17.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/37


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/794

tal-15 ta' Mejju 2019

dwar pjan koordinat ta' kontroll bil-għan li tkun stabbilita l-prevalenza ta' ċerti sustanzi li jemigraw minn materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel

(notifikata bid-dokument C(2019) 3519)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), b'mod partikolari l-Artikolu 53 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tirrakkomanda pjanijiet koordinati ta' kontroll fejn tqis li huma meħtieġa, organizzati fuq bażi ad hoc, bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-perikli fl-għalf, fl-ikel u fl-annimali.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali dwar is-sigurtà tal-materjali u l-oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (“materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel”), speċifikament rigward it-trasferiment fl-ikel tal-kostitwenti tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Barra minn hekk, miżuri speċifiċi għal gruppi ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel ġew stabbiliti skont l-Artikolu 5(1) ta' dak ir-Regolament. B'mod partikolari, għall-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ġiet stabbilita lista ta' sustanzi awtorizzati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (3). Uħud minn dawn is-sustanzi awtorizzati huma soġġetti wkoll għal restrizzjonijiet, inklużi b'Limiti ta' Migrazzjoni Speċifiċi (SML), li jirrestrinġu l-migrazzjoni tagħhom fl-ikel jew fuqu.

(3)

L-informazzjoni disponibbli mis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (“RASFF”), irrappurtata b'konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tindika diversi nuqqasijiet ta' konformità fir-rigward tal-migrazzjoni ta' ċerti sustanzi minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Madankollu, fil-preżent ma hemmx informazzjoni adegwata biex tkun tista' tiġi determinata biżżejjed il-prevalenza ta' dawn is-sustanzi fl-ikel li jemigra minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel.

(4)

Ammini aromatiċi primarji (“PAA”) huma familja ta' komposti, li wħud minnhom huma karċinoġeniċi, filwaqt li oħrajn huma suspettati li huma karċinoġeni. Il-PAA jistgħu jinħolqu f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel minn sustanzi awtorizzati, mill-preżenza ta' impuritajiet jew minn prodotti ta' skompożizzjoni, kif ukoll mill-użu ta' kuluranti ażo biex il-materjali jingħataw il-lewn. L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 jistipula li tali PAA ma għandhomx jemigraw minn materjali u oġġetti tal-plastik fl-ikel jew f' simulant tal-ikel. Ix-xogħol imwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea stabbilixxa wkoll li l-PAA jseħħu f'konċentrazzjonijiet fi srievet tal-karti kkuluriti li huma rilevanti għall-monitoraġġ.

(5)

Il-formaldeid (FCM Nru 98) hija sustanza awtorizzata fil-livell tal-Unjoni għall-użu fil-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Madankollu, hija soġġetta għal SML ta' 15 mg/kg (espress bħala t-total ta' formaldeid u eżametilenetetrammina).

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2011 (5) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi u l-proċeduri ddettaljati għall-importazzjoni ta' oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastiċi poliammid u melammina li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u minn Hong Kong, inklużi kontrolli fiżiċi obbligatorji ta' 10 % tal-kunsinni mill-Istati Membri. Ir-Regolament ġie introdott abbażi ta' għadd elevat ta' nuqqas ta' konformità minħabba r-rilaxx ta' livelli għoljin ta' PAA mill-materjali tal-plastik poliammid li jiġu f'kuntatt mal-ikel u formaldeid minn materjali tal-plastik melammina li jiġu f'kuntatt mal-ikel.

(7)

Analiżi riċenti tad-data bbażata fuq il-kontrolli mwettqa fil-punt ta' importazzjoni fl-Unjoni Ewropea u rrappurtata f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 284/2011, tindika tnaqqis fin-nuqqas ta' konformità ta' dawn il-prodotti. Madankollu, abbażi tar-riżultati minn analiżi ta' kampjuni meħuda mis-suq, id-data tal-RASFF turi li wħud minn dawn il-prodotti għadhom mhux konformi. L-informazzjoni turi wkoll li l-oriġini ta' dawn il-prodotti mhix ristretta għaċ-Ċina u Hong Kong. Għalhekk, jixraq li jiġu kkontrollati l-livelli ta' PAA u formaldeid b'żieda mal-kontrolli mwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 284/2011.

