reġimi rilevanti tal-aċċess. Iżda jenħtieġ li l-impriżi pubbliċi, l-istituti edukattivi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jkunu eżentati minn dak ir-rekwiżit. B'limiti taż-żmien raġonevoli mal-Unjoni kollha jiġi stimulat il-ħolqien ta' prodotti u servizzi aggregati ġodda tal-informazzjoni fil-livell pan-Unjoni. Dan hu partikolarment importanti għad-data dinamika (inkluż id-data ambjentali, dwar it-traffiku, tas-satellita, meteoroloġika u d-data ġġenerata minn sensuri), li l-valur ekonomiku tagħha jiddependi mid-disponibbiltà immedjata tal-informazzjoni u minn aġġornamenti regolari. Għalhekk, id-data dinamika jenħtieġ li ssir disponibbli minnufih wara l-ġbir, jew fil-każ ta' aġġornament manwali, immedjatament wara l-modifika tas-sett tad-data, permezz ta' interfaċċa ta' programmazzjoni tal-applikazzjonijiet (API - application programming interface) sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-Internet, mobbli u tal-cloud ibbażati fuq tali data. Fejn dan ma jkunx possibbli minħabba restrizzjonijiet tekniċi jew finanzjarji, jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku jagħmlu d-dokumenti disponibbli fil-limitu taż-żmien li jippermetti l-isfruttar tal-potenzjal ekonomiku kollu tagħhom. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet tekniċi u finanzjarji rilevanti. Jekk ikun hemm bżonn liċenzja, id-disponibbiltà fil-ħin tad-dokumenti tista' tkun parti mit-termini tal-liċenzja. Fejn il-verifika tad-data hija essenzjali fid-dawl ta' raġunijiet ta' interess pubbliku ġġustifikati, b'mod partikolari għas-saħħa u s-sikurezza pubblika, jenħtieġ li d-data dinamika ssir disponibbli immedjatament wara l-verifika. Tali verifika essenzjali ma għandhiex taffettwa l-frekwenza tal-aġġornamenti.

(32)

Sabiex jinkiseb aċċess għad-data miftuħa għall-użu mill-ġdid permezz ta' din id-Direttiva, ikun utli li jiġi żgurat aċċess għal data dinamika permezz ta' APIs imfassla sew. API hija sett ta' funzjonijiet, proċeduri, definizzjonijiet u protokolli għall-komunikazzjoni bejn magna u oħra u l-iskambju bla xkiel ta' data. Jenħtieġ li l-APIs jiġu appoġġati minn dokumentazzjoni teknika ċara li tkun kompluta u disponibbli online. Fejn possibbli, jenħtieġ li jintużaw API's miftuħa. Jenħtieġ li jiġu applikati protokolli standard rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni jew internazzjonalment u jenħtieġ li fejn applikabbli, jintużaw standards internazzjonali għas-settijiet tad-data. API's jista' jkollhom livelli differenti ta' kumplessità u jistgħu jfissru sempliċi link għal bażi ta' data biex jinġabru settijiet speċifiċi tad-data, interfaċċa tal-web, jew strutturi aktar kumplessi. Hemm valur ġenerali fl-użu mill-ġdid u fil-kondiviżjoni tad-data permezz ta' użu xieraq tal-APIs għax dan ser jgħin lill-iżviluppaturi u lin-negozji ġodda joħolqu servizzi u prodotti ġodda. Dan hu ingredjent importanti biex jinħolqu ekosistemi ta' valur madwar assi tad-data li ħafna drabi ftit li xejn jintużaw. It-twaqqif u l-użu tal-API jeħtieġ jissejsu fuq diversi prinċipji: id-disponibbiltà, l-istabbiltà, il-manutenzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-uniformità tal-użu u istandards, il-faċilità tal-użu, kif ukoll is-sigurtà. Għad-data dinamika, jiġifieri d-data aġġornata b'mod frekwenti, ħafna drabi f'ħin reali, il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi jenħtieġ li jagħmlu dan disponibbli għall-użu mill-ġdid minnufih wara l-ġbir permezz ta' APIs xierqa u, fejn rilevanti, bħala dawnlowd massiv, ħlief għal każijiet fejn dan jimponi sforz sproporzjonat. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-isforz tqis id-daqs u l-baġit operattiv tal-korp tas-settur pubbliku jew tal-impriża pubblika inkwistjoni.

(33)

Il-possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid jistgħu jitjiebu billi tiġi limitata l-ħtieġa ta' diġitalizzazzjoni tad-dokumenti stampati jew ta' pproċessar tal-fajls diġitali biex isiru reċiprokament kompatibbli. Għalhekk, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jagħmlu d-dokumenti disponibbli b'xi format jew lingwa eżistenti qabel, permezz ta' mezzi elettroniċi meta possibbli u xieraq. Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ iqisu b'mod favorevoli t-talbiet għal estratti minn dokumenti eżistenti meta l-issodisfar ta' tali talba jkun jinvolvi biss operazzjoni sempliċi. Iżda jenħtieġ li l-korpi tas-settur pubbliku ma jkunux obbligati li jipprovdu estratt minn dokument jew li jimmodifikaw il-format tal-informazzjoni mitluba meta dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat. Biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli b'format li, sa fejn ikun possibbli u xieraq, ma jkunx jiddependi mill-użu ta' xi software speċifiku. Meta possibbli u xieraq, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ iqisu l-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti minn persuni b'diżabbiltà u għalihom billi jipprovdu l-informazzjoni b'format aċċessibbli f'konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(34)

Meta possibbli u xieraq, biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jagħmlu d-dokumenti, inkluż dawk ippubblikati fuq is-siti web, disponibbli b'format miftuħ u li jinqraw mill-magni, flimkien mal-metadata tagħhom, bl-aqwa livell ta' preċiżjoni u granularità, b'format li jiżgura l-interoperabbiltà, pereżempju billi jipproċessawhom b'mod konsistenti mal-prinċipji li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kompatibbiltà u l-utilizzabbiltà tal-informazzjoni ġeografika skont id-Direttiva 2007/2/KE.

(35)

Jenħtieġ li dokument jitqies li għandu format li jinqara mill-magni jekk ikollu format ta' fajl strutturat b'tali mod li l-applikazzjonijiet ta' software jistgħu faċilment jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu data speċifika minnu. Id-data kkodifikata f'fajls strutturati b'format li jinqara mill-magni jenħtieġ li titqies bħala data li tista' tinqara mill-magni. Il-format li jinqara mill-magni jista' jkun miftuħ jew proprjetarju. Jistgħu jkunu standard formali jew le. Jenħtieġ li d-dokumenti kkodifikati b'format ta' fajl li jillimita l-ipproċessar awtomatiku, għax id-data ma tkunx tista' tittieħed jew ma tkunx tista' tittieħed faċilment minn dawn id-dokumenti, ma jitqisux li għandhom format li jinqara mill-magni. L-Istati Membri, fejn xieraq, jenħtieġ li jħeġġu l-użu ta' format miftuħ li jinqara mill-magni rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni jew internazzjonalment. Jenħtieġ li l-Qafas Ewropew ta' Interoperabbiltà jiġi kkunsidrat, fejn japplika, meta jitfasslu soluzzjonijiet tekniċi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti.

(36)

It-tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti jikkostitwixxu ostaklu għan-negozji ġodda u għall-SME biex jidħlu fi swieq importanti. Għalhekk jenħtieġ li d-dokumenti jkunu disponibbli għall-użu mill-ġdid mingħajr tariffi u, meta t-tariffi huma meħtieġa, dawn jenħtieġ jiġu limitati, fil-prinċipju, għall-ispejjeż marġinali. Meta l-korpi tas-settur pubbliku jwettqu tiftix partikolarment estensiv għall-informazzjoni mitluba jew modifiki estremament għalja tal-format tal-informazzjoni mitluba, volontarjament jew kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, l-ispejjeż marġinali jistgħu jkopru l-ispejjeż assoċjati ma' tali attivitajiet. F'każijiet eċċezzjonali, jenħtieġ li titqies il-ħtieġa li ma jixxekkilx il-funzjonament normali tal-korpi tas-settur pubbliku li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali tal-ispejjeż tagħhom relatati mal-qadi tal-kompiti pubbliċi tagħhom. Dan japplika wkoll fejn korp tas-settur pubbliku jkun għamel id-data disponibbli bħala data miftuħa iżda jkun obbligat li jiġġenera dħul biex ikopri parti sostanzjali mill-ispejjeż tiegħu marbuta mal-prestazzjoni ta' kompiti pubbliċi oħrajn. Anki r-rwol tal-impriżi pubbliċi f'ambjent ekonomiku kompetittiv jenħtieġ li jiġi rikonoxxut. F'tali każijiet, il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi għalhekk jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu tariffi għall-ispejjeż marġinali msemmija hawn fuq. Dawk it-tariffi jenħtieġ li jkunu stabbiliti skont kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli, u d-dħul kollu mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti jenħtieġ li ma jaqbiżx l-ispiża tal-ġbir u l-ġenerazzjoni, inkluż ix-xiri minn partijiet terzi, ir-riġenerazzjoni, il-manutenzjoni, il-ħżin u d-disseminazzjoni, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment. Meta applikabbli, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu inklużi fl-ispiża eliġibbli, l-ispejjeż tal-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-ispejjeż tal-miżuri meħuda biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li korpi tas-settur pubbliku u impriżi pubbliċi jiżvelaw dawk l-ispejjeż. Ir-rekwiżit li jiġi ġġenerat dħul li jkopri parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-korpi tas-settur pubbliku marbuta mal-qadi tal-kompiti pubbliċi tagħhom jew l-ambitu tas-servizzi ta' interess ġenerali fdati f'idejn l-impriżi pubbliċi jenħtieġ li ma jkunx rekwiżit legali u jista' joħroġ, pereżempju, minn prattiki amministrattivi fl-Istati Membri. Tali rekwiżit jenħtieġ jiġi rieżaminat regolarment mill-Istati Membri.

