25.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/59


DIRETTIVA (UE) 2019/633 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, ta' spiss ikun hemm żbilanċi sinifikanti fis-saħħa tan-negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja ta' prodotti agrikoli u alimentari. Dawk l-iżbilanċi fis-saħħa tan-negozjar x'aktarx li jwasslu għal prattiki kummerċjali inġusti meta sħab kummerċjali akbar u b'aktar saħħa jippruvaw jimponu ċerti prattiki jew arranġamenti kuntrattwali fir-rigward ta' transazzjoni ta' bejgħ li jkunu għall-vantaġġ tagħhom. Tali prattiki jistgħu pereżempju: jiddevjaw bil-kbir minn imġiba kummerċjali korretta, imorru kontra l-bona fide u n-negozjar ġust u jiġu imposti b'mod unilaterali minn sieħeb kummerċjali fuq ieħor; jimponu trasferiment inġustifikat u sproporzjonat tar-riskju ekonomiku minn fuq sieħeb kummerċjali għal fuq ieħor; jew jimponu żbilanċ sinifikanti ta' drittijiet u obbligi fuq wieħed mis-sħab kummerċjali. Ċerti prattiki jistgħu jkunu manifestament inġusti anki meta ż-żewġ partijiet jaqblu dwarhom. Jenħtieġ li jiġi introdott standard minimu tal-Unjoni għall-protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti biex titnaqqas l-okkorrenza ta' dawn il-prattiki li x'aktarx ikollhom impatt negattiv fuq l-istandards ta' għajxien tal-komunità agrikoli. L-approċċ ta' armonizzazzjoni minima f'din id-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mill-prattiki kummerċjali inġusti elenkati f'din id-Direttiva.

(2)

Tliet publikazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-2009 (il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar il-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2014 dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji, u r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2016 dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji) iffukaw fuq l-operat tal-katina tal-provvista alimentari, inkluż l-okkorrenza ta' prattiki kummerċjali inġusti. Il-Kummissjoni ssuġġeriet karatteristiċi mixtieqa għall-oqfsa ta' governanza nazzjonali u volontarji biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari. Minħabba l-fatt li mhux dawk il-karatteristiċi kollha saru parti mill-qafas legali jew r-reġimi ta' governanza volontarji fl-Istati Membri, l-okkorrenza ta' tali prattiki baqgħet taħt il-lenti fid-dibattitu politiku fl-Unjoni.

(3)

Fl-2011, il-Forum ta' Livell Għoli mmexxi mill-Kummissjoni dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel approva sett ta' prinċipji ta' prattika tajba f'relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista alimentari, li ġie maqbul minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari. Dawn il-prinċipji saru l-bażi tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista mnedija fl-2013.

(4)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel (4), stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas legali tal-Unjoni dwar prattiki kummerċjali inġusti. Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2016 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel u l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali inġusti, stieden lill-Kummissjoni twettaq, fi żmien xieraq, valutazzjoni tal-impatt bil-ħsieb li jiġu proposti qafas leġislattiv tal-Unjoni jew miżuri mhux leġislattivi sabiex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti. Il-Kummissjoni ħejjiet valutazzjoni tal-impatt, li kienet preċeduta minn konsultazzjoni pubblika miftuħa kif ukoll konsultazzjonijiet immirati. Barra minn hekk, waqt il-proċess leġislattiv il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni li turi li operaturi kbar jirrappreżentaw sehem konsiderevoli tal-valur ġenerali tal-produzzjoni.

(5)

Operaturi differenti huma attivi fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari f'diversi stadji tal-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti agrikoli u alimentari. Dik il-katina hija bil-bosta l-aktar kanal importanti li minnu l-prodotti agrikoli u alimentari jaslu mill-“għalqa sal-platt”. Dawk l-operaturi jinnegozjaw prodotti agrikoli u alimentari, jiġifieri prodotti agrikoli primarji, inkluż prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif elenkati fl-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u prodotti mhux elenkati f'dak l-Anness iżda pproċessati sabiex jintużaw bħala ikel bl-użu ta' prodotti elenkati f'dak l-Anness.

(6)

Filwaqt li r-riskju tan-negozju huwa inerenti fl-attività ekonomika kollha, il-produzzjoni agrikola hija partikularment miżgħuda bl-inċertezza minħabba d-dipendenza tagħha fuq proċessi bijoloġiċi u l-esponiment tagħha għall-kundizzjonijiet tat-temp. Dik l-inċertezza hija aggravata mill-fatt li l-prodotti agrikoli u alimentari huma xi ftit jew wisq suxxettibbli għat-tħassir u staġjonali. F'ambjent ta' politika agrikola deċiżament aktar orjentat lejn is-suq milli kien fil-passat, il-protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti saret aktar importanti għall-operaturi attivi fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari.

(7)

B'mod partikolari, tali prattiki kummerċjali inġusti aktarx li jkollhom impatt negattiv fuq l-istandards ta' għajxien tal-komunità agrikola. Dak l-impatt huwa mifhum li huwa jew dirett, peress li jikkonċerna produtturi agrikoli u l-organizzazzjonijiet tagħhom bħala fornituri, jew inkella indirett, b'effett kaskata tal-konsegwenzi tal-prattiki kummerċjali inġusti li jseħħu fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari b'mod li jaffettwaw negattivament lill-produtturi primarji f'dik il-katina.

(8)

Il-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda mhux kollha, għandhom regoli nazzjonali speċifiċi li jipproteġu l-fornituri minn prattiki kummerċjali inġusti li jseħħu fir-relazzjonijiet minn bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Fejn ir-rikors għad-dritt kuntrattwali jew inizjattivi awtoregolatorji jkun possibbli, il-biża' ta' ritaljazzjoni kummerċjali kontra lmentatur, kif ukoll ir-riskji finanzjarji involuti fil-kontestazzjoni ta' tali prattiki, jillimitaw il-valur prattiku ta' dawk il-forom ta' rimedju. Għalhekk, ċerti Stati Membri li għandhom regoli speċifiċi dwar prattiki kummerċjali inġusti jafdaw l-infurzar ta' tali regoli f'idejn l-awtoritajiet amministrattivi. Madankollu, ir-regoli tal-Istati Membri dwar prattiki kummerċjali inġusti - sa fejn jeżistu - huma kkaratterizzati minn diverġenza sinifikanti.