(8)

Il-melammina (FCM Nru 239) hija wkoll sustanza awtorizzata fil-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u soġġetta għal SML ta' 2,5 mg/kg. Minbarra l-formaldeid, ġiet irrappurtata wkoll il-migrazzjoni tal-melammina mill-oġġetti tal-kċina tal-plastik melammina. Għalhekk, jixraq li jiġu kkontrollati l-livelli ta' melammina li jemigraw mill-istess kampjuni.

(9)

Il-fenol (FCM Nru 241) hija sustanza awtorizzata għall-użu bħala monomeru biex timmanifattura materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u tista' tintuża wkoll biex timmanifattura tipi oħra ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inklużi reżini epossidiċi użati fil-verniċ u l-kisi. SML ta' 3 mg/kg japplika għal materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li ġie introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/174 (6) abbażi ta' evalwazzjoni mill-ġdid mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità naqqset id-Doża Tollerabbli ta' Kuljum (TDI) minn 1,5 mg/kg piż tal-ġisem għal 0,5 mg/kg ta' piż tal-ġisem, filwaqt li nnotat li hemm bosta sorsi ta' esponiment għall-fenol minbarra dawk relatati ma' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li jistgħu jikkontribwixxi għal livelli ta' esponiment fil-limitu tat-TDI jew ogħla. Għalhekk, jixraq li l-livelli ta' fenol jiġu kkontrollati fid-dawl ta' eċċessi potenzjali tat-TDI.

(10)

Is-sustanza 2,2-bis (4-idrossifenil)propan (FCM Nru 151), komunement magħrufa bħala bisfenol A (“BPA”) hija sustanza awtorizzata għall-użu bħala monomeru biex ikunu mmanifatturati materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel iżda tintuża wkoll għall-manifattura ta' materjali u oġġetti oħra li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inklużi reżini epossidiċi użati fil-verniċ u l-kisi. Riċentement, SML ġdid ta' 0,05 mg/kg ġie introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/213 (7) għall-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u barra minn hekk, l-SML japplika għal verniċ u kisi, abbażi ta' evalwazzjoni mill-ġdid mill-Awtorità, li kkonkludiet li dwar Doża Tollerabbli ta' Kuljum (TDI) temporanjament inqas meta mqabbla mat-TDI preċedenti. Għalhekk, jixraq li dawn il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu kkontrollati biex tiġi ddeterminata l-konformità tal-migrazzjoni tal-BPA fid-dawl ta' dan l-SML il-ġdid.

(11)

Minbarra l-BPA, bisfenoli oħra jistgħu jintużaw fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jew jemigraw minnhom. B'mod partikolari, il-4,4′-dihydroxydiphenyl sulfon, komunement magħrufa bħala bisfenol S (“BPS”, FCM Nru 154) tintuża bħala monomeru biex ikun immanifatturat plastik polietersulfon u hija awtorizzata biex tintuża għall-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel fl-Unjoni b'SML ta' 0,05 mg/kg. Ma hemm l-ebda informazzjoni riċenti disponibbli dwar il-possibbiltà tal-migrazzjoni tagħha fl-ikel u l-informazzjoni dwar l-użu possibbli tagħha jew il-migrazzjoni minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel mogħtija l-verniċ jew miksijin, mhijiex kompluta. Għalhekk, jixraq li jiġu kkontrollati materjali li potenzjalment jemigra minnhom il-BPS biex tkun ivverifikata l-prevalenza ta' BPS li jemigra fl-ikel.