(37)

Dan r-redditu fuq l-investiment jista' jinftiehem bħala perċentwal, flimkien mal-ispejjeż marġinali, li jippermetti l-irkupru tal-ispiża tal-kapital u l-inklużjoni ta' rata reali ta' redditu. Billi l-ispiża tal-kapital hija konnessa mill-qrib mar-rati tal-imgħax tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, li huma stess huma bbażati fuq ir-rata fissa tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament, jenħtieġ li r-redditu raġonevoli fuq l-investiment ma jkunx aktar minn 5 % 'il fuq mir-rata tal-imgħax fissa tal-BĊE.

(38)

Il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji jenħtieġ li jkunu jistgħu jimponu tariffi ogħla mill-ispejjeż marġinali biex ma jixxekkilx il-funzjonament normali tagħhom. Fil-każ ta' tali korpi tas-settur pubbliku, id-dħul kollu mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tul il-perijodu tal-kontabbiltà xieraq jenħtieġ li ma jaqbiżx l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni, id-disseminazzjoni, il-preservazzjoni u l-ikklerjar tad-drittijiet, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment. Meta applikabbli, l-ispejjeż tal-anonimizzazzjoni tad-data personali jew tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva jenħtieġ li jiżdiedu wkoll mal-ispejjeż eliġibbli. Għall-fini tal-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, tal-mużewijiet u tal-arkivji, u filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet tagħhom, il-prezzijiet mitluba mis-settur privat għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti identiċi jew simili jistgħu jitqiesu meta jkun qed jiġi kkalkulat redditu raġonevoli fuq l-investiment.

(39)

Il-limiti ta' fuq tat-tariffi stabbiliti f'din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li japplikaw tariffi aktar baxxi jew li ma japplikaw l-ebda tariffa.

(40)

L-Istati Membri jenħtieġ jistabbilixxu l-kriterji tat-tariffar ogħla mill-ispejjeż marġinali. Pereżempju, jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu tali kriterji fir-regoli nazzjonali jew jaħtru l-korp xieraq jew korpi xierqa, għajr il-korp tas-settur pubbliku nnifsu, li jkunu kompetenti biex jistabbilixxu tali kriterji. Dak il-korp jenħtieġ ikun organizzat skont is-sistemi kostituzzjonali u ġuridiċi tal-Istati Membri. Dan jista' jkun korp eżistenti b'setgħat eżekuttivi baġitarji u taħt responsabbiltà politika.

(41)

Li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti tas-settur pubbliku jkunu ċari u disponibbli għall-pubbliku hi kundizzjoni minn qabel għall-iżvilupp ta' suq tal-informazzjoni mal-Unjoni kollha. Għalhekk il-kundizzjonijiet applikabbli kollha għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti jenħtieġ ikunu ċari għall-utenti li jużaw mill-ġdid. L-Istati Membri jenħtieġ iħeġġu l-ħolqien ta' indiċijiet aċċessibbli online, meta xieraq, tad-dokumenti disponibbli biex jippromwovu u jiffaċilitaw it-talbiet għall-użu mill-ġdid. L-applikanti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn entitajiet li mhumiex impriżi pubbliċi, istituti edukattivi, organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jenħtieġ jiġu infurmati bil-mezzi disponibbli ta' rimedju rigward id-deċiżjonijiet jew il-prattiki li jaffettwawhom. Dan hu importanti b'mod partikolari għan-negozji ġodda u l-SMEs, li jaf ma jkunux midħla tal-interazzjonijiet mal-korpi tas-settur pubbliku minn Stati Membri oħra u l-mezzi korrispondenti ta' rimedju.

(42)

Il-mezzi ta' rimedju jenħtieġ jinkludu l-possibbiltà ta' rieżami minn korp imparzjali tar-rieżami. Dak il-korp jista' jkun awtorità nazzjonali diġà eżistenti, bħall-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtorità superviżorja stabbilita f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtorità nazzjonali tal-aċċess għad-dokumenti jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Dak il-korp jenħtieġ ikun organizzat skont is-sistemi kostituzzjonali u ġuridiċi tal-Istati Membri. Rikors għal dak il-korp jenħtieġ li ma jkunx jipprevjeni xi mezz ta' rimedju li jkun disponibbli mod ieħor għall-applikanti għall-użu mill-ġdid. Iżda jenħtieġ li dan ikun indipendenti mill-mekkaniżmu tal-Istat Membru li jistabbilixxi l-kriterji tat-tariffar ogħla mill-ispejjeż marġinali. Il-mezzi ta' rimedju jenħtieġ jinkludu l-possibbiltà ta' rieżami tad-deċiżjonijiet negattivi u tad-deċiżjonijiet li, għalkemm jippermettu l-użu mill-ġdid, xorta jistgħu jaffettwaw lill-applikanti minħabba raġunijiet oħra, b'mod partikolari bir-regoli tat-tariffar applikati. Il-proċess tar-rieżami jenħtieġ isir malajr, skont il-ħtiġijiet ta' suq li qed jinbidel malajr.

(43)

Id-disponibbiltà pubblika ta' kull dokument ġeneralment disponibbli miżmum mis-settur pubbliku – li ma jikkonċernax biss il-proċess politiku iżda anki l-proċess ġuridiku u amministrattiv – hi strument fundamentali biex jiġi estiż id-dritt tal-għarfien, li hu prinċipju bażiku tad-demokrazija. Dak l-objettiv huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet f'kull livell, sew lokali, nazzjonali jew internazzjonali.

(44)

L-użu mill-ġdid tad-dokumenti jenħtieġ li ma jkunx soġġett għal kondizzjonijiet. Madankollu, f'ċerti każijiet ġustifikati mill-objettiv tal-interess pubbliku, tista' tinħareġ liċenzja li timponi kundizzjonijiet fuq l-użu mill-ġdid mill-persuna liċenzjata li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet bħar-responsabbiltà, il-protezzjoni tad-data personali, l-użu xieraq tad-dokumenti, il-garanzija li ma jsirux alterazzjonijiet u r-rikonoxximent tas-sors. Jekk il-korpi tas-settur pubbliku jilliċenzjaw dokumenti għall-użu mill-ġdid, il-kundizzjonijiet tal-liċenzja jenħtieġ ikunu oġġettivi, proporzjonati u nondiskriminatorji. Il-liċenzji standard disponibbli online jistgħu jaqdu wkoll rwol importanti f'dan ir-rigward. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ jipprovdu għad-disponibbiltà ta' liċenzji standard. Fi kwalunkwe każ, il-liċenzji għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jenħtieġ jagħmlu l-inqas restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu mill-ġdid, pereżempju jillimitaw ir-restrizzjonijiet għal indikazzjoni tas-sors. Il-liċenzji miftuħin fil-forma ta' liċenzji pubbliċi standardizzati disponibbli online, li jippermettu li d-data u l-kontenut jiġu aċċessati, użati, modifikati u kondiviżi b'mod liberu minn kulħadd u għal kwalunkwe fini, u li jistrieħu fuq formati tad-data miftuħa, jenħtieġ li jaqdu rwol importanti f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-Istati Membri jenħtieġ iħeġġu l-użu tal-liċenzji miftuħa li eventwalment jenħtieġ isir prattika komuni mal-Unjoni kollha. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' responsabbiltà, stabbilit fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fejn korp tas-settur pubbliku jew impriża pubblika jagħmlu d-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid mingħajr ebda kondizzjoni jew restrizzjoni oħra, dak il-korp tas-settur pubbliku jew impriża pubblika jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrinunzjaw għar-responsabbiltà kollha fir-rigward tad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid.

