27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/67


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1592

tal-24 ta' Settembru 2019

li tawtorizza lill-Portugall biex japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta' Lulju 2018, il-Portugall talab awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE għall-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom jekk il-persuna li lilha tiġi fornuta dik il-merkanzija tkun persuna taxxabbli li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-istabbiliment fiss jew ir-residenza abitwali tagħha fil-Portugall u jekk din tkun twettaq tranżazzjonijiet li għalihom hija intitolata li tnaqqas, b'mod totali jew parzjali, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq ix-xiri. Permezz ta' ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fis-27 ta' Novembru 2018 u fid-19 ta' Marzu 2019, il-Portugall ippreżenta aktar informazzjoni lill-Kummissjoni.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta' ittri bid-data tas-27 ta' Marzu 2019, bit-talba tal-Portugall. Permezz ta' ittra bid-data tat-28 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Portugall li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

Skont il-Portugall, il-livelli ta' frodi u ta' evażjoni tat-taxxa fis-settur tal-forestrija fil-Portugall huma għolja ħafna. Dan huwa dovut għall-fatt li dak is-settur huwa ddominat minn għadd kbir ta' produtturi żgħar u minn bosta ħassada li jbigħu l-materja prima lil kumpaniji tal-ipproċessar mingħajr ma jiddikjaraw u jħallsu l-VAT għal dak il-bejgħ. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti wasslet għal frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Portugiżi qed isibu diffikultà biex jindirizzawha minkejja t-tisħiħ tal-kontrolli u minkejja l-miżuri li ttieħdu diġà. Sabiex jiġġieled tali evażjoni tat-taxxa, il-Portugall għandu l-intenzjoni li jintroduċi l-mekkaniżmu ta' reverse charge għall-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom. Dan jittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT fuq għadd żgħir ta' kumpaniji tal-ipproċessar li huma identifikabbli faċilment. Il-Portugall jikkunsidra li dan jelimina dan it-tip ta' frodi tal-VAT u jevita t-telf li jirriżulta fid-dħul mill-VAT.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Portugall ikun awtorizzat jintroduċi miżura speċjali għal perjodu limitat ta' żmien sal-31 ta' Diċembru 2022.

(5)

B'mod ġenerali, id-derogi jiġu awtorizzati għal perjodu ta' żmien limitat biex ikun jista' jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Id-derogi jagħtu żmien lill-Istati Membri sal-iskadenza tal-miżura speċjali biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra sabiex jindirizzaw il-problema speċifika, u b'hekk ma tkunx neċessarja estensjoni tad-deroga. Derogi li jippermettu l-użu tal-mekkaniżmu ta' reverse charge jingħataw biss f'każijiet eċċezzjonali għal oqsma speċifiċi fejn isir abbuż u jintużaw biss bħala l-aħħar alternattiva. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Portugall jimplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex jiġġieled u jipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-settur tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli u tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom sal-iskadenza ta' din il-miżura speċjali u konsegwentement ma jibqagħlux bżonn ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta' tali provvisti.

(6)

Il-miżura speċjali mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Portugall huwa awtorizzat li jiddiżenja l-persuna taxxabli li tirċievi l-provvisti tas-sufra, tal-injam, tal-imżiewed tal-prinjoli jew tal-qlub tal-ġewż tal-arżnu fil-qxur tagħhom bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT jekk din tkun persuna taxxabbli li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-istabbiliment fiss jew ir-residenza abitwali tagħha fil-Portugall u jekk din tkun twettaq tranżazzjonijiet li għalihom hija intitolata li tnaqqas, b'mod totali jew parzjali, il-VAT fuq ix-xiri.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2020 u għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2022.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KULMUNI


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.