29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/110 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1993
tat-28 ta’ Novembru 2019
dwar ir-rikonoxximent tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u għall-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi ma’ dawk il-kriterji. |
(2) |
Meta l-bijokarburanti u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jesiġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-bijokarburanti u l-bijolikwidi jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta’ dik id-Direttiva. |
(3) |
Għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għall-produzzjoni tal-prodotti tal-bijomassa fihom data preċiża, u/jew juru li l-konsenji tal-bijokarburanti jew tal-bijolikwidi jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li l-ebda materjal ma ġie mmodifikat jew imwarrab intenzjonalment sabiex il-konsenja jew parti minnha tkun tista’ taqa’ taħt l-Anness IX. Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi data miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, sa fejn dan ikun previst bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, jenħtieġ li l-Istat Membru ma jesiġix li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà. |
(4) |
It-talba ta’ rikonoxximent li t-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” turi li l-konsenji tal-bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tressqet lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Ġunju 2019. L-iskema li hija bbażata fil-Confederation House, East of England Showground, Peterborough, PE2 6XE, fir-Renju Unit tista’ tkopri għelejjel imħallta, bħal ċereali, żrieragħ żejtnija u pitravi taz-zokkor. Din l-iskema tkopri l-istadji tal-kummerċ, tat-trasport u tal-ħżin tal-materja prima agrikola mill-għatba tal-azjenda s’għand l-ewwel proċessur, u tiddependi fuq skemi volontarji oħrajn rikonoxxuti mill-Kummissjoni għall-istadji l-oħra. B’hekk, hija fir-responsabbiltà tat-"Trade Assurance Scheme for Combinable Crops" li tiżgura li r-rikonoxximent maħruġ mill-Kummissjoni dwar dawk l-iskemi li bihom topera b’mod konġunt jibqa’ validu matul il-perjodu kollu tal-kooperazzjoni. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema se tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE. |
(5) |
Waqt il-valutazzjoni tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops”, il-Kummissjoni sabet li din tkopri b’mod adegwat il-kriterji kollha tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, għajr għall-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE. Madanakollu, l-istess valutazzjoni tagħti data preċiża dwar elementi li l-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel fil-katina tal-kustodja jeħtieġu biex juru li huma konformi mal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, filwaqt li tuża metodu ta’ bilanċ tal-massa li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE. |
(6) |
Il-valutazzjoni tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” sabet li din tilħaq standards adegwati ta’ affidabbiltà, ta’ trasparenza u ta’ awditjar indipendenti, kif ukoll li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE. |
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” (“l-iskema”), li fl-14 ta’ Ġunju 2019 ġiet ppreżentata lill-Kummissjoni għal rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.
L-iskema għandha wkoll data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u b’hekk tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja jingħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel f’din il-katina.
Artikolu 2
F’każ li l-kontenut tal-iskema, kif imressqa fl-14 ta’ Ġunju 2019 quddiem il-Kummissjoni għar-rikonoxximent, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, it-tali bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni tista’ tħassar din id-Deċiżjoni inter alia fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) |
jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur gravi u strutturali ta’ dawk l-elementi; |
(b) |
jekk l-iskema ma tippreżentax rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE; |
(c) |
jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards tal-awditjar indipendenti speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew it-titjib ta’ elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għall-issoktar tar-rikonoxximent. |
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2021.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER