24.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 270/94 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1766
tat-23 ta’ Ottubru 2019
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 fir-rigward tal-istandard armonizzat EN ISO 19085-3:2017 għal makkinarju għall-ibborjar u makkinarju għall-irrawtjar, b’kontroll numeriku komputerizzat
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/42/KE, il-makkinarju manifatturat f’konformità ma’ standard armonizzat, li r-referenzi għalih ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza koperti minn tali standard armonizzat. |
(2) |
Permezz tal-ittra M/396 tad-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN u lis-CENELEC għall-abbozzar, ir-reviżjoni u t-tlestija tal-ħidma fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE biex jitqiesu l-modifiki introdotti minn dik id-Direttiva meta mqabbel mad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(3) |
Abbażi tat-talba M/396 tad-19 ta’ Diċembru 2006, is-CEN abbozza l-istandard armonizzat il-ġdid EN ISO 19085-3:2017. |
(4) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-EN ISO 19085-3:2017 li ġie abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba M/396 tad-19 ta’ Diċembru 2006. |
(5) |
F’Diċembru 2017, il-Ġermanja ressqet oġġezzjoni formali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward tal-istandard EN ISO 19085-3:2017 “Woodworking machines — Safety requirements — Part 3: Numerically controlled (NC) boring and routing machines”. |
(6) |
L-oġġezzjoni formali mressqa mill-Ġermanja hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-punt 6.6.2.2.3.1 tal-istandard EN ISO 19085-3:2017, li jittratta l-prevenzjoni tal-aċċess għal għodod u partijiet oħra tal-makkinarju, mar-rekwiżiti essenzjali dwar is-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punt 1.4.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE. |
(7) |
Wara li eżaminat l-istandard EN ISO 19085-3:2017 flimkien mar-rappreżentanti tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/42/KE u mar-rappreżentanti tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard ma jissodisfax wieħed mir-rekwiżiti essenzjali dwar is-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fil-punt 1.4.1. tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, jiġifieri r-rekwiżit li jistipula li ma għandux ikun faċli li l-ilqugħ u l-mezzi ta’ protezzjoni jinqabżu jew jiġu magħmula mhux operabbli. B’mod partikolari, l-istandard jinkludi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-aċċess għall-partijiet li jiċċaqilqu tal-makkinarju minn ġoż-żona bejn il-qafas tal-magna u ċ-ċnut laterali tal-makkinarju, iżda ma jindirizzax id-disinn jew il-protezzjoni tal-qafas tal-magna nnifsu, li f’ċerti każijiet jista’ jkun baxx biżżejjed biex jinqabeż. Għalhekk, l-istandard EN ISO 19085-3:2017 għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’restrizzjoni. |
(8) |
Ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE huma ppubblikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/436 (4). Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi kollha tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE ikunu elenkati fl-istess att, ir-referenza tal-istandard EN ISO 19085-3:2017 għandha tiġi inkluża f’Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.
(2) Id-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, 23.7.1998, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/436 tat-18 ta’ Marzu 2019 dwar l-istandards armonizzati għall-makkinarju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 75, 19.3.2019, p. 108).
ANNESS
Fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/436, tiżdied ir-ringiela li ġejja:
“3. |
EN ISO 19085-3:2017 Woodworking machines - Safety requirements – Part 3: Numerically controlled (NC) boring and routing machines Avviż: Fir-rigward tal-punt 6.6.2.2.3.1 tiegħu, l-istandard armonizzat EN ISO 19085-3:2017 ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali dwar is-saħħa u s-sikurezza stabbilit fil-punt 1.4.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jistipula li ma għandux ikun faċli li l-ilqugħ u l-mezzi ta’ protezzjoni jinqabżu jew jiġu magħmula mhux operabbli. |
C” |