30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/34


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1281

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/245/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/245/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas superviżorju legali Brażiljan għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għas-CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(4)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

F'dan id-dawl, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(6)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fis-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA kkonkludiet li l-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-għanijiet tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospett ta' gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas Brażiljan ma jirrikonoxxix b'mod espliċitu l-prospetti ta' gradazzjoni bħala oġġett separat u distint minn gradazzjoni ta' kreditu, iżda l-Kummissjoni dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju tal-Brażil (“Comissão de Valores Mobiliários”) tistenna li l-produzzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni taderixxi mal-istess rekwiżiti kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu korrispondenti.

(8)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet ggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan jirrikjedi li CRA tistabbilixxi proċeduri organizzattivi u amministrattivi adegwati u effettivi biex tipprevjeni, tidentifika, telimina, tikkoreġi u tiżvela kull kunflitt ta' interess. Madankollu, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jirrikjedix espliċitament li s-CRAs jkun risponsabbli għal kunflitti ta' interess relatati mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda projbizzjoni milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità jekk membru tal-bord tas-CRA, jew azzjonist li jkollu aktar minn 10 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot tas-CRA, ikollu aktar minn 10 % tal-ishma fl-entità gradata. Ma hemm anqas l-ebda projbizzjoni fuq individwu jew entità li jkollha aktar minn 5 % tal-ishma jew id-drittijiet tal-vot ta' CRA milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza jew ta' konsulenza lil entità gradata ta' dik is-CRA.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li l-informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jirrikjedi li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatati magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan għalhekk jipprovdi protezzjoni kontra l-użu ħażin ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I, il-paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, huwa introdott obbligu biex is-CRAs jipprovdu lil entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jirrikjedix lis-CRAs jinfurmaw lill-entità gradata qabel il-pubblikazzjoni ta' gradazzjoni tal-kreditu.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8(5a)(6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Minkejja li l-qafas legali u superviżorju Brażiljan jiddikjara li CRA għandha tiżvela lir-regolatur u lis-suq kwalunkwe bidla materjali fil-metodoloġiji tagħha, hija ma għandhiex rekwiżiti għas-CRAs biex jikkonsultaw dwar bidliet fil-metodoloġiji jew biex jikkoreġu kwalunkwe żball fil-metodoloġiji tagħhom. Filwaqt li hemm rekwiżit li jiġi kkomunikat il-kamp ta' applikazzjoni tal-entitajiet ggradati affettwati minn bidla fil-metodoloġija, ma hemm l-ebda rekwiżit li tiġi spjegata r-raġuni għal dan jew li s-superviżur jiġi nnotifikat.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont l-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja l-iżvelar ta' metodoloġiji ta' gradazzjoni, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezzi dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju Brażiljan jirrikjedi li r-rapporti ta' gradazzjoni tal-kreditu jinkludu metodoloġiji użati biex tiġi ddeterminata l-gradazzjoni tal-kreditu biex jiġi żgurat li l-partijiet esterni jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għall-gradazzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit biex jiġi indikat li gradazzjoni tal-kreditu hija l-opinjoni tal-aġenzija u li wieħed għandu jiddependi fuqha biss sa ċertu punt.

(13)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal-gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiżvelaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Minkejja li l-Comissão de Valores Mobiliários tista' titlob informazzjoni bħala parti mill-attivitajiet superviżorji tagħha, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jirrikjedix b'mod sistematiku li s-CRAs jipprovdu politiki ta' pprezzar lis-superviżuri jew lill-pubbliku. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kostijiet u nondiskriminatorji.

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju Brażiljan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għal ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/245/UE titħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/245/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/245/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Brażil bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 65).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).