17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/22


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/69

tas-16 ta' Jannar 2019

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE jipprevedi li l-oġġetti li jikkorrispondu mad-definizzjoni ta' arma tan-nar stabbiliti f'dik id-Direttiva mhumiex inklużi f'dik id-definizzjoni jekk ikunu ddisinjati biex jingħata l-allarm, biex isir is-sinjalar jew biex jiġu salvati l-ħajjiet u jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarat.

(2)

Uħud mill-apparati ddisinjati biex jingħata l-allarm, biex isir is-sinjalar jew biex jiġu salvati l-ħajjiet, li huma attwalment disponibbli fis-suq, jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f'armi tan-nar permezz ta' għodod ordinarji. Għalhekk, sabiex jitqiesu bħala armi tal-allarm u tas-sinjal għall-finijiet tad-Direttiva 91/477/KEE u sabiex jiġu evitati l-kontrolli li japplikaw għall-armi tan-nar skont dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-apparati jkunu ddisinjati b'tali mod li ma jistgħux jiġu mmodifikati permezz ta' għodod ordinarji biex jisparaw, jew li jkunu jistgħu jiġu kkonvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

(3)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjoni deskritta fil-premessa (2) tifforma parti minn pakkett ta' speċifikazzjonijiet tekniċi mmirati b'mod kumulattiv biex jiżguraw li apparat ma jkunx jista' jiġi kkonvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli. B'mod partikolari, peress li l-kanna ta' apparat hija kritika għall-konverżjoni ta' tali apparati f'armi tan-nar, jenħtieġ li l-kanna tkun iddisinjata b'tali mod li ma tkunx tista' titneħħa jew tiġi mmodifikata mingħajr ma l-apparat kollu jsir inoperabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li fil-kanna jiddaħħlu ostakli li ma jistgħux jinqalgħu, u jenħtieġ li ċ-chamber u l-kanna jiġu spostati, inklinati jew mqassma b'tali mod li jipprevjenu li l-munizzjon jiġi kkargat fl-apparat u sparat minnu.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal ikunu adattati għall-varjetà wiesgħa ta' armi tal-allarm u tas-sinjal li jeżistu attwalment, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet stipulati b'din id-Direttiva jqisu l-istandards u ċ-ċifri internazzjonali aċċettati b'mod komuni għall-iskrataċ u għaċ-chambers għall-armi tal-allarm u tas-sinjal, b'mod partikolari t-Tabella VIII tat-Tabelli tad-Dimensjonijiet tal-Iskrataċ u taċ-Chambers (TDCC) stabbilita permezz tal-Kummissjoni Internazzjonali Permanenti għall-Immarkar tal-Armi ż-Żgħar (CIP).

(5)

Bħala deterrent biex l-armi tal-allarm u tas-sinjal ma jiġux ikkonvertiti faċilment f'armi tan-nar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-armi mmanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha jkunu soġġetti għal kontrolli sabiex tiġi stabbilita l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati b'din id-Direttiva. Il-kontrolli jistgħu, pereżempju, jinvolvu li jiġu kkontrollati mudelli jew tipi differenti ta' apparati, jew apparati individwali, jew it-tnejn li huma.

(6)

Jenħtieġ li fuq talba, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni lil xulxin dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa minnhom fuq l-armi tal-allarm u tas-sinjal. Sabiex jiġi ffaċilitat dak l-iskambju ta' informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu minn tal-inqas punt fokali nazzjonali wieħed li jkun jista' jipprovdi l-informazzjoni lil Stati Membri oħra.

(7)

Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kontrolli fuq l-armi tal-allarm u tas-sinjal, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq ta' tali kontrolli.

(8)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477/KEE.

(9)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (2), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 13b(1) tad-Direttiva 91/477/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Speċifikazzjonijiet tekniċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex ma jiġux ikkunsidrati bħala arma tan-nar skont id-Direttiva 91/477/KEE, l-apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ddisinjati biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi tas-sinjali jkunu meħtieġa jikkonformaw f'kull waqt mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Kontroll tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apparati tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1 ikunu soġġetti għal kontrolli sabiex tiġi stabbilita l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Skambju ta' informazzjoni

Fuq talba, Stat Membru għandu jipprovdi r-riżultati tal-kontrolli mwettqa minnu skont l-Artikolu 2 lil Stat Membru ieħor. Għal dawn il-finijiet, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi minn tal-inqas punt fokali nazzjonali wieħed biex jipprovdi tali riżultati, u għandu jikkomunika d-dettalji ta' kuntatt tal-punt fokali nazzjonali lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta' Jannar 2020. Meta dan isir għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(2)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-apparati msemmija fl-Artikolu 1

1.

L-apparati jkunu ddisinjati b'tali mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu kapaċi jisparaw tiri pirotekniċi tas-sinjali jekk jitwaħħal adattatur mal-bokka tal-kanna biss;

(b)

ikollhom apparat ieħor li jiflaħ fl-apparat stess, li jipprevjeni li jiġu sparati skrataċ ikkargati b'tir uniku jew b'tiri multipli, b'balal solidi jew bi projettili solidi;

(c)

ikunu ddisinjati għal skartoċċ elenkat, u li jikkonforma mad-dimensjonijiet u ma' standards oħra msemmija fit-Tabella VIII tat-Tabelli tad-Dimensjonijiet tal-Iskrataċ u taċ-Chambers (TDCC) stabbilita permezz tal-Kummissjoni Internazzjonali Permanenti għall-Immarkar tal-Armi ż-Żgħar (CIP), peress li dik it-Tabella tapplika fil-verżjoni li tkun fis-seħħ mill-waqt tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

2.

