5.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/8


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2019

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Bulgarija għall-2019 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Bulgarija għall-2019

(2019/C 301/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-2019. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih trid issir analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2019 għall-Bulgarija ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Huwa vvaluta l-progress tal-Bulgarija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (3), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Bulgarija lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Bulgarija għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju huma kkombinati ma’ pożizzjoni ta’ dejn għoli u self improduttiv fis-settur korporattiv. Filwaqt li hemm progress biex jiġu indirizzati s-sorsi tal-iżbilanċi, l-implimentazzjoni sħiħa u l-monitoraġġ tar-riformi reċenti tas-superviżjoni u l-governanza fis-settur bankarju u s-settur finanzjarju mhux bankarju ser ikunu kruċjali.

(3)

Fl-24 ta’ April 2019, il-Bulgarija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2019 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(5)

Il-Bulgarija bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Konverġenza għall-2019 tiegħu, il-gvern, li beda minn surplus nominali ta’ 2 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2018, qed jimmira għal defiċit ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2019 u surplus ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2020, 0,2 % fl-2021 u 0,1 % fl-2022. Abbażi tal-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid (5), l-objettiv baġitarju għall-perijodu medju — defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG f’termini strutturali — ikompli jinqabeż matul il-perijodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG huwa mistenni li jonqos gradwalment minn 22,6 % tal-PDG fl-2018 għal 16,7 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli. Abbażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali previst li jirreġistra surplus ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2019 u ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2020, ogħla mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Kumplessivament, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2019 u fl-2020 il-Bulgarija hija proġettata li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(6)

Id-dħul mit-taxxa u l-konformità mar-regoli tat-taxxa qed jitjiebu u hemm għadd ta’ inizjattivi fis-seħħ. Madankollu, il-ġbir tat-taxxi ma jidhirx li qed jitjieb kullimkien bl-istess pass. Dan huwa partikolarment il-każ għal taxxi relatati max-xogħol u għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u f’xi kategoriji ta’ taxxi tas-sisa. Hemm ukoll evidenza li x-xogħol mhux iddikjarat u l-kummerċ illeċitu fil-fjuwils jibqgħu sfida. Iż-żamma tal-isforzi biex jitjieb il-ġbir tat-taxxa u biex jittieħdu miżuri mmirati addizzjonali biex jiġu ffaċċjati l-isfidi f’oqsma speċifiċi tas-sistema tat-taxxa hija ta’ importanza kbira biex tkompli titnaqqas l-ekonomija moħbija li għadha kbira.

(7)

Il-gvern ħa passi biex itejjeb l-effettività tan-nefqa pubblika. Il-Bank Dinji lesta reviżjoni tal-infiq li tkopri għadd ta’ istituzzjonijiet pubbliċi (ministeri u muniċipalitajiet) u żewġ studji pilota, wieħed dwar il-pulizija u t-tifi tan-nar u l-ieħor dwar il-ġestjoni tal-iskart, kif ukoll ħareġ manwal għal rieżamijiet futuri mill-gvern. Fl-istrateġija fiskali fuq terminu medju tal-2018, il-gvern introduċa għadd ta’ indikaturi tal-prestazzjoni biex jivvaluta l-impatt tal-infiq fl-oqsma ta’ politika differenti matul iż-żmien u biex jinforma l-evalwazzjoni u l-ippjanar tal-baġit. Is-segwitu ta’ dawn l-inizjattivi huwa mistenni li jgħolli l-kwalità, l-effiċjenza u t-trasparenza tal-infiq pubbliku, u konsegwentement il-kwantità u l-kwalità tal-beni pubbliċi.

(8)

L-intrapriżi tal-Istat isofru minn governanza korporattiva dgħajfa, li hija wkoll fil-biċċa l-kbira riflessa fil-prestazzjoni ekonomika tagħhom. Qed issir riforma tal-qafas legali għall-governanza korporattiva tal-Intrapriżi tal-istat f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u bl-appoġġ tas-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni. Ir-riforma għandha l-għan li tindirizza d-dgħufijiet attwali billi tallinja l-leġislazzjoni nazzjonali mal-linji gwida tal-OECD dwar il-governanza korporattiva għall-intrapriżi tal-istat. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas ser jiżguraw il-kontinwità u ser ikunu kruċjali għas-suċċess tar-riforma.

