17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/82


DIRETTIVA (UE) 2019/789 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Bħala kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, hemm bżonn li jitwessa' t-tixrid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra għall-benefiċċju tal-utenti madwar l-Unjoni, billi jeħfief il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu f'xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u r-radju. Il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju huma mezzi importanti li jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, il-koeżjoni soċjali u li jżidu l-aċċess għall-informazzjoni.

(2)

L-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali u l-Internet biddlu d-distribuzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u l-aċċess għalihom. Kulma jmur l-utenti qed jistennew dejjem aktar li jkollhom aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju kemm diretti kif ukoll on-demand, permezz ta' mezzi tradizzjonali, bħas-satellita jew il-kejbil, u anki b'servizzi online. Għaldaqstant, minbarra x-xandiriet tagħhom stess tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, kulma jmur l-organizzazzjonijiet tax-xandir qed joffru dejjem aktar servizzi online anċillari għal tali xandiriet, bħalma huma s-servizzi tax-xandir simultanju u s-servizzi tar-ripetizzjoni. L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li jiġbru l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju f'pakketti u jipprovduhom lill-utenti b'mod simultanju mal-ewwel trażmissjoni ta' dawk ix-xandiriet, mingħajr bidla u mingħajr tqassir, jużaw diversi tekniki ta' ritrażmissjoni, bħall-kejbil, is-satellita, it-terrestri diġitali, u netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, kif ukoll l-Internet miftuħ. Barra minn hekk, l-operaturi li jiddistribwixxu l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju lill-utenti għandhom modi differenti biex jiksbu sinjali li jwasslu l-programmi ta' organizzazzjonijiet tax-xandir, inkluż permezz ta' injezzjoni diretta. Kulma jmur qed tiżdied id-domanda għal aċċess, min-naħa tal-utenti, għal xandiriet tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li ma joriġinawx biss fl-Istat Membru tagħhom iżda anki fi Stati Membri oħra. Dawn l-utenti jinkludu membri tal-minoranzi lingwistiċi tal-Unjoni, kif ukollpersuni li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.

(3)

L-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu kuljum ħafna sigħat ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Dawk il-programmi jkun fihom varjetà ta' kontenut, bħal xogħol awdjoviżiv, mużikali, letterarju jew grafiku, protett skont il-liġi tal-Unjoni bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati jew bit-tnejn. Dan joħloq proċess kumpless biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet mingħand għadd kbir ta' detenturi tad-drittijiet għal kategoriji varji ta' xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor. Ħafna drabi l-ikklerjar tad-drittijiet tkun meħtieġa fi żmien qasir, b'mod partikolari meta jkunu qed jitħejjew l-aħbarijiet jew programmi tal-programmi ta' ġrajjiet kurrenti. Sabiex is-servizzi tagħhom jagħmluhom disponibbli lil hinn mill-fruntieri, l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom bżonn id-drittijiet meħtieġa għal xogħlijiet u materjal protett ieħor għal kull territorju rilevanti u dan iżid aktar il-kumplessità tal-awtorizzazzjoni ta' tali drittijiet.

(4)

L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li tipikament joffru bosta programmi magħmula minn diversi xogħlijiet u materjal protett ieħor, u jkollhom żmien qasir ħafna biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa u, għalhekk, ikollhom iġorru piż sinifikanti tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet. L-awturi, il-produtturi u detenturi oħrajn tad-drittijiet jirriskjaw ukoll li x-xogħlijiet tagħhom u materjal protett ieħor tagħhom jiġu użati mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom jew ħlas xieraq lilhom. Tali remunerazzjoni għar-ritrażmissjoni tax-xogħlijiet tagħhom u ta' materjal protett ieħor hija importanti biex jiġi żgurat li jkun hemm offerta ta' kontenut varjat, li tkun ukoll fl-interess tal-konsumaturi.

(5)

Id-drittijiet fejn jidħlu x-xogħlijiet u materjal protett ieħor huma armonizzati, fost l-oħrajn, bid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jipprevedu livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet.