(9)

L-għadd u d-daqs tal-operaturi jvarjaw tul l-istadji differenti tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Differenzi fis-saħħa tan-negozjar, li jikkorrispondu għad-dipendenza ekonomika tal-fornitur fuq ix-xerrej, x'aktarx li jwasslu lill-operaturi akbar biex jimponu prattiki kummerċjali inġusti fuq operaturi iżgħar. Approċċ dinamiku, li jkun ibbażat fuq id-daqs relattiv tal-fornitur u tax-xerrej f'termini ta' fatturat, jenħtieġ li jipprovdi protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti li tkun aħjar għal dawk l-operaturi li għandhom l-aktar bżonnha. Prattiki kummerċjali inġusti huma partikolarment ta' ħsara għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Jenħtieġ li intrapriżi li jkunu akbar minn SMEs iżda b'fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 350 000 000, jiġu wkoll protetti minn prattiki kummerċjali inġusti biex jiġu evitati li l-ispejjeż ta' tali prattiki tgħaddi għal fuq il-produtturi agrikoli. L-effett kaskata fuq il-produtturi agrikoli jidher li huwa partikularment sinifikanti għal intrapriżi b'fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 350 000 000. Il-protezzjoni tal-fornituri intermedjarji ta' prodotti agrikoli u alimentari, inkluż prodotti pproċessati, tista' sservi wkoll biex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-kummerċ mill-produtturi agrikoli u l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jipproduċu prodotti pproċessati lejn il-fornituri mhux protetti.

(10)

Il-protezzjoni pprovduta minn din id-Direttiva jenħtieġ li tibbenifika produtturi agrikoli u persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jfornu prodotti agrikoli u alimentari, inkluż organizzazzjonijiet tal-produtturi, kemm jekk rikonoxxuti jew mhumiex, u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, kemm jekk rikonoxxuti jew jekk mhumiex, soġġett għas-saħħa tan-negozjar relattiva tagħhom. Dawk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jinkludu l-kooperattivi. Dawk il-produtturi u persuni huma partikularment vulnerabbli għal prattiki kummerċjali inġusti u huma l-anqas kapaċi li jirreżistuhom mingħajr effetti negattivi fuq il-vijabbiltà ekonomika tagħhom. Rigward il-kategoriji ta' fornituri li jenħtieġ li jiġu protetti skont din id-Direttiva, ta' min jinnota li l-maġġoranza ta' kooperattivi magħmula minn bdiewa huma intrapriżi akbar minn SMEs iżda b'fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 350 000 000.

(11)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri transazzjonijiet kummerċjali irrispettivament minn jekk dawn jitwettqux bejn intrapriżi jew inkella bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi, peress li jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jintrabtu bl-istess standards meta jixtru prodotti agrikoli jew alimentari. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu bħala xerrejja.

(12)

Fornituri fl-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti mhux biss minn prattiki kummerċjali inġusti minn xerrejja li huma stabbiliti fl-istess Stat Membru bħall-fornitur jew fi Stat Membru differenti mill-fornitur, iżda wkoll minn prattiki kummerċjali inġusti minn xerrejja stabbiliti barra mill-Unjoni. Tali protezzjoni tevita konsegwenzi mhux intenzjonati possibbli, bħall-għażla tal-post tal-istabbiliment abbażi tar-regoli applikabbli. Fornituri stabbiliti barra mill-Unjoni jenħtieġ li jgawdu wkoll mill-protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti meta jbigħu prodotti agrikoli alimentari fl-Unjoni. Mhux biss tali fornituri probabbilment ikunu ugwalment vulnerabbli għal prattiki kummerċjali inġusti, iżda kamp ta' applikazzjoni usa' jista' wkoll jevita d-devjazzjoni tal-kummerċ mhux intenzjonata lejn fornituri mhux protetti, li tikkomprometti l-protezzjoni tal-fornituri fl-Unjoni.

(13)

Jenħtieġ li ċerti servizzi li huma anċillari għall-bejgħ ta' prodotti agrikoli u alimentari jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(14)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-imġiba kummerċjali ta' operaturi akbar lejn operaturi li jkollhom anqas saħħa tan-negozjar. Approssimazzjoni xierqa tas-saħħa tan-negozjar relattiva hija l-fatturat annwali tal-operaturi differenti. Filwaqt li huwa approssimazzjoni, dan il-kriterju jagħti prevedibbiltà lill-operaturi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva. Limitu massimu jenħtieġ li jipprevjeni li tingħata protezzjoni lill-operaturi li mhumiex vulnerabbli jew li huma sew anqas vulnerabbli minn sħab jew kompetituri iżgħar minnhom. Għaldaqstant, din id-Direttiva tistabbilixxi kategoriji ta' operaturi bbbażati fuq il-fatturat tagħhom li skonthom tingħata protezzjoni.

(15)

Peress li prattiki kummerċjali inġusti jistgħu jseħħu fi kwalunkwe stadju tal-bejgħ ta' prodott agrikolu jew alimentari, qabel, waqt jew wara transazzjoni ta' bejgħ, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li din id-Direttiva tapplika għal tali prattiki kull meta jseħħu.

(16)

Fid-deċiżjoni dwar jekk prattika kummerċjali partikolari titqiesx bħala inġusta, huwa importanti li jitnaqqas ir-riskju li jiġi limitat l-użu ta' ftehimiet ġusti u li jkattru l-effiċjenza li jkunu maqbula bejn il-partijiet. Għaldaqstant, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn prattiki li jkunu previsti f'termini ċari u mhux ambigwi fi ftehimiet ta' forniment jew fi ftehimiet sussegwenti bejn il-partijiet u prattiki li jseħħu wara li tkun bdiet it-transazzjoni mingħajr ma tkun ġiet maqbula minn qabel, sabiex jiġu pprojbiti biss bidliet unilaterali u retrospettivi għal dawk it-termini ċari u mhux ambigwi tal-ftehim ta' forniment. Madankollu, ċerti prattiki kummerċjali huma meqjusa bħala inġusti min-natura tagħhom stess u jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal-libertà kuntrattwali tal-partijiet.

(17)

Pagamenti tard għal prodotti agrikoli u alimentari, inkluż pagamenti tard prodotti li jitħassru, u kanċellazzjonijiet b'avviż qasir ta' ordnijiet ta' prodotti li jitħassru għandhom impatt negattiv fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-fornitur, mingħajr ma jipprovdu benefiċċji li jikkumpensaw. Għaldaqstant, dawn il-prattiki jenħtieġ li jiġu pprojbiti. F'dak il-kuntest, huwa xieraq li tkun prevista definizzjoni ta' prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Id-definizzjonijiet użati f'atti tal-Unjoni dwar il-liġi alimentari jirrigwardaw objettivi differenti, bħal ma huma s-saħħa u s-sikurezza alimentari, u għalhekk mhumiex adatti għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li prodott jitqies li jitħassar jekk jista' jkun mistenni li ma jibqax tajjeb għall-bejgħ fi żmien 30 jum mill-aħħar att ta' ħsad, ta' produzzjoni jew ta' pproċessar mill-fornitur, irrispettivament minn jekk il-prodott jiġix ipproċessat aktar wara l-bejgħ, u irrispettivament minn jekk il-prodott jiġix ittrattat wara l-bejgħ f'konformità ma' regoli oħra, b'mod partikolari r-regoli dwar is-sigurtà alimentari. Normalment, prodotti li jitħassru jintużaw jew jinbiegħu malajr. Pagamenti għal prodotti li jitħassru li jsiru 30 jum wara l-konsenja, 30 jum wara t-tmiem ta' perijodu maqbul għall-konsenja fejn il-prodotti jiġu konsenjati fuq bażi regolari, jew 30 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli jiġi ffissat, mhumiex kompatibbli mal-kummerċ ġust. Sabiex il-bdiewa u l-likwidità tagħhom ikunu protetti aħjar, jenħtieġ li l-fornituri ta' prodotti agrikoli u alimentari oħra ma jkollhomx jistennew għal pagament aktar minn 60 jum wara l-konsenja, 60 jum wara perijodu maqbul għall-konsenja fejn il-prodotti jiġu konsenjati fuq bażi regolari, jew 60 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli jiġi ffissat. Jenħtieġ li dawk il-limitazzjonijiet japplikaw biss għal pagamenti relatati mal-bejgħ ta' prodotti agrikoli u alimentari, u mhux għal pagamenti oħra bħal pagamenti supplimentari minn kooperattiva lill-membri tagħha.

