27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/74


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1596

tas-26 ta' Settembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela.

(2)

Fis-16 ta' Lulju 2019, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li ddikjarat li l-kriżi politika u l-kollass ekonomiku fil-Venezwela kompla jkollhom impatt qawwi fuq il-popolazzjoni kif muri mill-erba' miljun persuna li ħarbu mill-Venezwela u li l-kriżi baqgħet ukoll sors kbir ta' instabbiltà għar-reġjun.

(3)

Id-Dikjarazzjoni ssottolinjat li r-rapport ippubblikat reċentement tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (HCHR tan-NU) (“ir-rapport”) ikkonferma, b'mod ċar u dettaljat, il-grad u s-severità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-erożjoni tal-istat tad-dritt u ż-żarmar tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Venezwela. Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni semmiet il-mewta traġika tal-Kaptan Acosta Arévalo waqt li kien fil-kustodja tal-forzi tas-sigurtà tal-Venezwela bħala eżempju perfett tad-deterjorazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

(4)

L-Unjoni appoġġat bil-qawwa s-sejbiet tar-rapport u appellat lir-reġim għal waqfien immedjat tal-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenja ruħu f'kooperazzjoni sħiħa mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport. L-Unjoni indikat ukoll li hija lesta li tibda l-ħidma lejn l-applikazzjoni ta' miżuri mmirati għal dawk il-membri tal-forzi tas-sigurtà involuti fit-tortura u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni gravi kontinwa fil-Venezwela, kif ġie rrappurtat ukoll mill-HCHR tan-NU, u tar-responsabbiltà għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, imwettaq minn partijiet tal-forzi tas-sigurtà u tal-intelligence Venezweljani f'appoġġ għar-reġim, seba' persuni jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. HARAKKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60).


ANNESS

Il-persuni li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġuni

Data tal-elenkar

“19.

Nestor Blanco Hurtado

Data tat-twelid: 26 ta' Settembru 1982

Numru tal-ID: V-15222057

Sess: raġel

Maġġur fil-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana (GNB), ħadem flimkien ma' uffiċjali fid-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas minn Diċembru 2017 'l hawn. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM.

27.9.2019

20.

Rafael Ramon Blanco Marrero

Data tat-twelid: 28 ta' Frar 1968

Numru tal-ID: V-6250588

Sess: raġel

Viċi Direttur tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas minn Diċembru 2018 'l hawn u Ġeneral ta' Diviżjoni tal-Armata Nazzjonali Venewelana Bolivarjana mill-5 ta' Lulju 2019 'l hawn. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM li twettqu minn uffiċjali tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Relatat mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

21.

Carlos Calderon

Sess: raġel

Uffiċjal għoli (imsejjaħ Kummissarju, Direttur u Direttur Ġenerali) fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tas-SEBIN. B'mod partikolari, huwa pparteċipa u huwa responsabbli għal atti ta' tortura u trattament krudili, inuman u degradanti ta' detenuti f'El Helicoide, ħabs tas-SEBIN.

27.9.2019

22.

Alexis Enrique Escalona Marrero

Data tat-twelid: 12 ta' Ottubru 1962

Sess: raġel

Kap responsabbli għall-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Finanzjament ta' Terroristi (ONDOFT). Kmandant Nazzjonali tal-Komando Nazzjonali ta' Kontra l-Estorsjoni u s-Sekwestru (Comando Nacional Antiextorsión y Secuestro (CONAS) bejn l-2014 u l-2017. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament ta' detenuti minn membri tal-CONAS taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili minn membri tal-CONAS taħt il-kmand tiegħu.

27.9.2019

23.

Rafael Antonio Franco Quintero

Data tat-twelid: 14 ta' Ottubru 1973

Numru tal-ID: V-11311672

Sess: raġel

Uffiċjal fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali Bolivarjan (SEBIN). Kap tal-Investigazzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas bejn l-2017 u Diċembru 2018. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu. Relatat mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

24.

Alexander Enrique Granko Arteaga

Data tat-twelid: 25 ta' Marzu 1981

Numru tal-ID: V-14970215

Sess: raġel

Kap (Direttur) tad-Diviżjoni tal-Affarijiet Speċjali (DAE) tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza li kkaġuna mewt u dannu, u maltrattament ta' detenuti fil-faċilitajiet tad-DGCIM li twettqu minnu stess u minn uffiċjali taħt il-kmand tiegħu. Responsabbli wkoll għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili minn membri tad-DGCIM taħt il-kmand tiegħu, u kien ukoll involut direttament f'din ir-repressjoni. Relatat mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019

25.

Hannover Esteban Guerrero Mijares

Data tat-twelid: 14 ta' Jannar 1971

Sess: raġel

Kap tal-Investigazzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kontrospjunaġġ Militari (Dirección General de Contrainteligencia Militar (DGCIM)) tal-inqas bejn April 2019 u Awwissu 2019. Bħala Kap tal-Investigazzjonijiet huwa ssorvelja l-faċilità tad-DGCIM f'Boleita. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, użu eċċessiv tal-forza u maltrattament ta' detenuti mwettqa minnu u minn membri taħt il-kmand tiegħu, b'mod partikolari f'Boleita. Relatat mal-mewt tal-Kaptan Acosta.

27.9.2019”.