(6)

Id-Direttiva 93/83/KEE (5) tiffaċilita x-xandir transfruntier bis-satellita u r-ritrażmissjoni bil-kejbil tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva dwar it-trażmissjonijiet tal-organizzazzjonijiet tax-xandir huma limitati għat-trażmissjonijiet bis-satellita u għalhekk ma japplikawx għas-servizzi online anċillari għax-xandiriet. Barra minn hekk, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju minn Stati Membri oħra huma limitati għat-trażmissjonijiet mill-ġdid simultanji, mhux mibdulin u mhux imqassrin bil-kejbil jew b'sistemi microwave u ma jkoprux trażmissjonijiet mill-ġdid permezz ta' teknoloġiji oħra.

(7)

Għaldaqstant, il-forniment transfruntier tas-servizzi online li huma anċillari għax-xandiriet, u t-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, jenħtieġ li jeħfiefu billi jiġi adattat il-qafas ġuridiku dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għal dawn l-attivitajiet. Dak l-adattament jenħtieġ li jsir billi jittieħed kont tal-finanzjament u l-produzzjoni ta' kontenut kreattiv, u b'mod partikolari, tax-xogħlijiet awdjoviżivi.

(8)

Din id-Direttiva għandha tkopri s-servizzi online anċillari li joffru l-organizzazzjonijiet tax-xandir li għandhom rabta ċara u subordinata max-xandiriet tal-organizzazzjoni tax-xandir. Dawk is-servizzi jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju b'mod strettament lineari, b'mod simultanju għax-xandir, u s-servizzi li jagħtu aċċess, fi żmien definit wara x-xandira, għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jkunu diġà xxandru mill-organizzazzjoni tax-xandir, l-hekk imsejħa “servizzi tar-ripetizzjoni”. Barra minn hekk, is-servizzi online anċillari koperti minn din id-Direttiva jinkludu s-servizzi li jagħtu aċċess għal materjal li jarrekkixxi jew inkella jespandi l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju mxandramill-organizzazzjoni tax-xandir, fosthom bi previżjoni, estensjoni, supplimentar jew reviżjoni tal-kontenut tal-programm rilevanti. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal servizzi online anċillari li huma pprovduti lill-utenti minn organizzazzjonijiet tax-xandir flimkien mas-servizz tax-xandir. Jenħtieġ lia tapplika wkoll għal servizzi online anċillari li, filwaqt li jkollhom relazzjoni ċara u subordinata max-xandira, ikunu jistgħu jiġu aċċessati mill-utenti b'mod separat mis-servizz tax-xandir mingħajr ma jkun hemm prekundizzjoni għall-utent li jkollu jikseb aċċess għal dak is-servizz tax-xandir, pereżempju permezz ta' abbonament. Dan ma jaffetwax il-libertà tal-organizzazzjonijiet tax-xandir li joffru dawn is-servizzi online anċillari bla ħlas jew permezz tal-ħlas. L-għoti tal-aċċess għal xogħol individwali jew materjal protett ieħor li jkun inkorporat fi programm tat-televiżjoni jew tar-radju, jew għal xogħlijiet jew materjal protett ieħor li ma jkunu relatati ma' ebda xandira ta' programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir, bħalma huma s-servizzi li jagħtu aċċess għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, albums tal-mużika jew vidjos, pereżempju servizzi ta' video-on-demand, jenħtieġ li ma jaqax fl-ambitu tas-servizzi koperti minn din id-Direttiva.

(9)

Sabiex teħfief l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għall-forniment tas-servizzi online anċillari bejn il-fruntieri, hemm bżonn jiġi previst it-twaqqif tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-atti li jseħħu waqt il-forniment tas-servizzi online anċillari, l-aċċess għalihom jew l-użu tagħhom. Dak il-prinċipju jenħtieġ li jkopri l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet kollha li huma meħtieġa biex l-organizzazzjoni tax-xandir tkun tista' tikkomunika mal-pubbliku jew tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-programmi tagħha meta tipprovdi servizzi online anċillari, inkluż l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe dritt tal-awtur u drittijiet relatati fix-xogħlijiet jew materjal protett ieħor użati fil-programmi, pereżempju d-drittijiet fil-fonogrammi jew il-prestazzjonijiet. Dak il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika esklussivament għar-relazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet (jew l-entitajiet li jirrappreżentawhom, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv) u l-organizzazzjonijiet tax-xandir, u jenħtieġ li japplika biss għall-fini tal-forniment tas-servizzi online anċillari, tal-aċċess għalihom jew tal-użu tagħhom. Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għal xi komunikazzjoni sussegwenti lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, jew għal kwalunkwe tqegħid sussegwenti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawh minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, jew għal kwalunkwe riproduzzjoni sussegwenti ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor li jkunu jinsabu fis-servizz online anċillari.