(45)

Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tagħmilx ċerti dokumenti disponibbli aktar għall-użu mill-ġdid, jew tieqaf taġġorna dawk id-dokumenti, din jenħtieġ tagħmel dawk id-deċiżjonijiet magħrufa pubblikament fl-ewwel opportunità, permezz ta' mezzi elettroniċi fejn possibbli.

(46)

Il-kundizzjonijiet tal-użu mill-ġdid jenħtieġ ikunu nondiskriminatorji għal kategoriji paragunabbli tal-użu mill-ġdid. F'dak ir-rigward, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, jenħtieġ li, pereżempju, ma twaqqafx il-qsim tal-informazzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku mingħajr ħlas waqt it-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom, meta partijiet oħra jkunu qed jintalbu ħlas għall-użu mill-ġdid tal-istess dokumenti. Jenħtieġ li dan lanqas ma jwaqqaf l-adozzjoni ta' politika ta' tariffar differenzjat għall-użu mill-ġdid kummerċjali u mhux kummerċjali.

(47)

B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-użu mill-ġdid ta' dokumenti ta' impriżi pubbliċi ma jwassalx għal distorsjoni fis-suq u li kompetizzjoni ġusta ma tiddgħajjifx.

(48)

Il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u nazzjonali meta jistabbilixxu l-prinċipji għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti filwaqt li jevitaw kemm jista' jkun ftehimiet esklussivi bejniethom u s-sħab privati. Iżda, biex jipprovdu servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, xi drabi jaf ikun hemm bżonn jingħata dritt esklussiv għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti speċifiċi tas-settur pubbliku. Dan jista' jkun il-każ jekk l-ebda pubblikatur kummerċjali ma jippubblika l-informazzjoni mingħajr tali dritt esklussiv. F'dan ir-rigward, huwa opportun li jittieħed kont ta' kuntratti tas-servizz pubbliku li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE skont l-Artikolu 11 ta' dik id-Direttiva u s-sħubijiet għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/24/UE.

(49)

Hemm għadd ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn il-libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet, l-arkivji u s-sħab privati, li jinvolvu d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali li jagħtu drittijiet esklussivi lil sħab privati. L-esperjenza turi li tali sħubijiet pubbliċi privati jistgħu jiffaċilitaw l-użu sinifikanti tal-kollezzjonijiet kulturali u fl-istess waqt iżidu l-aċċess tal-pubbliku għall-wirt kulturali. Għaldaqstant, jixraq jitqiesu d-diverġenzi attwali bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali b'sett ta' regoli speċifiċi dwar arranġamenti esklussivi għad-diġitalizzazzjoni ta' tali riżorsi. Meta dritt esklussiv ikun jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, jaf ikun hemm bżonn ċertu perijodu ta' esklussività biex is-sieħeb privat ikun jista' jirkupra l-investiment tiegħu. Iżda dak il-perijodu jenħtieġ ikun limitat għal żmien qasir kemm jista' jkun biex ikun hemm konformità mal-prinċipju li l-materjal tad-dominju pubbliku jenħtieġ jibqa' fid-dominju pubbliku ladarba jkun ġie diġitalizzat. B'mod ġenerali, il-perijodu ta' dritt esklussiv għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali jenħtieġ ma jkunx jaqbeż l-10 snin. Perijodu ta' esklussività itwal minn 10 snin jenħtieġ ikun soġġett għal rieżami, filwaqt li jitqiesu l-bidliet teknoloġiċi, finanzjarji u amministrattivi fl-ambjent minn mindu jkun sar l-arranġament. Barra minn hekk, kull sħubija pubblika privata għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali jenħtieġ tagħti drittijiet sħaħ lill-istituzzjoni kulturali sieħba fir-rigward tal-użu wara t-terminazzjoni tar-riżorsi kulturali diġitalizzati.

(50)

L-arranġamenti bejn id-detenturi tad-data u l-utenti li jużaw id-data mill-ġdid, li ma jkunux espressament jagħtu drittijiet esklussivi, iżda li jista' jkun raġonevolment mistenni li jirrestrinġu d-disponibbiltà tad-dokumenti għall-użu mill-ġdid, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal skrutinju pubbliku addizzjonali. Għalhekk, l-aspetti essenzjali ta' tali arranġamenti jenħtieġ li jiġu ppubblikati online mill-inqas xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ, jiġifieri xahrejn qabel id-data miftiehma li fiha huwa stabbilit li jibda t-twettiq tal-obbligi tal-partijiet. Il-pubblikazzjoni jenħtieġ li tagħti lill-partijiet interessati l-opportunità li jitolbu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti koperti minn dawk l-arranġamenti u li jiġi evitat ir-riskju li tiġi ristretta l-firxa tal-utenti potenzjali li jużawhom mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, l-aspetti essenzjali ta' tali arranġamenti fil-forma finali tagħhom miftiehma mill-partijiet jenħtieġ li jsiru wkoll disponibbli għall-pubbliku online mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tagħhom.

(51)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' vantaġġi eċċessivi tal-innovatur li jistgħu jillimitaw l-għadd ta' utenti potenzjali li jużaw id-data mill-ġdid. Meta l-arranġamenti kuntrattwali x'aktarx, apparti l-obbligi ta' Stat Membru skont din id-Direttiva biex jagħti d-dokumenti, jeżiġu trasferiment ta' riżorsi ta' dak l-Istat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikolu 101 sa 109 tat-TFUE. Mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE jirriżulta li Stat Membru jrid jivverifika ex ante jekk tistax tkun involuta għajnuna mill-Istat fl-arranġament kuntrattwali rilevanti u jiżgura li dan ikunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(52)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, b'mod partikolari skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u inkluż kwalunkwe dispożizzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali. Dan ifisser, inter alia, li l-użu mill-ġdid ta' data personali huwa permissibbli biss jekk il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop kif stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 jiġi ssodisfat. L-informazzjoni anonima hija informazzjoni li mhijiex marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli jew ma' data personali li ssir anonima b'tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jibqax identifikabbli. L-anonimizzazzjoni tal-informazzjoni huwa mezz li jirrikonċilja l-interessi li l-informazzjoni tas-settur pubbliku ssir kemm jista' jkun riutilizzabbli mal-obbligi skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, iżda dan għandu prezz. Jixraq li dik l-ispiża titqies fost l-ispejjeż li jridu jiġu kkunsidrati bħala parti mill-ispejjeż marġinali tad-disseminazzjoni kif imsemmi f'din id-Direttiva.

(53)

Meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-ambitu u l-kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku li jkun fihom data personali, pereżempju fis-settur tas-saħħa, il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-protezzjoni tad-data jaf li jkunu jridu jitwettqu skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(54)

Din id-Direttiva ma taffettwax id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi. Biex ikun evitat kull dubju, l-espressjoni “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tirreferi għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati biss, inkluż forom sui generis ta' protezzjoni. Din id-Direttiva ma tapplikax għad-dokumenti koperti bi drittijiet tal-proprjetà industrijali, bħall-privattivi u d-disinji rreġistrati u l-marki kummerċjali. Din id-Direttiva la taffettwa l-eżistenza jew il-proprjetà ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-korpi tas-settur pubbliku, u lanqas ma tillimita l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet b'xi mod lil hinn mil-limiti stabbiliti f'din id-Direttiva. L-obbligi imposti f'konformità ma' din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw biss sal-limitu li jkunu kompatibbli mal-ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Konvenzjoni ta' Berna), u l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (Ftehim TRIPS) u t-Trattat tad-WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur (WCT). Iżda l-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-awtur b'mod li jiffaċilita l-użu mill-ġdid.

(55)

Fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni u tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni, b'mod partikolari skont il-Konvenzjoni ta' Berna u l-Ftehim TRIPS, id-dokumenti li partijiet terzi għandhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom jenħtieġ ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jekk parti terza tkun il-propjetarju inizjali tad-dritt tal-proprjetà intellettwali għal dokument miżmum minn libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji u t-terminu tal-protezzjoni ta' dawk id-drittijiet ma jkunx skada, jenħtieġ li dak id-dokument, għall-fini ta' din id-Direttiva, jitqies bħala dokument li partijiet terzi għandhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu.

(56)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, inkluż id-drittijiet ekonomiċi u morali, li jista' jkollhom l-impjegati tal-korpi tas-settur pubbliku skont il-liġi nazzjonali.