(9)

F’ambjent ekonomiku favorevoli, il-proporzjonijiet tal-kapital u tal-likwidità tal-banek tjiebu bħala medja. B’mod parallel, is-self improduttiv minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji naqas, għalkemm dan għadu għoli. Is-suq sekondarju għas-self improduttiv sar aktar dinamiku. Fit-30 ta’ Mejju 2019 il-Bank Nazzjonali Bulgaru (BNB) adotta deċiżjoni li timplimenta l-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għall-ġestjoni tal-iskoperturi improduttivi u ristrutturati. Il-miżuri ta’ segwitu li jirriżultaw mir-rieżamijiet tas-settur finanzjarju saħħew is-settur bankarju, iżda għad hemm xi vulnerabbiltajiet. Inizjattivi regolatorji ġodda fl-2018 inkludew ir-regoli għal skoperturi kbar u l-identifikazzjoni ta’ klijenti konnessi, żieda fir-rata ta’ riżerva ta’ kapital kontroċiklika u l-introduzzjoni ta’ għodod makroprudenzjali għal miżuri bbażati fuq min jissellef. B’segwitu għal inizjattivi leġislattivi dwar skoperturi relatati mal-partijiet, sforzi superviżorji sostnuti biex jiġi limitat is-self lil partijiet relatati u jiġi ppenalizzat ksur ta’ dispożizzjonijiet kollaterali huma kruċjali biex jiġu appoġġati prattiki tajba tan-negozju. It-titjib tal-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarja huwa miżura oħra li għaddejja bħalissa li ser tikkontribwixxi għar-reżiljenza tas-settur finanzjarju.

(10)

It-tlestija tar-riforma tal-insolvenza tista’ tgħin biex jitnaqqas id-dejn għoli pendenti tas-settur privat u s-sehem li għadu għoli ta’ self improduttiv. Xi elementi neqsin inaqqsu l-effiċjenza u l-effettività tal-qafas tal-insolvenza, li jirriżulta fi proċedimenti ta’ insolvenza kajmana u li jiswew il-flus. Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ għodod adegwati ta’ monitoraġġ jipprevjeni analiżi xierqa tal-proċeduri ta’ qabel l-insolvenza u ta’ insolvenza ġodda u ma jippermettix li jiġu identifikati punti ta’ konġestjoni jew punti dgħajfa konkreti. F’Ottubru 2018, il-Bulgarija talbet għal assistenza mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni biex jgħinha tavvanza r-riforma tal-qafas tal-insolvenza. Dan il-proġett jidentifika lakuni fil-qafas tal-insolvenza u ser jipproduċi pjan direzzjonali biex jindirizzahom. Huwa importanti li jinżamm il-momentum tar-riforma u li jiġi implimentat il-pjan direzzjonali li jmiss.

(11)

Il-Bulgarija adottat emendi leġislattivi fl-2018 u sussegwentement f’Mejju 2019 u qed taħdem lejn traspożizzjoni konsistenti bis-sħiħ tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (ir-Raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus). Għandha tingħata attenzjoni għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri. L-awtoritajiet għadhom ma ffinalizzawx u ma nnotifikawx il-Valutazzjoni tar-Riskju Nazzjonali, li hija fundamentali għat-tfassil ta’ politiki nazzjonali adegwati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, żviluppi reċenti fis-settur bankarju jissuġġerixxu li hemm bżonn li tissaħħaħ is-superviżjoni nazzjonali tat-tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus (AML). Ir-riskju ta’ korruzzjoni jeħtieġ li jiġi indirizzat aħjar, peress li huwa reat predikat għall-ħasil tal-flus. Jenħtieġ li l-awtoritajiet Bulgari juru riżultati konkreti u jibnu rekord evidenzjat b’deċiżjonijiet finali f’kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli. L-użu ta’ investigazzjoni finanzjarja u t-tfassil ta’ profili finanzjarji huwa limitat.

(12)

Is-superviżjoni mhux bankarja qed tiġi riformata. F’Settembru 2017, il-Kummissjoni għas-Superviżjoni Finanzjarja adottat pjan ta’ azzjoni biex tirriforma s-superviżjoni finanzjarja mhux bankarja, b’kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol. L-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ u f’waqthom tal-pjan ta’ azzjoni, li għadhom għaddejjin, ser jikkontribwixxu għal superviżjoni adegwata tas-settur finanzjarju mhux bankarju. Hemm fis-seħħ emendi fil-leġislazzjoni sekondarja, li għandhom l-għan li jtejbu r-regoli ta’ valutazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom. L-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tagħhom jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ valutazzjoni li fadal li ġew identifikati fil-passat. Fl-aħħar nett, is-superviżjoni fil-livell tal-grupp tibqa’ sfida biex tiġi żgurata superviżjoni tal-assigurazzjoni adegwata bbażata fuq ir-riskju.

(13)

Is-settur tal-assigurazzjoni tal-karozzi jippreżenta xi vulnerabbiltajiet. Regoli speċifikati sew dwar il-kumpens jiffaċilitaw approċċ aktar armonizzat mill-imħallfin meta jiddeċiedu dwar każijiet individwali. Fuq medda itwal ta’ żmien, metodoloġija bħal din tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż, il-volatilità u r-riskju ta’ sottoskrizzjoni fil-linja ta’ responsabbiltà ta’ parti terza bil-mutur. Is-sostenibbiltà tas-settur tibbenefika wkoll minn ipprezzar imtejjeb li jqis l-istorja tas-sewqan tal-klijenti. Il-Kummissjoni għas-Superviżjoni Finanzjarja pproponiet sistema ta’ bonus-malus, li għaddejja minn dibattitu pubbliku wiesa’. Fl-aħħar nett, il-likwidità tal-“Green Card Bureau” qajmet tħassib sostanzjali, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-pretensjonijiet minn assiguratur wieħed Bulgaru. Il-konformità stretta tal-membri kollha mal-obbligi tagħhom hija kruċjali għall-kredibilità u l-effiċjenza tas-sistema.

(14)

L-infrastruttura tbati minn lakuni kbar ta’ investiment. Il-kopertura u l-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport tjiebu iżda għadhom taħt il-medja tal-Unjoni. In-netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew fil-Bulgarija għadu mhux komplut. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu b’mod qawwi matul dawn l-aħħar ħames snin. Hemm bżonn ta’ aktar żvilupp tas-sezzjonijiet ferrovjarji u tat-toroq u tas-sistemi Ewropej rispettivi tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju u tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti. Il-Bulgarija għandha rati baxxi ta’ konnessjoni u trattament għall-ilma mormi urban, livelli għolja ta’ tniġġis tal-arja u r-rati tar-rimi f’miżbla għall-iskart muniċipali u rata ta’ riċiklaġġ, konsiderevolment aktar baxxa mill-medja tal-Unjoni. L-investimenti biex jiġu promossi l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-transizzjoni għal ekonomija ċirkolari huma neċessarji. Barra minn hekk, il-ħtiġijiet ta’ investiment fl-oqsma tal-enerġija u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih huma sinifikanti. L-intensità għolja tal-enerġija tal-ekonomija u l-progress bil-mod biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-bini, qed iżommu lura l-produttività u l-kompetittività tan-negozji fil-pajjiż. Għalhekk jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat li jinkiseb iffrankar sinifikanti tal-enerġija permezz ta’ investimenti mmirati fis-setturi industrijali, tat-trasport u tal-bini. Żieda fl-investimenti f’infrastruttura tal-enerġija nadifa (bħall-ġenerazzjoni tal-enerġija nadifa u b’livell baxx ta’ karbonju, interkonnessjonijiet, u grilji intelliġenti), f’konformità mal-prijoritajiet deskritti fl-abbozz tal-pjan nazzjonali dwar il-klima u l-enerġija fil-Bulgarija, tkompli tgħin biex ittejjeb il-kompetittività ġenerali tal-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

(15)