(10)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi tal-finanzjament u tal-liċenzjar għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, li ta' spiss ikunu bbażati fuq liċenzjar territorjali esklużiv, huwa xieraq, fir-rigward tal-programmi tat-televiżjoni, li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva għal ċerti tipi ta' programmi. Dawk it-tipi ta' programmi jenħtieġ li jinkludu programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti kif ukoll produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir li jkunu ffinanzjati esklussivament minnha, inkluż fejn il-fondi għall-finanzjament użati mill-organizzazzjoni tax-xandir għall-produzzjonijiet tagħha jiġu minn fondi pubbliċi. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjonijiet tax-xandir jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru produzzjonijiet imwettqa minn organizzazzjoni tax-xandir bl-użu tar-riżorsi proprji, iżda jeskludu produzzjonijiet ikkummissjonati mill-organizzazzjoni tax-xandir lil produtturi li jkunu indipendenti mill-organizzazzjoni tax-xandir u l-koproduzzjonijiet. Għall-istess raġunijiet, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi skont din id-Direttiva. Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika biss meta l-programmi jintużaw mill-organizzazzjoni tax-xandir fis-servizzi online anċillari tagħha stess. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar tal-produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir lil partijiet terzi, inkluż lil organizzazzjonijiet oħra tax-xandir. Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma jaffettwax il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, dwar il-limitazzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet territorjali, għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom.

(11)

Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma jirriżultax fl-ebda obbligu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir li jikkomunikaw jew jagħmlu disponibbli lill-pubbliku programmi fis-servizzi online anċillari tagħhom, jew li jipprovdu tali servizzi online anċillari fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-istabbiliment ewlieni tagħhom.

(12)

Billi l-forniment tas-servizzi online anċillari, l-aċċess għalihom jew l-użu tagħhom taħt din-id-Direttiva, jitqiesu li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha, filwaqt li de facto s-servizzi online anċillari jistgħu jiġu pprovduti bejn il-fruntieri lil Stati Membri oħra, huwa neċessarju li jkun żgurat li fl-iffissar tal-ammont tal-ħlas li għandu jingħata għad-drittijiet inkwistjoni, il-partijiet iqisu l-aspetti kollha tas-servizz online anċillari bħall-karatteristiċi tas-servizz, inkluż it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà online tal-programmi inklużi fis-servizz, l-udjenza, inkluż l-udjenza fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha u fi Stati Membri oħra fejn jiġi aċċessat u użat is-servizz online anċillari, kif ukoll jiġu pprovduti l-verżjonijiet tal-lingwa. Madankollu jenħtieġ li jibqa' possibbli li jintużaw metodi speċifiċi għall-kalkolu tal-ammont tal-ħlas għad-drittijiet soġġetti għall-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini, bħal metodi ibbażati fuq id-dħul tal-organizzazzjoni tax-xandir iġġenerat mis-servizz online, li huma użati, b'mod partikolari, mill-organizzazzjonijiet tax-xandir tar-radju.

(13)

Abbażi tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, se jibqa' jkun possibbli lijiġi limitat l-isfruttament tad-drittijiet milquta mill-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva, diment li tali limitazzjoni tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni.