F'konformità mad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li jkun possibbli li titqies id-data meta l-ammont pagabbli għal perijodu maqbul għall-konsenja jiġi ffissat, għall-finijiet ta' din id-Direttiva, bħala d-data tal-irċevuta mix-xerrej tal-fattura tal-fornitur.

(18)

Id-dispożizzjonijiet dwar pagamenti tard stipulati f'din id-Direttiva jikkostitwixxu regoli speċifiċi għas-settur agrikolu u alimentari b'rabta mad-dispożizzjonijiet dwar il-perijodi ta' pagament stabbiliti fid-Direttiva 2011/7/UE. Id-dispożizzjonijiet dwar pagamenti tard stipulati f'din id-Direttiva jenħtieġ li ma jaffettwawx ftehimiet dwar klawżoli ta' kondiviżjoni tal-valur fis-sens tal-Artikolu 172a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sabiex ikun salvagwardat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema tal-iskola skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar pagament tard stabbiliti f'din id-Direttiva ma japplikawx għall-pagamenti li jitħallsu minn xerrej (jiġifieri applikant għall-għajnuna) lil fornitur fil-qafas tal-iskema tal-iskola. B'kont meħud tal-isfidi għall-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta' kura tas-saħħa biex jipprijoritizzaw il-kura tas-saħħa b'mod li jibbilanċja l-ħtiġijiet ta' pazjenti individwali mar-riżorsi finanzjarji, jenħtieġ ukoll li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta' kura tas-saħħa fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/7/UE.

(19)

Għeneb u most għall-produzzjoni tal-inbid għandhom karatteristiċi speċjali, peress li l-għeneb jinqata' biss waqt perijodu limitat ħafna tas-sena, iżda jintużaw fil-produzzjoni tal-inbid li f'xi każijiet jinbiegħ biss bosta snin wara. Sabiex dik is-sitwazzjoni speċjali tiġi koperta, organizzazzjonijiet ta' produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali żviluppaw tradizzjonalment kuntratti standard għall-provvista ta' tali prodotti. Tali kuntratti standard jipprevedu skadenzi ta' pagament speċifiċi b'pagamenti akkont. Peress li dawk il-kuntratti standard jintużaw minn fornituri u xerrejja għal arranġamenti pluriennali, huma mhux biss jipprovdu lill-produtturi agrikoli s-sigurtà ta' relazzjonijiet tal-bejgħ fit-tul, iżda wkoll jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-katina tal-provvista. Fejn tali kuntratti standard tfasslu minn organizzazzjoni tal-produtturi, minn organizzazzjoni interprofessjonali jew minn assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti u jkunu saru vinkolanti minn Stat Membru skont l-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel l-1 ta' Jannar 2019 (“estensjoni”), jew fejn l-estensjoni tal-kuntratti standard tiġġedded minn Stat Membru mingħajr tibdil sinifikanti tat-termini għall-pagament għall-iżvantaġġ tal-fornituri tal-għeneb u l-most, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar pagament tard stabbiliti f'din id-Direttiva ma japplikawx għal tali kuntratti bejn fornituri ta' għeneb u most għall-produzzjoni tal-inbid u x-xerrejja diretti tagħhom. L-Istati Membri huma obbligati li jinnotifikaw l-ftehimiet rispettivi tal-organizzazzjonijiet ta' produtturi, organizzazzjonijiet interprofessjonali u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 164(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(20)

Jenħtieġ li notifiki ta' kanċellazzjoni għal prodotti li jitħassru ta' anqas minn 30 jum jitqiesu bħala inġusti, peress li l-fornitur ma jkunx f'pożizzjoni li jsib swieq disponibbli alternattivi għal dawk il-prodotti. Madankollu, għal prodotti f'ċertu setturi, anki perijodi iqsar ta' kanċellazzjoni jistgħu xorta waħda jħallu ħin biżżejjed biex il-fornituri jkunu jistgħu ibiegħu l-prodotti x'imkien ieħor jew biex jużawhom huma stess. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprevedu perijodi iqsar ta' kanċellazzjoni għal tali setturi f'każijiet debitament ġustifikati.

(21)

Xerrejja b'saħħithom jenħtieġ li ma jbiddlux termini kuntrattwali maqbula b'mod unilaterali, pereżempju billi jneħħu mil-lista prodotti koperti minn ftehim ta' forniment. Madankollu, jenħtieġ li dan ma japplikax f'sitwazzjonijiet li jinvolvu ftehim bejn fornitur u xerrej li jistipula speċifikament li x-xerrej jista' jispeċifika element konkret tat-transazzjoni fi stadju aktar tard fir-rigward ta' ordnijiet futuri. Dan jista' pereżempju jirrigwarda l-kwantitajiet ordnati. Ftehim ma għandux għalfejn jiġi konkluż f'mument wieħed taż-żmien għall-aspetti kollha tat-transazzjoni bejn il-fornitur u x-xerrej.

(22)

Jenħtieġ li l-fornituri u x-xerrejja ta' prodotti agrikoli u alimentari jkunu jistgħu jinnegozjaw b'mod liberu transazzjonijiet tal-bejgħ, inkluż il-prezzijiet. Tali negozjati jinkludu wkoll pagamenti għal servizzi pprovduti mix-xerrej lill-fornitur, bħall-inklużjoni fil-lista, il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni. Madankollu, fejn xerrej jimponi pagamenti fuq fornitur li ma jkunux relatati ma' transazzjoni ta' bejgħ speċifika, jenħtieġ li dan jitqies inġust u jenħtieġ li jiġi pprojbit skont din id-Direttiva.

(23)

Filwaqt li jenħtieġ li ma jkunx hemm obbligu li jintużaw kuntratti bil-miktub, l-użu ta' kuntratti bil-miktub fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari jista' jgħin biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali inġusti. Għaldaqstant, u sabiex il-fornituri jiġu protetti minn dawk il-prattiki inġusti, jenħtieġ li fornituri jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom ikollhom id-dritt li jitolbu konferma bil-miktub tat-termini ta' ftehim ta' forniment fejn dawk it-termini jkunu diġà miftiehma. F'każijiet bħal dawn, ir-rifjut minn xerrej li jikkonferma bil-miktub it-termini tal-ftehim ta' forniment jenħtieġ li jitqies bħala prattika kummerċjali inġusta u jenħtieġ li jiġi pprojbit. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, jikkondividu u jippromwovu l-aħjar prattiki fir-rigward tal-konklużjoni ta' kuntratti fit-tul immirati lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-produtturi fi ħdan il-katina tal-provvista agrikola u alimentari.