Minkejja żieda fil-baġit tar-riċerka pubblika fl-2018, l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) għadu baxx ħafna kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. L-investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp huwa ddominat minn kumpaniji multinazzjonali kbar u kkonċentrat fir-reġjun kapitali. Il-pass kajman tar-riformi ta’ implimentazzjoni u l-frammentazzjoni għolja fis-sistema ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni jxekklu l-kontribut tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għall-produttività u t-tkabbir. Għadd kbir ta’ universitajiet u istituti ta’ riċerka għadhom qed jagħtu prestazzjoni baxxa fir-riċerka xjentifika ta’ kwalità għolja. Ir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju għadhom dgħajfa ħafna u d-disponibbiltà tal-kapital uman fis-sistema tar-riċerka u l-iżvilupp hija sors ta’ tħassib sinifikanti. Ir-raggruppamenti u l-potenzjal tagħhom fil-Bulgarija mhumiex żviluppati biżżejjed minħabba li ħafna drabi ma jkollhomx massa kritika. Aktar riformi, flimkien ma’ governanza effiċjenti u investiment pubbliku aktar effettiv jistgħu jimmassimizzaw l-impatt fuq il-produttività u jtejbu l-kompetittività tal-ekonomija. Barra minn hekk, iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji u l-introduzzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ negozju huma kritiċi għall-produttività tal-pajjiż.

(16)

Amministrazzjoni pubblika u riformi tal-gvern elettroniku għadhom qed idumu u qed jagħtu titjib insuffiċjenti filwaqt li l-ambjent tan-negozju għadu dgħajjef. Għadd ta’ riformi ġew adottati, iżda l-implimentazzjoni prattika tagħhom għadha lura. Nuqqasijiet istituzzjonali, inċertezza regolatorja, korruzzjoni, u provvista insuffiċjenti ta’ ħaddiema għadhom fost l-ostakli prinċipali għall-investiment. Il-governanza fis-settur pubbliku tista’ tibbenefika minn iktar trasparenza. regoli iktar ċari u perspettiva fit-tul. In-nuqqasijiet huma wkoll evidenti fil-qasam tal-ittestjar u s-sigurtà tal-prodotti minħabba riżorsi finanzjarji u umani limitati. Barra minn hekk, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fl-istrateġija tal-akkwist nazzjonali ġew adottati, l-implimentazzjoni tagħhom teħtieġ monitoraġġ, kontroll u valutazzjoni kontinwi. L-użu frekwenti ta’ għotjiet diretti u l-għadd kbir ta’ offerti uniċi jirrappreżentaw theddida għat-trasparenza u l-effettività tas-sistema. Il-kapaċità amministrattiva tas-settur tal-akkwist pubbliku hija sfida kontinwa, kif ukoll il-professjonalizzazzjoni tax-xerrejja pubbliċi u x-xiri aggregat. Id-dewmien sinifikanti fl-adozzjoni tal-akkwist elettroniku qed jipprevjeni aktar titjib fit-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċessi tal-akkwist pubbliku.

(17)

Is-suq tax-xogħol tjieb iżda għad fadal sfidi. Ir-rata tal-impjiegi laħqet l-ogħla livell mindu l-Bulgarija ssieħbet mal-Unjoni u r-rata tal-qgħad hija taħt il-medja tal-Unjoni. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, xi gruppi bħal dawk b’ħiliet baxxi, iż-żgħażagħ, ir-Rom u l-persuni b’diżabilità għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex isibu xogħol. Qed jiġu implimentati miżuri speċifiċi biex jiġu appoġġati l-persuni qiegħda fit-tul, li rrappreżentaw 3 % tal-popolazzjoni attiva fl-2018. Taħlita ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni effettivi u sostnuti, politiki attivi tas-suq tax-xogħol u servizzi integrati ta’ impjieg u soċjali jistgħu jtejbu l-impjegabbiltà tal-gruppi żvantaġġati u l-possibbiltajiet li jsibu xogħol.

(18)

In-nuqqas ta’ ħiliet dejjem jiżdied tal-Bulgarija jeħtieġ investimenti sinifikanti. Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu aktar impjegabbli jekk il-kwalità u l-effettività tat-traineeships u l-apprendistati ttejbu. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni f’miżuri ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid fost il-popolazzjoni adulta hija baxxa ħafna. Minkejja l-miżuri mnedija biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali, il-livell ta’ ħiliet diġitali bażiċi tal-Bulgarija (29 % tal-individwi għandhom ħiliet diġitali bażiċi meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta’ 57 %) jibqa’ fost l-aktar baxxi fl-Unjoni.