(12)

L-esteri tal-ftalati (“ftalati”) huma grupp ta' sustanzi użati b'mod wiesa' bħala plastifikanti u aġenti ta' appoġġ tekniku. Ħames ftalati ġew awtorizzati għall-użu f'materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inklużi d-di-butilftalat (“DBP”, FCM Nru 157), il-butil-benżil-ftalat (“BBP”, FCM Nru 159), il-bis(2-etileżil)ftalat (“DEHP”, FCM Nru 283), il-ftalat ta' diisononil (“DINP”, FCM Nru 728) u l-ftalat ta' diisodekil (“DIDP”, FCM Nru 729). Dawn il-ftalati huma inklużi fir-restrizzjoni tal-grupp ta' SML (T) ta' 60 mg/kg, flimkien ma' numru ta' sustanzi oħra. SMLs individwali huma applikabbli wkoll għad-DBP, il-BBP u d-DEHP, filwaqt li teżisti restrizzjoni tal-grupp għad-DINP u d-DIDP ta' 9 mg/kg. Il-konċentrazzjoni ta' dawn il-ħames ftalati hija ristretta wkoll f'oġġetti għall-kura tat-tfal għat-tmigħ, kif stabbilit fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Minbarra r-riżultati mill-RASFF li jindikaw nuqqas ta' konformità mal-SMLs, ftalati li mhumiex awtorizzati għall-użu f'materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel xorta jistgħu jinstabu f'materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jemigraw fl-ikel. Għalhekk, jixraq li l-livelli ta' ftalati jiġu kkontrollati fid-dawl tal-possibbiltà ta' nuqqas ta' konformità.

(13)

Minbarra l-użu tal-ftalati, sustanzi oħra mhux tal-ftalati jintużaw ukoll f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel bħala plastifikanti. Iż-żejt tas-sojja epossidizzat (“ESBO”, FCM Nru 532) kif ukoll il-1,2-Ċikloeżan dikarbossiliku aċidu diisononil ester (“DINCH”, FCM Nru 775) u l-aċidu tereftaliku, bis(2-etileżil)ester (“DEHTP” jew “DOTP”, FCM Nru 798) huma awtorizzati għall-użu fil-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u huma inklużi fil-grupp ta' SML (T) ta' 60 mg/kg. Barra minn hekk, kemm id-DEHTP kif ukoll l-ESBO għandhom SMLs individwali ta' 60 mg/kg, bl-eċċezzjoni tal-gaskets tal-PVC li jintużaw biex jissiġillaw vażetti tal-ħġieġ li jkun fihom l-ikel tat-trabi u tat-tfal żgħar fejn, l-SML għall-ESBO huwa ta' 30 mg/kg. Ix-xogħol preċedenti mwettaq mill-Istati Membri u mill-Iżvizzera identifika kwistjonijiet ta' konformità mal-migrazzjoni tal-ESBO mill-għotjien tal-vażetti. Minħabba li hemm ukoll indikazzjoni li d-DINCH u d-DEHTP jistgħu jintużaw bħala sostituti għall-ftalati u ftit li xejn hemm informazzjoni jew ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-migrazzjoni tagħhom fl-ikel, jixraq li tiġi vverifikata l-prevalenza ta' dawn is-sustanzi li jemigraw fl-ikel.

(14)

Sustanzi per- u polifluworoalkiliċi (“PFAS”) huma grupp ta' komposti li jinkludu l-aċidu perfluworoottanojku (“PFOA”) u s-sulfonat tal-perfluworooktan (“PFOS”). Minħabba l-proprjetajiet amfifiliċi tagħhom, dawn il-komposti fluworinati jintużaw fil-produzzjoni ta' kisi kontra l-ilma u x-xaħam bħal dawk użati fil-materjali tal-imballaġġ tal-ikel magħmula mill-karta jew mill-kartun. Informazzjoni minn xi Stati Membri tindika tħassib possibbli dwar il-livelli ta' dawn is-sustanzi fil-materjali tal-imballaġġ miksija magħmula mill-karta jew mill-kartun. Barra minn hekk, mill-4 ta' Lulju 2020, l-użu tal-PFOA fil-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' oġġetti, inklużi fil-materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, huwa ristrett, kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 (9). Għalhekk, jixraq li tiġi investigata aktar il-prevalenza ta' dawn is-sustanzi fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel.

