2.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/94


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1310

tal-31 ta' Lulju 2019

li tistabbilixxi r-regoli dwar l-operat tar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili u r-rescEU

(notifikata bid-dokument C(2019) 5614)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(1)(g) tagħha,

Billi:

(1)

Filwaqt li jirrispetta r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jippromwovi s-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), rispettivament.

(2)

Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Mekkaniżmu tal-Unjoni ġie msaħħaħ biż-żieda tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili u bit-twaqqif ta' rescEU.

(3)

F'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 21(2) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, kapaċitajiet ta' reazzjoni li jibbenefikaw mill-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-kostijiet ta' adattament għandhom ikunu disponibbli bħala parti mir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għal perjodu minimu marbut mal-finanzjament riċevut u li jvarja bejn 3 u 10 snin mid-data effettiva tad-disponibbiltà tagħhom. Jenħtieġ li l-perjodi eżatti ta' impenn jiġu speċifikati bil-għan li tiġi ggarantita ċ-ċertezza tad-dritt.

(4)

Jenħtieġ li rescEU tipprovdi assistenza f'sitwazzjonijiet qawwija fejn il-kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali u dawk impenjati mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili ma jkunux biżżejjed sabiex jirrispondu b'mod effettiv għal diżastri. Jenħtieġ li jiġu adottati regoli għall-istabbiliment, il-ġestjoni u ż-żamma tal-kapaċitajiet tar-rescEU sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-rescEU.

(5)

Il-kapaċitajiet tar-rescEU jkunu disponibbli għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Wara talba għal assistenza permezz taċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza (Emergency Response Coordination Centre, ERCC), il-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru rikjedenti u l-Istat Membru li jippossjedi jew jikri l-kapaċità rescEU, għandha tiddeċiedi dwar l-iskjerament ta' dik il-kapaċità. Il-kriterji għal deċiżjonijiet ta' skjerament kif ukoll għal proċeduri operattivi rilevanti sabiex jiġi żgurat proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet effettiv u trasparenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll kriterji għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-iskjerament f'każ ta' talbiet konfliġġenti għall-użu tal-kapaċitajiet tar-rescEU.

(6)

Il-kapaċitajiet tar-rescEU jistgħu jintużaw għal finijiet nazzjonali meta ma jkunux użati jew meħtieġa għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Sabiex ikun garantit li l-kapaċitajiet ta' rescEU jkunu fuq riżerva u lesti għall-iskjerament taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni fil-perjodu ta' żmien stabbilit mir-rekwiżiti ta' kwalità għal kull tip ta' kapaċità rescEU, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli xierqa għall-użu nazzjonali tagħhom.

(7)

Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU jintużaw għal skopijiet nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li s-sistema ta' notifika fil-każ ta' użu nazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU tkun sempliċi u effettiva.

(8)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari għad-demobilizzazzjoni u n-nuqqas ta' diżimpenn tal-kapaċitajiet tar-rescEU sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza operazzjonali.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 12(10) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jiskjeraw persunal li jopera kapaċitajiet ta' rescEU barra mill-Unjoni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw dawk il-każijiet speċifiċi.

(10)

Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 (3), il-kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru ġew definiti bħala kapaċitajiet tar-rescEU. Sabiex tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet bħal dawn skont l-Artikolu 21(3) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jenħtieġ li jiġu definiti il-kostijiet totali stmati tagħhom. Jenħtieġ li l-kostijiet totali stmati jiġu kkalkulati billi jitqiesu l-kategoriji tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti fl-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

(11)

Sabiex jitnaqqsu l-ħinijiet ta' skjerament u titjieb iċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li jiġu ċċarati t-termini u l-kundizzjonijiet relatati mal-ospitar u l-operat tal-kapaċitajiet tar-rescEU. Jenħtieġ li kundizzjonijiet bħal dawn ikunu l-bażi tal-kuntratti operazzjonali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(12)

Sabiex tiġi żgurata prominenza għall-Unjoni u meta jiġu skjerati l-kapaċitajiet tar-rescEU u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi meta jiġi implimentat l-Artikolu 20a tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar arranġamenti ta' viżibilità xierqa.