(19)

Minkejja r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Iffissar tal-Paga Minima u ta’ diversi ċikli ta’ negozjati matul l-2018, l-impjegaturi u t-trejdjunjins għad għandhom fehmiet diverġenti dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati meta tiġi stabbilita l-paga minima. Hemm lok għal kunsens akbar dwar mekkaniżmu tal-iffissar tal-pagi oġġettiv u trasparenti. Sadanittant, għalkemm l-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u r-riformi jidher li żdied, għad hemm bżonn ta’ appoġġ kontinwu għal djalogu soċjali msaħħaħ.

(20)

Ir-riżultati edukattivi għadhom baxxi u jkomplu jiġu influwenzati bis-sħiħ mill-istatus soċjoekonomiku tal-ġenituri. Dan jirrifletti sfidi relatati mal-kwalità u l-inklużività tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Bulgarija ma tinvestix biżżejjed fl-edukazzjoni, partikolarment fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja u fl-edukazzjoni primarja, żewġ oqsma li huma strumentali biex jinħolqu opportunitajiet indaqs minn età bikrija. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità hija baxxa, b’mod partikolari għar-Rom u t-tfal minn gruppi żvantaġġati oħra. Ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola għadha għolja, b’konsegwenzi negattivi għall-impjegabbiltà futura u l-eżiti tas-suq tax-xogħol. Ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u d-disponibbiltà ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali doppji jibqgħu insuffiċjenti. Filwaqt li għaddejjin xi miżuri, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li s-sett ta’ ħiliet tal-gradwati tal-edukazzjoni għolja jkun jista’ jindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħiliet f’terminu ta’ żmien qasir u medju b’mod konsistenti. Xi miżuri biex jitħarrġu l-għalliema u biex il-professjoni ssir aktar attraenti ġew stabbiliti. Madankollu, il-programmi ta’ edukazzjoni inizjali u kontinwi għall-għalliema jeħtieġu aktar tisħiħ u għad hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-edukazzjoni.

(21)

Il-Bulgarija għadha qed tħabbat wiċċha ma’ inugwaljanzi ta’ dħul għoli u riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Għalkemm qed tonqos, ir-rata ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-2018 kienet ta’ 32,8 %, li għadha ogħla sew mill-medja tal-Unjoni. Is-sistema tas-sigurtà soċjali ma tkoprix il-persuni kollha fl-impjieg u s-sistema ta’ protezzjoni soċjali mhijiex biżżejjed biex tindirizza l-kwistjonijiet soċjali sinifikanti. Dan jirrifletti l-livell baxx ta’ nfiq soċjali, id-disponibbiltà inugwali tas-servizzi soċjali madwar it-territorju u l-effetti ridistributtivi limitati tas-sistema tat-tassazzjoni. Fl-2018, l-introjtu tal-aktar 20 % tal-popolazzjoni li huma l-aktar sinjuri kien 7,7 darbiet ogħla minn dak tal-ifqar 20 %, li għadu wieħed mill-ogħla fl-Unjoni. Minkejja xi miżuri, l-adegwatezza u l-kopertura tal-introjtu minimu għadhom limitati u għad jonqos mekkaniżmu oġġettiv għall-aġġornament regolari tiegħu. Is-servizzi soċjali huma mxekkla minn kwalità baxxa u nuqqas ta’ approċċ integrat lejn l-inklużjoni attiva. Id-differenzi fl-aċċess għas-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul jippersistu. Dan jimmina l-kapaċità tagħhom li jipprovdu appoġġ komprensiv lil dawk l-aktar vulnerabbli, bħar-Rom, it-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u l-persuni li jgħixu f’żoni rurali. Parti mill-popolazzjoni għandha diffikultà biex tikseb aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli. Għalhekk huma meħtieġa aktar sforzi biex titrawwem l-inklużjoni attiva, tiġi promossa l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ gruppi vulnerabbli inkluż ir-Rom, jissaħħaħ l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità u tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali.