(57)

Barra minn hekk, meta dokument isir disponibbli għall-użu mill-ġdid, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat jenħtieġ iżomm id-dritt li tisfrutta dak id-dokument.

(58)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/24/UE.

(59)

L-għodda li tgħin lil utenti potenzjali li jużaw mill-ġdid biex isibu dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid u l-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid jistgħu jiffaċilitaw ferm l-użu transfruntier tad-dokumenti tas-settur pubbliku. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li jkunu jeżistu arranġamenti prattiċi biex jgħinu lill-utenti li jużaw mill-ġdid biex ifittxu dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid. Eżempji ta' tali arranġamenti prattiċi huma listi tal-assi, li preferibbilment ikunu aċċessibbli online, ta' dokumenti ewlenin (dokumenti li ntużaw estensivament mill-ġdid jew bil-potenzjal li jintużaw estensivament mill-ġdid), u l-portali kkollegati ma' listi tal-assi deċentralizzati. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiffaċilitaw id-disponibbiltà fit-tul għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, f'konformità mal-politiki ta' preservazzjoni applikabbli.

(60)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u tappoġġa t-tfassil, l-ittestjar, l-implimentazzjoni u l-użu ta' interfaċċi elettroniċi interoperabbli li ser jippermettu servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u sikuri.

(61)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). Din tipprovdi l-kundizzjonijiet li skonthom il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern tal-informazzjoni meta jkun permess l-użu mill-ġdid tad-dokumenti. Meta l-korpi tas-settur pubbliku jkunu detenturi tad-dritt previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE, dawn jenħtieġ li ma jeżerċitawx dak id-dritt sabiex jevitaw l-użu mill-ġdid jew biex jirrestrinġu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti lil hinn mil-limiti previsti f'din id-Direttiva.

(62)

Il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp ta' rapport online dwar il-maturità tad-data miftuħa b'indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Istati Membri kollha. Aġġornament regolari ta' dak ir-rapport jikkontribwixxi għall-qsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u għad-disponibbiltà ta' informazzjoni dwar politiki u prattiki fl-Unjoni kollha.

(63)

Hemm bżonn ikun żgurat li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-ammont ta' użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, il-kundizzjonijiet li skonthom issir disponibbli, u l-prattiki ta' rimedju.

(64)

Il-Kummissjoni tista' tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw din id-Direttiva b'mod konsistenti billi toħroġ linji gwida u taġġorna dawk eżistenti, b'mod partikolari dwar il-liċenzji standard rakkomandati, is-settijiet tad-data u t-tariffar għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

(65)

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istabbiliment tas-suq intern hu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta' servizzi fl-Unjoni kollha. Il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji għandhom ammont sinifikanti ta' riżorsi siewja tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, b'mod partikolari mindu l-proġetti tad-diġitalizzazzjoni mmultiplikaw l-ammont ta' materjal diġitali tas-settur pubbliku. Dawk il-kollezzjonijiet ta' wirt kulturali u l-metadata relatata huma bażi potenzjali għal prodotti u servizzi b'kontenut diġitali u għandhom potenzjal enormi għal użu mill-ġdid innovattiv f'setturi bħat-tagħlim u t-turiżmu. Tipi oħra ta' stabbilimenti kulturali, bħall-orkestri, l-opri, il-ballijiet u t-teatri, inkluż l-arkivji li huma parti minn dawk l-istabbilimenti, jenħtieġ li jibqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva minħabba l-ispeċifiċità tagħhom bħala arti tal-ispettaklu u minħabba l-fatt li kważi l-materjal kollu tagħhom hu soġġett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi.

(66)

Sabiex jiġu previsti l-kundizzjonijiet li jappoġġaw l-użu mill-ġdid ta' dokumenti li hu assoċjat ma' benefiċċji soċjoekonomiċi importanti b'valur partikolarment għoli għas-soċjetà u l-ekonomija, jenħtieġ li tiġi stabbilita f'Anness lista ta' kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli. Bħala eżempju, u mingħajr preġudizzju għall-atti ta' implimentazzjoni li jidentifikaw is-settijiet tad-data ta' valur għoli li għalihom jenħtieġ li japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f'din id-Direttiva, b'kont meħud tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar liċenzji standard rakkomandati, settijiet tad-data u tariffi għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti, il-kategoriji tematiċi jistgħu, fost l-oħrajn, ikopru kodiċijiet postali, mapep nazzjonali u lokali (ġeospazju), il-konsum tal-enerġija u immaġni bis-satellita (osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent), data in situ minn strumenti u tbassir tat-temp (meteoroloġija), indikaturi demografiċi u ekonomiċi (statistika), reġistri kummerċjali u identifikaturi tar-reġistrazzjoni (kumpanniji u sjieda ta' kumpanniji), sinjali tat-toroq u passaġġi tal-ilma interni (mobilità).

(67)

Sabiex tiġi emendata l-lista ta' kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli billi jiġu miżjuda kategoriji tematiċi addizzjonali, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (20). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(68)

Lista mill-Unjoni kollha ta' settijiet tad-data b'potenzjal partikolari li jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi flimkien ma' kondizzjonijiet armonizzati għall-użu mill-ġdid tikkostitwixxi possibbiltà importanti għal applikazzjonijiet u servizzi ta' data transkonfinali. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tappoġġa l-użu mill-ġdid ta' dokumenti assoċjati mal-benefiċċji soċjoekonomiċi importanti, billi tadotta lista ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli li għalihom japplikaw rekwiżiti speċifiċi ta' din id-Direttiva, flimkien mal-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid tagħhom. Konsegwentement, dawk ir-rekwiżiti speċifiċi mhumiex ser japplikaw qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' atti ta' implimentazzjoni. Il-lista jenħtieġ li tieħu kont tal-atti legali settorjali tal-Unjoni li jirregolaw il-pubblikazzjoni tas-settijiet tad-data, bħad-Direttiva 2007/2/KE u d-Direttiva 2010/40/UE, biex ikun żgurat li s-settijiet tad-data jsiru disponibbli skont l-istandards korrispondenti u settijiet tal-metadata. Jenħtieġ li l-lista tkun ibbażata fuq il-kategoriji tematiċi stabbiliti f'din id-Direttiva. Fit-tħejjija tal-lista, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti, inkluż fil-livell tal-esperti. Barra minn hekk, meta tiddeċiedi dwar l-inklużjoni fil-lista tad-data miżmuma mill-intrapriżi pubbliċi jew dwar id-disponibbiltà libera tagħhom, jenħtieġ li jittieħed kont tal-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(69)

Bil-għan li jiġi żgurat l-impatt massimu tagħhom u biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, jenħtieġ li s-settijiet tad-data ta' valur għoli jsiru disponibbli għall-użu mill-ġdid b'restrizzjonijiet legali minimi u mingħajr spejjeż. Huma għandhom jiġu ppubblikati permezz tal-APIs. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-korpi tas-settur pubbliku milli jitolbu ħlas għas-servizzi li jipprovdu b'rabta mas-settijiet tad-data b'valur għoli fl-eżerċizzju tagħhom ta' awtorità pubblika, b'mod partikolari li jiċċertifikaw l-awtentiċità jew il-veraċità tad-dokumenti.

(70)

Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' prodotti u servizzi tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha bbażati fuq dokumenti tas-settur pubbliku, li jkun żgurat l-użu transkonfini effiċjenti tad-dokumenti tas-settur pubbliku min-naħa tan-negozji privati, partikolarment mill-SMEs, għal prodotti u servizzi tal-informazzjoni b'valur miżjud, u min-naħa taċ-ċittadini biex teħfief iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ma jistgħux jintlaħqu kif adatt mill-Istati Membri iżda minħabba l-ambitu pan-Unjoni tal-azzjoni proposta, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(71)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, inkluż id-dritt tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-proprjetà u l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà. Jenħtieġ li xejn f'din id-Direttiva ma jiġi interpretat jew implimentat b'mod inkonsistenti mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

(72)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u ta opinjoni fl-10 ta' Lulju 2018 (23).

(73)

Il-Kummissjoni jenħtieġ twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva. Skont il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, dik l-evalwazzjoni jenħtieġ tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud u jenħtieġ tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta' opzjonijiet għal azzjoni ulterjuri.