(15)

Il-metalli u l-ligi jintużaw f'materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda kif ukoll tagħmir għall-ipproċessar tal-ikel. Numru ta' SMLs huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni għal metalli li jemigraw minn materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel; madankollu, informazzjoni mill-RASFF tindika numru ta' nuqqasijiet ta' konformità għall-oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda tal-metall, abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskju jew iktar minn hekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Billi l-perikli minn ċerti metalli bħaċ-ċomb u l-kadmju huma definiti tajjeb, jixraq li jitwettqu kontrolli fuq il-migrazzjoni tal-metalli fl-ikel u li jittejjeb il-fehim tal-prevalenza tal-migrazzjoni tal-metalli, inkluż b'mod partikolari minn materjali u oġġetti importati li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll prodotti tradizzjonali u artiġjanali.

(16)

Sabiex jiġu żgurati l-inertezza u s-sigurtà ġenerali tal-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ġie stabbilit limitu ta' migrazzjoni globali (LMG) biex jirrestrinġi r-rilaxx ta' kostitwenti mhux volatili fl-ikel, inklużi partiċelli bħal mikrofibri. Billi materjali u oġġetti tal-plastik konvenzjonali huma taħt pressjoni biex ikunu sostitwiti minħabba tħassib ambjentali, addittivi derivati minn sorsi naturali qed jintużaw għall-mili flimkien mal-plastik sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali. Sabiex jiġi verifikat li l-prattiki tajbin tal-manifattura ġew segwiti u li dawn il-materjali u oġġetti tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma inerti biżżejjed, jixraq li jkun hemm kontrolli għall-migrazzjoni ġenerali.

(17)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' din ir-Rakkomandazzjoni u sabiex jiġu ġġenerati riżultati affidabbli u komparabbli tal-kontrolli, il-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea (EU-RL) għal Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel jenħtieġ li jassissti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni fejn meħtieġ.

(18)

Sabiex tiġi massimizzata l-informazzjoni disponibbli dwar il-prevalenza ta' sustanzi li jemigraw minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, jenħtieġ li l-Istati Membri ukoll jiġu mħeġġa jissottomettu data rilevanti li ġiet iġġenerata reċentement, qabel l-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li dawn ir-riżultati huma affidabbli u konsistenti ma' dawk iġġenerati bħala parti minn dan il-programm ta' kontroll, jenħtieġ li jiġu rrappurtati biss dawk ir-riżultati li ġew iġġenerati skont ir-regoli rilevanti dwar it-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali.

(19)

L-għan primarju ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tkun stabbilita l-prevalenza ta' sustanzi li jemigraw minn materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fl-ikel jew il-prevalenza ta' sustanzi fil-materjal jew fl-oġġett li jiġi f'kuntatt mal-ikel; mhuwiex maħsub biex jikkontribwixxi għall-fehim tal-livelli ta' esponiment. Għalhekk, jenħtieġ li d-data tiġi sottomessa bl-użu ta' format komuni sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu kkoordinati u miġbura b'mod konsistenti.

(20)

Fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw azzjoni ta' infurzar skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri applikabbli.

(21)

L-informazzjoni ġġenerata dwar il-prevalenza ta' dawn is-sustanzi li tirriżulta minn din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tintuża biex tiddetermina jekk kwalunkwe azzjoni futura possibbli hijiex meħtieġa, b'mod partikolari biex ikunu żgurati livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi. Tali azzjoni futura tista' tinkludi miżuri addizzjonali ta' kontroll għal sustanzi minn materjali tal-plastik li għalihom jeżistu miżuri speċifiċi tal-UE. Barra minn hekk, ir-riżultati jistgħu jikkontribwixxu għal bażi ta' informazzjoni li permezz tagħha jistgħu jiġu kkunsidrati prijoritajiet futuri fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, b'mod partikolari għall-materjali li għalihom ma jeżistux miżuri speċifiċi tal-UE.