(13)

Jenħtieġ li l-kapaċitajiet tar-rescEU jiġu rreġistrati, iċċertifikati u miżmuma b'mod adegwat mill-Istati Membri skont ir-regolamenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti. Jenħtieġ li jitlesta wkoll il-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

(14)

Bid-dħul fis-seħħ fid-21 ta' Marzu 2019 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/420, l-Unjoni minn issa 'l quddiem tista' tipprovdi assistenza finanzjarja għall-kostijiet operattivi. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri għall-Istati Membri biex jitolbu din l-assistenza.

(15)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistipula regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, fir-rigward ta':

(a)

l-impenn ta' kapaċitajiet għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili li jirċievu finanzjament għal kostijiet ta' adattament;

(b)

kriterji għal deċiżjonijiet ta' skjerament ta' kapaċitajiet tar-rescEU, inkluż f'każ ta' rikjesti konfliġġenti;

(c)

kriterji għal deċiżjonijiet ta' demobilizzazzjoni u diżimpenn;

(d)

użu nazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU;

(e)

rifjut li jintuża persunal barra mill-Unjoni

(f)

il-kontenut ġenerali tal-kuntratti operazzjonali;

(g)

rekwiżiti tal-viżibilità għall-użu tal-kapaċitajiet tar-rescEU;

(h)

iċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-kapaċitajiet tar-rescEU;

(i)

il-kostijiet totali stmati ta' kapaċitajiet ta' rescEU kontra t-tifi tan-nar fil-foresti; kif ukoll

(j)

arranġamenti biex tintalab assistenza finanzjarja għal kostijiet operattivi.

Artikolu 2

Impenn ta' kapaċitajiet għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili li jirċievu finanzjament għal kostijiet ta' adattament;

1.   L-Istati Membri li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għall-kostijiet ta' adattament tal-kapaċitajiet skont il-punt (c) tal-Artikolu 21(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandhom jimpenjaw il-kapaċitajiet imsemmija fir-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili għal perjodi minimi differenti li jkunu bbażati fuq l-ammont totali ta' finanzjament riċevut.

Il-perjodi minimi għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

(a)

perjodu minimu ta' 3 snin għal kapaċitajiet li jirċievu sa EUR 300 000 ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni;

(b)

perjodu minimu ta' 5 snin għal kapaċitajiet li jirċievu minn EUR 300 001 sa EUR 1 000 000 ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni;

(c)

perjodu minimu ta' 7 snin għal kapaċitajiet li jirċievu minn EUR 1 000 001 sa EUR 2 000 000 ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni;

(d)

perjodu minimu ta' 10 snin għal kapaċitajiet li jirċievu iktar minn EUR 2 000 000 ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni;

2.   Fejn it-tul tal-ħajja ekonomika ta' kapaċità huwa iqsar mill-perjodu minimu msemmi fil-paragrafu 1, il-perjodu minimu għandu jiġi determinat mit-tul tal-ħajja ekonomika.

3.   Il-Kummissjoni permezz tal-ERCC tista' taqbel li ttemm il-perjodu minimu msemmi fil-paragrafu 1 fir-rigward ta' kapaċità speċifika fejn dan ikun debitament ġustifikat minn Stat Membru.

Artikolu 3

Kriterji għal deċiżjonijiet ta' skjerament ta' kapaċitajiet tar-rescEU

1.   Malli jirċievi talba għall-assistenza, l-ERCC għandu jivvaluta jekk il-kapaċitajiet eżistenti offruti mill-Istati Membri permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u dawk impenjati minn qabel għar-Riżerva Ewropea ta' Protezzjoni Ċivili humiex biżżejjed biex jiżguraw rispons effettiv għal dik it-talba, Meta ma jkunx jista' jiġi żgurat rispons effettiv, il-Kummissjoni permezz tal-ERCC għandha tiddeċiedi dwar l-iskjerament tal-kapaċitajiet tar-rescEU f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(6) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