(74)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi indikati fl-Anness II, il-Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Sabiex jiġi promoss l-użu ta' data miftuħa u tiġi stimulata l-innovazzjoni fil-prodotti u s-servizzi, din id-Direttiva tistabbilixxi sett ta' regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta':

(a)

id-dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri;

(b)

id-dokumenti eżistenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi li:

(i)

huma attivi fl-oqsma definiti fid-Direttiva 2014/25/UE;

(ii)

qed jaġixxu bħala operaturi ta' servizzi pubbliċi skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007;

(iii)

qed jaġixxu bħala trasportaturi bl-ajru li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008; jew

(iv)

qed jaġixxu bħala sidien ta' bastimenti tal-Komunità li jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92;

(c)

id-data tar-riċerka, skont il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 10.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

(a)

dokumenti li l-forniment tagħhom hu attività li mhix fl-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-korpi tas-settur pubbliku kkonċernati, kif definit bil-liġi jew b'regoli vinkolanti oħra tal-Istat Membru, jew fin-nuqqas ta' dawn ir-regoli, kif definit f'konformità mal-prattika amministrattiva komuni tal-Istat Membru inkwistjoni, diment li l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami;

(b)

dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi:

(i)

maħluqa barra mill-ambitu tal-forniment tas-servizzi ta' interess ġenerali kif definit bil-liġi jew b'xi regoli vinkolanti oħra tal-Istati Membri;

(ii)

relatati ma' attivitajiet direttament esposti għall-kompetizzjoni u għalhekk, skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, mhux soġġetti għar-regoli tal-akkwist;

(c)

dokumenti li partijiet terzi għandhom id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom;

(d)

dokumenti, bħal data sensittiva, li huma esklużi mill-aċċess minħabba r-reġimi tal-aċċess tal-Istat Membru, fosthom minħabba:

(i)

il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża jew is-sigurtà pubblika;

(ii)

il-kunfidenzjalità tal-istatistika;

(iii)

il-kunfidenzjalità kummerċjali (inkluż is-sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpanniji);

(e)

dokumenti li l-aċċess għalihom huwa eskluż jew ristrett għal raġunijiet ta' informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien tal-infrastruttura kritika kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/114/KE;

(f)

dokumenti li l-aċċess għalihom hu ristrett minħabba r-reġimi tal-aċċess tal-Istati Membri, inkluż meta ċ-ċittadini jew l-entitajiet ġuridiċi jridu jippruvaw interess partikolari biex jiksbu aċċess għad-dokumenti;

(g)

logi, emblemi u insinji;

(h)

dokumenti, li l-aċċess għalihom hu eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi tal-aċċess għal raġunijiet ta' protezzjoni tad-data personali, u partijiet ta' dokumenti aċċessibbli minħabba dawk ir-reġimi li fihom data personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie definit bil-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi fejn tidħol il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali jew li jdgħajfu l-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu, b'mod partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali fir-rigward tal-protezzjoni ta' data personali;

(i)

dokumenti miżmuma minn xandara tas-servizz pubbliku u s-sussidjarji tagħhom, jew minn korpi oħra jew is-sussidjarji tagħhom għat-twettiq tal-mandat tax-xandir tas-servizz pubbliku;

(j)

dokumenti miżmuma minn stabbiliment kulturali, għajr il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet jew l-arkivji;

(k)

dokumenti miżmuma minn stabbilimenti edukattivi tas-sekondarja u tal-livelli aktar baxxi, u, fil-każ tal-istabbilimenti edukattivi l-oħra kollha, dokumenti għajr dawk imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1;

(l)

dokumenti għajr dawk imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 miżmuma mill-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u mill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka, inkluż l-organizzazzjonijiet stabbiliti għat-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka.

3.   Din id-Direttiva tibni fuq, u hija mingħajr preġudizzju għal, reġimi ta' aċċess tal-Unjoni u dik nazzjonali.

4.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari għar-Regolament (UE) 2016/679 u għad-Direttiva 2002/58/KE u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali.

5.   L-obbligi imposti f'konformità ma' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss sakemm ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Berna, il-Ftehim TRIPS u d-WCT.

6.   Id-dritt għall-awtur ta' bażi tad-data previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE jenħtieġ li ma jiġix eżerċitat mill-korpi tas-settur pubbliku sabiex jiġi evitat l-użu mill-ġdid tad-dokumenti jew jiġi ristrett l-użu mill-ġdid lil hinn mil-limiti stabbiliti minn din id-Direttiva.

7.   Din id-Direttiva tirregola l-użu mill-ġdid tad-dokumenti eżistenti miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi tal-Istati Membri, inkluż id-dokumenti li għalihom tapplika d-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorità waħda jew aktar awtoritajiet bħal dawn jew minn korp jew aktar korpi bħal dawn irregolati mil-liġi pubblika;

(2)

“korpi rregolati mil-liġi pubblika” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

huma stabbiliti għall-fini speċifiku biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma għandhomx natura industrijali jew kummerċjali;

(b)

għandhom personalità ġuridika; u

(c)

huma ffinanzjat, fil-parti l-kbira tiegħu mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għas-superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew tas-sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu maħtura mill-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali jew korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika;

(3)

“impriża pubblika” tfisser kwalunkwe impriża attiva fl-oqsma stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) li fuqha l-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti minħabba s-sjieda li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha. Għandha tkun preżunta influwenza dominanti fuq il-parti tal-korpi tas-settur pubbliku fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk il-korpi, direttament jew indirettament:

(a)

għandhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;

(b)

jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma' ishma maħruġa mill-impriża;

(c)

jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali, superviżorju tal-impriża;

(4)

“università” tfisser kwalunkwe korp tas-settur pubbliku li jipprovdi edukazzjoni ogħla tal-postsekondarja li twassal għal lawrji akkademiċi;

(5)

“liċenzja standard” tfisser sett ta' kondizzjonijiet għall-użu mill-ġdid definiti minn qabel f'format diġitali, preferibbilment kompatibbli ma' liċenzji pubbliċi standardizzati disponibbli online;

(6)

“dokument” tfisser:

(a)

kwalunkwe kontenut bi kwalunkwe mezz (karta jew format elettroniku jew irrekordjat b'mod awdjo, viżiv jew awdjoviżiv); jew

(b)

kwalunkwe parti ta' tali kontenut;

(7)

“anonimizzazzjoni” tfisser il-proċess ta' tibdil ta' dokumenti f'dokumenti anonimi li mhumiex marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, jew il-proċess li d-data personali ssir anonima b'tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jibqax identifikabbli;

(8)

data dinamika” tfisser dokumenti f'forma diġitali, soġġetti għal aġġornamenti frekwenti jew ħin reali, b'mod partikolari minħabba l-volatilità jew il-ħruġ rapidu mill-użu tagħhom; data ġenerata minn sensuri li huma tipikament ikkunsidrati bħala data dinamika;

(9)

data tar-riċerka” tfisser dokument b'format diġitali, għajr il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, miġbura jew magħmula matul attivitajiet tar-riċerka xjentifika u użati bħala evidenza fil-proċess tar-riċerka, jew huma komunement aċċettati fil-komunità tar-riċerka kif meħtieġ biex jiġu vvalidati s-sejbiet u r-riżultati tar-riċerka;

(10)

“settijiet tad-data ta' valur għoli” tfisser dokumenti li l-użu mill-ġdid tagħhom li hu assoċjat ma' benefiċċji importanti għas-soċjetà, l-ambjent u l-ekonomija, b'mod partikolari minħabba l-adegwatezza tagħhom biex jinħolqu servizzi u applikazzjonijiet b'valur miżjud, u impjiegi ġodda, ta' kwalità għolja u diċenti, u tal-għadd ta' benefiċjarji potenzjali tas-servizzi u l-applikazzjonijiet b'valur miżjud abbażi ta' dawk is-settijiet tad-data;

(11)

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta' dokumenti miżmuma:

(a)

mill-korpi tas-settur pubbliku, għall-finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih id-dokumenti kienu prodotti, ħlief għall-iskambju ta' dokumenti bejn il-korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom; jew

(b)

mill-impriżi pubbliċi, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, ħlief il-fini inizjali li jipprovdu servizzi fl-interess ġenerali li għalih id-dokumenti kienu prodotti, ħlief għall-iskambju ta' dokumenti bejn l-impriżi pubbliċi u l-korpi tas-settur pubbliku purament fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tal-korpi tas-settur pubbliku;

(12)

data personali” tfisser data personali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(13)

“format li jinqara mill-magni” tfisser format ta' fajl strutturat b'mod li l-applikazzjonijiet tas-software jkunu jistgħu jidentifikaw, jagħrfu u jieħdu data speċifika b'mod faċli, inkluż dikjarazzjonijiet individwali tal-fatti, u l-istruttura interna tagħhom;

(14)

“format miftuħ” tfisser format ta' fajl li hu indipendenti mill-pjattaforma u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr restrizzjonijiet li jxekklu l-użu mill-ġdid tad-dokumenti;

(15)

“standard miftuħ formali” tfisser standard li ġie stabbilit bil-miktub u b'deskrizzjoni fid-dettall tal-ispeċifikazzjonijiet għar-rekwiżiti dwar kif tkun żgurata l-interoperabbiltà tas-software;

(16)

“redditu raġonevoli fuq l-investiment” tfisser perċentwal tat-tariffa ġenerali, flimkien ma' dik meħtieġa biex jiġi rkuprati l-ispejjeż eliġibbli, sa 5 punti perċentwali aktar mir-rata fissa tal-imgħax tal-BĊE;

(17)

“parti terza” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li mhix korp tas-settur pubbliku jew impriża pubblika li jżommu d-data.