(22)

L-implimentazzjoni ta' dan il-pjan koordinat ta' kontroll, hija mingħajr preġudizzju għall-kontrolli uffiċjali l-oħra mwettqa mill-Istati Membri fil-qafas tal-programmi ta' kontrolli nazzjonali tagħhom, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw il-pjan koordinat ta' kontroll għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel kif indikat fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni. In-numru minimu totali ta' kampjuni rakkomandat fl-Anness jenħtieġ li jkun segwit sa fejn ikun possibbli.

2.

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa skont l-Anness.

3.

L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw ukoll ir-riżultati ġġenerati bħala parti minn kwalunkwe kontroll preċedenti mwettaq fil-ħames snin qabel l-1 ta' Jannar 2019. Dawn il-kontrolli jenħtieġ li jkunu rilevanti għas-sustanzi f'materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel jew li jemigraw minnhom, soġġetti għal din ir-Rakkomandazzjoni u mwettqa f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u mal-kontrolli uffiċjali. Ir-riżultati jenħtieġ li jiġu rrappurtati f'konformità mal-Anness.

4.

F'każ ta' nuqqas ta' konformità, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw aktar azzjoni ta' infurzar f'konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra ta' rappurtar, tali azzjoni ta' infurzar ma għandhiex tiġi rrapportata lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

5.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2011 tat-22 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi u proċeduri ddettaljati għall-importazzjoni ta' oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastiċi poliammid u melammina li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta' Ħong Kong, iċ-Ċina (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 25).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/174 tal-5 ta' Frar 2015 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 30, 6.2.2015, p. 2).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/213 tat-12 ta' Frar 2018 dwar l-użu tal-bisfenol A fil-verniċ u fil-kisi maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 fir-rigward tal-użu ta' dik is-sustanza fil-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 41, 14.2.2018, p. 6).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (ĠU L 150, 14.6.2017, p. 14).


ANNESS

AZZJONIJIET U AMBITU TAL-PJAN KOORDINAT TA' KONTROLL

1.   Għan

L-għan ġenerali tal-pjan ta' kontroll huwa li tkun stabbilita l-prevalenza ta' sustanzi li jemigraw minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel fl-ikel jew il-preżenza ta' sustanzi fil-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel. Għalhekk, jenħtieġ li l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kontrolli uffiċjali sabiex tiġi stabbilita l-prevalenza fis-suq tal-Unjoni Ewropea fir-rigward

tal-migrazzjoni ta' sustanzi fil-mira minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

tas-sustanzi fil-mira f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel;

tal-migrazzjoni ġenerali minn materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel.

2.   Deskrizzjonijiet tal-kampjuni u metodoloġija

It-tabella ta' hawn taħt tistabbilixxi t-tipi ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jenħtieġ li jittieħdu kampjuni tagħhom flimkien mas-sustanzi li għalihom jenħtieġ li tiġi analizzata l-migrazzjoni minn dawk il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, bl-eċċezzjoni ta' komposti fluworinati li fil-każ tagħhom jenħtieġ li tiġi analizzata l-kwantità fil-materjal.

It-teħid tal-kampjuni jenħtieġ li jinkludi l-punt tal-importazzjoni għal materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel minn pajjiżi terzi, għalkemm l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-kontrolli li jkunu diġà qed isiru skont ir-Regolament (UE) Nru 284/2011. L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu wkoll kontrolli tas-suq, inkluż it-teħid ta' kampjuni fil-punti tal-bejgħ bl-ingrossa u tad-distribuzzjoni sabiex ikun permess aċċess għal daqs biżżejjed ta' kampjun ta' lott partikolari u fejn meħtieġ jiffaċilitaw kwalunkwe azzjoni ta' segwitu.