(14)

L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jistgħu jużaw teknoloġiji differenti meta dawn jittrażmettu mill-ġdid b'mod simultanju, b'mod mhux mibdul u b'mod mhux imqassar, biex tasal għand il-pubbliku trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju. Is-sinjali li jwasslu l-programmi jistgħu jinkisbu minn operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni mingħand organizzazzjonijiet tax-xandir, li huma stess jittrażmettu dawk is-sinjali lill-pubbliku, b'modi differenti, pereżempju billi jinqabdu s-sinjali trażmessi mill-organizzazzjonijiet tax-xandir jew jirċievu s-sinjali direttament minnhom permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta. Is-servizzi ta' tali operaturi jistgħu jiġu offruti bis-satellita, bit-terrestri diġitali, b'netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, u b'netwerks simili jew permezz ta' servizzi tal-aċċess għall-Internet, kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). L-operaturi ta' servizzi ta' trażmissjoni mill-ġdid li jużaw tali teknoloġiji għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom jenħtieġ għalhekk li jkunu koperti minn din id-Direttiva u jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jintroduċi l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm salvagwardji suffiċjenti kontra l-użu mhux awtorizzat ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, li huwa partikolarment importanti fil-każ ta' servizzi bi ħlas, is-servizzi ta' ritrażmissjoni li jiġu offruti permezz ta' servizzi ta' aċċess għall-Internet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva biss meta dawk is-servizzi ta' ritrażmissjoni jiġu previsti f'ambjent fejn utenti awtorizzati biss ikunu jistgħu jaċċessaw it-trażmissjonijiet mill-ġdid, u l-livell ta' sigurtà tal-kontenut ikun komparabbli għal-livell ta' sigurtà għal kontenut trażmess fuq netwerks immaniġġjati, bħal kejbil jew netwerks taċ-ċirkwit magħluqin ibbażati fuq l-IPs, li fihom il-kontenut li huwa trażmess mill-ġdid ikun kriptat. Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu fattibbli u adegwati.

(15)

Sabiex jittrażmettu mill-ġdid it-trażmissjonijiet inizjali tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għandhom jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-dritt esklużiv tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor. Sabiex tingħata ċ-ċertezza legali lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u sabiex jingħelbu d-disparitajiet fil-liġi nazzjonali rigward dawn is-servizzi ta' ritrażmissjoni, jenħtieġ li japplikaw regoli simili għal dawk li japplikaw għar-ritrażmissjoni bil-kejbil kif definit fid-Direttiva 93/83/KEE. Ir-regoli taħt dik id-Direttiva li jinkludu l-obbligu li jiġi eżerċitat id-dritt li tingħata jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni lil xi operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni permezz ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. Taħt dawk ir-regoli, id-dritt ta' għoti jew ċaħda ta' awtorizzazzjoni bħala tali jibqa' intatt, u huwa biss l-eżerċizzju ta' dak id-dritt li huwa sa ċertu punt irregolat. Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jirċievu remunerazzjoni xierqa għar-ritrażmissjoni tax-xogħlijiet tagħhom u ta' materjal protett ieħor. Meta jiġu ddeterminati termini ta' liċenzjar raġonevoli, inkluża t-tariffa tal-liċenzja, għal ritrażmissjoni f'konformità mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jenħtieġ li, fost l-oħrajn, jiġi kkunsidrat il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, inkluż il-valur allokat għall-mezzi ta' ritrażmissjoni. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju kollettiv tad-dritt tal-ħlas ta' remunerazzjoni unika u ekwa għall-artisti u l-produtturi ta' fonogrammi għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' fonogrammi kummerċjali kif previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE u d-Direttiva 2014/26/UE, b'mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tagħhali għandhomx'jaqsmu mad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet fejn tidħol l-għażla ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv.

(16)

Din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti li jiġu konklużi ftehimiet bejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv u operaturi ta' servizzi ta' ritrażmissjoni, għad-drittijiet li huma soġġetti għal immaniġġjar kollettiv obbligatorju skont din id-Direttiva, li jiġu estiżi biex japplikaw għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex rappreżentati minn dik l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, mingħajr ma dawk id-detenturi tad-drittijiet ikunu permessi jeskludu x-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor mill-applikazzjoni ta' dak il-mekkaniżmu. F'każijiet fejn ikun hemm aktar minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv waħda li timmaniġġja d-drittijiet tal-kategorija rilevanti għat-territorju tagħha, jenħtieġ li jkun għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ifittex awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, biex jiddetermina liema organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv għandhom id-dritt li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni.

