13.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2136

tal-5 ta’ Diċembru 2019

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (1) l-Unjoni saret Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (2) (“l-ISA”) u membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“l-ISO”).

(2)

L-Unjoni ilha mill-1995 tapprova l-estensjoni tal-ISA għal perjodi ta’ sentejn. Fid-19 ta’ Lulju 2019, waqt il-55 Sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“l-ISC”), il-Kummissjoni, wara awtorizzazzjoni mill-Kunsill, esprimiet il-pożizzjoni tagħha favur estensjoni ulterjuri tal-ISA għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn, li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)

Fid-19 ta’ Lulju 2019, l-ISC ħadet id-deċiżjoni li testendi l-ISA b’sentejn, sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 8 tal-ISA, l- ISC iwettaq jew iħejji għat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet kollha li jkunu meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-ISA. Skont l-Artikolu 13 tal-ISA, id-deċiżjonijiet kollha tal-ISC fil-prinċipju jittieħdu b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet isiru permezz ta’ vot ta’ maġġoranza sempliċi, sakemm l-ISA ma jipprevedix vot speċjali.

(5)

Skont l-Artikolu 25 tal-ISA, il-membri tal-ISO b’kollox għandhom 2000 vot. Kull membru tal-ISO għandu għadd speċifiku ta’ voti li kull sena jiġi aġġustat skont il-kriterji stipulati fl-ISA.

(6)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tipparteċipa fi ftehim internazzjonali dwar iz-zokkor, meta titqies l-importanza ta’ dak is-settur għal għadd ta’ Stati Membri u għall-ekonomija tas-settur taz-zokkor Ewropew.

(7)

Madankollu, il-qafas istituzzjonali tal-ISA, u speċjalment id-distribuzzjoni tal-voti fost il-membri tal-ISO li tiddetermina wkoll il-kontribuzzjoni finanzjara tal-membri lill-ISO, ma għadux jirrifletti r-realtajiet tas-suq dinji taz-zokkor.

(8)

Skont ir-regoli tal-ISA dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ISO, is-sehem tal-Unjoni tal-kontibuzzjoni finanzjarja baqa’ l-istess mill-1992 ’il hawn, għalkemm is-suq dinji taz-zokkor, u b’mod partikolari l-pożizzjoni relattiva tal-Unjoni fih, inbidlu b’mod sostanzjali minn dak iż-żmien ’il hawn. Bħala riżultat, f’dawn l-aħħar snin l-Unjoni assumiet sehem sproporzjonatament kbir tal-ispejjeż baġitarji u tar-responsabbiltà fl-ISO.

(9)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 (3), il-Kummissjoni kienet awtorizzata mill-Kunsill biex tiftaħ negozjati mal-partijiet l-oħra għall-ISA fi ħdan l-ISC bil-għan li tiġi mmodernizzata l-ISA, b’mod partikolari fir-rigward tad-diskrepanzi bejn l-għadd ta’ voti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tal-ISO, minn naħa waħda, u l-pożizzjoni relattiva tagħhom fis-suq dinji taz-zokkor, min-naħa l-oħra. Dik l-awtorizzazzjoni tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(10)

Abbażi tal-awtorizzazzjoni li ngħatat bid-Deċiżjoni (UE) 2017/2242, il-Kummissjoni fetħet negozjati ma’ pajjiżi membri tal-ISO u ppreżentat proposti konkreti għall-emendar tal-Artikolu 25 tal-ISA. Fid-19 ta’ Lulju 2019, l-ISC ħa d-deċiżjoni li jiftaħ negozjati għal reviżjoni parzjali tal-ISA qabel il-laqgħa tiegħu f’Novembru 2019, taħt il-gwida tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD). Wara talbiet mingħand diversi pajjiżi membri tal-ISO, l-ISC iddeċida li, minbarra l-emendar tal-Artikolu 25 tal-ISA, jirrevedi partijiet oħra tal-ISA, jiġifieri dawk li jkopru l-objettivi u l-programm ta’ ħidma tal-ISO. F’konformità mad-deċiżjoni tal-ISC, in-negozjati jridu jiġu konklużi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021.

(11)

Għalhekk, hija meħtieġa awtorizzazzjoni ġdida mill-Kunsill biex tkopri l-ambitu u l-perjodu estiż ta’ żmien tan-negozjati.

(12)

Kwalunkwe emenda miftiehma fin-negozjati jenħtieġ li tiġi adottata f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-ISA. Skont dak l-Artikolu, l-ISC jista’, permezz ta’ vot speċjali, jirrakkomanda lill-membri tal-ISO emenda tal-ISA. Bħala membru tal-ISC, f’konformità mal-Artikolu 7 tal-ISA, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tipparteċipa fin-negozjati bil-għan li jiġi emendat il-qafas istituzzjonali tal-ISA.

(13)

Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tiftaħ negozjati fi ħdan l-ISC biex jiġi emendat l-ISA, li jiġu stabbiliti direttivi tan-negozjar, u li l-kumitat speċjali li nħatar bid-Deċiżjoni (UE) 2017/2242 ikompli jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni meta jkunu qed jitmexxew in-negozjati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi tan-negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).

(2)  Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 16).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 tat-30 ta’ Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 29).