(24)

Din id-Direttiva ma tarmonizzax ir-regoli dwar l-oneru tal-provi li għandhom jiġu applikati fi proċedimenti quddiem l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali, u lanqas ma tarmonizza d-definizzjoni ta' ftehimiet ta' forniment. Għaldaqstant, ir-regoli dwar l-oneru tal-provi u d-definizzjoni tal-ftehimiet ta' forniment huma dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

(25)

Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-fornituri jkunu jistgħu jressqu lmenti kontra ċerti prattiki kummerċjali inġusti. Ir-ritaljazzjoni kummerċjali minn xerrejja kontra fornituri li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, jew it-theddida ta' ritaljazzjoni, pereżempju bit-tneħħija ta' prodotti mil-lista, it-tnaqqis tal-kwantitajiet tal-prodotti ordnati jew it-twaqqif ta' ċerti servizzi li x-xerrej jipprovdi lill-fornitur bħall-kummerċjalizzazzjoni jew promozzjonijiet tal-prodotti tal-fornitur, jenħtieġ li tiġi pprojbita u ttrattata bħala prattika kummerċjali inġusta.

(26)

L-ispejjeż tal-istokkjar, il-wiri jew l-inklużjoni fil-lista ta' prodotti agrikoli u alimentari normalment jiġġarrbu mix-xerrej jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq is-suq ta' tali prodotti. B'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li jkun pprojbit taħt din id-Direttiva li fornitur jiġi impost pagament, li għandu jitħallas jew lix-xerrej jew inkella lil parti terza, għal dawk is-servizzi, sakemm il-pagament ma jkunx ġie maqbul b'termini ċari u mhux ambigwi fil-konklużjoni tal-ftehim ta' forniment jew f'xi ftehim sussegwenti bejn ix-xerrej u l-fornitur. Fejn tali pagament jiġi maqbul, jenħtieġ li dan ikun ibbażat fuq stimi oġġettivi u raġonevoli.

(27)

Sabiex jitqiesu ġusti l-kontribuzzjonijiet minn fornitur għall-ispejjeż tal-promozzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew ir-riklamar ta' prodotti agrikoli u alimentari, inkluż il-wiri promozzjonali fi ħwienet u kampanji tal-bejgħ, jenħtieġ li jkun hemm qbil b'termini ċari u mhux ambigwi fil-konklużjoni tal-ftehim ta' forniment jew f'xi ftehim sussegwenti bejn ix-xerrej u l-fornitur. Inkella, jenħtieġ li jiġu pprojbiti skont din id-Direttiva. Fejn tali kontribuzzjoni tiġi maqbula, jenħtieġ li din tkun ibbażata fuq stimi oġġettivi u raġonevoli.

(28)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeżinjaw awtoritajiet tal-infurzar sabiex jiżguraw infurzar effettiv tal-projbizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.. Dawk l-awtoritajiet jenħtieġ li jkunu kapaċi jaġixxu jew fuq l-inizjattiva proprja tagħhom jew inkella abbażi ta' lmenti mill-partijiet affettwati minn prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola jew alimentari, ilmenti ta' informaturi, jew ilmenti anonimi. Awtorità tal-infurzar tista' tikkonkludi li ma jkunx hemm raġunijiet suffiċjenti biex taġixxi fuq ilment. Prijoritajiet amministrattivi jistgħu jwasslu wkoll għal tali konklużjoni. Jekk l-awtorità tal-infurzar tikkonkludi li ma tkunx tista' tagħti prijorità lil ilment, jenħtieġ li tinforma lill-ilmentatur u tagħti raġunijiet għal dan. Fejn ilmentatur jitlob li l-identità tiegħu tibqa' kunfidenzjali minħabba l-biża' ta' ritaljazzjoni kummerċjali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa.

(29)

Jekk xi Stat Membru jkollu aktar minn awtorità tal-infurzar waħda, jenħtieġ li jiddeżinja punt uniku ta' kuntatt bil-ħsieb li jiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet tal-infurzar u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

(30)

Il-fornituri jistgħu jsibuha aktar faċli li jindirizzaw ilmenti lill-awtorità tal-infurzar tal-Istat Membru proprju tagħhom, pereżempju għal raġunijiet lingwistiċi. Madankollu, f'termini ta' infurzar, jista' jkun aktar effettiv li jitressaq ilment quddiem l-awtorità ta' infurzar tal-Istat Membru fejn ix-xerrej ikun stabbilit. Jenħtieġ li l-fornituri jkunu jistgħu jagħżlu lil liema awtorità jindirizzaw l-ilmenti.

(31)

L-ilmenti minn organizzazzjonijiet ta' produtturi, organizzazzjonijiet ta' fornituri oħra u assoċjazzjonijiet ta' tali organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet ta' rappreżentanti jistgħu jservu biex jipproteġu l-identitajiet ta' membri individwali tal-organizzazzjoni li jqisu ruħhom affettwati minn prattiki kummerċjali inġusti. Jenħtieġ ukoll li organizzazzjonijiet oħra li għandhom interess leġittimu fir-rappreżentanza tal-fornituri jkollhom id-dritt li jressqu lmenti fuq it-talba ta' fornitur u fl-interess ta' dak il-fornitur, dment li tali organizzazzjonijiet huma persuni ġuridiċi indipendenti u mingħajr fini ta' profitt. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċettaw u jaġixxu fuq ilmenti minn tali entitajiet, filwaqt li jipproteġu d-drittijiet proċedurali tax-xerrej.

(32)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-projbizzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti, l-awtoritajiet tal-infurzar deżinjati jenħtieġ li jkollhom ir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa.

(33)

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom is-setgħat neċessarji u l-għarfien espert biex iwettqu investigazzjonijiet. L-għoti tas-setgħa lil dawk l-awtoritajiet ma jfissirx li dawn huma obbligati li jużaw dawk is-setgħat f'kull investigazzjoni li jwettqu. Jenħtieġ, pereżempju, li s-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar jippermettulhom jiġbru b'mod effettiv informazzjoni fattwali u jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-infurzar ikollhom is-setgħa li jordnaw it-terminazzjoni ta' prattika projbita, fejn applikabbli.

(34)

L-eżistenza ta' deterrent, bħas-setgħa li jiġu imposti, jew li jingħata bidu għal proċedimenti, pereżempju proċedimenti ġudizzjarji, għall-impożizzjoni ta' multi, jew penali oħra ugwalment effettivi, u li jiġu ppubblikati r-riżultati tal-investigazzjonijiet, inkluż il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni li tirrigwarda x-xerrejja li jkunu wettqu l-ksur, tista' tinkoraġġixxi bidliet fl-imġiba u soluzzjonijiet prekontenzjużi bejn il-partijiet, u għalhekk jenħtieġ li tkun parti mis-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar. Il-multi jistgħu jkunu partikularment effettivi u dissważivi. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorità tal-infurzar tkun tista' tiddeċiedi f'kull investigazzjoni liema setgħa minn tagħha ser teżerċita u jekk timponix multa jew tinizjax proċedimenti għall-impożizzjoni ta' multa jew xi penali oħra ugwalment effettiva.