(17)

Kull dritt miżmum mill-organizzazzjonijiet tax-xandir stess fejn jidħlu x-xandiriet tagħhom, inkluż id-drittijiet fil-kontenut tal-programmi, jenħtieġ li ma jiġix suġġett għall-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet applikabbli għat-trażmissjonijiet mill-ġdid. Ġeneralment l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom relazzjonijiet kummerċjali kontinwi tant li l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ikunu jafu l-identità tal-organizzazzjonijiet tax-xandir. Għaldaqstant, huwa relattivament sempliċi għal dawk l-operaturi li jawtorizzaw id-drittijiet mal-organizzazzjonijiet tax-xandir. B'hekk, biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa mingħand l-organizzazzjonijiet tax-xandir, l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ma jġorrux l-istess piż daqs meta jkunu jfittxu li jiksbu liċenzji mingħand id-detenturi tad-drittijiet tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor li jkunu inklużi fil-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jittrażmettu mill-ġdid. Għalhekk il-proċess tal-liċenzjar ma jeħtieġx simplifikazzjoni fejn jidħlu d-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li fejn l-organizzazzjonijiet tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jidħlu f'negozjati, dawn jinnegozjaw in bona fide fir-rigward tal-liċenzjar tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti minn din id-Direttiva. Id-Direttiva 2014/26/UE tipprevedi regoli simili applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv.

(18)

Ir-regoli previsti f'din id-Direttiva li jikkonċernaw id-drittijiet f'ritrażmissjoni eżerċitati mill-organizzazzjonijiet tax-xandir fir-rigward tat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom stess jenħtieġ li ma jillimitawx l-għażla tad-detenturi tad-drittijiet li jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom lil organizzazzjoni tax-xandir jew lil organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv u b'hekk jippermettulhom li jkollhom sehem dirett fir-remunerazzjoni mħallsa mill-operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni.

(19)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli dwar ir-ritrażmissjoni stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE għal sitwazzjonijiet fejn kemm it-trażmissjoni inizjali kif ukoll ir-ritrażmissjoni isiru fit-territorju tagħhom.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, huwa xieraq li jiġi previst li meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom permezz ta' injezzjoni diretta lil distributuri tas-sinjali biss mingħajr ma jittrażmettu direttament il-programmi tagħhom lill-pubbliku, u d-distributuri tas-sinjali jibagħtu dawk is-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom lill-utenti tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw jew jisimgħu l-programmi, jitqies li jkun seħħ att uniku wieħed biss ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, fejn kemm l-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll id-distributuri tas-sinjali jipparteċipaw mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. L-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-distributuri tas-sinjali jenħtieġ għalhekk li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni tax-xandir u distributur tas-sinjali fl-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jenħtieġ li ma twassalx għal responsabbiltà konġunta min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjal għal dak l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprovdu fil-livell nazzjonali modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni għal tali att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż il-ħlasijiet rilevanti li għandhom isiru lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, b'kont meħud tal-isfruttament rispettiv tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor, mill-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali, relatati mal-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku. Id-distributuri tas-sinjali jiffaċċjaw, b'mod simili għall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, piż sinifikanti għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, ħlief fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir. L--Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jipprevedu li d-distributuri tas-sinjali jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tagħhom bl-istess mod u sal-istess punt bħall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti mid-Direttiva 93/83/KEE u din id-Direttiva. F'każijiet fejn id-distributuri tas-sinjali sempliċiment jipprovdu “mezzi tekniċi” lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżguraw li x-xandira titwassal jew itejbu r-riċeviment tax-xandira, id-distributuri tas-sinjali jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.

(21)

Meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom direttament lill-pubbliku, u b'hekk iwettqu att inizjali ta' trażmissjoni, u b'mod simultanju wkoll jitrażmettu dawk is-sinjali lil organizzazzjonijiet oħra permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta, pereżempju biex tiġi żgurata l-kwalità tas-sinjali għall-finijiet ta' ritrażmissjoni, it-trażmissjonijiet minn dawk l-organizzazzjonijiet l-oħra jikkostitwixxu att separat ta' komunikazzjoni lill-pubbliku minn dak imwettaq mill-organizzazzjoni tax-xandir. F'dawk is-sitwazzjonijiet jenħtieġ li japplikaw ir-regoli dwar it-trażmissjonijiet mill-ġdid stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva.