Il-laboratorji li jintużaw għall-analiżi tal-kampjuni jenħtieġ li jkunu dawk il-laboratorji nominati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, appoġġati minn laboratorji ta' referenza nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 33(2)(e) ta' dak ir-Regolament. L-EU-RL jenħtieġ li jappoġġa din ir-Rakkomandazzjoni f'konformità mal-Artikolu 94(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jekk ikun meħtieġ minn laboratorji ta' referenza nazzjonali.

Jekk ma jkunx prattiku li tiġi ddeterminata l-migrazzjoni bl-użu ta' ikel jew simulant tal-ikel, jenħtieġ li l-prevalenza tiġi ddeterminata fil-materjal u l-kalkolu jew l-immudellar jenħtieġ li jintużaw biex tiġi stmata l-migrazzjoni massima fl-ikel.

Sustanzi li jeħtieġ jiġu ttestjati

Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel li minnhom jeħtieġu jittieħdu l-kampjuni

Ammini aromatiċi primarji (PAA)

Oġġetti ta' fuq il-mejda u tal-kċina tal-plastik u materjali stampati li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż il-karta u l-kartun

Formaldeid u Melammina

Oġġetti ta' fuq il-mejda u tal-kċina tal-plastik, inkluż oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda mhux konvenzjonali tal-plastik, bħal tazzi tal-kafè li jistgħu jerġgħu jintużaw li fihom addittivi fil-plastik derivati minn sorsi naturali bħall-bambù

Fenol

Oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda tal-plasik; materjali mogħtija l-verniċ jew miksija u; materjali tal-imballaġġ stampati magħmula mill-plastik, il-karta, u l-kartun

Bisfenoli inkluż il-BPA u l-BPS

Plastik polikarbonat (BPA) u plastik polietersulfon (BPS); imballaġġ tal-metall miksi (eż. bottijiet, għotjien)

Plastifikanti tal-ftalati u mhux tal-ftalati

Materjali u oġġetti tal-plastik, b'mod partikolari dawk immanifatturati bl-użu tal-polivinilklorur (PVC) bħal folji ffurmati bis-sħana, imballaġġ flessibbli u tubi; għotjien

Komposti fluworinati

Materjali u oġġetti magħmula mill-karta u l-kartun, linkluż dawk li jintużaw għat-tgeżwir tal-fast-food, takeaway jew prodotti tal-ħobż, kif ukoll boroż tal-popcorn tal-microwave

Metalli

Oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda taċ-ċeramika, tal-enamel, tal-ħġieġ u tal-metall, inkluż materjali u oġġetti prodotti b'mod artiġjanali u tradizzjonali

Migrazzjoni ġenerali

Oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda mhux konvenzjonali, bħal tazzi tal-kafè li jistgħu jerġgħu jintużaw li fihom addittivi fil-plastik derivati minn sorsi naturali bħall-bambù

3.   Numru ta' kampjuni

It-tabella ta' hawn taħt tagħti n-numru totali ta' kampjuni indikattiv rakkomandat li jiġi ttestjat f'kull Stat Membru, għal dawk l-Istati Membri li qed jipparteċipaw, għall-iskop ta' dan il-pjan koordinat ta' kontroll.

Stat Membru

Numru minimu totali rakkomandat tal-kampjuni

Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit

100

Ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija

75

Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja

50

Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja

25

4.   Perjodu ta' żmien għall-kontrolli

Il-kontrolli jenħtieġ li jsiru bejn l-1 ta' Ġunju 2019 u l-31 ta' Diċembru 2019.

5.   Rappurtar

Ir-riżultati jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni bl-użu ta' format komuni sad-29 ta' Frar 2020.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95 7.4.2017, p. 1).