Artikolu 3

Prinċipju ġenerali

1.   Soġġetti għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti, li din id-Direttiva tapplika għalihom skont l-Artikolu 1, ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali skont il-Kapitoli III u IV.

2.   Għal dokumenti f'liema libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji għandhom drittjiet tal-proprjetà intellettwali u għal dokumenti miżmuma mill-impriżi pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jkun permess l-użu mill-ġdid ta' dawn id-dokumenti, dawk id-dokumenti għandhom ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali skont il-Kapitoli III u IV.

KAPITOLU II

TALBIET GĦALL-UŻU MILL-ĠDID

Artikolu 4

Ipproċessar ta' talbiet għall-użu mill-ġdid

1.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jipproċessaw, b'mezzi elettroniċi meta possibbli u xieraq, talbiet għall-użu mill-ġdid u għandhom jagħmlu d-dokument disponibbli għall-użu mill-ġdid mill-applikant jew, jekk tkun meħtieġa liċenzja, jiffinalizzaw l-offerta tal-liċenzja lill-applikant fi żmien raġonevoli li jkun konsistenti mal-limiti taż-żmien stabbiliti għall-ipproċessar tat-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti.

2.   Meta ma jkun ġie stabbilit l-ebda limitu taż-żmien jew l-ebda regola oħra li tirregola l-forniment fil-ħin tad-dokumenti, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jipproċessaw it-talba u għandhom iwasslu d-dokumenti għall-użu mill-ġdid lill-applikant jew, jekk tkun meħtieġa liċenzja, jiffinalizzaw l-offerta tal-liċenzja lill-applikant mill-iktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta tkun waslet it-talba. Dak il-limitu taż-żmien jista' jittawwal b'20 jum tax-xogħol ieħor għal talbiet estensivi jew komplessi. F'dawk il-każijiet, l-applikant għandu jiġi notifikat mill-iktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet ġimgħat wara t-talba inizjali, li jkun hemm bżonn aktar żmien biex tiġi pproċessata t-talba u bir-raġunijiet għal dan.

3.   Fil-każ ta' deċiżjoni negattiva, il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet għar-rifjut lill-applikant skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-reġim tal-aċċess f'dak l-Istat Membru jew skont id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva, b'mod partikulari l-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 1(2) jew l-Artikolu 3. Meta deċiżjoni negattiva tkun ibbażata fuq il-punt (c) tal-Artikolu 1(2), il-korp tas-settur pubbliku għandu jagħmel referenza għall-persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-detentur tad-drittijiet, meta magħrufa, jew inkella għal-liċenzjatur li mingħandu l-korp tas-settur pubbliku jkun kiseb il-materjal rilevanti. Il-libreriji, inkluż il-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji ma għandhomx ikunu meħtieġa jinkludu din ir-referenza.

4.   Kull deċiżjoni dwar l-użu mill-ġdid għandha tagħmel referenza għall-mezz ta' rimedju fejn l-applikant ikun jixtieq jikkontesta d-deċiżjoni. Il-miżuri ta' rimedju għandhom jinkludu l-possibbiltà ta' rieżami minn korp imparzjali tar-rieżami bil-kompetenzi xierqa, bħall-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, l-awtorità rilevanti għall-aċċess tad-dokumenti, l-awtorità superviżorja stabbilita f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti għall-korp tas-settur pubbliku kkonċernat.

5.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid effettiv ta' dokumenti. Dawk l-arranġamenti jistgħu b'mod partikolari jinkludu l-mezzi għall-forniment ta' informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet previsti f'din id-Direttiva u għall-għoti tal-assistenza u l-gwida rilevanti.

6.   L-entitajiet li ġejjin ma għandhomx ikunu meħtieġa jikkonformaw ma' dan l-Artikolu:

(a)

impriżi pubbliċi;

(b)

stabbilimenti edukattivi, organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka.

KAPITOLU III

KONDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU MILL-ĠDID

Artikolu 5

Formati disponibbli

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu V, il-korpi tas-settur pubbliku u l-impriżi pubbliċi għandhom jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli b'kwalunkwe format jew lingwa eżistenti qabel, u fejn possibbli u xieraq, b'mezzi elettroniċi, f'formati li jkunu miftuħin, aċċessibbli u li jinqraw mill-magni, u li jistgħu jinstabu u jerġgħu jintużaw, flimkien mal-metadata tagħhom. Kemm il-format kif ukoll il-metadata għandhom, fejn possibbli, jikkonformaw mal-istandards miftuħa formali.

2.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-korpi tas-settur pubbliku u lill-impriżi pubbliċi biex jipproduċu u jagħmlu disponibbli dokumenti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva skont il-prinċipju ta' “ftuħ sa mill-fażi tad-disinn u b'mod awtomatiku”.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jimplika obbligu għall-korpi tas-settur pubbliku li joħolqu jew jadattaw dokumenti jew jipprovdu siltiet sabiex jikkonformaw ma' dak il-paragrafu meta dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, li jmur lil hinn minn sempliċi operazzjoni.

4.   Il-korpi tas-settur pubbliku ma għandhomx jintalbu jibqgħu jiġġeneraw u jaħżnu ċertu tip ta' dokumenti bil-ħsieb tal-użu mill-ġdid ta' dawn id-dokumenti minn organizzazzjoni tas-settur privat jew tas-settur pubbliku.

5.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu d-data dinamika disponibbli għall-użu mill-ġdid immedjat wara l-ġbir, permezz ta' APIs xierqa u, fejn rilevanti, bħala tniżżil massiv.

6.   Fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' data dinamika għall-użu mill-ġdid immedjatament wara l-ġbir, kif imsemmi fil-paragrafu 5 jaqbeż il-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tal-korp tas-settur pubbliku, u b'hekk jimponi sforz sproporzjonat, dik id-data dinamika għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni għall-użu mill-ġdid f'perijodu ta' żmien jew b'restrizzjonijiet tekniċi temporanji li ma jxekklux indebitament l-isfruttament tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom.

7.   Il-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw għal dokumenti eżistenti miżmuma minn impriżi pubbliċi li huma disponibbli għall-użu mill-ġdid.

8.   Is-settijiet tad-data ta' valur għoli, kif elenkat f'konformità mal-Artikolu 14(1), għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-użu mill-ġdid f'formati li jinqraw bil-magni, permezz ta' APIs u, fejn rilevanti, bħala tniżżil massiv.

Artikolu 6

Prinċipji li jirregolaw it-tariffar

1.   L-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandu jkun mingħajr ħlas.

Madankollu, l-irkupru tal-ispejjeż marġinali mġarrba għar-riġenerazzjoni, il-forniment, u d-disseminazzjoni ta' dokumenti, kif ukoll għall-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-miżuri meħuda biex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali kummerċjalment, jista' jiġi awtorizzat.

2.   Bħala eċċezzjoni, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal dan li ġej:

(a)

korpi tas-settur pubbliku li huma mitluba jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbutin mal-prestazzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(b)

libreriji, inkluż libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji;

(c)

impriżi pubbliċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw online lista ta' korpi tas-settur pubbliku msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

4.   Fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 2, it-tariffi totali għandhom jiġu kkalkulati skont kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli. Tali kriterji għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Id-dħul totali mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti matul il-perijodu xieraq tal-kontabbiltà ma għandux jaqbeż l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni, id-disseminazzjoni tagħhom kif ukoll tal-ħżin tad-data, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment, u – meta applikabbli – l-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-miżuri meħuda biex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali kummerċjalment.

It-tariffi għandhom jiġu kkalkulati f'konformità mal-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli.

5.   Meta jintalbu tariffi mill-korpi tas-settur pubbliku msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 2, id-dħul totali mill-forniment u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti matul il-perijodu xieraq tal-kontabbiltà ma għandux jaqbeż l-ispiża tal-ġbir, il-ġenerazzjoni, ir-riġenerazzjoni, id-disseminazzjoni, il-ħżin tad-data, il-preservazzjoni u l-ikklerjar tad-drittijiet u, meta applikabbli, l-anonimizzazzjoni tad-data personali u l-miżuri meħuda biex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali kummerċjalment, flimkien ma' redditu raġonevoli fuq l-investiment.