(22)

Sabiex jiġu żgurati l-immaniġġjar kollettiv effiċjenti tad-drittijiet u d-distribuzzjoni preċiża tad-dħul miġbur taħt il-mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju introdott minn din id-Direttiva, huwa importanti li l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv iżommu rekords xierqa ta' sħubija, liċenzji u l-użu ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, skont l-obbligi ta' trasparenza stipulati fid-Direttiva 2014/26/UE.

(23)

Sabiex tkun evitata ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini permezz tal-estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-ftehimiet eżistenti dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-forniment tas-servizzi anċillari online kif ukoll għall-aċċess għal jew għall-użu ta' dak is-servizz, huwa meħtieġ li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jiġi applikat ukoll għall-ftehimiet eżistenti iżda b'perjodu tranżitorju. Matul dak il-perjodu transitorju, il-prinċipju jenħtieġ li ma japplikax għal dawk il-ftehimiet eżistenti, sabiex b'hekk jingħata l-ħin biex jiġu adattati, fejn huwa neċessarju, skont din id-Direttiva. Huwa wkoll neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju sabiex l-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-distributuri tas-sinjali u d-detenturi tad-drittijiet jitħallew jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-isfruttar ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor permezz ta' injezzjoni diretta stabbiliti fid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar it-trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta.

(24)

F'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, jenħtieġ li jsir rieżami ta' din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-injezzjoni diretta, wara li Direttiva tkun ilha fis-seħħ għal ċertu perjodu ta' żmien, biex jiġu vvalutati, inter alia, il-benefiċċji tagħha għall-konsumaturi tal-Unjoni, l-impatt tagħha fuq l-industriji kreattivi fl-Unjoni u fuq il-livell ta' investiment fil-kontenut il-ġdid, u b'hekk ukoll il-benefiċċji rigward diversità kulturali mtejba fl-Unjoni.

((25)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li din id-Direttiva tista'twassal għal indħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet sal-punt li jitwettaq l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju għall-eżerċizzju tad-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward ta' ritrażmissjoni, huwa neċessarju li l-applikazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tiġi preskritta b'mod immirat u tkun limitata għal servizzi speċifiċi.

(26)

Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier. Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra. Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.

(27)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti spjegattivi (8), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli, li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess transfruntier għal numru akbar ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju, billi jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għall-forniment ta' servizzi online li huma anċillari għax-xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju, u għar-ritrażmissjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Jistabbilixxi wkoll regoli għat-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju permezz tal-proċess ta' injezzjoni diretta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz online anċillari” tfisser servizz online li jikkonsisti fil-forniment lill-pubbliku, minn organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kontroll u bir-responsabbiltà tagħha, ta' programmi tat-televiżjoni jew tar-radju b'mod simultanju max-xandira tal-organizzazzjoni tax-xandir jew wara perjodu ta' żmien definit mix-xandira tagħhom, kif ukoll ta' kull materjal li jkun anċillari għal tali xandira;

(2)

“ritrażmissjoni” tfisser ir-ritrażmissjoni simultanja, mhux mibdula u mhux imqassra, minbarra r-ritrażmissjoni bil-kejbil kif definit fid-Direttiva 93/83/KEE, bil-ħsieb li l-pubbliku jirċievi trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor ta' programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba biex jaslu għand il-pubbliku, fejn tali trażmissjoni inizjali ssir bil-fili jew fl-ajru, inkluż dik bis-satellita, iżda mhux bit-trażmissjoni online, sakemm:

(a)

ir-ritrażmissjoni titwettaq minn parti oħra għajr l-organizzazzjoni tax-xandir li tkun għamlet it-trażmissjoni inizjali jew li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha tkun saret tali trażmissjoni inizjali, irrilevanti mill-mod li bih il-parti li twettaq ir-ritrażmissjoni tkun akkwistat is-sinjali li jwasslu l-programm mill-organizzazzjoni tax-xandir għal raġunijiet ta' ritrażmissjoni, u

(b)

meta r-ritrażmissjoni tkun fuq servizz tal-aċċess għall-Internet kif definit fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/2120, din titwettaq f'ambjent immaniġġjat;

(3)

“ambjent immaniġġjat” tfisser ambjent fejn operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni jipprovdi ritrażmissjoni sikura lill-utenti awtorizzati;

(4)

“injezzjoni diretta” tfisser proċess tekniku li permezz tiegħu organizzazzjoni tax-xandir tittrażmetti s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha lil organizzazzjonijiet li ma jkunux organizzazzjonijiet tax-xandir b'tali mod li s-sinjali li jwasslu l-programmi ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku waqt dik it-trażmissjoni.