2.   Id-deċiżjoni li jintużaw il-kapaċitajiet ta' rescEU għandha tqis il-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(a)

is-sitwazzjoni operazzjonali madwar l-Istati Membri kif ukoll ir-riskji potenzjali għal diżastri;

(b)

l-adegwatezza tal-kapaċitajiet tar-rescEU biex jirreaġixxi għad-diżastru;

(c)

il-lokazzjoni ġeografika tal-kapaċitajiet tar-rescEU, inklużi l-istimi tal-ħinijiet tat-trasport fiż-żona affettwata;

(d)

kriterji rilevanti oħra, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kapaċitajiet tar-rescEU kif stipulat fil-kuntratti operazzjonali.

3.   Fil-każ ta' talbiet konfliġġenti għall-assistenza, il-kriterji addizzjonali li ġejjin għandhom jitqiesu meta tittieħed id-deċiżjoni dwar fejn għandhom jiġu skjerati l-kapaċitajiet tar-rescEU:

(a)

ir-riskji pproġettati għall-ħajja tal-bniedem;

(b)

ir-riskji pproġettati għall-infrastruttura kritika kif imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (4), irrispettivament minn jekk din tinsabx ġewwa jew barra l-Unjoni;

(c)

l-impatt ipproġettat tad-diżastri, inkluż l-impatt ambjentali;

(d)

ħtiġijiet identifikati mill-ERCC kif ukoll kwalunkwe pjanijiet ta' skjerament eżistenti;

(e)

ir-riskju potenzjali li d-diżastri jinfirxu;

(f)

l-effetti soċjo-ekonomiċi;

(g)

l-invokazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà skont l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(h)

fatturi operazzjonali rilevanti oħra.

Artikolu 4

Kriterji għal deċiżjonijiet ta' demobilizzazzjoni u diżimpenn

1.   kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu demobilizzati fil-każijiet li ġejjin:

(a)

mal-wasla ta' notifika ta' qabel l-għeluq fiċ-CECIS; jew

(b)

meta tittieħed deċiżjoni biex jinħall ir-rabta skont il-paragrafu 2.

2.   Id-deċiżjoni biex tiġi rilaxxata kapaċità tar-rescEU għandha tittieħed mill-Kummissjoni permezz tal-ERCC meta jkun hemm ħtieġa operazzjonali akbar għall-kapaċità fi bnadi oħra jew meta l-ħtiġijiet fil-post ma jibqgħux jiġġustifikaw l-użu tiegħu. Id-deċiżjoni għandha tittieħed f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru li jospita l-kapaċità rescEU u l-Istat Membru li jitlob l-assistenza kif ukoll, fejn xieraq, ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.   Għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, fost oħrajn, tikkunsidra l-kriterji elenkati fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3.

Artikolu 5

Użu nazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU

1.   L-Istati Membri li jużaw il-kapaċitajiet tar-rescEU għal skopijiet nazzjonali għandhom jiżguraw:

(a)

id-disponibbiltà u r-rieda għall-operazzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni skont l-iskeda ta' żmien prevista fir-rekwiżiti tal-kwalità rilevanti, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mal-Kummissjoni;

(b)

it-trattament ugwali tal-kapaċitajiet tar-rescEU u kapaċitajiet nazzjonali oħra fir-rigward ta' manutenzjoni adegwata, ħżin, assigurazzjoni, persunal, u attivitajiet rilevanti oħra ta' ġestjoni u manutenzjoni;

(c)

it-tiswija rapida f'każ ta' ħsara.

2.   L-Istati Membri għandhom, permezz tal-ERCC, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-użu nazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU u jippreżentaw rapport wara l-użu tagħhom.

3.   Meta l-użu nazzjonali tal-kapaċitajiet tar-rescEU jaffettwa d-disponibbiltà kif prevista fis-subparagrafu 1(a) ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiksbu l-kunsens tal-Kummissjoni, permezz tal-ERCC, qabel l-iskjerament.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà fl-iqsar żmien possibbli, meta l-kapaċitajiet tar-rescEU inkwistjoni jkunu meħtieġa għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.