(35)

L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti fuq awtoritajiet tal-infurzar bis-saħħa ta' din id-Direttiva jenħtieġ li jkun soġġett għal salvagwardji adatti li jissodisfaw l-istandards tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għad-drittijiet ta' difiża tax-xerrej.

(36)

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw approċċ komuni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva. B'mod partikolari, l-awtoritajiet tal-infurzar jenħtieġ li jipprovdu assistenza reċiproka lil xulxin, pereżempju billi jikkondividu informazzjoni u jassistu f'investigazzjonijiet li jkollhom dimensjoni transfruntiera.

(37)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tgħin fl-organizzazzjoni ta' laqgħat regolari bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri fejn jistgħu jiġu kondiviżi informazzjoni rilevanti, l-aħjar prattiki, żviluppi ġodda, prattiki ta' infurzar u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(38)

Biex jiġu ffaċilitati dawk l-iskambji, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi sit web pubbliku li jkun fih referenzi għall-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali inkluż informazzjoni dwar il-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(39)

Billi maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom regoli nazzjonali dwar prattiki kummerċjali inġusti, għalkemm regoli diverġenti, huwa xieraq li tintuża Direttiva sabiex jiġi introdott standard minimu ta' protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-Istati Membri jintegraw ir-regoli rilevanti fl-ordni legali nazzjonali tagħhom b'mod li jippermetti l-istabbiliment ta' reġimi koeżivi. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jżommu jew milli jintroduċu fit-territorju tagħhom regoli nazzjonali aktar stretti li jipprevedu livell ogħla ta' protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, soġġett għal-limiti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-funzjonament tas-suq intern, dment li tali regoli jkunu proporzjonati.

(40)

Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu regoli nazzjonali mfassla biex jiġġieldu prattiċi kummerċjali inġusti li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, soġġett għal-limiti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-funzjonament tas-suq intern, dment li dawn ir-regoli jkunu proporzjonati. Regoli nazzjonali bħal dawn jistgħu jmorru lil hinn minn din id-Direttiva, pereżempju fir-rigward tad-daqs tax-xerrejja u l-fornituri, il-protezzjoni tax-xerrejja, l-ambitu tal-prodotti u l-ambitu tas-servizzi. Regoli nazzjonali bħal dawn jistgħu wkoll jmorru lil hinn mill-għadd u t-tip ta' prattiki kummerċjali inġusti projbiti elenkati f'din id-Direttiva.

(41)

Tali regoli nazzjonali japplikaw flimkien ma' miżuri ta' governanza volontarji, bħal kodiċijiet ta' kondotta nazzjonali jew l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista. L-użu ta' riżoluzzjoni alternattiva ta' tilwim fuq bażi volontarja bejn il-fornituri u x-xerrejja jenħtieġ li jitħeġġeġ b'mod espliċitu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-fornitur li jressaq ilmenti jew li jirrikorri għall-qrati ċivili.

(42)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista' tivvaluta l-effettività ta' din id-Direttiva. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri jenħtieġ li jressqu rapporti annwali lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk ir-rapporti, fejn applikabbli, jipprovdu informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-ilmenti, l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet meħuda. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' rappurtar, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(43)

Fl-interess ta' implimentazzjoni effettiva tal-politika fir-rigward tal-prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u li tressaq rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Jenħtieġ li dak ir-rieżami jivvaluta, b'mod partikolari, l-effettività ta' miżuri nazzjonali mmirati lejn il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, u l-effettività tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar. Jenħtieġ ukoll li r-rieżami jagħti attenzjoni partikolari dwar jekk il-protezzjoni ta' xerrejja ta' prodotti agrikoli u alimentari fil-katina tal-provvista – flimkien mal-protezzjoni ta' fornituri – tkunx iġġustifikata fil-ġejjieni. Jenħtieġ li r-rapport ikun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġislattivi.

(44)

Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi standard minimu ta' protezzjoni tal-Unjoni billi tarmonizza l-miżuri diverġenti tal-Istati Membri relatati mal-prattiċi kummerċjali inġusti, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Bil-ħsieb li jiġu miġġielda prattiki li jiddevjaw b'mod qawwi minn imġiba kummerċjali korretta, li huma kuntrarji għall-bona fide u n-negozjar ġust u li jiġu imposti b'mod unilaterali minn wieħed mis-sħab kummerċjali fuq l-ieħor, din id-Direttiva tistabbilixxi lista minima ta' prattiki kummerċjali inġusti pprojbiti fir-relazzjonijiet bejn ix-xerrejja u l-fornituri fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari u tistabbilixxi regoli minimi rigward l-infurzar ta' dawk il-projbizzjonijiet u arranġamenti għall-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal ċerti prattiki kummerċjali inġusti li jokkorru b'rabta mal-bejgħ ta' prodotti agrikoli u alimentari minn:

(a)

fornituri li jkollhom fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 2 000 000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 2 000 000;

(b)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 2 000 000 u li ma jaqbiżx EUR 10 000 000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 10 000 000;

(c)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 10 000 000 u li ma jaqbiżx EUR 50 000 000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 50 000 000;

(d)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 50 000 000 u li ma jaqbiżx EUR 150 000 000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 150 000 000;

(e)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 150 000 000 u li ma jaqbiżx EUR 350 000 000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta' aktar minn EUR 350 000 000.

Il-fatturat annwali tal-fornituri u x-xerrejja msemmi fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu għandu jinftiehem f'konformità mal-partijiet rilevanti tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (8) u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 4 u 6 tagħha, inkluż id-definizzjonijiet ta' “intrapriża awtonoma”, “intrapriża msieħba” u “intrapriża konnessa”, u kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw il-fatturat. F'każ ta' awtorità pubblika, il-kondizzjonijiet tal-fatturat annwali fil-paragrafu 2 ma japplikawx.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, din id-Direttiva tapplika fir-rigward tal-bejgħ ta' prodotti agrikoli u alimentari minn fornituri li jkollhom fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 350 000 000 lix-xerrejja kollha li jkunu awtoritajiet pubbliċi.

Din id-Direttiva tapplika għal bejgħ fejn il-fornitur jew ix-xerrej, jew it-tnejn li huma, ikunu stabbiliti fl-Unjoni.

Din id-Direttiva tapplika wkoll għal servizzi, sa fejn ikunu imsemmija espliċitament fl-Artikolu 3, ipprovduti mix-xerrej lill-fornitur.

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ftehimiet bejn fornituri u konsumaturi.

3.   Din id-Direttiva tapplika għal ftehimiet ta' forniment konklużi wara d-data tal-applikazzjoni tal-miżuri li jittrasponu din id-Direttiva f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1).