It-tariffi għandhom jiġu kkalkulati f'konformità mal-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli għall-korpi tas-settur pubbliku involuti.

6.   L-utent ma għandux jintalab iħallas biex juża mill-ġdid:

(a)

soġġett għall-Artikolu 14(3), (4) u (5), is-settijiet tad-data ta' valur għoli kif elenkat f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu;

(b)

data ta' riċerka msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1).

Artikolu 7

Trasparenza

1.   Fil-każ tat-tariffi standard għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, kwalunkwe kondizzjoni applikabbli u l-ammont proprja ta' dawk it-tariffi, inkluż il-bażi tal-kalkolu għal dawk it-tariffi, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel u ppubblikati, b'mezzi elettroniċi fejn possibbli u xieraq.

2.   Fil-każ tat-tariffi għall-użu mill-ġdid għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-fatturi li jittieħed kont tagħhom għall-kalkolu ta' dawk it-tariffi għandhom jiġu indikati mill-bidu. Meta jintalab, id-detentur tad-dokumenti inkwistjoni għandu jindika wkoll il-mod kif ġew ikkalkulati dawn it-tariffi fir-rigward ta' talba speċifika għall-użu mill-ġdid.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li applikanti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti jkunu infurmati bil-mezzi disponibbli għar-rimedju b'rabta mad-deċiżjonijiet jew il-prattiki li jaffettwawhom.

Artikolu 8

Liċenzji standard

1.   L-użu mill-ġdid ta' dokumenti ma għandux ikun soġġett għal kondizzjonijiet, sakemm dawn ma jkunux kondizzjonijiet oġġettivi, proporzjonati, mhux diskriminatorji u ġustifikati għal raġunijiet ta' għan ta' interess pubbliku.

Meta l-użu mill-ġdid ikun soġġett għal kondizzjonijiet, dawk il-kondizzjonijiet ma għandhomx jillimitaw bla bżonn possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid u ma għandhomx jintużaw biex jillimitaw l-kompetizzjoni.

2.   Fi Stati Membri fejn jintużaw il-liċenzji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li liċenzji standard għall-użu mill-ġdid ta' dokumenti tas-settur pubbliku, li jkunu jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw applikazzjonijiet partikolari tal-liċenzji, ikunu disponibbli f'format diġitali u jkunu jistgħu jiġu pproċessati b'mod elettroniku. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta' dawn il-liċenzji standard.

Artikolu 9

Arranġamenti prattiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix tad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid, bħal listi tal-assi tad-dokumenti ewlenin bil-metadata rilevanti, li jkunu aċċessibbli online fejn possibbli u xieraq, u f'format li jinqara mill-magni, u portali kkollegati mal-listi tal-assi. Meta possibbli, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tiftix interlingwistiku għad-dokumenti, b'mod partikolari billi jippermettu l-aggregazzjoni tal-metadata fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom ukoll iħeġġu lill-korpi tas-settur pubbliku biex jagħmlu arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw il-preservazzjoni tad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid.

2.   L-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ikomplu bl-isforzi biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għas-settijiet tad-data, b'mod partikolari billi jipprovdu punt ta' aċċess uniku u billi progressivament iqiegħdu għad-dispożizzjoni settijiet tad-data adatti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku rigward id-dokumenti li għalihom tapplika din id-Direttiva, kif ukoll rigward data miżmuma minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, f'formati li jkunu aċċessibbli, faċli biex jinstabu u li jistgħu jintużaw mill-ġdid b'mezzi elettroniċi.

Artikolu 10

Data tar-riċerka

1.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw id-disponibbiltà tad-data tar-riċerka billi jadottaw politiki nazzjonali u azzjonijiet rilevanti bil-għan li jagħmlu d-data tar-riċerka ffinanzjata mill-pubbliku disponibbli b'mod miftuħ (“politiki tal-aċċess miftuħ”) skont il-prinċipju tal-ftuħ b'mod awtomatiku u b'mod kompatibbli mal-prinċipji FAIR. F'dak il-kuntest, għandu jitqies it-tħassib marbut mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità, is-sigurtà u l-interessi kummerċjali leġittimi, skont il-prinċipju ta' “ftuħ kemm jista' jkun, għeluq skont kemm meħtieġ”. Dawk il-politiki tal-aċċess miftuħ għandhom jiġu indirizzati lill-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u lill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 1(2), id-data tar-riċerka għandha tkun tista' tintuża mill-ġdid għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali f'konformità mal-Kapitoli III u IV, sakemm din tkun iffinanzjata mill-pubbliku u r-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka jew l-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka jkunu diġà qiegħduha disponibbli għall-pubbliku permezz ta' repożitorju istituzzjonali jew ibbażat fuq is-suġġett. F'dak il-kuntest għandhom jitqiesu l-interessi kummerċjali leġittimi, l-attivitajiet għat-trasferiment tal-għarfien u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti minn qabel.

KAPITOLU IV

NUQQAS TA' DISKRIMINAZZJONI U KUMMERĊ ĠUST

Artikolu 11

Nondiskriminazzjoni

1.   Kull kondizzjoni applikabbli għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandha tkun nondiskriminatorja għall-kategoriji paragunabbli tal-użu mill-ġdid, inkluż l-użu mill-ġdid transfruntier.

2.   Jekk id-dokumenti jintużaw mill-ġdid minn korp tas-settur pubbliku bħala kontribut għall-attivitajiet kummerċjali tiegħu li mhumiex fil-ambitu tal-kompiti pubbliċi tiegħu, għandhom jiġu applikati l-istess tariffi u kondizzjonijiet oħra għall-forniment tad-dokumenti għal dawk l-attivitajiet li japplikaw għall-utenti l-oħra.

Artikolu 12

Arranġamenti esklussivi

1.   L-użu mill-ġdid tad-dokumenti għandu jkun miftuħ għall-utenti potenzjali kollha fis-suq, anki jekk attur wieħed jew aktar tas-suq ikunu diġà sfruttaw prodotti b'valur miżjud ibbażati fuq dawk id-dokumenti. Kuntratti jew arranġamenti oħra bejn il-korpi tas-settur pubbliku jew impriżi pubbliċi li jżommu d-dokumenti u partijiet terzi ma għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi.

2.   Iżda, meta jkun hemm bżonn dritt esklussiv għall-forniment ta' servizz ta' interess pubbliku, il-validità tar-raġuni biex jingħata dak id-dritt esklussiv għandha tkun suġġetta għal rieżami regolari, u f'kull każ għandha tiġi rieżaminata kull tliet snin. L-arranġamenti esklussivi stabbiliti fi jew wara s-16 ta' Lulju 2019 għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku online mill-inqas xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ. It-termini finali ta' dawn l-arranġamenti għandhom ikunu trasparenti u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, meta dritt esklussiv jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, b'mod ġenerali l-perijodu ta' esklussività ma għandux jaqbeż l-għaxar snin. Fejn dak il-perijodu jaqbeż l-għaxar snin, id-durata tiegħu għandha tkun suġġetta għal rieżami matul il-11-il sena u, jekk applikabbli, kull seba' snin wara dan.

L-arranġamenti li jagħtu drittijiet esklussivi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu trasparenti u disponibbli għall-pubbliku.

Fil-każ ta' dritt esklussiv imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-korp tas-settur pubbliku kkonċernat għandu jingħata kopja mingħajr ħlas tar-riżorsi kulturali diġitalizzati bħala parti minn dawk l-arranġamenti. Dik il-kopja għandha tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid fi tmiem il-perijodu ta' esklussività.

4.   L-arranġamenti prattiċi jew legali li, mingħajr ma jagħtu espressament dritt esklussiv, ikollhom l-għan jew jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jwasslu għal disponibbiltà ristretta tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti minn entitajiet oħra li mhumiex il-partijiet terzi li qed jieħdu sehem fl-arranġament, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online mill-inqas xahrejn qabel ma jidħlu fis-seħħ. L-effett ta' tali arranġamenti prattiċi jew legali fuq id-disponibbiltà ta' data għall-użu mill-ġdid għandu jkun soġġett għal rieżami regolari u għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi rieżaminat kull tliet snin. It-termini finali ta' dawn l-arranġamenti għandhom ikunu trasparenti u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku online.

5.   Arranġamenti esklussivi li ilhom jeżistu mis-17 ta' Lulju 2013 li ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li jkunu daħlu għalihom il-korpi tas-settur pubbliku, għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-18 ta' Lulju 2043.