Artikolu 6

Rifjut li jintuża persunal barra mill-Unjoni

1.   Meta tittieħed deċiżjoni biex jiġu skjerati l-kapaċitajiet ta' rescEU barra mill-Unjoni skont l-Artikolu 12(10) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jużaw il-persunal tagħhom fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz li jagħmel it-talba jkunu nqatgħu;

(b)

fejn kunflitt armat, it-theddida tiegħu, jew kundizzjonijiet oħra tal-istess gravità jirriżultaw fit-tqegħid fir-riskju tas-sikurezza u s-sigurtà tal-persunal u jipprevjeni lill-Istat Membru rilevanti milli jwettaq id-dmir ta' diliġenza tiegħu.

2.   L-Istat Membru li jirrifjuta l-iskjerament tal-persunal tiegħu għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u jipprovdiha b'ġustifikazzjoni motivata.

Artikolu 7

Il-kontenut ġenerali tal-kuntratti operazzjonali

Il-kuntratti operazzjonali msemmija fl-Artikolu 12(5) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom, fost l-oħrajn:

(a)

jispeċifikaw in-natura tal-entità li tospita l-kapaċità tar-rescEU;

(b)

jispeċifikaw il-postijiet fejn jinsabu l-kapaċitajiet ospitati tar-rescEU;

(c)

jipprovdu informazzjoni dwar il-loġistika u l-assigurazzjoni;

(d)

jiddeskrivi l-proċess nazzjonali tat-teħid ta' deċiżjonijiet biex jiżgura d-disponibbiltà u l-prontezza tal-kapaċitajiet tar-rescEU għal operazzjonijiet taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni fiż-żmien stipulat fir-rekwiżiti ta' kwalità rilevanti;

(e)

ikun fiha informazzjoni aġġornata dwar il-persunal, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-kuntratti tal-assigurazzjoni u t-taħriġ tagħhom kif ukoll deskrizzjoni tal-miżuri li ttieħdu biex jiġi ggarantit l-iskjerament internazzjonali tagħhom;

(f)

jinkludi pjan ta' ħidma ta' manutenzjoni;

(g)

jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi ta' rappurtar;

(h)

jistipulaw ir-rekwiżiti tal-viżibilità għall-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 20a tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.

Artikolu 8

Arranġamenti tal-viżibilità għall-użu tal-kapaċitajiet tar-rescEU

Fejn il-kapaċitajiet tar-rescEU jintużaw għal operazzjonijiet ta' reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, għandha tiġi pprovduta viżibbiltà xierqa lill-Unjoni skont l-Artikolu 20a tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE mill-Istat Membru li jospita l-kapaċità rescEU u l-Istat Membru li jitlob l-għajnuna.

Artikolu 9

Responsabbiltà u kumpens għall-ħsara

L-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jressqu kwalunkwe pretensjoni kontra l-Kummissjoni għal danni li jirriżultaw minn interventi ta' assistenza pprovduti taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni jew għal konsegwenzi li jirriżultaw minn nuqqas ta' skjerament, id-demobilizzazzjoni jew diżimpenn tal-kapaċitajiet tar-rescEU previsti taħt il-Mekkaniżmu, u din id-Deċiżjoni, sakemm ma jiġix ippruvat li huma r-riżultat ta' frodi jew ta' kondotta ħażina serja.

Artikolu 10

Regoli ta' ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw iċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-kapaċitajiet tar-rescEU f'konformità mar-regolamenti nazzjonali u internazzjonali applikabbli.

2.   Fejn kapaċitajiet tar-rescEU huma b'diversi skopijiet, iċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għandhom jimtlew kif xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jiċċertifikaw il-kapaċitajiet ta' rescEU li jinsabu fil-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli u f'konformità mal-Artikolu 11(4) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE u l-Kapitolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (5). Il-kapaċitajiet ta' rescEU li jinsabu fil-proċess tat-tlestija tal-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-Unjoni jistgħu jintużaw skont l-Artikolu 3.