4.   Il-ftehimiet ta' forniment konklużi qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-miżuri li jittrasponu din id-Direttiva f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) għandhom jinġiebu f'konformità ma' din id-Direttiva fi żmien 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“prodotti agrikoli u alimentari” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I għat-TFUE kif ukoll prodotti mhux elenkati f'dak l-Anness, iżda proċessati għall-użu bħala ikel bl-użu tal-prodotti elenkati f'dak l-Anness;

(2)

“xerrej” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment ta' dik il-persuna, jew kwalunkwe awtorità pubblika fl-Unjoni, li tixtri prodotti agrikoli u alimentari; it-terminu “xerrej” jista' jinkludi grupp ta' tali persuni fiżiċi u ġuridiċi;

(3)

“awtorità pubblika” tfisser awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati mid-dritt pubbliku, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità jew awtoritajiet, jew tali korp jew korpi rregolati mid-dritt pubbliku;

(4)

“fornitur” tfisser kwalunkwe produttur agrikolu jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tagħhom, li tbigħ prodotti agrikoli u alimentari; it-terminu “fornitur” jista' jinkludi grupp ta' tali produtturi agrikoli jew grupp ta' tali persuni fiżiċi u ġuridiċi, bħal organizzazzjonijiet ta' produtturi, organizzazzjonijiet ta' fornituri u assoċjazzjonijiet ta' tali organizzazzjonijiet;

(5)

“prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru” tfisser prodotti agrikoli u alimentari li min-natura tagħhom jew fl-istadju ta' pproċessar tagħhom jistgħu ma jibqgħux tajbin għall-bejgħ fi żmien 30 jum wara l-ħsad, il-produzzjoni jew l-ipproċessar.

Artikolu 3

Projbizzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas jiġu pprojbiti l-prattiki kummerċjali inġusti kollha li ġejjin:

(a)

ix-xerrej iħallas lill-fornitur,

(i)

fejn il-ftehim ta' forniment jipprevedi l-konsenja ta' prodotti fuq bażi regolari:

għal prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru, aktar tard minn 30 jum wara tmiem perijodu maqbul għall-konsenja li fih il-konsenji jkunu saru jew aktar tard minn 30 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli għal dak il-perijodu ta' konsenja jiġi ffissat, skont liema waħda minn dawk iż-żewġ dati tiġi wara;

għal prodotti agrikoli u alimentari oħra, aktar tard minn 60 jum wara tmiem perijodu maqbul għall-konsenja li fih il-konsenji jkunu saru jew aktar tard minn 60 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli għal dak il-perijodu ta' konsenja jiġi ffissat, skont liema waħda minn dawk iż-żewġ dati tiġi wara;

għall-finijiet tal-perijodi ta' pagament f'dan il-punt, il-perijodi maqbula għall-konsenja għandhom fi kwalunkwe każ jitqiesu li ma jeċċedux xahar;

(ii)

fejn il-ftehim ta' forniment ma jipprevedix il-konsenja ta' prodotti fuq bażi regolari:

għal prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru, aktar tard minn 30 jum wara d-data ta' konsenja jew aktar tard minn 30 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli jiġi ffissat, skont liema waħda minn dawk iż-żewġ dati tiġi wara;

għal prodotti agrikoli u alimentari oħra, aktar tard minn 60 jum wara d-data ta' konsenja jew aktar tard minn 60 jum wara d-data meta l-ammont pagabbli jiġi ffissat, skont liema waħda minn dawk iż-żewġ dati tiġi wara.

Minkejja s-subpunti (i) u (ii) ta' dan il-punt, fejn ix-xerrej jiffissa l-ammont pagabbli:

il-perijodi ta' pagament imsemmija fil-punt (i) għandhom jibdew jgħoddu minn tmiem il-perijodu maqbul għall-konsenja li fih il-konsenji jkunu saru; u

il-perijodi ta' pagament imsemmija fil-punt (ii) għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta' konsenja;

(b)

ix-xerrej jikkanċella ordnijiet ta' prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru b'notifika tant qasira li fornitur ma jistax raġonevolment jiġi mistenni li jsib mezz alternattiv biex jikkummerċjalizza jew juża dawk il-prodotti; notifika ta' anqas minn 30 jum għandha dejjem titqies bħala notifika qasira; l-Istati Membri jistgħu jiffissaw perijodi iqsar minn 30 jum għal setturi speċifiċi f'każijiet debitament ġustifikati;

(c)

ix-xerrej jibdel b'mod unilaterali t-termini ta' ftehim ta' forniment għal prodotti agrikoli u alimentari li jikkonċernaw il-frekwenza, il-metodu, il-post, iż-żmien jew il-volum tal-forniment jew il-konsenja tal-prodotti agrikoli u alimentari, l-istandards tal-kwalità, it-termini ta' pagament jew il-prezzijiet, jew fir-rigward tad-dispożizzjoni tas-servizzi sa fejn issir referenza espliċita għalihom fil-paragrafu 2;

(d)

ix-xerrej jirrikjedi pagamenti mill-fornitur li ma jkunux relatati mal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u alimentari tal-fornitur;

(e)

ix-xerrej jirrikjedi li l-fornitur iħallas għad-deterjorament jew it-telf, jew għat-tnejn li huma, ta' prodotti agrikoli u alimentari li jokkorru fil-post tax-xerrej jew wara li s-sjieda tkun ġiet trasferita lix-xerrej, fejn tali deterjorament jew telf ma jkunx ikkawżat min-negliġenza tal-fornitur jew ma jkunux it-tort tiegħu;

(f)

il-bejjiegħ jirrifjuta li jikkonferma bil-miktub it-termini ta' ftehim ta' forniment bejn il-bejjiegħ u l-fornitur li l-fornitur ikun talab konferma bil-miktub għalihom; dan ma għandux japplika fejn il-ftehim ta' forniment li jikkonċerna prodotti li għandhom jiġu konsenjati minn membru ta' organizzazzjoni ta' produtturi, inkluż kooperattiva, lill-organizzazzjoni ta' produtturi li l-fornitur ikun membru tagħha, jekk l-istatuti ta' dik l-organizzazzjoni ta' produtturi jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet previsti f'dawn l-istatuti jew derivati minnhom ikun fihom dispożizzjonijiet b'effetti simili għat-termini tal-ftehim ta' forniment;

(g)

ix-xerrej b'mod illegali jikseb, juża jew jiżvela s-sigrieti kummerċjali tal-fornitur fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(h)

ix-xerrej jhedded li jwettaq, jew inkella jwettaq, atti ta' ritaljazzjoni kummerċjali kontra l-fornitur jekk il-fornitur jeżerċita d-drittijiet kuntrattwali jew legali tiegħu, inkluż billi jressaq ilment mal-awtoritajiet tal-infurzar jew jikkoopera mal-awtoritajiet tal-infurzar matul investigazzjoni;

(i)

ix-xerrej jirrikjedi kumpens mill-fornitur għall-ispiża tal-eżami tal-ilmenti tal-konsumaturi li jirrigwardaw il-bejgħ tal-prodotti tal-fornitur minkejja l-assenza ta' negliġenza jew tort min-naħa tal-fornitur.