Arranġamenti esklussivi diġà eżistenti fis-16 ta' Lulju 2019 li ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, u li kienu daħlu għalihom il-korpi tas-settur pubbliku, għandhom jintemmu fi tmiem il-kuntratt u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mis-17 ta' Lulju 2049.

KAPITOLU V

SETTIJIET TAD-DATA TA' VALUR GĦOLI

Artikolu 13

Kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli

1.   Sabiex jiġu previsti kondizzjonijiet li jappoġġaw l-użu mill-ġdid ta' settijiet tad-data ta' valur għoli, ġiet stabbilita fl-Anness I lista ta' kategoriji tematiċi ta' tali settijiet tad-data.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 15 sabiex jiġi emendat l-Anness I billi jiżdiedu kategoriji tematiċi ġodda ta' settijiet tad-data ta' valur għoli sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi u dawk fis-suq.

Artikolu 14

Settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli u arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli li jagħmlu parti mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness I u miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku u impriżi pubbliċi fost id-dokumenti li għalihom tapplika din id-Direttiva.

Tali settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli għandhom ikunu:

(a)

disponibbli mingħajr ħlas soġġetti għall-paragrafi 3, 4 u 5;

(b)

f'format li jinqara mill-magni;

(c)

ipprovduti permezz ta' APIs; u

(d)

ipprovduti bħala tniżżil massiv, fejn rilevanti.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jistgħu jispeċifikaw l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' settijiet tad-data ta' valur għoli. Tali arranġamenti għandhom ikunu kompatibbli ma' liċenzji standard miftuħa.

L-arranġamenti jistgħu jinkludu termini applikabbli għall-użu mill-ġdid, formati ta' data u metadata u arranġamenti tekniċi tad-disseminazzjoni. Investimenti magħmula mill-Istati Membri f'approċċi tad-data miftuħa, bħal investimenti fl-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' ċerti standards, għandhom jiġu kkunsidrati u bbilanċati mal-benefiċċji potenzjali minn inklużjoni fil-lista.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

2.   L-identifikazzjoni ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli skont il-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-potenzjal tagħhom li:

(a)

jiġġeneraw benefiċċji soċjoekonomiċi jew ambjentali importanti, u servizzi innovattivi,

(b)

jibbenefikaw lil għadd kbir ta' utenti, b'mod partikolari SMEs;

(c)

jgħinu biex jiġi ġġenerat id-dħul; u

(d)

jiġu kkombinati ma' settijiet oħra tad-data.

Għall-fini tal-identifikazzjoni ta' tali settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta' esperti, twettaq valutazzjoni tal-impatt u tiżgura komplementarjetà mal-atti legali eżistenti, bħad-Direttiva 2010/40/UE, fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta' dokumenti. Dik il-valutazzjoni tal-impatt għandha tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u analiżi ta' jekk il-provvista ta' settijiet tad-data ta' valur għoli mingħajr ħlas minn korpi tas-settur pubbliku, li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbutin mal-prestazzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom, hux ser twassal għal impatt sostanzjali fuq il-baġit ta' tali korpi. Fir-rigward ta' settijiet tad-data ta' valur għoli miżmuma mill-impriżi pubbliċi, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tagħti attenzjoni speċjali lir-rwol tal-impriżi pubbliċi f'ambjent ekonomiku kompetittiv.

3.   Permezz ta' derogazzjoni mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jipprevedu li d-disponibbiltà ta' settijiet tad-data ta' valur għoli mingħajr ħlas m'għandhiex tapplika għal settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli miżmuma minn impriżi pubbliċi fejn dan iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

4.   Ir-rekwiżit li s-settijiet tad-data ta' valur għoli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika għal libreriji, inkluż libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji.

5.   Fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' settijiet tad-data ta' valur għoli mingħajr ħlas minn korpi tas-settur pubbliku li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbutin mal-prestazzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom iwassal għal impatt sostanzjali fuq il-baġit tal-korpi involuti, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw dawk il-korpi mir-rekwiżit li jagħmlu dawk is-settijiet tad-data ta' valur għoli disponibbli bla ħlas għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-att ta' implimentazzjoni rilevanti adottat f'konformità mal-paragrafu 1.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 13(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-16 ta' Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   L-att delegat adottat skont l-Artikolu 13(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-17 ta' Lulju 2021. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Evalwazzjoni tal-Kummissjoni

1.   Mhux aktar kmieni mis-17 ta' Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva, u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta' dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

L-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

2.   L-evalwazzjoni għandha tindirizza b'mod partikolari l-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt soċjali u ekonomiku ta' din id-Direttiva, inkluż:

(a)

id-daqs taż-żieda fl-użu mill-ġdid tad-dokumenti tas-settur pubbliku, li tapplika għalihom din id-Direttiva, speċjalment mill-SMEs;

(b)

l-impatt tas-settijiet tad-data ta' valur għoli;

(c)

l-effetti tal-prinċipji applikati għat-tariffar u l-użu mill-ġdid ta' testi uffiċjali ta' natura leġislattiva u amministrattiva;

(d)

l-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn entitajiet oħra li mhumiex korpi tas-settur pubbliku;

(e)

id-disponibbiltà u l-użu ta' APIs;

(f)

l-interazzjoni bejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid;

(g)

possibbiltajiet oħra biex jitjieb il-funzjonament xieraq tas-suq intern, jiġi appoġġat l-iżvilupp ekonomiku u dak tas-suq tax-xogħol.

Artikolu 19

Tħassir

Fid-Direttiva 2003/98/KE, kif emendata mid-Direttiva elenkata fl-Anness II, il-Parti A, titħassar b'effett mis-17 ta' Lulju 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta' applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, il-Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 238.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(4)  Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(7)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(8)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(9)  Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(10)  Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(11)  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

(12)  Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).

(13)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(14)  Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(15)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(16)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(17)  Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(18)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(19)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(20)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(21)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(23)  ĠU C 305, 30.8.2018. p. 7.


ANNESS I

Lista ta' kategoriji tematiċi ta' settijiet tad-data ta' valur għoli, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)

1.

Data ġeospazjali

2.

Data dwar l-osservazzjoni tad-dinja u l-ambjent

3.

Data meteoroloġika

4.

Data statistika

5.

Data dwar il-kumpanniji u l-proprjetà tal-kumpanniji

6.

Data dwar il-mobbiltà


ANNESS II

Parti A

Direttiva mħassra flimkien mal-emenda tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 19)

Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90)

 

Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1)

 

Parti B

Skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u dati ta' applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 19)

Direttiva

Skadenza għat-traspożizzjoni

Data ta' applikazzjoni

2003/98/KE

fl-1 ta' Lulju 2005.

fl-1 ta' Lulju 2005.

2013/37/UE

fit-18 ta' Lulju 2015.

fit-18 ta' Lulju 2015.


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 2003/98/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1), test introduttiv

 

Artikolu 1(1)(a), (b) u (c)

Artikolu 1(2), test introduttiv

Artikolu 1(2), test introduttiv

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(d)

Artikolu 1(2)(e)

Artikolu 1(2)(ca)

Artikolu 1(2)(f)

Artikolu 1(2)(cb)

Artikolu 1(2)(g)

Artikolu 1(2)(cc)

Artikolu 1(2)(h)

Artikolu 1(2)(d)

Artikolu 1(2)(i)

Artikolu 1(2)(e)

Artikolu 1(2)(l)

Artikolu 1(2)(f)

Artikolu 1(2)(j)

Artikolu 1(2)(k)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(6) u (7)

Artikolu 2, test introduttiv

Artikolu 2, test introduttiv

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3) u (5)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(7) sa (10)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(11)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(12)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(13)

Artikolu 2(7)

Artikolu 2(14)

Artikolu 2(8)

Artikolu 2(15)

Artikolu 2(9)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(16) u (17)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(6), test introduttiv

 

Artikolu 4(6)(a) u (b)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 5(5) sa (8)

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(2), test introduttiv

Artikolu 6(2), test introduttiv

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 6(2)(c)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 6(2)(c)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(6)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 7(3)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11(1)

Artikolu 12(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 12(2)

Artikolu 11(2a)

Artikolu 12(3)

Artikolu 12(4)

Artikolu 11(3)

Artikolu 11(4)

Artikolu 12(5)

Artikoli 13 sa 16

Artikolu 12

Artikolu 17(1)

Artikolu 17(2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 18(1)

Artikolu 13(2)

Artikolu 13(3)

Artikolu 18(2), test introduttiv

Artikolu 18(2)(a) sa (g)

Artikolu 19

Artikolu 14

Artikolu 20

Artikolu 15

Artikolu 21

Annessi I, II u III