(22)

Is-settur tal-kura tas-saħħa għadu kkaratterizzat minn infiq pubbliku baxx. In-nies fil-Bulgarija jiffaċċjaw aċċess limitat għall-kura tas-saħħa kkawżat minn distribuzzjoni mhux ugwali ta’ riżorsi limitati u kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa baxxa. Il-pagamenti mill-but huma konsiderevoli, peress li jeħtieġu li jikkumpensaw għal-livell baxx tan-nefqa pubblika. Id-disponibbiltà baxxa ta’ prattikanti ġenerali qed tillimita l-għoti ta’ kura primarja. Hemm nuqqas sinifikanti ta’ infermiera bin-numru per capita fost l-aktar baxx fl-Unjoni. Implimentazzjoni aktar rapida u aktar effettiva tal-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa tgħin biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet.

(23)

Skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja r-riformi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-Bulgarija. Għalhekk dawn l-oqsma mhumiex koperti fir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-Bulgarija, iżda huma rilevanti għall-iżvilupp ta’ ambjent tan-negozju pożittiv fil-pajjiż. Ir-rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika ta’ Novembru 2018 innota li l-Bulgarija kienet kompliet l-isforzi tagħha biex tirriforma l-ġudikatura tagħha u tindirizza n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, iżda kienu meħtieġa aktar sforzi f’għadd ta’ oqsma. Il-Kummissjoni tistenna li terġa’ tivvaluta l-progress fil-bidu tal-ħarifa 2019.

(24)

Il-programmazzjoni tal-fondi tal-Unjoni għall-perijodu 2021-2027 tista’ tgħin biex jiġu indirizzati xi wħud min-nuqqasijiet identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport għall-pajjiż tal-2019. Dan jippermetti li l-Bulgarija tagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi identifikati, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi huwa fattur importanti għas-suċċess ta’ dan l-investiment.

(25)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Bulgarija u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Bulgarija fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Bulgarija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(26)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 u huwa tal-opinjoni (7) li l-Bulgarija hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(27)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu magħmula skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (2) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fl-2019 u l-2020 biex:

1.   

Ittejjeb il-ġbir tat-taxxa permezz ta’ miżuri mmirati f’oqsma bħat-taxxi fuq il-fjuwil u t-taxxi fuq ix-xogħol. Taġġorna l-governanza korporattiva tal-Intrapriża tal-istat billi tadotta u ddaħħal fis-seħħ il-leġislazzjoni li jmiss.

2.   

Tiżgura l-istabbiltà tas-settur bankarju billi ssaħħaħ is-superviżjoni, tippromwovi valutazzjoni adegwata tal-assi, inkluż kollateral bankarju u tippromwovi suq sekondarju li jiffunzjona għas-self improduttiv. Tiżgura superviżjoni effettiva u l-infurzar tal-qafas AML. Issaħħaħ is-settur finanzjarju mhux bankarju billi tinforza b’mod effettiv is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju, il-linji gwida tal-valwazzjoni li ġew adottati reċentement u s-superviżjoni fil-livell tal-grupp. Timplimenta l-pjan direzzjonali li jmiss li jindirizza l-lakuni identifikati fil-qafas tal-insolvenza. Trawwem l-istabbiltà tas-settur tal-assigurazzjoni tal-karozzi billi tindirizza l-isfidi tas-suq u d-dgħufijiet strutturali li jifdal.

3.   

Tiffoka l-politika ekonomika fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari fuq is-sostenibbiltà tagħha, l-infrastruttura tal-enerġija u tal-ilma u l-effiċjenza tal-enerġija, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali, u ttejjeb l-ambjent tan-negozju.

4.   

Issaħħaħ l-impjegabbiltà billi ssaħħaħ il-ħiliet, inklużi l-ħiliet diġitali. Ittejjeb il-kwalità, ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol, u l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari għar-Rom u gruppi żvantaġġati oħra. Tindirizza l-inklużjoni soċjali permezz ta’ aċċess imtejjeb għall-impjieg integrat u s-servizzi soċjali u appoġġ għad-dħul minimu aktar effettiv. Ittejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, inkluż billi tnaqqas il-ħlasijiet mill-but tan-nies u tindirizza n-nuqqas ta’ professjonisti tas-saħħa.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 7.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Bilanċ aġġustat ċiklikament nett ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija miftiehma b’mod komuni.

(6)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141 5.6.2015, p. 73).

(7)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.