Il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju:

għall-konsegwenzi ta' pagamenti tard u rimedji kif stabbiliti fid-Direttiva 2011/7/UE, li għandhom japplikaw, b'deroga mill-perijodi ta' pagament stabbiliti f'dik id-Direttiva, abbażi tal-perijodi ta' pagament stabbiliti f'din id-Direttiva;

għall-opzjoni ta' xerrej u ta' fornitur li jiftiehmu dwar klawżola ta' kondiviżjoni tal-valur fis-sens tal-Artikolu 172a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika għal pagamenti:

magħmula minn xerrej lil fornitur fejn tali pagamenti jsiru fil-qafas tal-iskema tal-iskola skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

magħmula minn entitajiet pubbliċi li jipprovdu kura tas-saħħa fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/7/UE:

skont ftehimiet ta' forniment bejn fornituri tal-għeneb jew il-most għall-produzzjoni tal-inbid u x-xerrejja diretti tagħhom, dment li:

(i)

it-termini speċifiċi ta' pagament għat-transazzjonijiet ta' bejgħ ikunu inklużi f'kuntratti standard li l-Istat Membru jkun għamel vinkolanti skont l-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel l-1 ta' Jannar 2019, u li din l-estensjoni tal-kuntratti standard tiġġedded mill-Istati Membri minn dik id-data mingħajr ebda bidliet sinifikanti għat-termini tal-pagament għall-iżvantaġġ tal-fornituri tal-għeneb jew il-most; u

(ii)

il-ftehimiet ta' forniment bejn fornituri tal-għeneb jew il-most għall-produzzjoni tal-inbid u x-xerrejja diretti tagħhom ikunu pluriennali jew isiru pluriennali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas jiġu pprojbiti l-prattiki kummerċjali kollha li ġejjin, sakemm ma jkunux ġew maqbula minn qabel f'termini ċari u mhux ambigwi fil-ftehim ta' forniment jew f'xi ftehim sussegwenti bejn il-fornitur u x-xerrej:

(a)

ix-xerrej jirritorna prodotti agrikoli u alimentari mhux mibjugħa lill-fornitur mingħajr ma jkun ħallas għal dawk il-prodotti mhux mibjugħa jew mingħajr ma jkun ħallas għar-rimi ta' dawk il-prodotti, jew it-tnejn li huma;

(b)

il- fornitur jiġi impost pagament bħala kondizzjoni tal-istokkjar, il-wiri jew l-inklużjoni fil-lista tal-prodotti agrikoli u alimentari tiegħu, jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq is-suq ta' tali prodotti;

(c)

ix-xerrej jirrikjedi li l-fornitur iġarrab l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li jirriżultaw minn kwalunkwe skont fuq prodotti agrikoli u alimentari mibjugħa mix-xerrej bħala parti minn promozzjoni;

(d)

ix-xerrej jirrikjedi li l-fornitur iħallas għall-kummerċjalizzazzjoni mix-xerrej ta' prodotti agrikoli u alimentari;

(e)

ix-xerrej jirrikjedi li l-fornitur iħallas għall-kummerċjalizzazzjoni mix-xerrej ta' prodotti agrikoli u alimentari;

(f)

ix-xerrej jimponi pagament fuq fornitur għall-ispejjeż tal-persunal għas-sistemazzjoni tal-bini użat għall-bejgħ tal-prodotti tal-fornitur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattika kummerċjali msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tkun projbita sakemm ix-xerrej, qabel mal-promozzjoni tinbeda mix-xerrej ma jispeċifikax l-perijodu tal-promozzjoni u l-kwantità mistennija tal-prodotti agrikoli u alimentari li għandha tiġi ordnata bil-prezz skontat.

3.   Fejn jiġi rikjest pagament mix-xerrej għas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (b), (c), (d), (e) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, jekk jintalab mill-fornitur, ix-xerrej għandu jipprovdi lill-fornitur stima bil-miktub tal-pagamenti għal kull unità jew tal-pagamenti globali, skont liema tkun adatta, u, sa fejn jikkonċerna s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (b), (d), (e) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, għandu jipprovdi wkoll, bil-miktub, stima tal-ispejjeż lill-fornituri u l-bażi għal dik l-istima.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-projbizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 jikkostitwixxu dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti li jkunu applikabbli għal kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-projbizzjonijiet, irrispettivament mid-dritt li altrimenti jkun applikabbli għall-ftehim ta' forniment bejn il-partijiet.

Artikolu 4

Awtoritajiet tal-infurzar deżinjati

1.   Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità jew awtoritajiet sabiex jinforzaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-livell nazzjonali (“awtorità tal-infurzar”), u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dik id-deżinjazzjoni.

2.   Jekk Stat Membru jiddeżinja aktar minn awtorità waħda tal-infurzar fit-territorju tiegħu, għandu jiddeżinja punt uniku ta' kuntatt kemm għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar u kif ukoll għall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Ilmenti u kunfidenzjalità

1.   Il-fornituri jistgħu jindirizzaw l-lmenti jew lill-awtorità tal-infurzar tal-Istat Membru fejn il-fornitur ikun stabbilit jew inkella lill-awtorità tal-infurzar tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit ix-xerrej li jkun issuspettat li wettaq prattiki kummerċjali pprojbiti. L-awtorità tal-infurzar li lilha jiġi indirizzat l-ilment għandha tkun kompetenti biex tinforza l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Organizzazzjonijiet ta' produtturi, organizzazzjonijiet ta' fornituri oħra u assoċjazzjonijiet ta' tali organizzazzjonijiet, għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment fuq it-talba ta' wieħed jew aktar mill-membri tagħhom jew, fejn xieraq, fuq it-talba ta' wieħed jew aktar mill-membri tal-organizzazzjonijiet tal-membri tagħhom, fejn dawk il-membri jqisu li huma affettwati minn prattika kummerċjali pprojbita. Organizzazzjonijiet oħra li għandhom interess leġittimu li jirrappreżentaw il-fornituri għandu jkollhom id-dritt li jressqu lmenti, fuq it-talba ta' fornitur, u fl-interess ta' dak il-fornitur, dment li tali organizzazzjonijiet huma persuni ġuridiċi indipendenti u mingħajr fini ta' profitt.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-ilmentatur jitlob dan, l-awtorità tal-infurzar għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni adatta tal-identità tal-ilmentatur jew il-membri jew fornituri msemmija fil-paragrafu 2 u għall-protezzjoni adatta ta' kwalunkwe informazzjoni oħra li fir-rigward tagħha l-ilmentatur iqis li d-divulgazzjoni ta' tali informazzjoni tkun dannuża għall-interessi tal-ilmentatur jew ta' dawk il-membri jew fornituri. L-ilmentatur għandu jidentifika kwalunkwe informazzjoni li għaliha jitlob il-kunfidenzjalità.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorità tal-infurzar li tirċievi l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur f'perijodu ta' żmien raġonevoli wara li din tkun irċeviet l-ilment dwar kif biħsiebha ssegwi l-ilment.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn awtorità tal-infurzar tqis li ma jkunx hemm raġunijiet suffiċjenti biex taġixxi fuq ilment, għandha tinforma lill-ilmentatur bir-raġunijiet għal dan f'perijodu ta' żmien raġonevoli wara li din tkun irċeviet l-ilment.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn awtorità tal-infurzar tqis li hemm raġunijiet suffiċjenti biex taġixxi dwar ilment, hija għadha tagħti bidu għal investigazzjoni tal-ilment, twettaqha u tikkonkludiha f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awtorità tal-infurzar tikkonkludi li xerrej ikun kiser il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, hija għandha tirrikjedi li x-xerrej iġib fi tmien il-prattika kummerċjali projbita.

