2.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/35


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1998

tat-28 ta’ Novembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali għas-salamandri fir-rigward tal-fungus Batrachochytrium salamandrivorans

(notifikata bid-dokument C(2019) 8551)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(7) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/320 (3) stabbiliet ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fil-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri u l-introduzzjoni ta’ dawn l-annimali fl-Unjoni rigward il-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (Bsal). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 hi applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(2)

Diversi Stati Membri u partijiet ikkonċernati infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza limitata tagħhom bl-implimentazzjoni prattika tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 u li s’issa, l-awtoritajiet kompetenti żammew fil-kwarantina u ċċertifikaw biss ftit kunsinni ta’ salamandri.

(3)

Barra minn hekk, diversi sejbiet xjentifiċi u epidemjoloġiċi reċenti saħħew l-għarfien attwali dwar għadd ta’ aspetti li jappartjenu għall-Bsal, kif ukoll li jikkonfermaw li l-Bsal huwa endemiku f’diversi pajjiżi Asjatiċi u li tfaċċa fi Spanja.

(4)

Madankollu, għad hemm diskrepanzi sinifikanti fl-għarfien dwar in-natura u d-dijanjożi tiegħu. B’mod partikolari, dawn l-avvanzi għadhom ma wasslux għal demarkazzjoni ġeografika aktar ċara tal-preżenza tiegħu fil-maġġoranza tal-pajjiżi u lanqas għat-titjib tal-metodi għad-dijanjożi tiegħu u lanqas għall-miżuri potenzjali li jridu jiġu applikati biex jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tiegħu permezz ta’ kunsinni nnegozjati.

(5)

Għaldaqstant, il-miżuri dettaljati għall-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 jenħtieġ li jibqgħu l-istess.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jikkonsolida l-qafas legali għal politika komuni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali permezz ta’ qafas regolatorju għas-saħħa tal-annimali li jkun uniku, ssimplifikat u flessibbli. B’mod partikolari, jipprevedi miżuri ta’ salvagwardja f’każ ta’ mard tal-annimali. Dak ir-Regolament se jibda japplika mill-21 ta’ April 2021.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 tiġi estiża sad-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/320 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ April 2021.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(2)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/320 tat-28 ta’ Frar 2018 dwar ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fil-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri u l-introduzzjoni ta’ dawn l-annimali fl-Unjoni rigward il-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (ĠU L 62, 5.3.2018, p. 18).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).