KAPITOLU II

Servizzi online anċillari tal-organizzazzjonijiet tax-xandir

Artikolu 3

L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini” għas-servizzi online anċillari

1.   L-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, u tad-disponibbiltà lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, li jseħħu waqt il-forniment lill-pubbliku:

(a)

programmi tar-radju, u

(b)

programmi tat-televiżjoni li huma:

(i)

programmi ta' aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, jew

(ii)

produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjoni tax-xandir iffinanzjati b'mod sħiħ,

fil-każ ta' servizz online anċillari minn organizzazzjoni tax-xandir jew taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha, kif ukoll fil-każ tal-atti tar-riproduzzjoni ta' tali xogħlijiet jew materjal protett ieħor li huma meħtieġa għall-forniment ta' tali servizz online, l-aċċess għalih jew l-użu tiegħu għall-istess programmi, għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għal dawk l-atti, li qed iseħħu biss fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha.

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal xandiriet ta' avvenimenti u xogħlijiet sportivi u materjal protett ieħor inkluż fihom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-iffissar tal-ammont tal-ħlas li għandu jingħata għad-drittijiet li għalihom japplika l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini kif stabbilit fil-paragrafu 1, il-partijiet jikkunsidraw l-aspetti kollha tas-servizz online anċillari, bħal karatteristiċi tas-servizz, inkluż it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà online tal-programmi pprovduti f'dak is-servizz, l-udjenza, u l-verżjonijiet lingwistiċi pprovduti.

L-ewwel subparagrafu m'għandux jipprekludi il-kalkolu tal-ammont tal-ħlasijiet, fuq il-bażi tad-dħul tal-organizzazzjoni tax-xandir.

3.   Il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet u tal-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jillimitaw l-isfruttament ta' dawk id-drittijiet, inklużi dawk stabbiliti fid-Direttiva 2001/29/KE.

KAPITOLU III

Ritrażmissjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju

Artikolu 4

L-eżerċizzju tad-drittijiet fir-ritrażmissjoni mid-detenturi tad-drittijiet għajr l-organizzazzjonijiet tax-xandir

1.   Atti ta' ritrażmissjoni ta' programmi għandhom jiġu awtorizzati mid-detenturi tad-dritt esklussiv ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom biex jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni biss permezz ta' organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv.

2.   Meta detentur tad-drittijiet ma jkunx ittrasferixxa l-immaniġġjar tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 lil organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv, l-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv li timmaniġġja d-drittijiet tal-istess kategorija fit-territorju tal-Istat Membru li għalih l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ikun qed jipprova jikseb awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, għandha titqies li għandha d-dritt li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni għal dak id-detentur tad-drittijiet.

Madankollu, fejn aktar minn organizzazzjoni waħda tal-immaniġġjar kollettiv tkun qed timmaniġġja d-drittijiet ta' dik il-kategorija fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, għandu jitħalla f'idejn l-Istat Membru li għat-territorju tiegħu l-operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni ikun qed jipprova jikseb awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, biex jiddeċiedi liema organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv ikollhom id-dritt li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li detentur tad-drittijiet ikollu l-istess drittijiet u obbligi li joħorġu minn ftehim bejn operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv li jaġixxu skont il-paragrafu 2 jew 3, daqs id-detenturi tad-drittijiet li jkunu taw il-mandat lil dik l-organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li dak id-detentur tad-drittijiet ikun jista' jinvoka dawk id-drittijiet f'perjodu taż-żmien, stabbilit mill-Istat Membru konċernat, li ma jkunx iqsar minn tliet snin mid-data ta' ritrażmissjoni li tinkludi x-xogħol tiegħu jew tagħha jew materjal protett ieħor.