Artikolu 6

Setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull waħda mill-awtoritajiet tal-infurzar tagħhom ikollha r-riżorsi u l-għarfien espert neċessarji biex twettaq id-dmirijiet tagħha, u għandhom jagħtuha s-setgħat li ġejjin:

(a)

is-setgħa li tagħti bidu għal investigazzjonijiet u twettaqhom fuq inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta' lment;

(b)

is-setgħa li tirrikjedi lix-xerrejja u lill-fornituri jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex twettaq investigazzjonijiet tal-prattiki kummerċjali pprojbiti;

(c)

is-setgħa li twettaq spezzjonijiet mhux imħabbra fuq il-post fil-qafas tal-investigazzjonijiet tagħha, f'konformità ma' regoli u proċeduri nazzjonali;

(d)

is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet li jikkonkludu li kien hemm ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u li jirrikjedu li x-xerrej iġib fi tmiem il-prattika kummerċjali projbita; l-awtorità tista' tastjeni milli tieħu kwalunkwe tali deċiżjoni, jekk dik id-deċiżjoni tirriskja l-iżvelar tal-identità ta' lmentatur jew tirriskja li tikxef xi informazzjoni oħra li l-ilmentatur iqis li tali divulgazzjoni tkun dannuża għall-interessi tiegħu, u dment li l-ilmentatur ikun identifika dik l-informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 5(3);

(e)

is-setgħa li timponi, jew li tagħti bidu għal proċedimenti għall-impożizzjoni ta' multi u penali oħra ugwalment effettivi u miżuri proviżorji fuq l-awtur tal-ksur, f'konformità mar-regoli u proċeduri nazzjonali;

(f)

is-setgħa li tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha meħuda skont il-punti (d) u (e) fuq bażi regolari.

Il-penali msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jittieħed kont tan-natura, id-durata, ir-rikorrenza u l-gravità tal-ksur.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat msemmija fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet ta' difiża, f'konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż f'każijiet fejn l-ilmentatur jitlob trattament kunfidenzjali ta' informazzjoni skont l-Artikolu 5(3).

Artikolu 7

Riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-fornituri li jressqu lmenti skont l-Artikolu 5, u għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar skont l-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jippromwovu l-użu volontarju ta' mekkaniżmi effettivi u indipendenti ta' riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni, bil-ħsieb tar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn fornituri u xerrejja rigward l-użu ta' prattiki kummerċjali inġusti mix-xerrej.

Artikolu 8

Kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar jikkooperaw b'mod effettiv ma' xulxin u mal-Kummissjoni, u li jipprovdu assistenza reċiproka lil xulxin f'investigazzjonijiet li jkollhom dimensjoni transfruntiera.

2.   L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jiltaqgħu minn tal-anqas darba fis-sena biex jiddiskutu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, abbażi tar-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 10(2). L-awtoritajiet tal-infurzar għandhom jiddiskutu l-aħjar prattiki, każijiet ġodda u żviluppi ġodda fil-qasam ta' prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, u għandhom jiskambjaw informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni li jkunu adottaw f'konformità ma' din id-Direttiva u dwar il-prattiki tal-infurzar tagħhom. L-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jadottaw rakkomandazzjonijiet sabiex iħeġġu l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva u biex itejbu l-infurzar. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita dawk il-laqgħat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tamministra sit web li jippermetti l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar u l-Kummissjoni, b'mod partikolari b'rabta mal-laqgħat annwali. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sit web pubbliku li jipprovdi d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet tal-infurzar deżinjati u jwassal għas-siti web tal-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali jew awtoritajiet oħra tal-Istati Membri li jagħtu informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 13(1) li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 9

Regoli nazzjonali

1.   Bil-ħsieb li jiġi żgurat livell ogħla ta' protezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu regoli immirati lejn il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti minn din id-Direttiva, dment li tali regoli nazzjonali jkunu kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali mmirati lejn il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, dment li tali regoli jkunu kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern.

Artikolu 10

Rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tagħhom jippubblikaw rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, li għandu, fost l-oħrajn, jindika l-għadd ta' lmenti riċevuti u l-għadd ta' investigazzjonijiet miftuħa jew magħluqa matul is-sena preċedenti. Għal kull investigazzjoni magħluqa, ir-rapport għandu jkun fih deskrizzjoni fil-qosor tal-kwistjoni, l-eżitu tal-investigazzjoni u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni meħuda, soġġett għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 5(3).

2.   Sal-15 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar il-prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Dak ir-rapport għandu jinkludi, b'mod partikolari, id-data rilevanti kollha dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli skont din id-Direttiva fl-Istat Membru kkonċernat matul is-sena preċedenti.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw:

(a)

ir-regoli dwar l-informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2;

(b)

l-arranġamenti għall-ġestjoni tal-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u regoli dwar il-kontenut u l-forma ta' tali informazzjoni;

(c)

l-arranġamenti għat-trasmissjoni, jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti, lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-awtoritajiet kompetenti f'pajjiżi terzi, jew lill-pubbliku, soġġett għall-protezzjoni tad-data personali u l-interessi leġittimi tal-produtturi u tal-intrapriżi agrikoli fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 11

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit mill-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12

Evalwazzjoni

1.   Sal-1 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni għandha twettaq l-ewwel evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport dwar il-konklużjonijiet ewlenin ta' dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Tali rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti leġislattivi.

2.   L-evalwazzjoni għandha tivvaluta, mill-inqas:

(a)

l-effettività tal-miżuri implimentati fil-livell nazzjonali mmirati lejn il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari;

(b)

l-effettività tal-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar kompetenti u, fejn xieraq, għandha tidentifika modi kif tista' tittejjeb dik il-kooperazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża r-rapport msemmi fil-paragrafu 1fuq ir-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 10(2). Jekk neċessarju, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri, inkluż informazzjoni dwar l-effettività tal-miżuri li ġew implimentati fil-livell nazzjonali u l-effettività tal-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka.

4.   Sal-1 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport interim dwar l-istat tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 13

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-1 ta' Mejju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165.

(2)  ĠU C 387, 25.10.2018, p. 48.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

(4)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 40.

(5)  Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 fir-rigward tad-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(9)  Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).