L-apparati ma jkunux jistgħu jiġu mmodifikati permezz ta' għodod ordinarji biex jisparaw, jew biex ikunu jistgħu jiġu kkonvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

3.

Il-komponenti essenzjali kollha tal-apparati jkunu ddisinjati b'tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu ffittjati jew jintużaw bħala komponenti essenzjali ta' armi tan-nar.

4.

Il-kanen tal-apparati ma jkunux jistgħu jinqalgħu jew jiġu mmodifikati mingħajr ma ssir ħsara sinifikanti lill-apparat jew mingħajr ma jinqered l-apparat.

5.

Fil-każ ta' apparati b'kanna li ma taqbiżx it-30 ċentimetru jew li t-tul ġenerali tagħhom ma jaqbiżx is-60 ċentimetru, l-apparat jinkorpora ostakli li ma jistgħux jinqalgħu, tul it-tul kollu tal-kanna b'tali mod li tir, balla jew projettili ma jkunux jistgħu jgħaddu mill-kanna permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, u b'tali mod li kwalunkwe spazju liberu li jitħalla fil-bokka tal-kanna ma jkollux tul ta' iktar minn 1 cm.

6.

Fil-każ ta' apparati li ma jaqgħux taħt il-punt 5, l-apparat jinkorpora ostakli li ma jistgħux jinqalgħu fuq minn tal-inqas terz tat-tul tal-kanna b'tali mod li tir, balla jew projettili ma jkunux jistgħu jgħaddu mill-kanna permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, u b'tali mod li kwalunkwe spazju liberu li jitħalla fil-bokka tal-kanna ma jkollux tul ta' iktar minn 1 cm.

7.

Fil-każijiet kollha, kemm jekk l-apparat jaqa' taħt il-punt 5 jew il-punt 6, l-ewwel ostaklu fil-kanna jitqiegħed kemm jista' jkun qrib wara ċ-chamber tal-apparat filwaqt li jippermetti l-espulsjoni tal-gassijiet mit-toqob tal-ħruġ.

8.

Għall-apparati ddisinjati biex jisparaw in bjank biss, l-ostakli msemmija fil-punt 5 jew fil-punt 6 jimblukkaw il-kanna għalkollox għajr għal waħda jew iktar mit-toqob tal-ħruġ għall-pressa tal-gass. Barra minn hekk, l-ostakli jimblukkaw il-kanna għalkollox b'tali mod li l-ebda gass ma jkun jista' jiġi sparat min-naħa ta' quddiem tal-apparat.

9.

L-ostakli kollha jkunu permanenti u ma jkunux jistgħu jinqalgħu mingħajr ma jinqerdu ċ-chamber jew il-kanna tal-apparat.

Għall-apparati ddisinjati biex jisparaw in bjank biss, l-ostakli jkunu magħmula għalkollox minn materjal li jkun reżistenti u ma jkunx jista' jinqata', jittaqqab, jitħaffer bil-bor jew jiġi ssegat (jew kwalunkwe proċess simili), u li jkollu ebusija minima ta' 700 HV 30 (skont it-test tal-ebusija ta' Vickers).

Għall-apparati mhux koperti bit-tieni subparagrafu ta' dan il-punt, l-ostakli jkunu magħmula minn materjal li jkun reżistenti u ma jkunx jista' jinqata', jittaqqab, jitħaffer bil-bor jew jiġi ssegat (jew kwalunkwe proċess simili), u li jkollu ebusija minima ta' 610 HV 30. Il-kanna jista' jkollha kanal tul l-assi tagħha biex l-irritanti jew sustanzi attivi oħra jkunu jistgħu jiġu sparati mill-apparat.

Fi kwalunkwe każ, l-ostakli jkunu ddisinjati b'tali mod li jipprevjenu l-okkorrenza ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-ħolqien jew it-tkabbir ta' toqba fil-kanna tul l-assi tagħha;

(b)

it-tneħħija tal-kanna, għajr fejn il-qafas u ż-żona taċ-chamber tal-apparat isiru inutli bħala riżultat tat-tneħħija, jew fejn l-integrità tal-apparat tant tkun kompromessa li ma tkunx tista' tintuża biex tifforma l-bażi ta' arma tan-nar mingħajr tiswija jew żieda sinifikanti.

10.

Iċ-chamber u l-kanna jkunu spostati, inklinati jew mqassma b'tali mod li jipprevjenu li l-munizzjon jiġi kkargat fl-apparat u sparat minnu. Barra minn hekk, fil-każ ta' apparati bħar-rivolver:

(a)

il-fetħiet ta' quddiem taċ-chamber taċ-ċilindru jiddejqu sabiex jiġi żgurat li l-balal jiġu bblukkati fiċ-chamber;

(b)

dawk il-fetħiet jiġu spostati lejn iċ-chamber.