Artikolu 11

Il-kostijiet stmati totali tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti ta' rescEU

1.   Il-kategoriji tal-kostijiet imsemmija fil-punti 1 sa 6 u l-punt 8 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat il-kost stmat totali tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti ta' rescEU.

2.   Il-kostijiet tal-kategorija tal-kost tat-tagħmir imsemmija fil-punt 1 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għal kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru li jużaw ajruplani għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-prezzijiet tas-suq applikabbli meta l-kapaċitajiet jiġu akkwistati jew mikrija skont l-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Meta l-Istati Membri jiksbu jew jikru kapaċitajiet tar-rescEU, huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni evidenza dokumentata tal-prezzijiet tas-suq applikabbli attwali.

Il-kostijiet tal-kategorija tal-kost tat-tagħmir imsemmija fil-punt 1 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għal kapaċitajiet ta' tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru li jużaw ħelikopters għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-prezzijiet tas-suq applikabbli meta l-kapaċitajiet jiġu akkwistati jew mikrija skont l-Artikolu 12(3) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Meta l-Istati Membri jiksbu jew jikru kapaċitajiet tar-rescEU, huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni evidenza dokumentata tal-prezzijiet tas-suq applikabbli attwali.

3.   Il-kategoriji tal-kostijiet imsemmija fil-punti 2 sa 6 u l-punt 8 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għall-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti ta' bl-ajruplani għandhom jiġu kkalkulata mill-inqas darba matul il-perjodu ta' kull qafas finanzjarju pluriennali li jibda mill-perjodu 2014-2020, filwaqt li titqies l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, inklużi l-inflazzjoni u l-kalkoli tal-kost imwettqa għall-finijiet tal-finanzjament tal-kapaċitajiet nazzjonali skont l-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Dan il-kost għandu jintuża mill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna finanzjarja annwali.

Il-kategoriji tal-kostijiet imsemmija fil-punti 2 sa 6 u l-punt 8 tal-Anness IA tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għall-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar fil-foresti ta' bil-ħelikopters għandhom jiġu kkalkulata mill-inqas darba matul il-perjodu ta' kull qafas finanzjarju pluriennali li jibda mill-perjodu 2014-2020, filwaqt li titqies l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, inklużi l-inflazzjoni u l-kalkoli tal-kost imwettqa għall-finijiet tal-finanzjament tal-kapaċitajiet nazzjonali skont l-Artikolu 35 tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. Dan il-kost għandu jintuża mill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna finanzjarja annwali.

Artikolu 12

Kostijiet operattivi eliġibbli

1.   Il-kostijiet operattivi msemmija fl-Artikolu 23(2), 23(4b) u 23(4c) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom jinkludu l-kostijiet kollha biex titmexxa kapaċità matul operazzjoni li huma meħtieġa biex issir effettiva mil-lat operattiv. Tali kostijiet jistgħu jinkludu, kif xieraq, kostijiet relatati ma' persunal, trasport internazzjonali u lokali, loġistika, oġġetti tal-konsum u provvisti, manutenzjoni, kif ukoll kostijiet oħra meħtieġa biex jiżguraw l-użu effettiv ta' kapaċitajiet bħal dawn.

2.   Il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament meta koperti permezz tas-Sostenn tan-Nazzjon Ospitanti, skont l-Artikolu 39 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/762/UE jew skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/570, jew meta jiġu ffinanzjati permezz ta' strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

3.   Il-proċeduri biex jintalab l-appoġġ għat-trasport previsti fl-Artikolu 48, fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 49, l-Artikolu 51, l-Artikolu 53 u l-Anness VIII tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/762/UE għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-talbiet għal assistenza finanzjarja għall-kostijiet operattivi sakemm jiġu sostitwiti kif xieraq.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Christos STYLIANIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2019/420 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2019 dwar l-emenda ta' Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 77I, 20.3.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta' April 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (ĠU L 99, 10.4.2019, p. 41).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE tas-16 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u li tħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom u 2007/606/KE, Euratom (ĠU L 320, 6.11.2014, p. 1).