Artikolu 5

L-eżerċizzju tad-drittijiet fir-ritrażmissjoni mill-organizzazzjonijiet tax-xandir

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 4 ma japplikax għad-drittijiet fir-ritrażmissjoni eżerċitati minn organizzazzjoni tax-xandir għar-rigward ta' trażmissjoni tagħha stess, irrispettivament minn jekk id-drittijiet inkwistjoni jkunux tagħha jew ikunux ġew ittrasferiti lilha mingħand detenturi oħrajn tad-drittijiet tal-awtur jew ta' drittijiet relatati.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn organizzazzjonijiet tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jidħlu f'negozjati rigward l-awtorizzazzjoni għar-ritrażmissjoni skont din id-Direttiva, dawk in-negozjati jsiru b'rieda tajba.

Artikolu 6

Medjazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli li tintalab l-assistenza ta' medjatur wieħed jew aktar kif previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 93/83/KEE wkoll meta ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim bejn l-organizzazzjoni ta'mmaniġġjar kollettiv u l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, jew bejn l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u l-organizzazzjoni tax-xandir rigward awtorizzazzjoni għar-ritrażmissjoni ta' xandiriet.

Artikolu 7

Trażmissjonijiet mill-ġdid ta' trażmissjoni inizjali li toriġina fl-istess Stat Membru

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-regolif'dan il-Kapitolu u fil-Kapitolu III tad-Direttiva 93/83/KEE japplikaw għal sitwazzjonijiet fejn kemm it-trażmissjoni inizjali kif ukoll ir-ritrażmissjoni isiru fit-territorju tagħhom.

KAPITOLU IV

Trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta

Artikolu 8

Trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta

1.   Meta organizzazzjoni tax-xandir tittrażmetti b'injezzjoni diretta s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha lil distributur tas-sinjali, mingħajr ma l-organizzazzjoni tax-xandir innifisha tittrażmetti simultanjament dawk is-sinjali li jwasslu l-programmi direttament lill-pubbliku, u d-distributur tas-sinjali jittrażmetti dawk is-sinjali li jwasslu l-programm lill-pubbliku, l-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali għandhom jitqiesu li qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni uniku lill-pubbliku li għalih għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-Artikoli 4, 5 u 6 ta' din id-Direttiva japplikaw mutatis mutandis għall-eżerċizzju mid-detenturi tad-drittijiet tad-dritt biex tingħata jew tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni għal distributuri tas-sinjali għal trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 1, imwettqa minn wieħed mill-mezzi tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83/KEE jew il-punt (2) tal-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva.

KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9

Emendi għad-Direttiva 93/83/KEE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/83/KEE, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “ritrasmissjoni bil-cable” tfisser ir-ritrasmissjoni simultanja, mhux mibdula u mhux imqassra permezz ta' sistema tal-cable jew microwave għar-reception mill-pubbliku ta' trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-fili jew fl-arja, inkluż bis-satellita, tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku, irrispettivament mill-mod kif l-operatur ta' servizz ta' ritrasmissjoni bil-cable jikseb is-sinjali li jwasslu l-programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir għal finijiet ta' ritrasmissjoni.”

Artikolu 10

Rieżami

1.   Sas-7 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport fuq is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

2.   Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-ħin l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa lill-Kummissjoni.

Artikolu 11

Dispożizzjoni tranżitorja

Il-ftehimiet dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, u d-disponibbiltà lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, li jseħħu waqt il-forniment ta' servizz online anċillari kif ukoll għall-atti tar-riproduzzjoni li huma meħtieġa għall-forniment ta' tali servizz online, l-aċċess għalih jew l-użu tiegħu li jkunu fis-seħħ fis-7 ta' Ġunju 2021 għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 3 mis-7 ta' Ġunju 2023, jekk dawn ikunu jiskadu wara dik id-data.

L-awtorizzazzjonijiet miksuba għall-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku li jaqgħu taħt l-Artikolu 8 u li huma fis-seħħ fis-7 ta' Ġunju 2021, għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 8 mis-7 ta' Ġunju 2025 jekk jiskadu wara dik id-data.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-7 ta' Ġunju 2021. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.

(3)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(4)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.